Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0081/2008

Dibattiti :

PV 21/02/2008 - 9.2
CRE 21/02/2008 - 9.2

Votazzjonijiet :

PV 21/02/2008 - 10.2
CRE 21/02/2008 - 10.2

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 209kWORD 49k
Il-Ħamis, 21 ta' Frar 2008 - Strasburgu
Il-Belarus
P6_TA(2008)0071RC-B6-0081/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-Belarus

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-qagħda fil-Belarus, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Marzu 2006(1),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea biex iġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP),

–   wara li kkunsidra l-Premju Sakharov għal-libertà tal-ħsieb, li ngħata lill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Belarus fl-14 ta' Diċembru 2004 u lil Aleksander Milinkevich fit-13 ta' Diċembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi huwa ikkundanna bosta drabi l-falliment ta' l-elezzjonijiet presidenzjali, parlamentari u politiċi fil-Belarus,

B.   billi l-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iressqu proposti biex jagħmlu pressjoni ulterjuri fuq ir-reġim ta' Lukashenko f'organizzazzjonijiet internazzjonali u talab li jitressaq pakkett sħiħ ta' sanzjonijiet speċifiċi u mmirati - li jikkastigaw serjament lil dawk li qed iwettqu l-oppressjoni mingħajr ma jżidu aktar tbatija liċ-ċittadini tal-Belarus,

C.   billi huwa ikkundanna b'mod partikolari l-fatt li d-demokrazija lokali, li hija fundamentali f'kull treġija demokratika u li tesprimi r-rieda ta' persuni ordinarji li jiksbu t-tamiet u l-aspettattivi ġenwini tagħhom, ma kinitx ikkunsidrata u anzi kienet injorata fil-Belarus,

D.   billi l-pressjoni politika u amministrattiva kontinwa fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Belarus qed thedded l-eżistenza tagħhom u ddgħajfilhom l-indipendenza,

E.   billi f'Jannar 2008 kien hemm serje ta' protesti ta' imprendituri f'Minsk, u l-mexxejja ta' dawn id-dimostrazzjonijiet ġew miżmuma u bosta drabi msawta,

F.   billi dan l-aħħar seħħew żviluppi pożittivi dwar il-ħolqien tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni f'Minsk,

1.  Jiddispjaċih ħafna li s-sitwazzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat tad-dritt mhijiex titjieb fil-Belarus; jinnota li arresti arbitrarji kontinwi ta' membri tas-soċjetà ċivili u attivisti ta' l-oppożizzjoni, b'mod partikolari ż-żamma temporanja ta' Aleksander Milinkevich, u s-sikkatura fuq il-media indipendenti, tmur kontra r-retorika tal-Gvern tal-Belarus rigward ix-xewqa tiegħu li jtejjeb ir-relazzjonijiet ma' l-Unjoni Ewropea;

2.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar is-sentenza ta' tliet snin ħabs għall-ġurnalist Aliaksandr Zdvizhkov, u jqis li l-kastig huwa aħrax wisq, kif ukoll jistieden lill-Gvern tal-Belarus biex jerġa' jikkunsidra din id-deċiżjoni;

3.  Jieħu nota tal-ħelsien riċenti ta' bosta attivisti ta' l-oppożizzjoni demokratika inklużi l-mexxejja taż-Żgħażagħ tal-Front Popolari tal-Belarus u l-Front Żagħżugħ (Malady Front), fl-istess ħin jikkundanna l-arresti ta' dawn l-attivisti, li ġew miżmuma għal 15-il-jum fil-ħabs u kienu se jitkeċċew mill-università, wara d-dimostrazzjonijiet paċifiċi tas-16 ta' Jannar 2008 f'Minsk biex jiġi ċċelebrat il-jum ta' solidarjetà u jitfakkru l-attivisti ta' l-oppożizzjoni tal-Belarus li ġew arrestati u l-familji ta' persuni prominenti fil-Belarus li sfaw nieqsa;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jilliberaw immedjatament u mingħajr kondizzjonijiet il-priġunier politiku li fadal, Alyaksandr Kazulin, u jieqfu jużaw l-intimidazzjoni, il-fastidju, l-arresti mmirati u l-prosekuzzjonijiet motivati politikament kontra l-attivisti ta' l-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà ċivili fil-Belarus;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżviluppi riċenti dwar il-ftehimiet biex tiġi stabbilita d-delegazzjoni tal-Kummissjoni f'Minsk bħala pass pożittiv lejn it-tiġdid tad-djalogu ma' l-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-potenzjal sħiħ derivat mill-ftuħ tad-delegazzjoni;

6.  Ifakkar li fil-21 ta' Novembru 2006 l-Unjoni Ewropea ddikjarat li lesta ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-ENP hekk kif il-Gvern tal-Belarus juri rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu tal-Belarus;

7.  Jenfasizza li sabiex jinvolvi ruħu fi kwalunkwe djalogu sostanzjali ma' l-UE, il-Belarus jeħtieġ jimplimenta l-kondizzjonijiet li fadal, stipulati fin-'non-paper' bit-titlu X'tista' tagħti l-UE lill-Belarus, li tinkludi l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha, it-tneħħija tal-pieni tal-mewt, l-assigurazzjoni ta' midja ħielsa u l-libertà ta' espressjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura kif ukoll ir-rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu tal-Belarus;

8.  Jinkundanna l-fatt li l-Belarus huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt, li tmur kontra l-valuri Ewropej;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jirrevokaw id-Digriet Nru 70 tat-8 ta' Frar 2008, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jiksru d-dritt ta' l-edukazzjoni taċ-ċittadini tal-Belarus billi joħolqu xkiel meta jippruvaw jidħlu fl-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ogħla;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jimplimentaw l-istandards ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) fl-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin maħsuba għat-28 ta' Settembru 2008; jistieden lill-Gvern biex jagħti aċċess lir-rappreżentanti ta' l-oppożizzjoni demokratika għall-kummissjonijiet ta' l-elezzjoni distrettwali, jagħti r-reġistrazzjoni lill-kandidati parlamentari kollha u l-osservaturi tagħhom, u ma joħloqx xkiel biex il-missjoni ta' osservazzjoni ta' l-elezzjonijiet tkun kompluta u sħiħa;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ulterjuri lejn il-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża għaċ-ċittadini tal-Belarus, għaliex dan biss jista' jgħin biex jitwettaq l-għan ewlieni tal-politika ta' l-UE lejn il-Belarus, jiġifieri li jiġu ffaċilitati u intensifikati l-kuntatti bejn il-popli u biex il-pajjiż ikollu d-demokrazija; iħeġġiġhom f'dan il-kuntest biex iqisu l-possibilitajiet li jneħħu l-ispiża tal-viża għaċ-ċittadini tal-Belarus li jkunu deħlin fiż-żona ta' Schengen, li huwa l-uniku mod kif jiġi evitat li l-Belarus u ċ-ċittadini tiegħu jkunu aktar iżolati;

12.  Jistieden lill-Istati Membri fiż-żona ta' Schengen biex jużaw l-għodda kollha disponibbli (l-ispejjeż tal-viża nazzjonali) biex jiffaċilitaw il-moviment taċ-ċittadini tal-Belarus fi ħdan it-territorju ta' kull Stat Membru;

13.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-komunità internazzjonali bħala entità sħiħa biex jagħtu aktar appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Belarus u, b'mod partikolari, biex tiżdied l-għajnuna finanzjarja lill-media indipendenti, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-istudenti tal-Belarus li jistudjaw barra l-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Kummissjoni lill-Università ta' l-istudji Umanistiċi ta' l-Ewropa f'Vilnius (il-Litwanja); jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu l-għoti ta' appoġġ finanzjarju għall-proġett eżistenti mmirat lejn il-ħolqien ta' l-istazzjon tat-televiżjoni indipendenti 'Belsat' fil-Belarus;

14.  Jesprimi s-solidarjetà ma' l-oppożizzjoni demokratika magħquda tal-Belarus u l-mexxejja tal-moviment demokratiku, Aleksander Milinkevich, u ċ-ċittadini kollha tal-Belarus li qed jirsistu għal Belarus indipendenti, miftuħ u demokratiku bbażat fuq l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-mexxejja ta' l-oppożizzjoni biex juri għaqda u determinazzjoni bejniethom fl-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin;

15.  Jiddeplora d-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet tal-Belarus li ripetutament ċaħdu viżi ta' dħul lill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari nazzjonali f'dawn l-aħħar sentejn; jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex ma joħolqux xkiel ulterjuri, għad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Belarus, biex iżuru l-pajjiż u jiksbu esperjenza u jagħmlu osservazzjonijiet diretti fil-Belarus;

16.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tal-Belarus fuq membri tal-kleru barranin bil-għan li jillimitaw l-aċċess tagħhom għall-pajjiż ħalli jaqdu organizzazzjonijiet reliġjużi, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex iwaqqfu dawn ir-restrizzjonijiet;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblei Parlamentari ta' l-OSCE u tal-Kunsill ta' l-Ewropea, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Belarus.

(1) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p.304.

Avviż legali - Politika tal-privatezza