Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2116(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0033/2008

Testi mressqa :

A6-0033/2008

Dibattiti :

PV 12/03/2008 - 19
CRE 12/03/2008 - 19

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2008 - 4.7
CRE 13/03/2008 - 4.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0102

Testi adottati
PDF 328kWORD 107k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2008 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni partikolari tan-nisa fil-ħabs u l-impatt tal-priġunerija ta' ġenituri fuq il-ħajja soċjali u dik tal-familja
P6_TA(2008)0102A6-0033/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2008 dwar is-sitwazzjoni partikolari tan-nisa fil-ħabs u l-impatt tal-priġunerija ta' ġenituri fuq il-ħajja soċjali u dik tal-familja (2007/2116(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat ta' l-UE u l-Artikolu 4 tal-Karta l-ġdida tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, iffirmata fit-12 ta' Diċembru 2007(1),dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu, il-Ftehim Internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi, b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu, il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura u Trattament jew Pieni Inumani jew Degradanti (Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Tortura) u l-Protokoll Mhux Obbligatorju tiegħu dwar it-twaqqif ta' sistema ta' żjarat regolari minn entitajiet internazzjonali u nazzjonali indipendenti fil-postijiet ta' detenzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-protokolls tagħha u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tat-Tortura msemmija hawn fuq, li stabbiliet il-Kumitat Ewropew dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura u Trattament Inuman jew Degradanti, tal-Kunsill ta' l-Ewropa, kif ukoll ir-rapporti ta' l-imsemmi Kumitat,

–   wara li kkunsidra r-Regoli Minimi Standardtan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trattament tal-Ħabsin ta' l-1957 u tad-dikjarazzjonijiet u l-prinċipji adottati f'dan ir-rigward mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal ta' l-20 ta' Novembru 1989,

–   wara li kkunsidra ir-riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat Tal-Ministri tal-Kunsill ta'l-Ewropa, b' mod partikolari r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa (73)5 dwar ir- Regoli Minimi Standard dwar it-Trattament tal-Ħabsin, ir-rRkkomandazzjonijietR(87) 3 u R(2006)2 dwar ir-Regoli Ewropej dwar il-Priġunerija,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta' l-Ewropa u speċjalment ir-Rakkomandazzjoni R (2006) 1747dwar il-ħolqien ta' Karta Ewropea dwar il-Priġunerija kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni R (2000) 1469 dwar l-Ommijiet u t-Trabi fil-Ħabs,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 1989 dwar in-nisa u t-tfal fil-ħabs(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 1996 dwar il-kundizzjonijiet ħżiena tal-priġuneri fil-ħabsijiet ta' l-Unjoni Ewropea(3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 1998 dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet fl-Unjoni Ewropea: titjib u pieni alternattivi(4) u r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2004 dwar l-intenzjoni tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-priġunieri fl-Unjoni Ewropea(5),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0033/2008),

A.   billi skond il-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej(6), il-priġunieri kollha għandhom ikunu trattati b'rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-kundizzjonijiet ta' priġunerija, għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem, mal-prinċipju kontra d-diskriminazzjoni u r-rispett tad-dritt tal-privatezza u l-ħajja familjari u għandha ssir evalwazzjoni regolari minn entitajiet indipendenti,

B.   billi l-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet speċifiċi tan-nisa fil-ħabs għandhom ikunu kkunsidrati fis-sentenzi, fil-liġi kriminali u mill-istituzzjonijiet ta' priġunerija ta' l-Istati Membri,

C.   billi għandhom jiġu introdotti miżuri konkreti u adattati għall-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa, b' mod partikolari bl-applikazzjoni ta' pieni alternattivi,

D.   billi n-nisa tqal fil-ħabs għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-appoġġ, mill-informazzjoni u mill-elementi essenzjali neċessarji sabiex ma jkunx hemm problemi fit-tqala u l-maternità tagħhom, b' mod partikolari għandu jkollhom dieta bilanċjata, kundizzjonijiet sanitarji tajbin, arja friska, eżerċizzju fiżiku u kura qabel u wara t-twelid,

E.   billi l-priġunieri kollha nisa u rġiel għandhom jibbenefikaw minn aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa iżda l-politiki ta" detenzjoni għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-prevenzjoni, lis-segwitu u lit-trattament kemm fiżiku u kemm mentali ta' problemi ta' saħħa speċifiċi għan-nisa,

F.   billi s-saħħa mentali u fiżika ta' l-omm hija marbuta direttament ma' dik tat-tfal,

G.   billi numru kbir ta' nisa fil-ħabs li qed ibatu jew li batew mid-dipendenza fuq drogi u sustanzi oħra, jista' jkollhom problemi mentali u problemi fl-imġiba tagħhom, li jirrikjedu wkoll trattament mediku kif ukoll appoġġ soċjali u psikoloġiku xieraq fil-qafas tal-politika penitenzjarja relatata mas-saħħa ġenerali,

H.   billi llum kulħadd jaf li l-biċċa l-kbira tan-nisa fil-ħabs kienu vittmi ta' atti ta' vjolenza, abbuż sesswali jew trattament ħażin fil-kuntest tal-familja tagħhom jew mas-sieħeb tagħhom u li jinsabu f'sitwazzjoni ta' dipendenza ekonomika u psikoloġika kbira; billi dawn l-elementi kollha għandhom rabta diretta mal-passat delikat tagħhom u ma' konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi, bħall-istress wara trawma,

I.   billi l-persunal li jaħdem fil-ħabsijiet għandu jkun imħarreġ u sensibiliżżat biżżejjed fl-implimentazzjoni ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u għall-bżonnijiet u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tan-nisa fil-ħabs; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk li huma l-iktar dgħajfa min-nisa fil-ħabs, jiġifieri lill-minorenni u lill-persuni b'diżabilità,

J.   billi ż-żamma ta' rabtiet familjari hija strument essenzjali sabiex ikun evitat r-reċidiviżmu u għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà u huwa dritt tal-priġunieri kollha, tat-tfal tagħhom u tal-membri l-oħra tal-familja u li l-eżerċitar ta' dan id-dritt huwa ħafna drabi kkumplikat għan-nisa minħabba r-rarità tal-każijiet u parzjalment ukoll forsi minħabba d-distanza ġeografika taċ-ċentri ta' detenzjoni tan-nisa,

K.   billi l-aħjar interess tat-tfal għandu dejjem ikun ikkunsidrat meta jittieħdu deċiżjonijiet relatati mas-separazzjoni tagħhom jew maż-żamma tagħhom mal-ġenitur fil-ħabs, billi huwa xieraq li, fil-każijiet kollha, il-ġenitur l-ieħor ikkonċernat ikun jista' jeżerċita l-awtorità parentali tiegħu, u li jiġu stabbiliti proċeduri xierqa għall-preservazzjoni ta' rabtiet effettivi mal-bqija tal-familja oriġinali (ma' l-aħwa, in-nanniet u l-membri l-oħra tal-familja),

L.   billi meta iffirmaw il-Konvenzjoni msemmija dwar id-drittijiet tat-tfal, (kif ukoll skond strumenti internazzjonali oħrajn), l-Istati li huma parti obbligaw rwieħhom li jiżguraw li t-tfal kollha mingħajr l-ebda forma ta' diskriminazzjoni u indipendentement mill-istatus legali tal-ġenituri tagħhom, igawdu l-benefiċċji kollha msemmija f'din il-konvenzjoni u speċjalment id-dritt għall-kura xierqa tas-saħħa, għall-ħin liberu u għall-edukazzjoni u li dan l-obbligu japplika wkoll għat-tfal residenti mal-ġenituri fil-ħabs,

M.   billi, minbarra r-ripressjoni ta' att illegali, l-irwol ta' l-istituzzjoni penitenzjarja għandu jgħin l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali u professjonali, b'kont meħud taas-sitwazzjonijiet ta' esklużjoni soċjali u ta' faqar li spiss jikkaratterizzaw il-passat ta' numru kbir ta' ħabsin, irġiel u nisa;

N.  Billi numru kbir ta" nisa fil-ħabs huma, fil-mument tal-priġunerija tagħhom involuti fi proċeduri ġudizzjarji pendenti (proċedura ta" abbandun, ta" ospitalità temporanja jew adozzjoni ta" minorenni, ta" divorzju jew separazzjoni, ta" tkeċċija minn domiċilju, eċċ.), proċeduri li jpoġġuhom f'sitwazzjoni ta" vulnerabilità u fi stat permanenti ta" inċertezza u stress,

O.   billi l-ħabsin ħafna drabi jinjoraw ir-riżorsi soċjali li jeżistu u li f'ħafna każijiet, il-fatt li huma ma jkollhomx dokumenti amministrattivi relatati mas-sitwazzjoni tagħhom (karta ta" l-identità, karta ta" l-assigurazzjoni soċjali, reġistru tal-familja eċċ), dokumenti li huma jkunu tilfu jew li jkunu skadewlhom, ixekkilhom fil-prattika milli jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini ta" kull Stat Membru,

P.   billi aċċess ugwali għall-ħabsin irġiel u nisa, għall-imjieg, għat-taħriġ professjonali u għall-ħin liberu waqt id-detenzjoni tagħhom huwa fundamentali għall-bilanċ psikoloġiku tagħhom u għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-soċjetà u fid-dinja tax-xogħol,

Q.  Billi mhux biżżejjed li jkun possibbli għall-ħabsin, irġiel u nisa, li jingħataw opportunitajiet jkunu kemm ikunu diversi, fil-qasam ta" l-edukazzjoni, tat-taħrig, ta" l-impjieg, tal-ħin liberu, ta" l-intervenzjoni individwali u li hu meħtieġ li jkunu żviluppati programmi supplimentari li jiffaċilitaw l-implikazzjoni tagħhom fil-preparazzjoni u matul il-proċess ta" l-integrazzjoni tagħhom,

R.   billi n-nisa fil-ħabs għandhom jippruvaw jiksbu mingħajr l-ebda forma ta" diskriminazzjoni impjieg u xogħol volontarju kif ukoll miżuri diversifikati ta" żvilupp personali u ċiviku li jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom meta tiskadilhom is-sentenza tal-ħabs u għandhom jippruvaw jadattaw għall-esiġenzi tas-suq tax-xogħol,

S.   billi s-suċċess ta' l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-ħabsin, irġiel u nisa, kif ukoll il-prevenzjoni milli jerġgħu jwettqu reati oħra, jiddependu fuq il-kwalità tal-kontroll eżerċitat waqt id-detenzjoni tagħhom u speċjalment fuq is-sħubijiet stabbiliti ma" intrapriżi u entitajiet ta' assistenza soċjali, kif ukoll fuq is-segwitu u l-għajnuna soċjoprofessjonali offruta wara li jkunu skontaw il-piena,

T.   billi hemm bżonn ovvju ta" informazzjoni u statistika globali, ċara u attwali organizzata skond is-sess,

Kundizzjonijiet ta' detenzjoni

1.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvestu f'riżorsi adegwati favur il-modernizzazzjoni u l-adattazzjoni ta' l-infrastrutturi ta" detenzjoni tagħhom kif ukoll sabiex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni R (2006)2 imsemmija mill-Kunsill ta" l-Ewropa bil-għan li jkun żgurat li l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali b'mod partikolari fl-oqsma ta' l-akkomodazzjoni, tas-saħħa, ta' l-iġene, ta' l-ikel, tal-ventilazzjoni u tad-dawl,

2.  Jerġa" jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill bil-għan ta" l-adozzjoni, fuq il-bażi ta" l-Artikolu 6 tat-Trattat UE, ta" deċiżjoni-qafas dwar l-istandards minimi għall- ħarsien tad-drittijiet tal-ħabsin (l-istess kif jirrakkomanda lill-Kunsill ta" l-Ewropa fir-rakkomandazzjoni msemmija R(2006)2) u jistieden lill-Kunsill sabiex ixerred u jippromwovi l-implimentazzjoni tar-regoli ta" detenzjoni tal-Kunsill ta" l-Ewropa bl-iskop ta" armonizzazzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet ta" detenzjoni fl-Ewropa, speċjalment il-kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċjali tan-nisa, kif ukoll l-affirmazzjoni ċara tad-drittijiet u l-obbligi tal-ħabsin irġiel u nisa;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fir-rapport annwali tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem, evalwazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali tal-ħabsin irġiel u nisa u l-kundizzjonijiet speċjali ta' detenzjoni stabbiliti għan-nisa;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-pajjiżi kandidati biex jirratifikaw il-Protokoll Mhux Obbligatorju għall-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura li tistabbilixxi sistema indipendenti ta' kontroll ta' postijiet ta' detenzjoni u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu r-ratifikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni u l-protokoll tagħha fil-qafas tal-politika esterna ta' l-UE;

5.  Ifakkar li l-konformità tat-tmexxija taċ-ċentri ta" detenzjoni ma" standards legali nazzjonali u internazzjonali għandha tkun stabbilita minn spezzjonijiet regolari ta" l-awtoritajiet kompetenti;

6.  Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw organizzazzjoni tajba fl-istituzzjonijiet ta" detenzjoni kif ukoll biex jiżguraw is-sigurtà tal-persunal u tal-ħabsin kollha filwaqt li jintemmu s-sitwazzjonijiet ta' vjolenza u abbuż li għalihom huma partikolarment vulnerabbli n-nisa u l-persuni li joriġinaw minn minoritajiet etniċi u soċjali;

7.  Jistieden lil kull Stat Membru biex jiffaċilita l-aċċess tal-priġunieri nisa għal kampanji ta' prevenzjoni mmirati lejn il-pubbliku b'mod ġenerali, li jittrattaw kwistjonijiet bħas-sejbien bikri tal-kanċer tas-sider u l-kanċer ċervikali, u biex jiżguraw li jkollhom l-istess aċċess għal programmi nazzjonali li jirrigwardjaw l-ippjanar tal-familja;

8.  Ifakkar fin-"natura speċifika" tal-ħabsijiet għan-nisa u jinsisti fuq l-introduzzjoni ta' strutturi ta' sigurtà u ta' integrazzjoni mill-ġdid maħsuba għan-nisa; ifakkar barra minn hekk li għal nisa li ġew abbużati, sfruttati u esklużi, huwa importanti li jkun hemm arranġamenti sabiex jiġu ssetiljati mill-ġdid f'ambjent ta' appoġġ li jkun sensittiv għall-bżonnijiet individwali tagħhom;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex jintegraw id-dimensjoni ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki ta" detenzjoni tagħhom u fiċ-ċentri ta' detenzjoni kif ukoll biex jieħdu iżjed kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi tan-nisa fil-ħabs u l-passat ħafna drabi trawmatizzanti tagħhom speċjalment permezz ta' ħolqien ta' kuxjenza u ta' taħriġ xieraq tal-persunal mediku u tal-ħabs u permezz ta" l-edukazzjoni mill-ġdid tal-valuri bażiċi lin-nisa fil-ħabs;

   a) billi tkun inkluża d-dimensjoni tal-ġeneru fil-bażijiet tad-data possibilment fl-oqsma kollha, bil-għan li l-problemi u l-bżonnijiet tan-nisa jkunu evidenti b'mod ċar;
   b) billi f'kull Stat Membru jinħoloq kumitat permanenti għall-istudji u għas-sistemi ta" medjazzjoni għall-monitoraġġ effettiv tal-kundizzjonijiet ta" detenzjoni bil-għan li jkunu żvelati u kkoreġuti l-fatturi ta" diskriminazzjoni li jikkonċernaw lin-nisa fil-ħabs;
   c) billi jitqajmu kwistjonijiet dwar in-nisa fil-ħabs fid-dibattiti lokali, reġjonali u nazzjonali, bil-għan li tkun inkoraġġita l-adozzjoni ta" miżuri pożittivi relatati mar-riżorsi soċjali, mal-kundizzjonijiet ta" l-akkomodazzjoni, mat-taħriġ eċċ.;
   d) billi jkollhom predominanza ta' staff nisa u ta' staff mediku nisa fil-postijiet fejn in-nisa jkunu qed jiġu miżmuma.

10.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu aċċess ugwali u mingħajr diskriminazzjoni lin-nisa għal kull tip ta' servizz tal-kura tas-saħħa, servizzi li għandhom ikunu ta' l-istess kwalità bħal dawk mogħtija lill-bqija tal-popolazzjoni bil-għan li jiġu evitati u trattati b'mod effikaċi l-mard speċifiku tan-nisa;

11.  Ifakkar fil-bżonn li jittieħdu miżuri favur kunsiderazzjoni aħjar tal-bżonnijiet distinti tan-nisa fil-ħabs fl-oqsma ta' l-iġene kemm fuq livell ta' infrastruttura u kemm fuq livell ta' provvisti neċessarji għall-iġene.

12.  Jistieden lill-Istati Membri biex fil-ħabsijiet jadottaw politika ġenerali dwar is-saħħa li tidentifika u titratta l-problemi fiżiċi u mentali fil-ħabsijiet kif ukoll biex jagħtu għajnuna medika u psikoloġika lill-priġunieri kollha irġiel u nisa li jsofru minndipendenzi,u b' rispett lejn is-speċifiċitajiet femminili;

13.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri neċessarji kollha bil-għan li jingħata appoġġ psikoloġiku lin-nisa kollha li jinsabu fil-ħabs u b'mod partikolari lil dawk li għaddew minn vjolenza jew trattament ħażin kif ukoll lin-nisa li jrabbu lil uliedhom waħidhom u lill-minorenni delikwenti, sabiex tingħatalhom protezzjoni aħjar u jitjiebu r-relazzjonijiet familjari u soċjali tagħhom u għalhekk jiżdidulhom iċ-ċansijiet għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom; jirrakomanda li l-persunal tal-ħabsijiet jkun mħarreġ u sensibiliżżat dwar id-dgħufija partikolari ta" dawn il-ħabsin;

14.  Jirrakkomanda li d-detenzjoni tan-nisa tqal u n-nisa li jkollhom tfal żgħar magħhom jirrikorru għaliha bħala l-aħħar soluzzjoni u li f'dawn il-każijiet estremi, huma jistgħu jiksbu ċella ikbar, possibilment ċella individwali u għandha tingħatalhom attenzjoni partikolari, speċjalment fil-qasam ta" l-ikel u l-iġene; jikkunsidra barra minn hekk, li n-nisa tqal għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn trattamenti ta" segwitu kemm qabel u kemm wara t-twelid kif ukoll minn korsijiet edukattivi dwar it-trobbija tat-tfal li jkunu ta" kwalità ekwivalenti bħal dawk offruti barra l-istituzzjoni ta" detenzjoni;

15.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li meta l-ħlas fil-ħabs ikun wieħed normali, it-tarbija ġeneralment tittieħed mingħand omma bejn l-24 u t-72 siegħa wara t-twelid, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra biex jikkunsidraw soluzzjonijiet oħrajn;

16.  Jenfasizza l-bżonn li s-sistema ġudizzjarja tiżgura rispett lejn id-drittijiet tat-tfal meta jkunu qed jiġu kkunsidrati kwistjonijiet marbutin mad-detenzjoni ta" l-omm;

17.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw b'mod sħiħ l-iżvilupp ta' l-orjentazzjoni sesswali u tad-diversi forom ta' ħajja familjari, sakemm dawn ikunu konformi mal-liġi;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li tispiċċa d-detenzjoni ta' bniet u subien li jkollhom 18-il sena jew anqas f'ħabsijiet għall-adulti;

Żamma ta' rabtiet familjari u relazzjonijiet soċjali

19.  Jirrakkomanda li l-pieni alternattivi għall-priġunerija għandhom jingħataw preferenza, b'mod partikolari għall-ommijiet waqt li jkunu qed jiskontaw is-sentenza u meta r-riskji għas-sigurtà pubblika jkunu żgħar minħabba li l-priġunerija tagħhom tista' tiddisturba serjament il-ħajja familjari speċjalment meta l-ommijiet ikunu kapijiet ta' familji, ġenituri waħidhom jew ikollhom tfal minorenni; ifakkar li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jikkunsidraw dawn l-elementi meta jagħżlu x'piena se jagħtu b'mod partikolari fl-aħjar interess tat-tfal tal-ġenitur li jkun qed jiġi akkużat; jirrakkomanda, bl-istess mod, li tkun ikkunsidrata l-possibilità li l-ħabsin irġiel li jkollhom ir-responsabilità tat-tfal minorenni jew li jkollhom responsabilitajiet familjari oħrajn, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri simili bħal dawk stabbiliti għall-ommijiet ħabsin;

20.  Jenfasizza li r-riperkussjonijiet ta" l-iżolament u l-istress fuq is-saħħa tan-nisa tqal fil-ħabs jista" jkollhom min-naħa tagħhom konsegwenzi li jagħmlu ħafna ħsara lit-tfal u għalhekk wieħed għandu jikkunsidra serjament id-deċiżjoni li jinżammu f'detenzjoni;

21.  Jinsisti barra minn hekk dwar il-bżonn li l-amministrazzjoni ġudizzjarja tkun infurmata dwar l-eżistenza tat-tfal qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar detenzjoni preventiva, jew fil-mument meta tingħata s-sentenza u li jkun żgurat li jkunu ttieħdu miżuri għall-preservazzjoni ta" l-integralità tad-drittijiet tagħhom;

22.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu n-numru ta' ċentri ta' detenzjoni għan-nisa u biex iqassmuhom aħjar fuq it-territorji tagħhom b'mod li jkun aktar faċli għan-nisa fil-ħabs li jżommu r-rabtiet familjari u l-ħbiberiji u li jipparteċipaw f'servizzi reliġjużi;

23.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet ta" detenzjoni jadottaw regoli inqas ħorox fl-oqsma tal-modalità, tal-frekwenza, tad-dewmien u ta' l-iskeda taż-żjarat li għandhom ikunu jistgħu jagħmlu l-membri tal-familja, il-ħbieb u persuni terzi.

24.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-kuntatt fil-familja u b'mod partikolari bejn il-ġenituri fil-ħabs u uliedhom sakemm dan mhux kontra l-interess tat-tfal permezz ta' l-implimentazzjoni ta' strutturi ta' ospitalità billi l-ambjent ikun differenti minn dak f'ħabsijiet normali u billi jippermettu li jagħmlu attivitajiet flimkien u jkollhom kuntatt affettiv xieraq;

25.  Iħeġġeġ li l-Istati Membri biex jikkonformaw ma" l-obbligi internazzjonali tagħhom filwaqt li jiżguraw l-ugwaljanza tad-drittijiet u tat-trattament tat-tfal li jgħixu mal-ġenitur tagħhom fil-ħabs kif ukoll biex joħolqu kundizzjonijiet ta" għejxien adattati għall-bżonnijiet tagħhom f'ċentri totalment indipendenti u kemm jista" jkun "il bogħod mill-ambjent normali tal-ħabs, kundizzjonijiet li jippermettulhom li jintegraw is-sistemi ta" kura tat-tfal jew ta" istituzzjonijiet edukattivi klassiċi u li jipprovdulhom arranġamenti flessibbli u ġenerużi ta" ħarġiet fil-kumpanija tal-familja jew ta" persunal mill-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tat-tfal, ħarġiet li jippermettulhom żvilupp fiżiku, mentali, morali u soċjali tajjeb filwaqt li jużaw infrastrutturi adattati kif ukoll li jibbenefikaw minn staff kwalifikat li jista" jgħin lin-nisa fil-ħabs fir-responsabilitajiet ta" l-edukazzjoni u tat-trobbija tagħhom; jirrakkomanda wkoll, fil-każ li jkun hemm tfal minorenni fil-ħabs, li jkun iffaċilitat l-eżerċitar ta" l-awtorità tal-ġenituri mill-ġenitur l-ieħor ikkonċernat;

26.  Jinnota b'dispjaċir li numru kbir ta" nisa fil-ħabs huma ġenituri weħidhom u li huma jitilfu l-kuntatt mat-tfal tgaħhom, xi drabi b'mod permanenti; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiddefinixxu u jimplimentaw politiki alternattivi bil-għan li tkun evitata separazzjoni totali;

27.  Jistieden immedjatament lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-ħabsin kollha b'għajnuna legali b'xejn dwar kwistjonijiet ta" priġunerija u meta l-għajnuna legali tkun relatata man-nisa fil-ħabs, din għandha tkun għajnuna legali speċjalizzata fid-drittijiet tal-familja, sabiex ikunu jistgħu jingħataw risposti għall-kwistjonijiet marbuta ma' fostering, ma" l-adozzjoni, mas-separazzjoni, mal-vjolenzi sesswali, eċċ

28.  Jirrakkomanda t-tnidija ta" kampanji ta" informazzjoni u linji gwida dwar is-servizzi soċjali provduti mill-Komunità u l-proċeduri ta" aġġornament tad-dokumeti amministrattivi relatati mas-sitwazzjoni personali, familjari u soċjali tagħhom, sabiex in-nisa fil-ħabs ikunu jistgħu jeżerċitaw b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom ta" ċittadini;

29.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri addizzjonali psikosoċjali bil-għan li tkun preparata aħjar is-separazzjoni tal-ħabsin nisa mit-tfal tagħhom, u biex jitnaqqas l-impatt negattiv ta" din is-sitwazzjoni;

L-integrazzjoni soċjali u professjonali mill-ġdid

30.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri neċessarji bil-għan li joffru lill-ħabsin kollha irġiel u nisa, il-possibilità ta' impjieg li jippermetti żvilupp personali, bi ħlas xieraq u diversifikat, eżenti minn kull forma ta' segregazzjoni bbażata fuq sess u kull forma oħra ta' diskriminazzjoni, kif ukoll biex jimplimentaw, għal dan il-għan, sħubijiet ma" intrapriżi privati;

31.  Jitlob lill-Istati Membri biex jinvestu f'riżorsi fost affarijiet oħra permezz ta' l-użu ta' strumenti finanzjarji komunitarji relatati ma' l-impjieg u ma' l-integrazzjoni soċjali bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-programm PROGRESS, għall-iżvilupp, fil-kuntest tal-ħabsijiet, ta' programmi favur il-litteriżmu, ta" edukazzjoni għal tul il-ħajja u ta' taħriġ professjonali adattati għall-esiġenzi tas-suq tax-xogħol li jistgħu jwasslu għal kisba ta' ċertifikat;

32.  Jenfasizza li dawn il-programmi għandhom jinkludu korsijiet tal-lingwi, inkluż taħriġ fil-lingwa nazzjonali ( jew għall-inqas f'waħda mil-lingwi nazzjonali) għall-ħabsin barranin, irġiel u nisa, taħriġ fl-informatika kif ukoll taħriġ dwar imġiba soċjali u professjonali,

33.  Jenfasizza l-irwol primordjali ta" organizzazzjonijiet mhux tal-gvern fil-qasam ta" l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali u professjonali tal-ħabsin, u b'mod partikolari tan-nisa, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta" attivitajiet ta" dawn l-organizzazzjonijiet fl-ambitu tal-ħabsijiet, speċjalment permezz ta" żieda fir-riżorsi mogħtija lilhom, permezz ta" kundizzjonijiet ta" aċċess mhux riġidi għall-membri tagħhom fil-ħabsijiet u permezz ta" ħolqien ta" kuxjenza ikbar fost l-persunal tal-ħabsijiet dwar il-bżonn li jkun hemm kollaborazzjoni tajba mal-ħabsin;

34.  Jikkunsidra li, skond kemm ikun kbir ir-riskju għas-sigurtà pubblika u skond il-gravità tal-piena, l-applikazzjoni ikbar ta' sistemi ta' semi-libertà li jippermettu lill-priġunieri, irġiel u nisa, li jaħdmu u li jsegwu taħriġ professjonali barra l-bini tal-ħabs, tista' tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali u professjonali tagħhom;

35.  Jenfasizza li l-kundizzjonijiet ta" impjieg tal-ħabsin, irġiel u nisa, u b'mod partikolari dawk tan-nisa tqal jew li waslu biex iwelldu, għandhom ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Komunitarja u dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu kontrollati regolarment mill-awtoritajiet kompetenti;

36.  Jenfasizza l-bżonn li jkun inkoraġġit l-involviment tal-ħabsin irġiel u nisa fi programmi mmirati lejn żvilupp professjonali u integrazzjoni mill-ġdid soċjali speċjalment permezz ta" rapport personali u billi jiġi assigurat li dawn l-isforzi jiġu evalwati kull sena;

37.  Jikkunsidra bħala prijorità l-implimentazzjoni f'kull ċentru ta" detenzjoni, ta" programm ta" akkumpanjament u ta" appoġġ individwali, aċċessibbli għall-ħabsin kollha irġiel u nisa, fuq bażi voluntarja, għad-definizzjoni, l-implimentazzjoni u għas-suċċess tal-proġetti tagħhom ta" żvilupp personali u ta" integrazzjoni soċjali, li huma jistgħu jsegwu meta joħorġu mill-ħabs;

38.  Ifakkar fil-bżonn li matul il-perjodu ta' priġunerija u wara, jiġu implimentati miżuri ta' għajnuna soċjali maħsubin biex jippreparaw u jassistu l-ħabsin fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom u speċjalment fit-tfittxija tagħhom għal akkomodazzjoni u għal impjieg bil-għan li jkunu evitati sitwazzjonijiet ta' esklużjoni soċjali utar-reċidiviżmu;

39.  Jenfasizza l-importanza taż-żamma u l-promozzjoni tal-kuntatti tal-ħabsin, irġiel u nisa, mad-dinja ta" barra, speċjalment permezz ta" l-aċċess tagħhom għal mezzi tal-media permezz tal-kitba u mezzi oħra, kif ukoll il-komunikazzjoni tagħhom ma" entitajiet ta' assistenza soċjali, ma' NGOs u ma' assoċjazzjonijiet kulturali, artistiċi jew entitajiet oħrajn approvati mill-awtoritajiet tal-ħabs;

40.  Ifakkar li l-aċċess regolari tal-ħabsin kollha għal attivitajiet sportivi u ta" rekreazzjoni, kif ukoll għal possibilitajiet edukattivi artistiċi u kulturali, huwa fundamentali għaż-żamma tal-bilanċ psikoloġiku tagħhom u sabiex ikunu ffaċilitati l-possibilitajiet ta" integrazzjoni soċjali mill-ġdid;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lill-popolazzjoni tal-ħabsijiet fil-kuntest tal-programm ta" azzjoni tagħha tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali;

42.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni speċifika lill-ħabsin, irġiel u nisa, ta" nazzjonalità barranija, speċjalment fil-livell ta" differenzi lingwistiċi u kulturali, biex jiffaċilitaw iż-żamma ta" kuntatti mal-persuni viċin tagħhom u biex ikunu jistgħu jidħlu f'kuntatt ma" l-ambaxxati tagħhom u li jkollhom aċċess għar-riżorsi u għall-programmi ta" detenzjoni kif ukoll għal informazzjoni li huma jistgħu jifhmuha; huwa jirrakkomanda ukoll li għandhom jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi speċifiċi tan-nisa barranin fil-programmi ta' l-attivitajiet tal-ħabs, biex iħarrġu lill-aġenti tal-ħabs biex jaħdmu f'kuntest multikulturali, kemm fil-ħabsijiet kif ukoll barra u biex jintroduċu servizzi ta" medjazzjoni kemm fil-ħabsijiet kif ukoll barra;

43.  Jistieden lill-Istati Membri, fil-kuntest ta" l-iffaċilitar ta" l-integrazzjoni mill-ġdid soċjali u professjonali, biex jikkunsidraw il-miżuri neċessarji kollha bil-għan li fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom jintegraw standards li jiffaċilitaw ir-reklutaġġ professjonali ta" l-ex ħabsin, u b'mod partikolari tan-nisa li jrabbu t-tfal weħidhom u tal-minorenni delinkwenti, f'dak li jirrigwarda s-settur professjonali kemm pubbliku u kemm privat;

44.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu skambju ta' informazzjoni u ta' prattika tajba dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, b'mod partikolari dawk tan-nisa, kif ukoll fl-oqsma ta' l-effikaċità ta' miżuri ta' taħriġ professjonali u ta' integrazzjoni soċjali mill-ġdid; jikkunsidra li huwa importanti f'dan il-kuntest li tkun inkoraġġita u ffinanzjata l-parteċipazzjoni ta" l-awtoritajiet u tal-persuni involuti direttament fil-ħolqien ta" programmi ġodda u ta" prattiki tajbin kif ukoll f'kungressi u dibattiti nazzjonali u internazzjonali, bħala elementi ta" motivazzjoni u bħala element li jiġġenera enerġiji pożittivi;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni, biex flimkien ma' l-Istati Membri tinkoraġġixxi r-riċerka dwar l-ambjent tal-ħabsijiet, riċerka bbażata fuq id-dimensjoni tal-ġeneru u fuq il-finanzjament ta" studji dwar il-kawżi tal-kriminalità, il-kuntest li fih isseħħ l-imġieba kriminali u kif ukoll dwar l-effikaċità tal- pieni bil-għan li jkun possibbli titjib fil-parteċipazzjoni tal-ħabsin, irġiel u nisa, fil-ħajja soċjali, familjari u professjonali;

o
o   o

46.  Jitlob lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, tal-pajjiżi ta' adeżjoni u tal- pajjiżi kandidati.

(1) ĠU C 303, ta' l-14.12.2007, p. 1
(2) ĠU C 158, 26.6.1989, p. 511.
(3) ĠU C 32, 5.2.1996, p. 102.
(4) ĠU C 98, 9.4.1999, p.299.
(5) ĠU C 102 E, 28.4.2004, p.154.
(6) Artikoli 1, 3, 5 u 12 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-ewwel prinċipju fundamentali dwar it-trattament tal-priġunieri inklużi mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Anness tar-riżoluzzjoni tagħha 45/111 ta' l-14 ta' Diċembru 1990;

Avviż legali - Politika tal-privatezza