Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0080/2008

Dibattiti :

PV 21/02/2008 - 9.3
CRE 21/02/2008 - 9.3

Votazzjonijiet :

PV 21/02/2008 - 10.3

Testi adottati :

P6_TA(2008)0072

Testi adottati
PDF 221kWORD 63k
Il-Ħamis, 21 ta' Frar 2008 - Strasburgu
Kivu tat-Tramuntana (Repubblika Demokratika tal-Kongo)
P6_TA(2008)0072RC-B6-0080/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar Kivu tat-Tramuntana

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta" Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra(1), u wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta" l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE tat-22 ta" Novembru 2007 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikulari fil-Lvant tal-pajjiż, u l-impatt fuq ir-reġjun,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-15 ta" Novembru 2007 dwar ir-rispons ta" l-UE għas-sitwazzjonijiet fraġli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(2),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Lejn reazzjoni ta" l-UE għal sitwazzjonijiet ta" fraġilità- l-involviment f'ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u l-paċi (COM(2007)0643) u d-dokument ta" ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li huwa mehmuż mal-Komunikazzjoni (SEC(2007)1417),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/1 ta' l-24 ta' Ottubru 2005 ta" l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-riżultati tas-Samit Dinji ta' l-2005, u b'mod partikulari, il-paragrafi 138 sa 140 tiegħu dwar ir-responsabiltà tal-protezzjoni tal-popolazzjonijiet,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi, mill-1998, il-kunflitt li qed jolqot l-RDK qatel 5 400 000 persuna, u billi ikompli jkun il-kawża, b'mod dirett jew indirett, tal-mewt ta' 1500 persuna kuljum,

B.   billi l-ġlied bejn l-armata Kongoliża, it-truppi ribelli tal-Ġeneral megħlub Laurent Nkunda u l-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-liberazzjoni ta" l-Irwanda (FDLR, imsejħa wkoll Interhamwes) ilhom xhur twal jikkawżaw tbatija enormi għall-popolazzjoni ċivili tar-reġjun ta" Kivu tat-Tramuntana,

C.   billi f'dawn l-aħħar 18-il xahar twettqu massakri, stupri ta" tfajliet, ta" ommijiet u ta" nanniet, kien hemm reklutaġġ sfurzat ta" persuni ċivili u ta" suldati tfal kif ukoll għadd kbir ta' atti vjolenti u ta" abbużi gravi oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, kemm mit-truppi ribelli ta" Laurent Nkunda kif ukoll mill-ġellieda ta" l-FDLR u l-armata Kongoliża nnifisha,

D.   billi l-MONUC (Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo) għandha mandat, taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jawtorizzaha biex tuża l-mezzi kollha meħtieġa biex ixxekkel kull attentat ta' l-użu tal-forza li jhedded il-proċess politiku min-naħa ta" kwalunkwe grupp armat, Kongoliż jew barrani, b'mod partikulari mill-ex-FAR (Forzi Armati ta' l-Irwanda) u l-ġellieda Interhamwes, u biex jiġu protetti l-persuni ċivili li qed jiffaċċjaw it-theddida imminenti tal-vjolenza fiżika,

E.   billi fil-25 ta' Jannar 2008 r-rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo ħabbar li se jintbagħtu osservaturi biex jissorveljaw il-waqfien mill-ġlied fit-territorji kollha li qabel kienu okkupati mill-gruppi armati, u li l-istaff militari u ċivili fl-uffiċċju ta" l-MONUC ġewwa Goma se jissaħħaħ,

F.   billi impenji dwar id-demobilizzazzjoni progressiva u dwar l-introduzzjoni ta" waqfien mill-ġlied, magħmula fit-23 ta' Jannar 2008 fil-Konferenza għall-Paċi, għas-Sigurtà u għall-Iżvilupp li saret f'Goma, liema wegħdiet kienu jinkludu waqfien mill-ġlied mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, id-diżarm tal-forzi kollha mhux governattivi, ir-ritorn u l-installazzjoni mill-ġdid tal-persuni kollha spustjati fil-Lvant tar-RDK, kif ukoll it-twaqqif ta" mekkaniżmu temporarju għall-kontroll tal-waqfien mill-ġlied,

G.   billi d-dettalji prattiċi ta" din id-demobilizzazzjoni għadhom ma ġewx iċċarati mill-Kummissjoni teknika konġunta għall-paċi u għas-sigurtà, taħt il-ko-presidenza tal-gvern ta' l-RDK u tal-medjatur internazzjonali dwar dan l-impenn,

H.   billi l-FDLR, li l-ġellieda tagħhom kienu ħadu rifuġju fir-reġjun, huma involuti fil-ġlied,

I.   wara li kkunsidra li l-armata Kongoliża m'għandhiex ir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex twettaq il-ħidma tagħha fil-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana, u li din hija r-raġuni ewlenija għaliex l-armata tirrappreżenta theddida għall-popolazzjoni, minflok forza li taħdem għas-servizz tal-popolazzjoni u favur il-paċi,

J.   billi huwa neċessarju li tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi tal-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana, biex jiġu konsolidati l-paċi u d-demokrazija, biex ikun hemm promozzjoni ta" l-istabilità u ta" l-iżvilupp fir-reġjun, għall-benessri tal-popli kollha tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar,

K.   billi saret laqgħa fil-Kinshasa fit-3 ta' Settembru 2007 bejn Mbusa Nyamwisi u Charles Murigande, il-Ministri ta" l-Affarijiet Barranin tal-Kongo u ta" l-Irwanda rispettivament, bħala parti mill-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt fil-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana,

L.   billi saret laqgħa f'Beni bejn it-28 u t-30 ta" Jannar 2008, taħt il-ko-presidenza ta" Chikez Diemu u ta" Crispus Kiyonga, il-Ministri tad-Difiża tar-RDK u ta" l-Uganda rispettivament,

M.   wara li kkunsidra li, mill-aħħar ta" l-2006, il-kunflitt li qed jolqot lir-RDK wassal ukoll biex madwar 400,000 persuni jkunu sfurzati jaħarbu minn djarhom, u billi bħalissa hemm total ta' 800,000 persuna spustjata fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana,

N.   billi l-gwerra ċivili, li ilha għaddejja għal tliet snin, kienet karatterizzata mis-sakkeġġ sistematiku tar-rikkezzi tal-pajjiż mill-alleati u mill-għedewwa tal-Gvern Kongoliż,

O.   billi, sabiex ikun hemm titjib sinifikanti fil-qasam tas-saħħa u tnaqqis fir-rata tal-mortalità fir-RDK b'mod ġenerali u fil-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana b'mod partikulari, se jkunu meħtieġa bosta snin ta" impenn sod u investiment finanzjarju sostanzjali, kemm min-naħa tal-Gvern Kongoliż kif ukoll min-naħa tal-komunità internazzjonali,

P.   billi fit-3 ta' Frar 2008, terremot ta" forza 6 fuq l-iskala Richter affettwa r-reġjun tal-Lagi l-Kbar u, b'mod partikulari, il-bliet ta" Bukavu u ta" Goma, kif ukoll l-inħawi tagħhom, li diġà kienu milquta b'mod qawwi mill-kunflitti, u dan wassal għal imwiet, persuni midruba u ħsarat materjali importanti,

Q.   billi bosta organizzazzjonijiet umanitarji kellhom jissospendu l-attivitajiet tagħhom wara l-ostilitajiet fl-aħħar ta" l-2007, filwaqt li ċ-ċentri tas-saħħa m'għandhomx provvisti jew ġew abbandunati mill-istaff mediku tagħhom,

R.   billi l-organizzazzjoni Médecins Sans Frontières (MSF) irrappurtat li fil-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana, il-popolazzjonijiet lokali u spustjati qed isiru dejjem aktar dgħajfa, u li l-ġlied li għadu għaddej mhux qed iħalli lis-servizzi ta' l-għajnuna jkollhom aċċess għal ċerti żoni li jeħtieġu l-ikel u l-għajnuna medika b'mod urġenti,

S.   billi bħalissa n-nutriment fqir huwa aspett ieħor tal-vulnerabiltà estrema tal-popolazzjoni tal-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana, u billi d-data meħuda mill-programmi ta' l-għajnuna medika tal-MSF tagħti indikazzjoni allarmanti tal-livell tan-nuqqas ta" ikel f'Kivu tat-Tramuntana, fattur li jnissel biża" dwar dawk il-familji li ma jistgħux jintlaħqu mill-għajnuna,

1.  Jesprimi l-istmerrija qawwija tiegħu rigward il-massakri u r-reati kontra l-umanità li ilhom jitwettqu għal snin twal wisq fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, u jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kompetenti kollha sabiex, b'mod sistematiku, ifittxu lill-persuni ħatja u jressquhom quddiem il-Qorti, huma min huma, u jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex, b'mod urġenti, jieħu l-miżuri kollha possibbli sabiex b'mod ġenwin ma jitħallewx isiru aktar attakki fuq il-popolazzjonijiet ċivili tal-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana;

2.  Jinnota li, minkejja l-mandat wiesa" tagħha, il-MONUC ma kellhiex riżorsi biżżejjed biex tkun tista" tipprevjeni dawn il-massakri, l-istupri, is-sakkeġġ, ir-reklutaġġ sfurzat tal-persuni ċivili u tas-suldati tfal u għadd enormi ta" atti oħra ta" vjolenza u ta" ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li t-tisħiħ reċenti tal-MONUC iwassal għal titjib sinifikanti fis-sigurtà tal-popolazzjonijiet tal-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, u jekk dan ma jkunx il-każ, sabiex iħeġġu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jagħti lill-MONUC il-mezzi biex twettaq il-missjoni tagħha, l-ewwelnett il-ħarsien effettiv u dejjiemi tal-popolazzjoni ċivili tar-reġjun;

3.  Jitlob li ma jkun hemm l-ebda tolleranza tal-vjolenza sesswali fir-rigward tal-bniet u tan-nisa, aġir li jintuża bħala arma tal-gwerra, u jitlob kastigi ħorox kontra l-persuni ħatja minn dawn ir-reati; ifakkar fl-importanza ta" l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva f'sitwazzjonijiet ta" kunflitt u fil-kampijiet tar-rifuġjati;

4.  Jilqa' bi pjaċir, wara li qies il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt li qed jolqot lill-Lvant tar-RDK, il-fatt li qed issir il-Konferenza għall-Paċi f'Goma; jenfasizza, madankollu, minbarra n-nuqqas notevoli ta' rappreżentanti ta' Interhamwes (FDLR), il-fraġilità tal-wegħdiet ta' demobilizzazzjoni u ta' l-impenn għall-waqfien mill-ġlied li saru fit-23 ta' Jannar 2008 fit-tmiem ta' din il-Konferenza, u jkompli għalhekk iħeġġeġ lill-atturi kollha f'dan il-konflitt biex jaħdmu bla waqfien għall-paċi u biex jitwaqqfu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-rispett tal-liġi internazzjonali umanitarja, biex iwaqqfu kull attakk dirett fuq persuni ċivili u biex jippermettu li l-organizzazzjonijiet umanitarji jkunu jistgħu jgħinu lill-popolazzjoni ċivili;

5.  Ifakkar li d-dettalji prattiċi ta' din id-demobilizzazzjoni għad iridu jiġu preċiżati fil-qafas tal-kummissjoni teknika konġunta għall-paċi u s-sigurtà taħt il-kopresidenza tal-Gvern tar-RDK u tal-faċilitazzjoni internazzjonali ta' dan l-impenn, u jitlob għalhekk li din il-Kummissjoni tiġi kostitwita kemm jista' jkun malajr biex jiġu finalizzati l-kwistjonijiet ta' demobilizzazzjoni;

6.  Jilqa' bi pjaċir il-laqgħa li saret bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Kongo u ta' l-Irwanda f'Settembru 2007 u jitlob lill-awtoritajiet Irwandiżi biex jinolvu ruħhom konkretament fid-diversi tentattivi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, partikolarment fir-rigward tal-prosekuzzjonijiet legali, tad-diżarm, tad-demobilizzazzjoni u tar-ripatrijazzjoni ta' l-Interhamwes preżenti fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana;

7.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrilaxxaw il-fondi ta' emerġenza, minħabba s-serjetà estrema tal-qagħda umanitarja li jridu jiffaċċjaw il-popolazzjonijiet tal-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana mhux biss minħabba l-kunflitti li għadhom qed jolqtu lir-reġjun tagħhom imma anke minħabba t-terremot tat-3 ta' Frar 2008 li għadda, u biex jgħassu li l-ħaddiema umanitarji jkunu jistgħu iwettqu l-missjoni tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli;

8.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, b'effett immedjat, jimplimentaw programmi ta' għajnuna medika fuq skala kbira għall-popolazzjonijiet ċivili tal-Lvant tar-RDK, sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet immedjati tal-popolazzjoni kif ukoll tiġi antiċipata r-rikostruzzjoni tar-reġjun li ser tkun meħtieġa;

9.  Jitlob li jiġu implimentati b'mod effettiv mekkaniżmi ta' kontroll, bħall-proċess ta' Kimberley, f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċertifkazzjoni ta' l-oriġini tar-riżorsi naturali importati fis-suq ta' l-Unjoni;

10.  Jitlob lill-Kunsill kif ukoll lil kull Stat Membru biex jagħtu għajnuna speċifika intenzjonata għall-popolazzjonijiet tal-Lvant tar-RDK;

11.  Jitlob lill-missjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, prevista għax-xahar ta' Marzu 2008, biex tirraporta lura lilu;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet ta" l-Unjoni Afrikana, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta" l-Istati Membri, lis-segretarju ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, lill-President kif ukoll lill-parlament u lill-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lill-President kif ukoll lill-parlament u lill-gvern tar-Repubblika ta' l-Irwanda.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2008)0022.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2007)0540.

Avviż legali - Politika tal-privatezza