Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2148(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0023/2008

Testi mressqa :

A6-0023/2008

Dibattiti :

PV 21/02/2008 - 3
CRE 21/02/2008 - 3

Votazzjonijiet :

PV 21/02/2008 - 4.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0068

Testi adottati
PDF 335kWORD 91k
Il-Ħamis, 21 ta' Frar 2008 - Strasburgu
Ir-Raba" Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali
P6_TA(2008)0068A6-0023/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar ir-Raba" Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (2007/2148(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Raba" Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273) ('ir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni'),

−   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Strateġija għar-Reġjuni l-aktar imbiegħda: Suċċessi u Prospetti għall-ġejjieni" (COM(2007)0507),

−   wara li kkunsidra l-Artikoli 158, 159 u 299(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali ta' l-UE u l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli u l-Ewwel Programm ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali ta' l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-rapport min-Network ta' Osservazzjoni Ewropew dwar l-Ippjanar Territorjali (ESPON) bit-titlu l-Ġejjieni tat-Territorji - Ix-xenarji territorijali għall-Ewropa u dak tal-Parlament Ewropew id-Differenzi Reġjonali u ta' Koeżjoni: liema Strateġiji għall-Ġejjieni,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (COTER-IV-011) tat-28 ta' Novembru 2007 u dik tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (CESE 1712/2007) tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar ir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-impatt u l-konsegwenzi tal-politiki strutturali rigward il-koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar l-irwol u l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni fit-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi fl-iktar reġjuni foqra ta' l-UE(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 112(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0023/2008),

A.   billi politika ta' koeżjoni Ewropea globali tibqa' meħtieġa minħabba l-persistenza ta' disparitajiet kbar u problemi strutturali speċifiċi f'bosta reġjuni Ewropej, li hija sitwazzjoni li saret agħar minħabba t-tkabbir riċenti ta' l-Unjoni,

B.   billi l-politika ta' koeżjoni ta' l-UE għalhekk tibqa' bħala pilastru fundamentali fil-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea, u għandha rwol attiv fit-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi u tan-nuqqas ta' żvilupp,

C.   billi hemm rabta ċara bejn iż-żieda fl-ewroxettiċiżmu u z-żieda fid-disparitajiet territorjali bejn u fi ħdan ir-reġjuni, li juru l-bżonn għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sabiex tissaħħaħ il-konverġenza u tingħata bażi soda lill-leġittimità ta' l-Unjoni Ewropea, li tista' tinkiseb permezz ta' politika reġjonali viżibbli; billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet involuti għandhom rwol ċentrali fit-tqarrib ta' l-attivitajiet ta' l-UE lejn in-nies u fl-implimentazzjoni tal-politika reġjonali, li l-kisbiet tagħhom għandhom jiġu rreklamati b'mod aktar effiċjenti,

D.   billi, wara li jittieħed kont tal-valur miżjud tagħha, il-politika ta' koeżjoni toffri lil kull reġjun il-possibilità ta' benefiċċji konkreti f'termini ta' impjiegi fuq medda twila ta' żmien u kwalità tal-ħajja ogħla għall-popolazzjonijiet lokali, partikolarment fir-reġjuni li għadhom lura u tikkontribwixxi biex issaħħaħ il-kompetittività u l-kapaċità ammistrattiva u tassigura ġestjoni deċentralizzata; billi, fid-dawl ta' dan kollu, kull tentattiv ta' nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid ta' din il-politika għandu jiġi rrifjutat,

E.   billi t-Trattat ta' Liżbona, li ġie approvat mill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern fit-18 ta' Ottubru 2007, u ffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007, inaqqax il-koeżjoni territorjali fost l-objettivi fundamentali ta' l-Unjoni, flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali,

F.   billi żieda fir-riżorsi finanzjarji għall-politika ta' koeżjoni għandha tkun garantita fil-ġejjieni sabiex tkun tista' tieħu ħsieb l-isfidi l-ġodda mistennija, li għandhom impatt territorjali importanti, bħall-bidla demografika, il-konċentrazzjoni urbana, is-segregazzjoni, il-movimenti migratorji, (li huma partikolarment problematiċi għaż-żoni rurali u periferali), l-adattazzjoni għall-globalizzazzjoni, il-bidla fil-klima, il-provvista ta' l-enerġija, u l-proċess ta' żvilupp bil-mod taż-żoni rurali; billi dawn l-isfidi jistgħu jiġi ffaċċjati biss jekk l-importanza kbira tal-politika ta' koeżjoni tkun rikonoxxuta għal dan l-iskop fil-ġejjieni;

Data kuntrastanti dwar l-istat tal-koeżjoni fl-Unjoni Ewropea ta' 27 Stat Membru

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon dan ir-rapport, li huwa iktar dettaljat minn ta' qablu, li jibbaża fuq diversi indikaturi u joffri informazzjoni komparattiva utli ma' pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina u l-Indja, filwaqt li jirrifletti l-kuntest internazzjonali li fih joperaw l-ekonomiji ta' l-UE;

2.  Jiddispjaċih, madankollu, min-nuqqas ta' dejta traversali u dejta komparabbli minn livelli differenti tan-NUTS, li kieku jippermettu valutazzjoni aħjar tas-sostenibilità tat-tkabbir u tal-konverġenza; jitlob, għalhekk, għal għodda statistiċi aħjar – bħall-indikaturi l-ġodda (apparti l-PGD per capita) li kienu użati b'suċċess fir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni – li kieku jippermettu li l-grad ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fuq il-post tkun imkejla b'mod aktar ċar, kif ukoll jippermettu l-kontribuzzjoni konkreta ta' l-azzjonijiet lokali għall-politika ta' koeżjoni; huwa ta' l-opinjoni li, sabiex dan jinkiseb, il-kapaċità ta' ESPON trid tiżdied;

3.  Jinnota d-dewmien fit-teħid ta' approprjazzjonijiet strutturali fl-Istati Membri u jitlob għal miżuri li jtejbu s-sitwazzjoni; jinnota madankollu li għadu kmieni wisq biex ir-riżultati tal-politika ta' koeżjoni fl-Istati Membri ġodda jkunu evalwati; jilqa' l-isforzi kollha biex tissaħħaħ l-effettività tal-politika ta' koeżjoni u biex titnaqqas il-burokrazija eċċessiva u jitlob għal evalwazzjoni sistematika ta' din il-politika, itenni l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għall-'Inizjattiva Ewropea ta' Trasparenza', mibdija mill-Kummissjoni, li se tidentifika min se jirċievi l-fondi strutturali mill-2008 'il quddiem;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pajjiżi ta' koeżjoni l-antiki, jiġifieri l-Greċja, Spanja, il-Portugall u l-Irlanda, laħqu sew mal-bqija, fejn irreġistraw rata ta' tkabbir impressjonanti matul il-perjodu 2000 - 2006, iżda jinnota li, minkejja t-tkabbir tagħhom, għad hemm żbilanċji kbar bejn ir-reġjuni tagħhom u anki problemi strutturali serji;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rati għolja ta' tkabbir irreġistrati fl-Istati Membri ġodda iżda jinnota li l-konverġenza ekonomika tagħhom ma tistax tidher ħlief fuq it-terminu ta' żmien medju u twil u li se teħtieġ proċess twil minħabba li PGD per capita baxx, huwa l-punt tat-tluq f'uħud minn dawn il-pajjiżi,

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-affermazzjoni mill-ġdid tal-Kummissjoni dwar l-irwol importanti tal-politika ta' koeżjoni fit-tisħiħ tal-ħila ta' l-Istati Membri kollha biex jiżviluppaw b'mod armonjuż u joħolqu impjiegi ġodda u vijabbli, kif intwera mir-riżultati eċċellenti tal-politika ta' koeżjoni f'bosta mir-reġjuni ta' l-Objettiv 2;

7.  Huwa mħasseb li l-konverġenza fost il-pajjiżi ħafna drabi tgħatti t-twessigħ tal-qabża bejn ir-reġjuni u fi ħdan ir-reġjuni individwali; jinnota li dan it-tkabbir ta' disparitajiet reġjonali u lokali jistgħu jiġi osservati f'diversi oqsma, f'termini ta' impjiegi, ta' produttività, ta' dħul, tal-livelli ta' l-edukazzjoni, kif ukoll tal-kapaċità innovattiva; jenfasizza wkoll l-irwol tal-koperazzjoni territorjali fl-għajnuna biex jingħelbu dawn il-problemi;

8.  Jinnota, pereżempju, li l-kompetittività tar-reġjuni tiddependi ħafna fuq il-produttività, mill-aċċessibiltà tas-swieq u mil-livelli ta' kwalifiki tal-ħaddiema, li jvarjaw ħafna iktar bejn ir-reġjuni milli bejn l-Istati Membri; apparti dan jinnota li l-fatturi interistituzzjonali aktar ma jmur aktar qed jitqiesu bħala elementi ewlenin fil-kompetittività; dawn il-fatturi jinkludu l-għoti ta' kapital soċjali fil-forma ta' kultura tan-negozju u normi komuni ta' mġieba li jiffaċilitaw il-koperazzjoni u l-intrapriża u anki l-effiċjenza ta' l-amministrazzjoni pubblika;

9.  Jinnota, f'dan ir-rigward, li ċerti reġjuni żviluppati, kif ukoll reġjuni oħra anqas żviluppati, qed jibdew jesperjenzaw problemi varji b'impatt territorjali qawwi f'termini ta' potenzjal ta' iżvilupp: rati baxxi ta' tkabbir ekonomiku, tnaqqis fil-produttività u fl-impjiegi u tixjiħ tal-popolazzjoni,

10.  Jinnota li, jekk rati ta' tkabbir għolja għamluha possibbli għal xi Stati Membri biex ikollhom imjieg għal kulħadd u biex iżidu l-PGD per capita tagħhom, f'pajjiżi oħra d-differenzi bejn il-gruppi soċjali individwali kibru, u dan jimplika li l-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni għadhom jeħtieġu l-integrazzjoni soċjali;

11.  Jinnota konverġenza dgħajfa f'termini tal-livell ta' edukazzjoni, u qabża edukattiva reali, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, fejn 29% ta' l-adulti ta' bejn il-25 u l-64 sena għandhom lawrea universitarja, meta mqabbla mas-16% fl-Unjoni Ewropea; jinnota, madankollu, li n-numru ta' nisa bi kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla qed jiżdied iktar malajr milli fost l-irġiel;

12.  Jenfasizza l-importanza ta' l-integrazzjoni sistematika tas-sessi, ta' l-opportunitajiet indaqs u tal-bżonnijiet speċjali tal-persuni b'diżabilità kif ukoll tal-persuni mdaħħla fiż-żmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-politika ta' koeżjoni;

13.  Jisħaq fuq l-effett tal-polarizzazzjoni fir-reġjuni madwar il-bliet kapitali - fenomenu partikolarment evidenti fl-Istati Membri ġodda - li ġġeneraw bħala medja 32% tal-PGD ta' pajjiżhom, filwaqt li dawn jirrappreżentaw 22% tal-popolazzjoni; jinnota li din il-polarizzazzjoni tista' tagħti lok għal disparitajiet kbar fir-rata tal-qgħad fiċ-ċentri tal-bliet;

14.  Jinnota li l-urbanizzazzjoni bla kontroll tista' toħloq żbilanċi demografiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali fi spazju ristrett u twassal għal suburbanizzazzjoni u għal tnaqqis fil-popolazzjoni fiż-żoni rurali li jinsabu mbiegħda mill-bliet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tindirizza speċifikament din il-problema billi tressaq proposti konkreti bħala reazzjoni għal dawn il-problemi;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għad-disparitajiet reġjonali f'dak li jikkonċerna l-aċċessibilità u r-rotot ta' aċċess bejn iċ-ċentri u ż-żoni periferiċi, li huma r-riżultat ta' żvantaġġi ġeografiċi u strutturali, nuqqas ta' investiment fl-infrastruttura tat-trasport, kif ukoll in-nuqqas li jiġu ddiversifikati rotot ta' aċċess potenzjali tat-trasport; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għax-xkiel sostanzjali f'termini ta' aċċessibilità għar-reġjuni muntanjużi u insulari u anki periferiċi kif ukoll ir-reġjuni l-aktar imbiegħda li jinsabu lilhinn ħafna mill-Ewropa Kontinentali; enfasizza l-bżonn li jiġu mfassla miżuri sabiex jissaħħaħ il-potenzjal reġjonali u l-attrattività u l-iżvilupp sostenibbli f'dawn ir-reġjuni;

16.  Jesprimi s-sorpriża kbira tiegħu għall-istqarrija tal-Kummissjoni fir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni li tgħid li "l-insularità ma jidhirx li fiha nnifisha tikkostitwixxi ostaklu ewlieni għall-iżvilupp" u jinnota d-diżappunt qawwi ta' l-abitanti tar-reġjuni insulari dwar din l-istqarrija, minħabba li huma ta' kuljum iridu jiffaċċjaw l-impatti negattivi u d-diffikultajiet ta' l-insularità,

Il-politika reġjonali u l-istrateġija ta' Liżbona

17.  Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi enormi bejn il-pajjiżi f'termini ta' ammonti investiti fir-riċerka u l-iżvilupp, u jinnota disparitajiet reġjonali kbar fil-qasam ta' l-innovazzjoni, imkejla, fir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni, skond indikatur utli tar-rendiment reġjonali fil-qasam ta' l-innovazzjoni;

18.  Hu ta' l-istess opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett ta' lieva tal-politika ta' koeżjoni vis-à-vis l-istrateġija ta' Liżbona, li tinkiseb permezz ta' l-iggwidar ta' l-investiment pubbliku lejn proġetti li jiffavorixxu l-ħolqien ta' netwerk ekonomiku aktar dinamiku, li jiġġenera t-tkabbir u li jħeġġeġ l-innovazzjoni fuq il-bażi tas-sinerġija maħluqa minn armonizzazzjoni aktar effiċjenti ta' politiki u ta' programmi;

19.  Jiddispjaċih li l-potenzjal ta' innovazzjoni ta' negozji żgħar, mikro u artiġjanali ma ġiex meqjus biżżejjed fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, minkejja l-allokazzjoni ta' riżorsi, għalhekk jitlob għal aktar implimentazzjoni ta' politika attiva biex tappoġġja l-forom kollha ta' innovazzjoni f'dawn l-intrapriżi u jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex toħloq opportunitajiet għal koperazzjoni reċiproka bejn in-negozji, is-settur pubbliku, l-iskejjel u l-universitajiet sabiex jinħolqu clusters reġjonali ta' innovazzjoni, fl-ispirtu ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;

20.  Jinnota li l-effett ta' lieva ta' l-appoġġ strutturali jista' jiżdied permezz ta' l-użu ta' kofinanzjar privat; jitlob, għall-introduzzjoni rapida ta' regoli trasparenti u ta' soluzzjonijiet standard għal sħubijiet pubbliċi-privati li jagħtu ċ-ċans lir-reġjuni sabiex jattiraw kapital privat sabiex jinkisbu l-għanijiet pubbliċi;

21.  Jinnota li l-konformità mal-prinċipju ta' rilaxx awtomatiku hija essenzjali sabiex jitħeġġeġ l-iffinanzjar u l-implimentazzjoni rapida ta' proġetti mill-awtoritajiet ta' ġestjoni; jinsisti li l-prinċipju tar-regola N+2 (u N+3 fl-Istati Membri ġodda matul l-ewwel tliet snin tal-qafas finanzjarju 2007-2013) għandu jiġi rrispettat;

22.  Jinnota li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika strutturali huwa dovut, fost l-oħrajn, għal proċeduri stretti żżejjed u li għalhekk jaqbel li ssir riflessjoni fuq is-simplifikazzjoni ta' dawn il-proċeduri u fuq tqassim ċar tar-responsabiltajiet u tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri;

23.  Jinnota, b'referenza għall-perjodu ta' programmar 2007-2013, li s-sistema ta' l-allokazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet se tiggwida 64% mir-riżorsi ta' l-Objettiv 1 (Konverġenza) u 80% minn dawk ta' l-Objettiv 2 (Kompetittività reġjonali u impjiegi) lejn l-innovazzjoni, li jirrappreżentaw EUR 55,000 miljun iktar minn dak tal-perjodu ta' qablu; josserva li l-użu ta' dawn l-approprjazzjonijiet huwa marbut mal-kapaċità tar-reġjuni l-anqas żviluppati li jimmaniġġjaw proġetti ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni fi kwantità meħtieġa u ta' kwalità li tiżgura li dawn l-approprjazzjonijiet jintużaw sew u mhux jiġu ddevjati lejn investimenti ta' valur baxx;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa s-sistema ta' l-allokazzjonijiet u l-impatt tagħha fuq l-evoluzzjoni tad-disparitajiet reġjonali, u biex tivverifika jekk, fid-definizzjoni tal-prijoritajiet, din is-sistema tħeġġiġx strateġija ċentralizzata wisq jew 'top-down'; jittama li din l-evoluzzjoni tibda bil-pubblikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-2008 tal-Ħames Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni, li huwa previst se jikkonċentra fuq ir-rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-prijoritajiet tat-tkabbir u ta' l-impjiegi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għar-reġjuni kollha;

25.  Jenfasizza, għalhekk, li l-politika ta' koeżjoni m'għandhiex tiffavorixxi reġjuni li diġà huma dinamiċi, li jseħħ kieku ma jkunx hemm allokazzjonijiet stretti ta' l-approprjazzjonijiet; ifakkar li, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-politika ta' koeżjoni se tħaddan it-tliet objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jmorru lil hinn mill-Istrateġija ta' Liżbona;

26.  Jistieden biex l-Istrateġija ta' Liżbona titwessa' sabiex tinkludi d-dimensjoni territorjali, li tippermetti li jitqiesu karatteristiċi speċifiċi għar-reġjuni, filwaqt li tħeġġeġ sinerġiji u koperazzjoni transEwropea, b'appoġġ speċjali għall-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet innovattivi b'firxa wiesgħa;

27.  Jenfasizza li l-kamp ta' applikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni ma jistax jiġi limitat għall-kisba ta' l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; huwa tal-fehma li l-kisba tal-koeżjoni territorjali permezz ta' azzjonijiet skond l-għan tal-konverġenza hija prekondizzjoni għall-kompetittività tar-reġjuni fuq medda twila ta' żmien; iqis, għalhekk, li l-Objettiv 1 (Konverġenza) u l-Objettiv 2 (Kompetittività reġjonali u l-impjiegi) għandhom jiġu ttratati bħala kumplimentari fil-ġejjieni u filfatt kumplimentari anki ma' Objettiv 3 (Koperazzjoni territorjali Ewropea);

Il-koeżjoni territorjali: lejn strateġija integrata

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi definizzjoni ta' 'koeżjoni territorjali' fil-Green Paper li ġejja dwar il-Koeżjoni Territorjali (ippjanata għal Settembru 2008) sabiex isir progress ulterjuri f'din il-politika Komunitarja;

29.  Jenfasizza l-importanza ta' sħubija reali u ta' l-implimentazzjoni ta' governanza ġenwina fuq livelli differenti li tinvolvi l-livelli kollha - Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali, fil-konsultazzjoni ma' l-imsieħba ekonomiċi u soċjali - fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' objettivi ta' żvilupp reġjonali, li jiżguraw li l-ambitu ta' azzjonijiet prijoritarji definiti fuq livell Ewropew ma jiċċekknux meta jiġu implimentati fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali (strateġija "bottom-up") u sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-jiġu esklużi partijiet kkonċernati involuti fl-iżvilupp lokali u fil-koeżjoni, kif jiġri ta' spiss fil-politika urbana;

30.  Jipproponi li tingħata prijorità lil politiki li jaqdu żvilupp poliċentriku ġenwin tat-territorji, sabiex il-pressjonijiet fuq bliet kapitali jitnaqqsu u jkunu mħeġġa il-ħolqien ta' poli sekondarji; iqis li f'dan il-kuntest appoġġ għal żoni rurali u l-irwol importanti li għandhom bliet ta' daqs żgħir u medju f'żoni rurali ma għandhomx jintesew;

31.  Jistieden ukoll li jittieħdu passi prattiċi biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn reġjuni aċċessibbli u dawk bi żvantaġġi strutturali, primarjament ġżejjer, żoni muntanjużi, żoni b'popolazzjoni mifruxa u reġjuni periferali u konfinali, u fl-istess ħin tiġi rikonoxxuta l-pożizzjoni żvantaġġata ta' dawn ta' l-aħħar u jittieħdu miżuri speċjali u permanenti biex ikollhom appoġġ; itenni l-importanza li jitqiesu l-iżvantaġġi speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda;

32.  Jirrakkomanda rabtiet aħjar bejn kwistjonijiet urbani u rurali; jenfasizza li l-iżvilupp ta' żoni rurali għandhom jiġu kkordinati b'azzjonijiet implimentati fil-qafas tal-politika reġjonali; huwa mħasseb, f'dan il-kuntest, dwar in-nuqqas ta' użu ta' strateġija differenti għall-iżvilupp rurali u ta' koeżjoni (permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali); jitlob għal studju dwar il-konsegwenzi ta' żieda fil-fondi għall-iżvilupp rurali permezz tal-mekkaniżmi ta' modulazzjoni mandatorja;

33.  Javża kontra l-perikli tas-settorizzazzjoni tal-politiki u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġija integrata li tidentifika s-sinerġiji li huma possibbli bejn il-politika ta' koeżjoni u l-politiki settorjali ewlenin bħat-trasport, l-agrikoltura, is-sajd, l-iżvilupp rurali, l-ambjent u l-enerġija, ir-riċerka u t-teknoloġija;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-rapporti li jmiss tagħha, tanalizza sa liema punt id-diversi strumenti u politiki, inkluża l-politika ta' adeżjoni, ikkontribwew għall-progress miksub fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; iqis li l-kisbiet u l-problemi jiġu analizzati fl-oqsma importanti kollha, b'mod partikolari fl-Istrateġija ta' Liżbona.

35.  Jistenna li d-diskussjonijiet dwar il-politika ta' koeżjoni wara l-2013 iwasslu biex reġjuni li jinsabu mal-fruntieri esterni tal-Komunità jingħataw importanza speċjali sabiex tiġi żgurata l-istabilità u l-prosperità mal-fruntieri li finalment iwasslu mhux biss fl-iżvilupp tar-reġjuni mal-fruntiera ta' l-UE iżda anki iktar koeżjoni u kompetittività għall-Komunità kollha bħala tali.

36.  Jinnota li l-ġlieda kontra, 'is-segregazzjoni territorjali' u l-esklużjoni soċjali, bil-għan li jinkiseb tkabbir sostenibbli u bbilanċjat, jeħtieġ l-appoġġ ta' politika ta' l-akkomodazzjoni attenta, li tiġi taħt żvilupp lokali wiesa', ippjanar urban u strateġija lokali ta' l-immaniġġjar tas-servizz pubbliku;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, l-adozzjoni ta' programm ta' azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig li jiżgura li d-dimensjoni territorjali tkun integrata aħjar fil-politiki pubbliċi kollha, fil-livell Komunitarju, nazzjonali u lokali, u jistenna l-materjalizzazzjoni prattika tiegħu; fid-dawl ta' l-espansjoni ppjanata tal-koeżjoni ekonomika u soċjali taħt it-Trattat ta' Lisbona biex tinkludi komponent territorjali bħala parti mit-Trattat ta' Liżbona, jeħtieġ li jkunu żviluppati indikaturi xierqa biex jiddefinixxu l-kontenut tal-koeżjoni territorjali;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon t-tħabbir li sar mill-Kummissjoni dwar Green Paper futura dwar il-koeżjoni territorjali, li hija mistennija li tiġi adottata f'Settembru 2008, u jitlob li din tinkludi linji gwida konkreti għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija integrata;

39.  Huwa konxju mill-importanza ta' koperazzjoni regolari bejn il-Parlament, permezz ta' l-intermedjarju tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tiegħu, u l-Kumitat tar-Reġjuni, fir-rigward tal-futur tal-politika reġjonali,

Sfidi ġodda għall-politika ta' koeżjoni u l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea

40.  Huwa ta' l-opinjoni li, fil-futur, l-Unjoni se tkun dejjem iktar iffaċċjata minn sfidi ġodda li jkollhom impatt territorjali qawwi li jkabbar ix-xkiel ta' l-iżvilupp reġjonali, bħall-bidla demografika, il-konċentrazzjoni urbana, iċ-ċaqliq migratorju, (li huwa problematiku b'mod partikulari għaż-żoni rurali u periferali), il-kwistjonijiet enerġetiċi u klimatiċi u l-adattazzjoni għall-bidliet li ġġib magħha l-globalizzazzjoni, kif ukoll il-politika dwar it-tkabbir u l-viċinat; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza ta' proġetti pilota li għandhom x'jaqsmu ma' l-adattazzjoni tar-reġjuni għal dawn l-isfidi l-ġodda;

41.  Jitlob li ssir analiżi regolari ta' l-ispejjeż u ta' l-implikazzjonijiet għall-politika strutturali ta' tkabbir possibbli fil-ġejjieni qabel ma jibdew negozjati ġodda ta' l-adeżjoni u jittama li din ikollha importanza akbar fil-politiki ta' tkabbir u tal-viċinat, bil-parteċipazzjoni tagħha fit-tfassil ta' strumenti ta' qabel l-adeżjoni li jsiru jorbtu;

42.  Jenfasizza s-serjetà tal-problema tat-tnaqqis fil-popolazzjoni f'ħafna partijiet ta' l-UE, li jinvolvi t-tixjiħ tal-popolazzjoni, it-tnaqqis tal-kapital uman, il-ħarba tal-kapital, is-servizzi bi prezz ogħla, eċċ;

43.  Huwa ta' l-opinjoni li t-tendenzi demografiċi jista' jkollhom impatt territorjali qawwi, bħat-tnaqqis fil-popolazzjoni ta' ċerti żoni, speċjalment iż-żoni rurali l-anqas żviluppati, flimkien ma' konċentrazzjoni urbana u soċjetà li aktar ma jmur aktar qed tixjieħ, jew l-iżvilupp ta' l-ekonomija residenzjali f'żoni oħra, li jeħtieġu l-iżvilupp ta' strateġiji innovattivi speċifiċi biex isolvu l-problemi tagħhom, li jeħtieġu sforz partikolari biex jinżammu s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u jkun żgurat standard għoli ta' servizzi universali;

44.  Jinnota li l-bidla fil-klima se jkollha riperkussjonijiet varji, b'mod partikolari f'termini ta' diżastri naturali li se jkunu aktar spissi u aktar qawwija, bħan-nirien fil-foresti, in-nixfiet u l-għarar, li se jeħtieġu azzjonijiet li se jvarjaw minn reġjun għall-ieħor ta' l-UE u li r-reġjuni jridu jieħdu azzjoni dwarhom billi jirrevedu u jadattaw l-istrateġiji ta' żvilupp sostenibbli tagħhom biex jinkiseb l-għan ta' l-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2; jemmen li l-politika ta' koeżjoni ta' l-UE għandha tkun 'favur l-ambjent', iżda jfakkar li l-possibilitajiet miftuħa għall-politika ta' koeżjoni f'din iż-żona huma limitati; huwa ta' l-opinjoni li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima għandha tkun indirizzata wkoll f'politiki Komunitarji oħra;

45.  Ifakkar anki fi ħdan il-qafas tal-formulazzjoni ta' politika globali effettiva biex tipprovdi ħarsien minn diżastri naturali u l-importanza ta' l-adozzjoni tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond tas-Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108), li jipprovdi azzjoni aktar f'waqtha u adegwata għal diżastri naturali fuq livell reġjonali, li spiss huma devastanti f'ċerti reġjuni minħabba l-qagħda ġeografika tagħhom;

46.  Iqis li l-kwistjonijiet tal-provvista ta' l-enerġija u ż-żieda fil-prezz ta' l-enerġija jista' jkollhom implikazzjonijiet territorjali maġġuri fuq it-territorji minħabba dipendenza enerġetika qawwija f'ħafna mill-Istati Membri ta" l-UE, partikolarment f'reġjuni rurali, muntanjużi, insulari kif ukoll dawk l-iktar imbiegħda minħabba d-dipendenza tagħhom fuq it-trasport, li huwa sensittiv ħafna għall-prezz ta' l-enerġija, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-investiment fl-effiċjenza ta' l-enerġija u fl-unitajiet ta' forniment deċentralizzati jistgħu joffru opportunitajiet ta' żvilupp lokali u reġjonali;

47.  Itenni r-rikjesta tiegħu dwar l-użu mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet li ma ntefqux, permezz tar-regola N+2 jew N+3 applikabbli għall-politika ta' koeżjoni, bil-għan li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi skarsi disponibbli;

48.  Huwa ta' l-opinjoni li ż-żamma tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013 hija azzjoni xierqa biex jiġu ffaċċjati dawn l-isfidi l-ġodda u li din il-politika għandha tiġi applikata, b'mod differenzjat, għat-territorju kollu ta' l-Unjoni; huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' politika Komunitarja f'konformità mat-trattat u l-prinċipju ta' solidarjetà, u jirrifjuta, għalhekk kull tentattiv li din il-politika terġa tiġi nazzjonalizzata;

49.  Huwa ta' l-opinjoni li l-politika ta' koeżjoni teħtieġ tkun infurzata aktar fil-ġejjieni, u li l-valur miżjud tagħha għandu jkun enfasizzat ħafna aktar; jitlob, għalhekk, għal riżorsi finanzjarji biżżejjed biex ikunu allokati għall-politika ta' koeżjoni fil-livell tal-Komunità; jitlob għar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju biex tintuża bħala opportunità biex jiġu definiti r-riżorsi baġitarji meħtieġa biex jintlaħqu l-isfidi tal-politika ta' koeżjoni ta' l-Unjoni;

o
o   o

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)1 Testi Adottati P6_TA(2007)0202.
(2)2 Testi Adottati P6_TA(2007)0356.

Avviż legali - Politika tal-privatezza