Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2531(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0078/2008

Testi mressqa :

B6-0078/2008

Dibattiti :

PV 20/02/2008 - 14
CRE 20/02/2008 - 14

Votazzjonijiet :

PV 21/02/2008 - 4.8

Testi adottati :

P6_TA(2008)0067

Testi adottati
PDF 206kWORD 37k
Il-Ħamis, 21 ta' Frar 2008 - Strasburgu
Koperazzjoni xjentifika internazzjonali ma' l-Afrika
P6_TA(2008)0067B6-0078/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar l-importanza li jkunu appoġġjati miżuri għat-titjib tal-koperazzjoni xjentifika internazzjonali ma' l-Afrika

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-laqgħa għolja bejn l-UE u l-Afrika tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2007, is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika u l-Pjan ta' Azzjoni (2008-2010),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2008 dwar iz-Żona Ewropea ta' Riċerka: Prospettivi Ġodda(1),

–   wara li kkunsidra l-irwol tat-teknoloġija ta' l-enerġija fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jirrikonoxxi t-tendenza li qed tiżdied fost min ifassal il-politika fl-Afrika li tingħata prijorità lix-xjenza u t-teknoloġija (S&T) u lill-innovazzjoni għall-iżvilupp;

2.  Jirrikonoxxi l-kontribut siewi tas-Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp ta' l-Afrika (NEPAD), il-pjan ta' azzjoni kkonsolidat tagħha għall-S&T u l-programmi ta' l-S&T ta' l-Unjoni Afrikana, u jitlob implimentazzjoni aħjar u żvilupp akbar tagħhom u li jittejbu l-miżuri rilevanti;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-involviment tax-xjentisti Afrikani fix-xjenza kollaborattiva internazzjonali u fi proġetti ta' riċerka u żvilupp (R&D) sabiex iżommu u jiżviluppaw l-għarfien tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Afrika, b'mod partikulari f'oqsma speċifiċi bħall-ikel, is-saħħa u l-enerġija;

4.  Filwaqt li jfakkar ir-rilevanza speċjali mogħtija lill-mardiet injorati fi ħdan is-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni(2), għandha ssir enfasi speċjali fuq ir-riċerka dwar l-HIV/AIDS fil-pajjiżi Afrikani;

5.  Jitlob li tissaħħaħ l-infrastruttura eżistenti tar-riċerka skond l-indikazzjonijiet ta' l-Unjoni Afrikana u tal-komunità xjentifika Afrikana, inkluż l-Uffiċċju NEPAD għall-Programmi Xjentifiċi u Tekonoloġiċi, il-programmi ta' l-Unjoni Afrikana u l-proġetti ta' riċerka u żvilupp, b'mod partikulari f'oqsma speċifiċi bħall-ikel, is-saħħa u l-enerġija;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika ma' l-Afrika li tiggarantixxi malajr żvilupp komprensiv u ġenwin ta' l-għarfien u t-teknoloġiji fil-pajjiżi Afrikani stess;

7.  Jinnota li l-progress xjentifiku jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali previst fl-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp; jistieden b'mod partikulari lill-Unjoni Ewropea biex il-bidla fil-klima tkun prijorità fil-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika tagħha ma' l-Afrika, filwaqt li jintużaw qabel kollox is-sorsi enormi ta' enerġija li jiġġeddu li hemm fl-Afrika, b'referenza partikulari għall-enerġija tax-xemx;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-iskambju ta' għerf u ta' teknoloġiji bejn l-UE u l-Afrika, kif ukoll proġetti ta' riċerka u żvilupp, f'qafas koerenti ġdid għal azzjoni biex jintlaħqu għanijiet immedjati u għall-futur imbiegħed għall-iżvilupp sostenibbli, u biex fl-istess ħin jiġu żviluppati l-politika u l-miżuri meħtieġa;

9.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw konsistenza akbar bejn il-politika internazzjonali ta' l-UE għall-S&T u l-ħtiġijiet bażiċi tal-pajjiżi Afrikani, biex dan iwassal għall-iżvilupp ta' qafas globali ġdid għax-xjenza u d-diplomazija ma' l-Afrika;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2008)0029
(2) ĠU L 412, 30.12.2006, p.1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza