Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta' riċerka u żvilupp maħsub biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz ta' l-użu ta' Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni ġodda (ICT), imnedija minn diversi Stati Membri (COM(2007)0329 – C6-0178/2007 – 2007/0116(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2007)0329),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 251(2) u l-Artikoli 169 u 172(2) tat-Trattat tal-KE, skond liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0178/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0027/2008),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-13 ta' Marzu 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru .../2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programm ta' riċerka u żvilupp mibdi minn diversi Stati Membri li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' persuni mdaħħlin fiż-żmien permezz ta' l-użu ta' Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni Ġodda
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Deċiżjoni Nru .../2008/KE.)