Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2008 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fiz-zoni rurali ta' l-UE (2007/2117(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat tal-KE, b'mod partikulari l-Artikolu 3 u l-Artikolu 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE ta" l-20 ta" Frar 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013)(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta" l-20 ta" Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal-15 ta" Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD)(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta" Ġunju 2005 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE tal-11 ta' Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta' nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qegħdin irabbu t-tfal(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta" opportunitajiet indaqs u ta" trattament ugwali ta" l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta" impjiegi u xogħol(6),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali(7),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 1996 dwar l-integrazzjoni ta' opportunitajiet indaqs għall-irġiel u għan-nisa fil-Fondi Strutturali Ewropej(8),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 dwar l-objettivi ta' opportunitajiet indaqs għan-nisa u għall-irġiel fl-użu tal-Fondi Strutturali(9),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta" Lulju 2003 dwar l-impjiegi fiz-zoni rurali fil-qafas ta" l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi(10),
– wara li kkunsidra l-"Evalwazzjoni ta' l-Istrateġija ta" l-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli (UE SDS) - Strateġija Mġedda"(11),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa intitolata "Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. Bidu ġdid għall-Istrateġija ta" Liżbona" (COM(2005)0024),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Niġġieldu kontra l-inugwaljanza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel" (COM(2007)0424),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-impjiegi f'zoni rurali: innaqqsu d-differenzi fl-impjiegi" (COM(2006)0857) u d-dokument ta" ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż magħha (SEC(2006)1772),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni "Nisa attivi fl-iżvilupp rurali: Niżguraw il-ġejjieni ta" l-Ewropa rurali"(12),
– wara li kkunsidra s-SERA – L-Istudju dwar l-Impjiegi f'Zoni Rurali 2006,
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' l-2006 "L-Iżvilupp Rurali fl-Unjoni Ewropea – Informazzjoni Statistika u Ekonomika",
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta" Marzu 2000 li sar f'Liżbona dwar l-Istrateġija ta" Liżbona għall-impjiegi u t-tkabbir,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tat-Tieni Konferenza Ewropea dwar l-Iżvilupp Rurali li saret f'Salzburg bejn it-12 u l-14 ta" Novembru 2003 bit-tema "Niżirgħu ż-żerriegħa għall-ġejjieni taz-zoni rurali - nibnu politika biex iseħħu l-ambizzjonijiet tagħna",
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet ta' l-Għajxien u tax-Xogħol (Eurofound) dwar "L-Ewwel Stħarriġ fuq il-Kwalità tal-Ħajja fl-Ewropa: Id-differenzi bejn iz-zoni urbani u rurali", "Il-kapital soċjali u l-ħolqien ta' l-impjiegi fl-Ewropa rurali" u "L-intraprenditorija tan-nisa fiz-zoni rurali",
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/600/KE tat-12 ta" Lulju 2005 dwar il-linji gwida għall-politika ta' l-impjiegi fl-Istati Membri(13),
– wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2007(14),
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta" Marzu 2006 li sar fi Brussell,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta" Ġunju 1993 dwar l-evalwazzjoni tax-xogħol li jsir min-nisa mingħajr salarju(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2003 dwar in-nisa fiz-zoni rurali ta' l-Unjoni Ewropea fid-dawl ta' l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-politika agrikola komuni(16), kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010)(17),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0031/2008),
A. billi, mill-perspettiva Ewropea, iz-zoni rurali(18) huma ttrattati permezz tal-Politika Agrikola Komuni (CAP); billi din ir-riżoluzzjoni tittratta dwar it-tieni pilastru tal-CAP, jiġifieri l-iżvilupp rurali, u billi, madankollu, iridu jitqiesu wkoll il-politiki soċjali u ekonomiċi,
B. billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika għall-iżvilupp rurali ta" l-Unjoni Ewropea huwa li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja fiz-zoni rurali u li tiġi promossa d-diversifikazzjoni ta" l-attivitajiet ekonomiċi,
C. billi biex iz-zoni rurali jsiru aktar attraenti jeħtieġ li jitħeġġeġ it-tkabbir sostenibbli u integrat u li jinħolqu opportunitajiet ġodda ta" impjieg, b'mod partikulari għan-nisa u ż-żgħażagħ, kif ukoll li jingħataw servizzi soċjali u tas-saħħa li jkunu ta' kwalità għolja,
D. billi l-bidliet ekonomiċi u soċjali li qegħdin isiru fiz-zoni rurali ma jaffettwawx lin-nisa kollha bl-istess mod, għaliex jagħtu l-opportunitajiet lil xi wħud iżda joħolqu sfidi kbar, u problemi, għal oħrajn,
E. billi l-objettivi ta" Liżbona dwar il-ħolqien tat-tkabbir u l-promozzjoni ta" l-ekonomija tas-suq soċjali jistgħu jintlaħqu biss billi jintuża bis-sħiħ il-potenzjal sinifikanti tan-nisa fis-suq tax-xogħol kemm fiz-zoni rurali kif ukoll f'dawk urbani,
F. billi x-xogħol tan-nisa sikwit jitqies bħala riżorsa naturali bla limiti li tista' tkun sfruttata u billi, barra minn hekk, is-segregazzjoni inġusta fis-suq tax-xogħol qiegħda kull ma tmur issir dejjem aktar iebsa,
G. billi, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, ir-rati ta' l-impjieg huma aktar baxxi fiz-zoni rurali u, barra minn hekk, bosta nisa qatt ma jieħdu sehem b'mod attiv fis-suq uffiċjali tax-xogħol u, għalhekk, la huma reġistrati bħala qiegħda u lanqas huma inklużi fl-istatistika tal-qgħad; billi z-zoni rurali huma effettwati ħażin min-nuqqas ta' opportunitajiet ta' impjiegi ta' kwalità għolja;
H. filwaqt li jtenni l-fehma tiegħu li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 86/613/KEE la kienet effettiva u lanqas ntlaħqu l-objettivi oriġinali tagħha, b'mod partikolari dak li jtejjeb l-istatus tal-konjuġi li jgħinu,
I. billi ħafna nisa fiz-zoni rurali huma impjegati biex jagħmlu xogħlijiet li jistgħu jitqiesu bħala attività professjonali iżda m'humiex rikonoxxuti, imħarsa jew imħallsa bħala tali,
J. billi ftit nisa huma sidien ta' razzettrziezet - tipikament impriżi ekonomiċi żgħar bi ftit qligħ - u billi ħafna nisa f'zoni rurali jaħdmu ma' l-irġiel tagħhom (missirijiethom, ħuthom jew żwieġhom) li jkollhom id-drittijiet tal-proprjetà esklużiva għar-razzett imsemmi (għall-agrikoltura jew għat-trobbija tal-bhejjem),
K. billi s-sitwazzjonijiet fiz-zoni rurali jvarjaw b'mod konsiderevoli, kemm bejn Stat Membru u ieħor kif ukoll fl-Istati Membri fihom infushom, u billi, għalhekk, iz-zoni rurali li għandhom potenzjal ta' żvilupp differenti lkoll irid jingħatalhom l-appoġġ li jixirqilhom, bħal ma għandu jingħata lin-nies li jgħixu fihom,
L. billi z-zoni rurali jistgħu joffru kwalità ta" ħajja għolja għall-familji bit-tfal u għall-anzjani iżda għadhom joffru wkoll sfidi, bħan-nuqqas ta' infrastruttura għall-edukazzjoni u għat-taħriġ fil-livelli kollha u n-nuqqasijiet fin-networks tas-servizzi soċjali bħal, pereżempju, l-għadd ta' faċilitajiet xierqa għall-assistenza tat-tfal, is-servizzi fil-komunità u l-kura ta" l-anzjani, tal-morda jew tal-persuni b'diżabilità, kif ukoll il-pressjoni tar-ristrutturar agrikolu kontinwu u tal-miżuri għall-ħarsien ta' l-ambjent,
M. billi l-kontribut sinifikanti li jagħtu n-nisa għall-iżvilupp lokali u komunitarju m'huwiex rifless kif jixraq fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi rilevanti tat-teħid ta" deċiżjonijiet,
N. billi x-xogħol volontarju li jagħmlu n-nisa x'aktarx li jsir fi ħdan il-familji jew ikun marbut magħhom, u l-familja hija l-unità fundamentali tas-soċjetà,
O. billi z-zoni rurali huma affettwati b'mod partikulari minn popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, minn densità baxxa tal-popolazzjoni u, f'xi zoni, minn depopolazzjoni,
P. billi l-emigrazzjoni tan-nisa fi gruppi ta' etajiet li huma attivi ekonomikament għadha tikkawża ċerta "maskulinizzazzjoni" tal-popolazzjoni rurali, b'konsegwenzi negattivi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-komunità u t-tendenzi demografiċi,
Q. billi n-nisa fiz-zoni rurali, b'mod partikulari, iqattgħu ħafna ħin biex iwasslu lit-tfal tagħhom u lil membri oħra tal-familja għand it-tobba, l-iskola u għal attivitajiet sportivi, u billi ż-żgħażagħ huma żvantaġġati minħabba n-nuqqas ta' servizzi lokali tat-trasport pubbliku u għalhekk għandhom inqas opportunitajiet biex isibu taħriġ vokazzjonali jew xogħol,
R. billi l-ostakoli għall-aċċess għall-informazzjoni u għat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni huma akbar f'zoni rurali, l-aktar għan-nisa,
S. billi z-zoni rurali joffru opportunitajiet reali minħabba l-potenzjal tagħhom għat-tkabbir f'oqsma ġodda u joffru faċilitajiet rurali, attivitajiet ta' snajja' u turiżmu, li jitmexxew l-aktar min-nisa u li huma fattur ekonomiku importanti għal zoni sottożviluppati għalkemm pittoreski,
T. billi għandha tingħata aktar kunsiderazzjoni lill-ibbaġitjar skond is-sessi bil-għan ta" governanza effikaċi tal-programmi għall-iżvilupp rurali u, b'mod partikulari, bil-għan li l-fondi jintużaw aktar għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa f'zoni bħal dawn,
U. billi t-tneħħija ta' l-inugwaljanzi u l-promozzjoni ta' l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u għan-nisa huma fost l-għanijiet ewlenin tar-Regolament tal-Kunsil (KE) Nru 1260/1999,
1. Huwa konvint li l-integrazzjoni tas-sessi fis-settur rurali hija strateġija importanti ħafna mhux biss għall-promozzjoni ta" l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel iżda wkoll għat-tkabbir ekonomiku u għall-iżvilupp rurali sostenibbli;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb id-data u l-informazzjoni għall-użu ta' l-istatistika dwar dan il-fenomenu u biex tanalizza l-karatteristiċi, ir-raġunijiet ewlenin u l-konsegwenzi ta' l-emigrazzjoni minn zoni rurali fl-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji bil-għan li titrażżan l-emigrazzjoni tan-nisa miz-zoni rurali, speċjalment dawk li għandhom livell għoli ta' edukazzjoni;
3. Jistieden lill-Istati Membri biex, b'kollaborazzjoni mal-gvernijiet reġjonali u lokali u man-negozji, joħolqu inċentivi sabiex jitjieb il-livell edukattiv u ta" taħriġ tan-nisa u titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol, b'mod partikulari billi jwarrbu kull diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol, bil-għan li jkunu ttrattati l-problemi tal-faqar u ta' l-esklużjoni soċjali fiz-zoni rurali; jinnota li l-faqar huwa mifrux fil-komunitajiet rurali, l-aktar fl-Istati Membri l-ġodda;
4. Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri xierqa għan-nisa li jaħdmu għal rashom fir-rigward tal-liv tal-maternità u tal-mard;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi statistika dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali maqsuma mhux biss skond is-sess u l-età iżda wkoll skond id-dimensjoni urbana/rurali;
6. Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw it-tranżizzjoni minn zoni rurali bbażati fuq l-agrikoltura għal zoni rurali bbażati fuq attivitajiet ekonomiċi usa';
7. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw linji politiċi li jtejbu l-kundizzjonijiet ġenerali ta" l-għajxien tan-nisa fiz-zoni rurali b'fokus speċjali fuq nisa li jkunu diżabbli, vittmi ta' vjolenza relatata mal-ġeneru, immigranti, membri ta' minoritajiet etniċi jew dawk li jkunu suġġetti għal bosta forom ta' diskriminazzjoni, u li jissalvagwardaw il-ġejjieni taz-zoni rurali billi joffru servizzi rurali aċċessibbli, bħal servizzi postali, servizzi ta' broadband u ta' teknoloġija ġdida applikata, ċentri kulturali u sportivi, servizzi tat-tifi tan-nar u servizzi pubbliċi ġenerali;
8. Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni u għat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni fil-kampanja u biex jippromwovu l-opportunitajiet indaqs fil-kuntest rurali permezz ta' linji politiċi u attivitajiet immirati lejn in-nisa f'zoni rurali;
9. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-intraprenditorija tan-nisa, biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lin-networks professjonali tan-nisa billi jgħinu jew iħarrġu mudelli jew gruppi ta' intraprendituri nisa, u biex ifasslu inizjattivi bil-għan li jitjiebu l-ħiliet, il-kapaċitajiet u l-attitudni intraprenditorjali tan-nisa fiz-zoni rurali u li jiffavorixxu l-inkorporazzjoni tan-nisa fl-organi ta" ġestjoni ta" l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet;
10. Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jappoġġjaw proġetti għall-promozzjoni tal-ħolqien ta' intrapriżi innovattivi ta' produzzjoni agrikola primarja f'zoni rurali - u l-għoti ta' pariri għall-bidu ta' negozji ġodda f'dan ir-rigward - li jkollhom il-potenzjal li joħolqu impjiegi ġodda li jittieħdu l-aktar min-nisa, bl-oqsma ewlenin ta' l-azzjoni jkunu prodotti mhux użati jew prodotti użati inqas mill-potenzjal tagħom, iż-żjieda tal-valur ta' prodotti agrikoli u t-tiftix ta' postijiet minn fejn dawn jistgħu jinbiegħu, l-użu ta' teknoloġiji ġodda u l-kontribuzzjoni għad-diversifikazzjoni taż-żona u l-forniment ta' servizzi li jippermettu ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja;
11. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-finanzjament għal miżuri innovattivi għan-nisa fiz-zoni rurali; jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf proġetti ta' networking fil-programm LEADER għall-iskambju ta' esperjenzi u ta' l-aħjar prattika;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li jingħata l-valur massimu lix-xogħol tan-nisa, inkluż ix-xogħol tan-nisa immigranti li ma jkunux parti mill-familji li jkunu sidien ta' l-irziezet u li jkunu jaħdmu fl-għelieqi, u liema nisa huma partikularmenti effettwati mill-problemi relatati mal-fatt li huma nisa fid-dinja tal-biedja;
13. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu kont tal-grupp sostanzjali ta' konjuġi - aktarx nisa - li jgħinu fil-biedja u f'intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li, f'ħafna Stati Membri, m'għandhomx status legali, u dan iwassal għal problemi finanzjarji u legali speċifiċi marbuta mad-dritt għal-liv tal-maternità u tal-mard, mal-kisba tad-drittijiet għall-pensjoni u ma' l-aċċess għas-sigurtà soċjali kif ukoll fil-każ ta' divorzju;
14. Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu s-sjieda konġunta tal-proprjetà bħala kunċett legali, bil-għan li d-drittijiet tan-nisa jiġu rikonoxxuti għalkollox fil-qasam agrikolu, li jitħarsu kif suppost f'sens ta' sigurtà soċjali, u li x-xogħol tagħhom jiġi rikonoxxut;
15. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ ideoloġiku u finanzjarju għal xogħol li jsir bla ħlas u għal xogħol volontarju; jisħaq fuq ix-xogħol sinifikanti fil-qasam soċjali li jsir minn organizzazzjonijiet tan-nisa f'dan il-kuntest; madankollu, jitlob li l-istrutturi jinbidlu biex in-nisa jkollhom aktar aċċess għall-impjiegi attivi b'salarju;
16. Jirrimarka li n-nisa fiz-zoni rurali huma aktar affettwati mill-qgħad mistur milli l-irġiel minħabba l-irwoli tradizzjonali tagħhom u minħabba li ħafna zoni m'għandhomx l-infrastrutturi xierqa, bħall-faċilitajiet għall-assistenza tat-tfal;
17. Jistieden lill-Istati Membri biex, b'koperazzjoni ma" l-awtoritajiet reġjonali, iħeġġu biex jitwaqqfu ċentri tar-riżorsi reġjonali għan-nisa, b'mod partikulari għal dawk bejn il-25 u s-60 sena li huma qiegħda, u biex jingħatalhom l-appoġġ biex jibdew jaħdmu għal rashom jew biex jiżviluppaw servizzi fil-komunitajiet tagħhom permezz tal-konsultazzjoni mal-livelli kollha u l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet;
18. Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-faċilitajiet ta" l-edukazzjoni u tat-taħriġ jippromwovu l-iżvilupp ta' netwerks ta" servizzi soċjali għall-kura tat-tfal, ta" l-anzjani, tal-morda u tal-persuni b'diżabilità bħala mezz li bih in-nisa u l-irġiel fid-dinja rurali jkunu jistgħu jsibu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol, il-familja u l-ħajja personali; jistedinhom ukoll biex itejbu is-servizzi tas-saħħa, u l-aktar is-servizz tal-kura tas-saħħa fil-komunità; jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu li jkun hemm servizzi paramediċi u servizzi ta' tobba għall-emerġenza fiz-zoni rurali;
19. Jiġbed l-attenzjoni għat-tabù kbir fir-rigward tal-vjolenza sesswali u/jew domestika fuq in-nisa u t-tfajliet fiz-zoni rurali; jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu miżuri xierqa biex jiżguraw li jkun hemm protezzjoni aħjar u appoġġ għall-vittmi u għal kull min jista' jkun vittma ta' vjolenza bħal din;
20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu ħsieb in-nuqqas ta" infrastruttura tajba għat-trasport fiz-zoni rurali u biex jiżviluppaw politiki pożittivi sabiex jitjieb l-aċċess għat-trasport għal kulħadd, b'mod partikulari għall-persuni b'diżabilità, billi t-trasport jibqa' fattur li jsaħħaħ l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza fis-soċjetà, u jaffettwa l-aktar lin-nisa;
22. Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-proġetti ESF/EQUAL li jfittxu li jenfasizzaw u jtejbu l-qagħda tan-nisa fiz-zoni agrikoli u rurali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu proġetti bħal dawn fi ħdan l-Unjoni Ewropea;
23. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-kumpaniji li jinvestu f'zoni rurali u li joffru impjieg ta" kwalità għolja lin-nisa;
24. Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex iħajru li jsiru fora għall-iskambju ta' tagħrif jew attivitajiet simili, kemm fil-pajjiżi kif ukoll bejn il-pajjiżi, b'referenza speċifika għall-qagħda tan-nisaf' zoni rurali;
25. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nisa m'humiex rappreżentati biżżejjed f'pożizzjonijiet ta' tmexxija formali rurali jew reġjonali, minkejja l-fatt li għandhom rwol importanti fil-komunità 'informali', fejn ħafna drabi n-nisa jkollhom sehem importanti fil-ħajja soċjali tal-komunità billi jinfluwenzaw l-iżvilupp ta' kapital soċjali permezz tas-sehem tagħhom f'networks lokali informali (eż. fil-qafas tax-xogħol volontarju fil-komunità jew f'diversi assoċjazzjonijiet tematiċi);
26. Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti biex iħeġġu sehem in-nisa fil-gruppi ta' azzjoni lokali u l-iżvilupp ta" sħubijiet lokali fil-qafas tal-programm Leader kif ukoll biex jiżguraw li jkun hemm bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet tat-tmexxija tagħhom;
27. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni ma weġbitx għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-3 ta' Lulju 2003 msemmija hawn fuq filwaqt li għaddiet għal reviżjoni radikali tad-Direttiva 86/613/KEE, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni nnifisha tirrikonoxxi li s'issa l-applikazzjoni tad-Direttiva ma kinitx effettiva u li ftit li xejn sar progress fl-Istati Membri biex ikun rikonoxxut ix-xogħol tal-konjuġi li jgħinu lil persuni li jaħdmu għal rashom jew li jaħdmu fl-agrikoltura u biex tingħatalhom protezzjoni xierqa; jerġa' jistieden lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2008, tressaq proposta għar-reviżjoni tad-direttiva li tipprovdi għad-drittijiet indipendenti soċjali u tal-pensjoni għan-nisa li jgħinu fl-impriżi agrikoli u fl-SMEs;
28. Jiddispjaċih ħafna, barra minn hekk, għall-fatt li l-Kummissjoni għad trid tirreaġixxi b'mod prattiku għar-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament dwar il-qagħda tal-konjuġi li jgħinu lil persuni li jaħdmu għal rashom, u li kien fihom talbiet għal:
-
reġistrazzjoni obbligatorja tal-konjuġi li jgħinu sabiex ma jibqgħux ħaddiema "inviżibbli";
-
l-obbligu li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konjuġi li jgħinu jkunu jistgħu jagħmlu polza ta' l-assigurazzjoni li tkopri l-kura tas-saħħa, il-pensjoni ta' l-irtirar, il-benefiċċji għall-maternità, is-servizzi ta' sostituzzjoni kif ukoll il-benefiċċji għad-diżabilità;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll lill-korpi eżekuttivi u elettivi responsabbli għall-opportunitajiet indaqs fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali fl-Istati Membri.
Id-definizzjoni ta' zoni rurali kif applikata f'din ir-riżoluzzjoni ġiet ikkompilata fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2006/144/KE. Il-Kummissjoni użat il-metodoloġija OECD b'mod konsistenti. Il-metodoloġija OECD hija bbażata fuq id-densità tal-popolazzjoni (OECD, Noħolqu indikaturi rurali għat-tfassil tal-politika territorjali, Pariġi, 1994). Hija bbażata fuq approċċ f'żewġ fażijiet: L-ewwel, l-unitajiet lokali (eż. il-muniċipalitajiet) jitqiesu bħala rurali jekk id-densità tal-popolazzjoni tagħhom tkun ta' inqas minn 150 abitant għal kull kilometru kwadru. Imbagħad, ir-reġjuni (eż. NUTS 3 jew NUTS 2) jiġu kklassifikati f'waħda mit-tliet kategoriji li ġejjin:· Reġjun fil-Biċċa l-Kbira tiegħu Rurali (PR): jekk aktar minn 50% tal-popolazzjoni tar-reġjun jgħixu f'komunitajiet rurali (b'inqas minn 150 abitant/km2)· Reġjun Intermedju (IR): jekk bejn 15% u 50% tal-popolazzjoni tar-reġjun jgħixu f'unitajiet lokali rurali· Reġjun fil-Biċċa l-Kbira tiegħu Urban (PU): jekk anqas minn 15% tal-popolazzjoni tar-reġjun jgħixu f'unitajiet lokali rurali. L-1,284 reġjun tan-NUTS 3 fl-UE tas-27 huma maqsuma bejn wieħed u ieħor indaqs bejn it-tliet kategoriji rurali u urbani. Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq definizzjonijiet alternattivi li jirriflettu aħjar id-diversità taz-zoni li fil-biċċa l-kbira huma rurali, inklużi z-zoni peri-urbani.