Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2182(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0035/2008

Testi mressqa :

A6-0035/2008

Dibattiti :

PV 13/03/2008 - 3
CRE 13/03/2008 - 3

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2008 - 4.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0103

Testi adottati
PDF 287kWORD 130k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2008 - Strasburgu
L-Ugwaljanza tas-Sessi u Poter lin-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp
P6_TA(2008)0103A6-0035/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2008 dwar l-Ugwaljanza tas-Sessi u Poter lin-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (2007/2182(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2007 dwar L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta' Poter lin-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (COM(2007)0100),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar "L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta' Poter lin-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp", li ġew adottati fl-14 ta' Mejju 2007,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 806/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta" April 2004 dwar il-promozzjoni ta" l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-koperazzjoni għall-iżvilupp(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(2), 137 u 141 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea mħabbra fis-sena 2000(2) u, b'mod partikulari, l-Artikolu 23 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta" Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta" Kull Forma ta" Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW),

–   wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma għall-Azzjoni adottati f'Beijing kif ukoll id-dokumenti sussegwenti li ġew adottati fis-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Beijing +5 u Beijing +10 dwar azzjonijiet u inizjattivi ulterjuri biex jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għall-Azzjoni adottati rispettivament fid-9 ta' Ġunju 2000 u fil-11 ta' Marzu 2005,

–   wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, adottati fis-Samit tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti f'Settembru 2000, u b'mod partikulari l-MDG dwar il-promozzjoni ta" l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tal-poter lin-nisa bħala rekwiżit sabiex jingħelbu l-ġuħ, il-faqar u l-mard, jinkisbu l-ugwaljanza fil-livelli kollha ta" l-edukazzjoni u fl-oqsma kollha tax-xogħol, il-kontroll ugwali fuq ir-riżorsi u r-rappreżentanza ugwali fil-ħajja pubblika u politika,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar "L-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp 2000-2004" (SEC(2004)1379),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta" Brussell tas-16 u s-17 ta" Diċembru 2004, li kkonfermaw l-impenn sħiħ ta" l-Unjoni Ewropea lejn l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp u l-koerenza politika,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-12 ta' April 2005 dwar l-irwol ta' l-Unjoni Ewropea fil-kisba ta' l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs)(3) u ta' l-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp - il-punt tan-nofs(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2005 dwar strateġija għall-iżvilupp ta' l-Afrika(5), u tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 dwar "Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana"(7),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, adottata fil-31 ta' Ottubru 2000, dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (UNSCR 1325 (2000)), b'mod partikulari paragrafu 1, li jħeġġeġ lill-Istati Membri biex "jiżguraw żieda fir-rappreżentanza tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u internazzjonali [...]",

–   wara li kkunsidra l-istqarrija Konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għall-Politika ta' l-Iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea: "Il-Kunsens Ewropew" (Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp) iffirmata fl-20 ta" Diċembru 2005(8) u l-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja ta' Diċembru 2007(9),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta" Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta" Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, fuq naħa waħda, u l-Komunità u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta" Ġunju 2000(10), kif emendata bil-Ftehima li temenda l-Ftehima ta" Sħubija iffirmata fil-Lussemburgu fil-25 ta" Ġunju 2005(11) (il-Ftehima ta' Cotonou),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta" Ruma dwar l-Armonizzazzjoni, adottata fil-25 ta" Frar 2003 wara l-Forum ta" Livell Għoli dwar l-Armonizzazzjoni, u d-Dikjarazzjoni ta" Pariġi dwar l-Effettività ta" l-Għajnuna, approvata fit-2 ta" Marzu 2005,

–   wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali dwar l-Iffinanzjar ta" l-Iżvilupp li saret f'Monterrey f'Marzu 2002, u s-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f'Johannesburg f'Settembru 2002,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali adottat f'Marzu 2005 fid-49 sessjoni tal-Kummissjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Qagħda tan-Nisa,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU tas-sena 2006 bit-titolu "Lejn l-Ugwaljanza",

–   wara li kkunsidra r-rapporti tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni dwar il-Qagħda tal-Popolazzjoni Dinjija ta" l-2005 u l-2006, bit-titolu "Il-Wegħda ta" l-Ugwaljanza: l-ekwità bejn in-nisa u l-irġiel, is-saħħa riproduttiva u l-għanijiet tal-millennju għall-iżvilupp", u "Mogħdija lejn it-Tama: In-nisa u l-migrazzjoni interna", rispettivament,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-koperazzjoni għall-iżvilupp(12) (DCI),

–   wara li kkunsidra l-Istatistika bbażata fuq ir-rapporti tal-Membri tal-Kumitat ta" l-Għajnuna għall-Iżvilupp ta" l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) dwar il-Punt ta' Riferiment tal-Politika dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2004 - 2005, ippubblikat f'Ġunju 2007 u r-Rapport ta' l-OECD ta' l-2006 dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta' l-Għajnuna,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Liżbona ta' Marzu 2000 dwar it-tkabbir u l-impjieg,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll dwar id-Drittjiet tan-Nisa fl-Afrika, magħruf ukoll bħala l-Protokoll ta" Maputo, li daħal fis-seħħ fis-26 ta" Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 u s-6 ta" Diċembru 2007 dwar ir-reviżjoni ta" l-implimentazzjoni mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet ta" l-UE tal-pjattaforma għall-azzjoni ta" Beijing u, b'mod partikulari, ir-rapport anness miegħu, imfassal mill-Presidenza Portugiża li fih indikaturi dwar in-nisa u l-faqar;

–   wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tan-NU dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fil-Kajr f'Settembru 1994, il-Programm ta" Azzjoni adottat fil-Kajr kif ukoll id-dokumenti sussegwenti li rriżultaw, adottati fis-seduta speċjali tan-NU Kajr +5 dwar aktar azzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Programm ta" Azzjoni adottat fl-1999,

–   wara li kkunsidra s-Sejħa għall-Azzjoni ta" Brussell biex tiġi indirizzata l-vjolenza sesswali fil-kunflitti u lil hinn minnhom (Ġunju 2006);

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Maputo għat-Tħaddim tal-Qafas tal-Politika Kontinentali għas-Saħħa u d-Drittijiet Sesswali u Riproduttivi 2007-2010 adottat mis-Sessjoni Speċjali ta" l-Unjoni Afrikana f'Settembru 2006,

–   wara li kkunsidra l-qafas ta" azzjoni ta" Brussell u r-rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa għall-iżvilupp sostenibbli, adottati mill-Ministri tas-Saħħa tal-Grupp ta" Stati ta" l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) fi Brussell f'Ottubru 2007,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar "L-Ugwaljanza bejn is-Sessi: kwistjonji ewlenija f'soċjetà li qed tinbidel", u l-Programm ta' Azzjoni marbuta magħha adottat fil-Ħames Kunsill Ministerjali Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Konferenza tal-Ministri ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi li saret fil-Lussemburgu fl-4 ta' Frar 2005,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 14/04 ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), adottata fis-7 ta' Diċembru 2004 f'Sofia, dwar il-Pjan ta' Azzjoni ta' l-OSCE ta' l-2004 għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi;

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Commonwealth 2005-2015 għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0035/2008),

A.   billi d-Dikjarazzjoni ta' Vjenna, adottata fil-25 ta' Ġunju 1993 mill-Konferenza Dinjija tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tgħid li "d-drittijiet tan-nisa u tal-bniet jiffurmaw parti integrali, indiviżibbli u inaljenabbli mid-drittijiet universali tal-bniedem",

B.   billi l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jidentifika l-ugwalanza bejn is-sessi bħala prinċipju komuni, billi jistqarr li "l-UE se tinkludi element qawwi ta' ġeneru fil-politiki u l-prattiki kollha tagħha fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw" (Taqsima I - Artikolu 19), u billi l-Ftehima ta' Cotonou tenfasizza b'mod ċar il-valur ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li tafferma li "l-koperazzjoni għandha tgħin biex ittejjeb l-aċċess tan-nisa għar-riżorsi kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom b'mod sħiħ" (Artikolu 31),

C.   billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU inkludiet aċċess universali għas-saħħa riproduttiva sa l-2015 bħala sotto-objettiv fil-lista ta" l-MDGs,

D.   billi l-Pjattaforma ta' Beijing għall-Azzjoni identifikat l-inklużjoni ta' kwistjonijiet dwar il-ġeneru bħala strateġija effettiva għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u stqarret li l-gvernijiet u partijiet oħra "għandhom jippromwovu politika attiva u li tidher rigward l-inklużjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fil-politiki u l-programmi kollha, sabiex qabel ma jittiedu d-deċiżjonijiet issir analiżi ta' l-effetti fuq in-nisa u fuq l-irġiel rispettivament",

E.   billi madwar żewġ terzi tax-xogħol madwar id-dinja jsir min-nisa u mill-bniet, iżda dawn igawdu minn inqas minn 5% tad-dħul; billi x-xogħol tan-nisa jipproduċi nofs l-ikel tad-dinja, u billi kważi 74% tan-nisa li mhumiex impjegati huma okkupati primarjament bix-xogħol tad-dar u u b'li jieħdu ħsieb tal-familja f'darhom, meta mqabbla ma' 27% ta' l-irġiel li mhumiex impjegati,

F.   billi 70% tal-1,3 biljun persuna li jgħixu f'faqar assolut huma nisa, u billi l-faqar mhuwiex biss sintomu iżda wkoll kawża tat-tqassim inġust tad-dħul, tal-proprjetà, tar-riżorsi, tas-saħħa fis-suq u tad-dritt li wieħed jiddisponi mill-proprjetà; billi l-UE qed tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa fil-koperazzjoni tagħha għall-iżvilupp permezz ta' strateġija fuq żewġ livelli li tinkludi l-inklużjoni ta' kwistjonijiet dwar il-ġeneru u azzjonijiet speċifiċi bil-għan li jippromwovu d-drittijiet tan-nisa u l-għoti tal-poter lin-nisa,

G.   billi t-tkabbir ekonomiku huwa essenzjali fil-ġlieda kontra l-faqar, iżda fih innifsu mhuwiex biżżejjed, għax ma jiġġenerax biżżejjed opportunitajiet ġodda biex jitwaqqfu l-intrapriżi u jinħolqu l-impjiegi,

H.   billi l-inugwaljanzi bejn is-sessi għandhom tendenza li jwasslu għal inugwaljanzi oħra, b'konsegwenzi ħżiena għall-benessri tan-nisa, u għall-familji u l-komunitajiet tagħhom, kif ukoll għall-iżvilupp personali tagħhom,

I.   billi f'ħafna pajjiżi, azzjonijiet relatati mas-sessi mhumiex meqjusa ta' prijorità għolja, fejn il-ġeneru huwa meqjus bħala kwistjoni sussidjarja, u prattiki kulturali, reliġjużi u soċjo-ekonomiċi huma użati bħala skuża biex jiġi ostakolat il-progress fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa,

J.   billi ġie ppruvat li l-għoti ta' poter lin-nisa jaċċelera l-kisba ta' l-MDGs sabiex jitnaqqas il-faqar u jitjiebu l-indikaturi demografiċi, soċjali u ekonomiċi,

K.   billi l-inklużjoni tal-kwistjonijiet tal-ġeneru tista' tgħin sabiex is-soċjetajiet isiru aktar ġusti u demokratiċi, fejn in-nisa u l-irġiel jitqiesu bħala ndaqs f'kull aspett tal-ħajja, iżda din ma tissostitwix politiki speċifiċi dwar l-ugwaljanza u azzjonijiet pożittivi bħala parti minn strateġija fuq żewġ livelli mmirata biex tikseb l-għan ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi,

L.   billi l-edukazzjoni bikrija u t-taħriġ għall-bniet u għan-nisa (inkluża l-edukazzjoni komprensiva dwar is-sess) huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-mard fuq skala mifruxa, għax dawn jiżguraw li n-nisa jżidu l-għarfien, il-kapaċitajiet u l-kunfidenza tagħhom sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fis-soċjetà u fil-politika b'mod sħiħ,

M.   billi l-fatt li n-nisa jgawdu s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tagħhom huwa meħtieġ sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, billi l-ħila tan-nisa li jikkontrollaw il-fertilità tagħhom hija fundamentali sabiex ikollhom is-setgħa, u għax in-nisa li jistgħu jippjanaw il-familji tagħhom jistgħu jippjanaw ukoll il-bqija ta" ħajjithom, billi n-nisa b'saħħithom jistgħu ikunu aktar produttivi u għax il-ħarsien tad-drittijiet riproduttivi - bħall-ippjanar tal-familja f'termini ta" meta jkollhom l-ulied, u ż-żmien ta" bejn l-ulied, u t-teħid tad-deċiżjonijiet dwar ir-riproduzzjoni mingħajr diskriminazzjoni, sfurzar jew vjolenza - jipprovdi l-libertà li jieħdu sehem aktar sħiħ u ugwali fis-soċjetà,

N.   billi l-appoġġ finanzjarju u tekniku għall-organizzazzjonijiet tan-nisa huwa kruċjali għall-promozzjoni ta' programmi għall-membri l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni, fosthom in-nisa migranti, dawk spustjati u rifuġjati, b'mod partikulari l-provvista ta' apparat u teknoloġija adattata għall-ipproċessar ta' l-ikel u sabiex jitħaffef ix-xogħol, l-iffaċilitar ta' l-aċċess tan-nisa għall-art, it-titjib ta' l-aċċess tal-bniet għall-iskola u ta' l-attendenza tagħhom,

O.   billi n-nisa huma vulnerabbli għal diskriminazzjoni fiż-żwieġ u għal diskriminazzjoni fl-aċċess għall-proprjetà immobbli u għas-sjieda ta' l-art, kif ukoll għall-aċċess għar-riżorsi u għall-kontroll tagħhom,

P.   billi ħafna nisa huma mċaħħda l-aċċess għall-ħtiġijiet bażiċi u għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, għall-edukazzjoni fil-livelli kollha, għall-karrieri u għall-parteċipazzjoni fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet,

Q.   billi f'xi kulturi għadhom jeżistu preġudizzji kulturali, tradizzjonali u reliġjużi, li jillimitaw u jiddiskriminaw l-aċċess tal-bniet u tan-nisa żgħażagħ għall-edukazzjoni,

R.   billi mill-inqas 130 miljun mara kellhom jiffaċċjaw il-mutilazzjoni ġenitali jew prattiċi tradizzjonali vjolenti oħra, u kull sena żewġ miljuni oħra jinsabu fir-riskju ta" dan il-ksur serju ta" l-integrità fiżika u tad-drittijiet tagħhom,

S.   billi l-migranti nisa huma aktar esposti mill-irġiel għal xogħol sfurzat u sfruttament sesswali, u x'aktarx aktar jaċċettaw kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji,

T.   billi f'pajjiżi li jkunu għaddew minn kunflitt u li għaddejjin minn proċessi ta' rikostruzzjoni u ta' integrazzjoni mill-ġdid, il-mekkaniżmi istituzzjonali u l-impenji favur l-ugwaljanza bejn is-sessi huma passi inizzjali effettivi lejn il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa; billi l-involviment tal-partijiet rilevanti kollha, bħall-gvernijiet u r-rappreżentanti politiċi, l-NGOs, il-gruppi mis-soċjetà ċivili u l-akkademiċi, kif ukoll il-parteċipazzjoni diretta ta' gruppi u ta' netwerks tan-nisa, hija l-pre-kundizzjoni essenzjali biex jintlaħaq żvilupp konġunt u sostenibbli,

U.   billi fl-Afrika 'l isfel mis-Sahara, 57 fil-mija ta' l-adulti li għandhom l-HIV/AIDS huma nisa, u t-tfajliet bejn 15 u 24 sena għandhom tliet darbiet aktar probabiltà li jiġu infettati meta mqabbla mal-ġuvintur,

V.   billi hemm differenza fil-livell ta' informazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa dwar il-modi li bihom tittieħed l-HIV/AIDS u dwar il-miżuri preventivi, fattur li jissaħħaħ permezz tal-klima ta' diskriminazzjoni u ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; billi l-edukazzjoni sesswali u riproduttiva u l-informazzjoni u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa marbuta mar-riproduzzjoni huma l-aħjar garanzija għall-prevenzjoni ta' l-HIV/AIDS u ta' mard ieħor li jittieħed sesswalment,

W.   billi kull sena għadhom qed imutu 536,000 omm waqt it-twelid (95% ta" dawn il-każi jseħħu fl-Afrika u fl-Ażja) u għal kull mara li tmut, 20 jew aktar ikollhom kumplikazzjonijiet serji, minn infezzjonijiet kroniċi għal prattiki li jirriżultaw f'diżabilità, bħall-fistula obstetrika, li jistgħu jiġu evitati faċilment kieku jkun hemm aċċess universali għall-kura obstetrika bażika u ta" l-emerġenza u għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva,

X.   billi, skond studju ta" l-Istitut Internazzjonali tar-Riċerka dwar il-Politika ta" l-Ikel, hemm rabta ċara bejn il-qagħda tat-tfal rigward in-nutriment u l-grad ta" awtorità li jkollhom in-nisa fil-familja, u nisa ta" pożizzjoni baxxa u li m'għandhomx sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet f'affarijiet tal-familja aktar għandhom tendenza li jkollhom nuqqas ta" ikel huma stess; billi n-nutriment aħjar jista" jipprevjeni l-parti l-kbira ta" l-imwiet tat-tfal u jista" jgħin biex jinkiseb l-MDG tat-tnaqqis tar-rati tal-mortalità tat-tfal,

Y.   billi l-effiċjenza ta' ċerti proġetti li ġew implimentati s'issa ġiet imfixkla bin-nuqqasijiet li huma speċifiċi għal pajjiżi varji: amministrazzjoni lokali u nazzjonali fraġli, gvernijiet korrotti jew nuqqas ta' għarfien speċjalizzat u persunal imħarreġ biex jittratta l-problemi marbuta ma' l-għoti ta' poter lin-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi,

Z.   billi r-riskju ogħla ta' diżastri naturali kif ukoll il-proċessi ta' degradazzjoni tar-riżorsi kkawżati fuq livell lokali jew reġjonali jolqtu l-gruppi l-aktar żvantaġġjati tal-popolazzjoni b'mod sproporzjonat,

1.  Jilqa" l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq imsemmija dwar L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta' Poter lin-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp, li jqis bħala pass "il quddiem fil-Programm ta' Azzjoni dwar l-inklużjoni ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Komunità għas-snin 2001 sa 2006;

2.  Jiddeplora l-fatt li mill-20 ta' Diċembru 1995, meta għall-ewwel darba l-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tiegħu, semma l-inklużjoni ta' kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-koperazzjoni għall-iżvilupp bħala wieħed mill-prinċipji tal-politika ta' l-iżvilupp tal-Komunità u ta' l-Istati Membri, fil-prattika ma kienx hemm riżultati konkreti suffiċjenti minn dak iż-żmien 'l hawn;

3.  Jirrimarka li l-fehim tan-nies ta' l-irwoli tan-nisa fis-soċjetajiet ta' wara l-gwerra u tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-bini mill-ġdid ta' wara l-gwerra jrid imur lil hinn min-narrattiva universalista ta' "l-esperjenza tal-gwerra mill-perspettiva tan-nisa" u li l-ispeċifiċità u d-diversità ta' l-esperjenza tan-nisa għandha tiġi rikonoxxuta;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-parti l-kbira tad-dokumenti ta" strateġija tal-pajjiżi ta" l-Istrument ta" Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) jirreferu għall-kwistjoni tal-ġeneru bħala qasam trasversali, mingħajr ma jindikaw miri jew attivitajiet speċifiċi marbuta mal-ġeneru; jitlob bil-qawwi li l-miri u l-attivitajiet speċifiċi marbuta mal-ġeneru jiġu inklużi fi strateġiji tal-ġejjieni;

5.  Jilqa" t-talba tal-Kummissjoni sabiex l-UE tappoġġja pajjiżi terzi bil-għan li jirrispettaw u jimplimenatw l-obbligi internazzjonali, bħal ma huma ċ-CEDAW, il-Programm ta" Azzjoni tal-Kajr, il-Pjattaforma għall-Azzjoni ta" Beijing, u d-Dikjarazzjoni tal-Millenju tan-NU (2000);

6.  Jenfasizza li fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-riżorsi finanzjarji maħsuba speċifikament biex jappoġġjaw l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneru fil-koperazzjoni għall-iżvilupp mhumiex sinifikanti meta mqabbla mar-riżorsi ddedikati għal miżuri orizzontali oħra; jiddeplora l-fatt li 5% biss tal-fondi tad-DCI għall-programm tematiku "L-Investiment fil-Poplu' (2007-2013) huma allokati għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u li d-dokumenti strateġiċi reġjonali u nazzjonali ma jagħtux tagħrif dwar l-allokazzjoni tal-baġit għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, billi din il-kwistjoni tissemma biss bħala waħda trasversali u għalhekk ma jiġux mogħtija dettalji finanzjarji;

7.  Juri t-tħassib tiegħu rigward l-istruttura l-ġdida ta" l-għajnuna tal-Kummissjoni, li tagħti preferenza lill-appoġġ baġitarju, billi dan il-fattur jista" jwassal għal aktar diffikultajiet fl-evalwazzjoni tal-progress fil-qasam ta" l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

8.  Ifaħħar l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni bħala bażi tajba li fuqu l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jinkludu kwistjonijiet dwar is-sessi fil-programmi tagħhom ta' koperazzjoni għall-iżvilupp, sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u jingħata l-poter lin-nisa, bħala l-istrument prinċipali biex jissaħħu d-drittijiet tal-bniedem u titkompla l-ġlieda kontra l-faqar, iżda jinnota li għad hemm lok għal titjib, speċjalment fl-analiżi tad-data biex jiġi evitat li jittieħdu miżuri li jistgħu jkunu ta' tfixkil għall-pożizzjoni tan-nisa;

9.  Jemmen li l-effettività ta' l-inklużjoni ta' kwistjonijiet dwar is-sessi f'politiki ta' koperazzjoni ta' żvilupp tiddependi fuq is-sensittivita għal kwistjonijiet dwar is-sessi min-naħa ta' l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea involuti; jemmen li dan jimplika li l-kisba ta' l-għanijiet stipulati fil-Pjan ta" Rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 (COM(2006)0092) fi ħdan l-Unjoni Ewropea hija pre-kondizzjoni meħtieġa għall-integrazzjoni effettiva tal-kwistjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-iffukar ma jkunx biss fuq in-nisa iżda wkoll fuq ir-relazzjonijiet fir-rigward tas-sessi, b'mod speċjali r-relazzjonijiet soċjali bejn l-irġiel u n-nisa li jiġġeneraw u jipperpetwaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi; jemmen li, bħala konsegwenza ta' dan, il-proġetti għandhom ikunu mmirati lejn l-irġiel kif ukoll lejn in-nisa;

11.  Jenfasizza li l-proċessi tal-globalizzazzjoni għandhom joffru opportunitajiet ġodda lill-pajjiżi foqra u jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, billi n-nisa spiss huma ħaddiema mhux imħarrġa u għalhekk jinsabu f'qagħda soċjali żvantaġġjata;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti prattiċi dwar kif, fil-kuntest ta" dinja dejjem aktar globalizzata, jistgħu jinħolqu mpjiegi u mezzi ta" għajxien għall-għadd kbir ta" nisa mhux imħarrġa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni fil-koperazzjoni għall-iżvilupp b'effetti konkreti li jistgħu jitkejlu fuq ir-relazzjonijiet fir-rigward tas-sessi, billi jemendaw il-liġijiet, l-istituzzjonijiet u t-tendenzi patrijarkali eżistenti, iżidu l-mezzi baġitarji u jtejbu l-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi għan-nisa;

14.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, bħala entitajiet li joffru impjiegi f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex iqisu l-prinċipju ta" xogħol li jkun dinjituż għall-bniedem billi jżidu l-pagi b'konformità mar-Rakkomandazzjoni 135 ta" l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol , tat-22 ta' Ġunju 1970, dwar l-iffissar ta" pagi minimi, b'riferenza speċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

15.  Jilqa' l-proposti bil-għan li jippromwovu l-ħarsien tad-drittijiet ċivili u dawk marbuta max-xogħol ta' ħaddiema każwali u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-movimenti tat-tradeunions bil-għan li jitnaqqsu l-problemi lil jiffaċċjaw in-nisa fid-dinja tax-xogħol;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal politiki ta' koperazzjoni għall-iżvilupp, tappoġġja miżuri biex jissaħħaħ l-istatus legali tan-nisa, tippromwovi aktar l-aċċess ugwali għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, u d-drittijiet fundamentali soċjali u tal-bniedem, kif ukoll sabiex tingħata attenzjoni partikulari tal-vulnerabilità u tan-numru li dejjem jiżdied tan-nisa migranti u l-vulnerabilità tagħhom, sabiex jiġi evitat li n-nisa jsiru l-klassi sfruttata l-ġdida tas-soċjetà;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-effett potenzjali tal-Ftehimiet dwar is-Sħubija Ekonomika mill-perspettiva tal-ġeneru;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw koerenza bejn il-politika dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp u politiki Komunitarji oħra (bħal dawk dwar il-kummerċ u l-agrikultura) sabiex tiġi evitata interferenza negattiva bejn il-politiki, b'mod speċjali fir-rigward ta' miżuri mfassla biex jingħata l-poter lin-nisa;

19.  Jirrimarka li l-influwenza tan-nisa fuq l-ippjanar ta' ħajjithom stess jiddependi mill-edukazzjoni tagħhom; jisħaq fuq l-importanza ta" programmi edukattivi li jkunu sensittivi għall-kwistjoni tal-ġeneru, immirati kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq analiżi tad-dimensjoni tal-ġeneru f'kull stadju tat-tfassil, ta' l-implimentazzjoni u ta' l-evalwazzjoni tal-politika sabiex tiżgura li kull forma ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru tiġi eliminata u li d-drittijiet tan-nisa jiġu mħarsa u promossi;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa evalwazzjoni tal-konsegwenzi li l-modalitajiet il-ġodda ta' għajnuna għandhom fuq il-qagħda tan-nisa, filwaqt li tqis il-fatt li naqas l-iffukar fuq in-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, parzjalment minħabba din it-tendenza l-ġdida ta' żvilupp;

22.  Jilqa" t-talba tal-Kummissjoni sabiex jiġu żviluppati indikaturi ta" rendiment li jkunu sensittivi għall-kwistjoni tal-ġeneru, u jitlob li indikaturi ta" dan it-tip jiġu inklużi fid-Dokumenti ta" Strateġija tal-pajjiżi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u tad-DCI kollha, kif ukoll fl-evalwazzjoni ta" riżultati waqt ir-reviżjoni, kemm jekk finali u kemm fuq żmien medju, ta" strateġiji ta" dan it-tip; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħejji parametri trasparenti, li ma jiswewx ħafna flus u li jistgħu jiġu interpretati f'forma ta' indikaturi kwalitattivi u li jistgħu jitkejlu b'mod kwantitattiv sabiex il-progress fil-qasam ta' l-ugwaljanza u ta' l-emanċipazzjoni tan-nisa jkun jista' jiġi evalwat b'mod regolari u effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex fid-djalogi ma" pajjiżi terzi tqajjem kuxjenza dwar l-importanza ta" data miġbura skond il-ġeneru u kumparabbli; jappoġġja l-indikaturi mqassmin skond il-ġeneru fl-Anness (parti VII) (SEC(2007)0332) għall-Komunikazzjoni fuq imsemmija tal-Kummissjoni dwar L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta' Poter lin-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp bħala bażi tajba għall-iżvilupp ta" strument komprensiv biex jitkejlu r-riżultati;

23.  Jilqa" l-fatt li l-istrateġija tal-Kummissjoni tqis il-fenomenu tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru;

24.  Jenfasizza li l-vjolenza kontra n-nisa mhijiex biss kwistjoni tan-nisa, u li għandha bżonn ta' approċċ li jiffoka mhux biss fuq in-nisa iżda wkoll fuq l-irġiel; filwaqt li jilqa' l-programmi li jindirizzaw il-vittmi nisa, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw programmi li jindirizzaw irġiel li jagħmlu abbuż, u b'hekk jiġu indirizzati l-kawżi u mhux biss l-effetti ta' dan il-fenomenu;

25.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza kontra n-nisa permezz ta' żieda fil-kopertura tal-media dwar din il-kwistjoni u fit-taħriġ ta' persunal militari, ġudizzjarju u taż-żamma ta' l-ordni; madankollu jħeġġeġ biex tingħata aktar attenzjoni lill-miżuri mmirati lejn it-traffikar ta' bnedmin, it-tortura u prattiki tradizzjonali li huma ta' dannu, b'enfasi fuq il-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, fuq ir-reati għal skopijiet ta' unur u żwieġ bikri u sfurzat, u jinsisti li għandu jikber l-għadd tan-nisa fil-persunal ta' l-istituzzjonijiet li jassistu b'mod dirett lill-vittmi ta" dawn il-prattiki.

26.  Jilqa' l-fatt li l-Komunikazzjoni fuq imsemmija tal-Kumissjoni dwar L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta' Poter lin-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp titfa dawl fuq ir-rata dejjem tiżdied ta' infezzjoni ta' HIV/AIDS fost in-nisa; jemmen li kellha tinħareġ sejħa speċifika lill-Istati Membri sabiex jonoraw l-impenji finanzjari li għamlu f'dan il-qasam;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw impenji speċifiċi, limitati fiż-żmien u li jistgħu jitkejlu, appoġġjati bl-allokazzjoni ta" riżorsi adegwati, sabiex jinkiseb aċċess universali għall-prevenzjoni, il-kura, it-trattament u l-appoġġ rigward l-HIV/AIDS għan-nisa u għall-bniet kollha sa l-2010;

28.  Jilqa" l-affermazzjoni qawwija tar-rabta bejn il-politiki u programmi dwar l-HIV/AIDS u politiki u servizzi marbuta mad-drittijiet fil-qasam tas-saħħa sesswali u riproduttiva (SRHR) fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tal-poter lin-nisa fil-koperazzjoni għall-iżvilupp;

29.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-irwol tagħha ta" mexxej politiku fil-politiki SRHR u biex iżżid il-fondi għall-SRHR, sabiex tgħin lill-pajjiżi jiksbu l-MDGs, b'mod partikulari l-għan ta" l-aċċess universali għas-saħħa riproduttiva kopert mill-MDG dwar it-titjib tas-saħħa ta" l-ommijiet (MDG 5), u biex tindirizza kwistjonijiet marbuta man-nisa fil-qasam ta" l-SRHR, bħall-fistula obstetrika u trawmatika;

30.  Jirrimarka li d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet twassal għal żieda fir-riskju ta' l-infezzjoni bl-HIV/AIDS billi, minħabba l-qagħda soċjali baxxa tagħhom, huwa diffiċli għalihom li jagħmlu deċiżjonijiet proprji dwar is-sesswalità;

31.  Jiddeplora b'qawwa kbira l-qagħda tan-nisa li jinsabu maqbuda bħal priġunieri taħt il-liġi tax-Sharia, u jqis din l-oppressjoni bħala waħda li tirrappreżenta l-oppost preċiż ta" kull prinċipju li l-Parlament iqis li għandu importanza ewlenija;

32.  Jilqa" l-fatt li l-Anness fuq imsemmi għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti ta' Poter lin-Nisa fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp tagħraf l-importanza li jingħata appoġġ għar-riċerka dwar il-mikrobiċidi u t-tilqim (li huma l-aktar teknoloġiji promettenti għan-nisa) u jitlob lill-UE biex tiżgura li t-tilqima kontra l-HIV/AIDS tiġi inkluża fir-Riċerka u l-Iżvilupp tal-Mikrobiċidji fl-aġendi usa" ta" l-iżvilupp u ta" l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

33.  Jikkunsidra li l-għoti tal-poter lin-nisa, permezz ta' l-iżgurar ta' aċċess sħiħ għal informazzjoni dwar is-saħħa relatata mas-sess u r-riproduzzjoni, kif ukoll għal servizzi u provvisti, iqegħidhom f'pożizzjoni aħjar biex jipprattikaw sess protett u biex jipproteġu lilhom infushom minn infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STDs), inkluż l-HIV/AIDS; jappoġġja l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għall-ħarsien tan-nisa mill-STDs, b'mod speċjali l-appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp ta' mikro-bijoċidi u tilqim u l-miżuri proposti rigward is-saħħa u d-drittijiet riproduttivi;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-inklużjoni tal-prevenzjoni tat-trażmissjoni mill-omm għat-tarbija (PMTCT) fil-pakkett ta" strateġiji komprensivi tal-ġlieda kontra l-HIV/AIDS;

35.  Jenfasizza l-importanza li n-nisa jitpoġġew fil-qalba tal-provvista ta" l-ilma, tas-sanità u l-politika ta" l-iġjene u jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li jitjieb l-aċċess għall-ilma tax-xorb sikur, is-sanità adegwata u l-ilma għal skopijiet produttivi;

36.  Jikkritika bil-qawwi l-fatt li l-ġlieda kontra l-vjolenza fejn in-nisa huma l-vittmi u li tifforma parti mit-tradizzjoni m'hijiex parti mill-miżuri li jinsabu fl-istrateġija tal-Kummissjoni; jikkundanna kwalunkwe prattiki legali, kulturali u reliġjużi li jiddiskriminaw kontra n-nisa, jeskluduhom mill-ħajja politika u pubblika u jissegregawhom fil-ħajja tagħhom ta" kuljum, kif ukoll dawk li jiskużaw l-istupru, il-vjolenza domestika, iż-żwieġ sfurzat, drittijiet mhux indaqs fil-proċeduri tad-divorzju, il-qtil għall-unur, kwalunkwe obbligu kontra r-rieda tal-mara innifisha sabiex tosserva kodiċijiet speċifiċi ta" l-ilbies, fastidju minħabba n-nuqqas ta" konformità man-normi jew regoli relatati mal-ġeneri, it-traffikar u x-xogħol sfurzat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiġġieldu kontra dawn il-prattiki fil-politiki ta" koperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel sforzi kbar biex tappoġġja programmi ta" tagħrif u promozzjoni li jqajmu l-kuxjenza pubblika u jbiddlu l-klima ta" l-opinjoni pubblika fl-ipprogrammar tal-pajjiżi u li l-miżuri li jittieħdu sabiex ikunu miġġielda l-forom kollha tal-vjolenza kontra n-nisa, inklużi prattiki dannużi tradizzjonali, isiru kriterju tal-governanza tajba ta" pajjiżi msieħba;

37.  Jinnota bi tħassib kbir ir-Rapport tal-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA) dwar l-Istat tal-Popolazzjonijiet tad-Dinja s-sena l-oħra, liema rapport jammetti li fid-dinja jeżisti defiċit globali ta" 60,000,000 mara, u li dawn in-nisa "nieqsa" ġew magħżula qabel it-twelid skond il-ġeneru, abortiti u infantiċizzati;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw is-Sejħa għal Azzjoni ta" Brussell biex tiġi indirizzata l-vjolenza sesswali fil-kunflitti u lil hinn minnhom;

39.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi f'zoni li jinsabu fi kriżi jew f'kunflitt, inkluża l-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali, ikunu prijoritarji kemm waqt il-fażi umanitarja kif ukoll waqt ir-rikostruzzjoni ta" wara l-gwerer;

40.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li ma' l-immaġni tan-nisa bħala vittmi vulnerabbli tiżdied ukoll l-immaġni tan-nisa bħala grupp differenzjat ferm ta' atturi soċjali li għandhom riżorsi u ħiliet prezzjużi u li għandhom il-pjanijiet proprji tagħhom; in-nisa jinfluwenzaw l-evoluzzjoni tas-sitwazzjonijiet, u jeħtieġ li huma jsawru l-proċess ta" l-iżvilupp;

41.  Jikkunsidra li l-parteċipazzjoni tan-nisa fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fuq il-livelli kollha hija kundizzjoni meħtieġa għal tmexxija tajba, u jilqa' kull tip ta' interventi ta' appoġġ, bħalma huma inċentivi biex jintlaħqu kwoti, appoġġ għall-movimenti u l-organizzazzjonijiet tan-nisa, u l-promozzjoni attiva tad-drittijiet tan-nisa fil-Karti Strateġiċi tal-Pajjiż; jerġa' jfakkar il-ħtieġa biex jiżdied l-irwol tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi u biex ikunu żgurati l-parteċipazzjoni u l-involviment bis-sħiħ tan-nisa fl-isforzi kollha għall-promozzjoni tal-paċi u r-riżoluzzjoni ta' kunflitt, u jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-UNSCR 1325 (2000); jappoġġja wkoll ir-rakkomndazzjonijiet tal-UNSCR 1325 (2000);

42.  Jistieden lill-UE sabiex iżżid l-isforzi bl-għan ta" l-implimentazzjoni ta" UNSCR 1325 (2000), li titlob li jkun hemm aktar parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-proċessi ta" riżoluzzjoni ta" kunflitti u l-proċessi tal-paċi;

43.  Jenfasizza li l-istupru ntuża bħala arma tal-gwerra u li dan il-fenomenu jeħtieġ jiġi indirizzat permezz ta" programmi ta" appoġġ għall-vittmi;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħmel sforzi sinifikanti bil-għan li tiżgura li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa titqies b'mod sħiħ fil-programmi tal-pajjiżi; jenfasizza li, kif ġara wkoll fl-imgħoddi, jeħtieġ li jsiru sforzi sinifikanti biex tiġi inkluża l-azzjoni favur l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-prattiki ta' kuljum ta' l-UE fil-qasam tal-koperazzjoni għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem lejn bilanċ bejn nisa u rġiel fid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi jiġu maħtura aktar nisa, inklużi f'pożizzjonijiet għolja bħal Kap ta" Delegazzjoni;

45.  Jenfasizza l-potenzjal tal-mikro-krediti bħala għodda li l-politiki ta" koperazzjoni għall-iżvilupp jistgħu jużaw biex jippromwovu l-iżvilupp ta" komunitajiet lokali u l-għoti tal-poter lin-nisa;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politiki li jħeġġu lin-nisa biex jiffurmaw gruppi ta' awto-assistenza u biex isiru awtonomi u, b'kollaborazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali (bħalma hija l-Finance PlaNet), biex jespandu n-network ta' mikro-finanzjament, sabiex aktar nisa jkunu jistgħu jingħataw self biex itejbu l-istatus ekonomiku tagħhom;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi informazzjoni ċara dwar il-mekkaniżmi disponibbli għas-sorveljanza u l-evalwazzjoni ta" l-implimentazzjoni ta" l-istrateġija attwali, fosthom is-sorveljanza tar-riżorsi finanzjarji u umani li se jingħataw biex jiżguraw implimentazzjoni effettiva;

48.  Jinnota li, fuq livell nazzjonali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri aktar tista" tinkiseb jekk ikun hemm biżżejjed riżorsi finanzjarji u speċjalisti kwalifikati fil-qasam ta" l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b'mod partikulari speċjalisti lokali, bħala parti mit-teams li jwettqu l-proġetti;

49.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tħarreġ lill-membri ta" l-istaff tagħha li jaħdmu fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw rigward kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru;

50.  Jilqa' l-miżuri proposti mill-Kummissjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni, meta wieħed iqis li l-għoti ta' poter lin-nisa permezz ta' livel ogħla ta' edukazzjoni jtejjeb il-qagħda kemm tan-nisa kif ukoll ta' wliedhom;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss aktar l-aċċess għall-bniet għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali fil-livelli kollha, sabiex jiġi evitat li dawn iħallu l-iskola, u li jkunu appoġġjati politiki dwar l-edukazzjoni ġusti u ta' kwalità permezz tat-taħriġ ta' l-għalliema dwar kwistjonijiet tal-ġeneru u permezz ta' l-appoġġ għar-riforma tal-programmi tat-tagħlim sabiex fihom jiġu inklużi t-temi ta' l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-saħħa sesswali u ġenetika u l-awtonomija tan-nisa, peress li fil-maġġoranza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-bniet għadhom jiffaċċjaw id-diskriminazzjoni fir-rigward ta' l-aċċess għat-tagħlim;

52.  Jirrimarka li l-istrateġija fil-qasam ta' l-"Azzjonijiet ta' l-UE fil-livelli internazzjonali u reġjonali" sfortunatament ma tifformulax pożizzjoni għall-UE dwar ir-riforma tan-NU fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

53.  Jilqa" t-twaqqif ta" Sħubija bejn il-KE u n-NU dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-Iżvilupp u għall-Paċi(13), jenfasizza l-interess li jkun infurmat u involut fil-ħidma ta' din is-Sħubija;

54.  Jenfasizza l-importanza li titħeġġeġ il-koordinazzjoni tad-donaturi biex tiġi garantita l-inklużjoni tal-kwistjonijiet dwar il-ġeneru, billi jittejbu d-djalogu u l-komunikazzjoni sabiex jinkiseb fehim komuni tal-kunċetti tal-ġeneru u tal-metodi xierqa;

55.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jaħtar Mibgħut Speċjali Ewropew għad-Drittijiet tan-Nisa hekk li jsaħħaħ l-impenn ta' l-UE għall-emanċipazzjoni tan-nisa fil-politika barranija u fil-politka għall-iżvilupp u li jkun jista' jgħin sabiex jintlaħqu l-għanijiet għall-iżvilupp tal-millennju billi jiffoka fuq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa madwar id-dinja kollha, fuq it-tnaqqis ta' mwiet ta' ommijiet u l-ġlieda kontra l-faqar;

56.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex torbot l-infiq ta' fondi ta' appoġġ mill-baġit ma' kriterji fir-rigward tar-rendiment evalwati fuq il-bażi ta' indikaturi ta' riżultati mhux aggregati skond il-ġeneru; jinsisti, madankollu, li d-deċiżjonijiet dwar il-punizzjoni għal awtoritajiet amministrattivi inkompetenti għandhom jittieħdu b'attenzjoni sabiex ma jiġux affettwati l-benefiċjarji aħħarija ta' l-għajnuna, jiġifieri n-nisa;

57.  Jenfasizza li l-parteċipazzjoni weħidha ma twassalx għat-tnaqqis tan-nuqqas ta' ugwaljanza tan-nisa, iżda jeħtieġ li jkun hemm ukoll sforzi mmirati u kompetenti magħmula fuq il-bażi biex jingħelbu l-ostakli li jxekklu lin-nisa milli jipparteċipaw;

58.  Jirrimarka li t-tmexxija tajba tinkludi r-rispett tal-libertajiet fundamentali u li d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu ttrattati bħala drittijiet fundamentali bażiċi u li dawn huma ċentrali għall-kisba ta" l-MDGs u ta" għanijiet oħra marbuta ma" l-iżvilupp;

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta" l-Istati Membri.

(1) ĠU L 143, 30.4.2004, p. 40.
(2) ĠU C 364, 18.12.2000, p.1.
(3) ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 311.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2007)0274.
(5) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 475.
(6) Testi Adottati, P6_TA(2007)0483.
(7) Testi Adottati , P6_TA(2007)0577.
(8) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(9) L-Istqarrija dwar il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja ġiet approvata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew u mill-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew fit-18 ta' Diċembru 2007.
(10) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(11) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.
(12) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41
(13) Is-Sħubija bejn il-KE u n-NU dwar l-Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għall-Iżvilupp u għall-Paċi hija inizjattiva li tinvolvi l-Kummissjoni Ewropea (KE), il-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Nisa (UNIFEM) u ċ-Ċentru Internazzjonali tat-Taħriġ ta' l-Organizzazzjoni Internazzjoni tax-Xogħol (ITCILO). Din is-sħubija hija segwitu tal-konferenza bl-isem "Żvilupp proprju. Il-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi f'modalitajiet ġodda ta' għajnuna u fi sħubijiet ġodda", li ġiet organizzata b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-UNIFEM f'Novermbru 2005.

Avviż legali - Politika tal-privatezza