Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2549(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

B6-0124/2008

Dibattiti :

PV 13/03/2008 - 9.2
CRE 13/03/2008 - 9.2

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2008 - 11.2
CRE 13/03/2008 - 11.2

Testi adottati :

P6_TA(2008)0105

Testi adottati
PDF 210kWORD 52k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2008 - Strasburgu
Russja
P6_TA(2008)0105B6-0124/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2008 dwar ir-Russja

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-objettivi għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-libertajiet politiċi fil-Federazzjoni Russa, kif stipulati fil-Ftehima ta" Sħubija u Koperazzjoni (PCA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra(1), liema Ftehima daħlet fis-seħħ fl-1997, u skadiet fl-2007,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjoni bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra l-objettiv ta' l-UE u r-Russja, stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-11-il Samit UE-Russja li sar f'San Pietruburgu fil-31 ta" Mejju 2003, biex tiġi stabbilita zona ekonomika komuni, zona komuni ta" libertà, sigurtà u ġustizzja, zona komuni ta" koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u zona komuni ta" riċerka u edukazzjoni, inklużi aspetti kulturali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, u b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta" Ottubru 2006 dwar il-qtil tal-ġurnalista Russa Anna Politkovskaya(2), dik tas-26 ta" April 2007(3), dik ta' l-14 ta" Novembru 2007 dwar is-Samit UE-Russja(4) u dik tat-13 ta" Diċembru 2006 dwar is-Samit UE-Russja f'Helsinki fl-24 ta" Novembru 2006(5),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi koperazzjoni msaħħa u relazzjonijiet tajba tal-viċinat bejn l-UE u r-Russja huma ta' importanza ewlenija għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità ta" l-Ewropa kollha; billi l-konklużjoni ta" Ftehima ta" Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa għadha importanti ħafna għal żvilupp ulterjuri u intensifikazzjoni tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba, b'mod partikulari rigward kwistjonijiet ta" koperazzjoni politika, tas-sigurtà, ekonomika u ta" l-enerġija, iżda wkoll rigward ir-rispett ta' l-istat tad-dritt, il-prinċipji u l-proċeduri demokratiċi u d-drittijiet bażiċi tal-bniedem,

B.   billi flimkien mas-sħubija tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Russja hi membru sħiħ tal-Kunsill ta" l-Ewropa u ta" l-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), u għaldaqstant impenjat ruħha għall-prinċipji tad-demokrazija u l-elezzjonijiet demokratiċi kif ukoll għar-rispett għal-libertà ta" l-espressjoni u ta" assemblea stipulati minn dawn l-organizzazzjonijiet; billi dawk il-prinċipji u l-valuri huma wkoll il-bażi għall-isħubija strateġika bejn l-UE u r-Russja;

C.   billi l-uffiċċju ta' l-OSCE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), fil-kapaċità tagħha bħala għassiesa internazzjonali ta' l-istandards ta' l-elezzjonijiet, kellu jikkanċella l-missjoni ppjanata tagħha biex tissorvelja l-elezzjonijiet fir-Russja minħabba r-restrizzjonijiet severi li saru fuq l-osservaturi tagħha mill-Gvern Russu:

D.   billi l-kap ta" l-osservatturi mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill ta" l-Ewropea ddikjara li ma kienx hemm titjib fil-kondizzjonijiet ta' aċċess ta' kandidati għall-mezzi tax-xandir, u dan joħloq dubju dwar jekk l-elezzjoni kinitx ġusta;

E.   billi Mikhail Kasyanov, li qabel kien Prim Ministru u li fil-preżent huwa l-kap ta" l-Unjoni Demokratika tal-Poplu, irreġistra bħala kandidat fl-14 ta" Diċembru 2007, iżda wara ġie skwalifikat mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tar-Russja, li qalet li għadd kbir wisq miż-żewġ miljun firma ta" appoġġ kienu foloz; billi Mikhail Kasyanov appella kontra dik id-Deċiżjoni fil-Qorti Suprema, li ċaħdet l-appell fis-6 ta" Frar 2008,

F.   billi skond rapporti mill-forzi ewlenin ta" l-oppożizzjoni, l-awtoritajiet Russi, fil-jiem ta" qabel l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali, poġġew aktar pressjoni fuq il-gruppi ta" l-oppożizzjoni u l-organizzazzjonijiet non-governattivi sabiex jonqsu minn kwalunkwe attivitajiet immirati kontra l-president u l-gvern, filwaqt li żammew lill-mezzi tax-xandir milli jirrappurtaw kwalunkwe attivitajiet ta' dan it-tip;

G.   billi d-demokrazija fir-Russja ddgħajfet, b'mod partikulari minħabba l-kontroll tal-gvern fuq l-istazzjonijiet ewlenin kollha tat-televiżjoni kif ukoll il-parti l-kbira ta' l-istazzjonijiet tar-radju, it-tifrix ta' l-awto-ċensura fost il-mezzi tax-xandir stampat, restrizzjonijiet ġodda għad-dritt ta" l-organizzjoni ta" dimostrazzjonijiet pubbliċi u klima li kull ma jmur qed teħżien fil-konfront ta' l-organizzazzjonijiet non-governattivi;

H.   billi fit-3 ta" Marzu 2008, "Russja Oħra", koalizzjoni ta" partiti ta" l-oppożizzjoni, organizzaw "Marċ ta" Dissidenza" sabiex jipprotestaw kontra l-elezzjonijiet presidenzjali fir-Russja tat-2 ta' Marzu 2008; billi l-awtoritajiet tal-belt ma awtorizzawx il-protesta, u qalu li l-grupp pro-Kremlin 'Russja Żagħżugħa' kien diġà ppjana avvenimenti f'kull punt ewlieni kbir tal-kapitali; billi "Russja Oħra" ddeċidew li jagħmlu l-marċ u qalu li kienu se jappellaw kontra d-deċiżjoni tal-belt,

I.   billi diversi dimostranti ta" l-oppożizzjoni ġew arrestati waqt li pulizija ta" kontra l-irvellijiet u milizzji bl-elmi u bit-tarki kontra l-irvellijiet f'idejhom xejnu rally fi Pjazza Turgenevskaya fiċ-ċentru ta" Moska; billi Nikita Belykh, il-kap tal-partit ta" l-Unjoni tal-Forzi tal-Lemin, kien fost dawk li ġew arrestati; billi l-kap tal-partit Yabloko f'San Pietruburgu, Maksim Reznik, ġie arrestat ukoll;

1.  Jikkundanna l-forza sproporzjonata użata kontra d-demostranti mill-pulizija, mill-pulizija ta" kontra l-irvellijiet u mill-milizzji fit-3 ta" Marzu 2008, u jistieden lill-awtoritajiet sabiex ikomplu jinvestigaw l-inċidenti u jieħu miżuri ġudizzjarji kontra dawk responsabbli;

2.  Jitlob għall-ħelsien immedjat ta" dawk id-demostranti kollha li għadhom miżmuma;

3.  Jiddeplora b'mod partikulari, il-fatt li fil-jiem ta" qabel l-elezzjoni presidenzjali, il-kandidati ta" l-oppożizzjoni ġew trattati b'mod illegali; jiddispjaċih li r-Russja ma wżatx l-elezzjoni riċenti biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

4.  Jiddispjaċih li l-awtoritajiet Russi qiesu l-missjoni ta" monitoraġġ li kienet maħsuba li ssir mill-OSCE/ODIHR bħala ndħil f'affarijiet interni; ileħħen l-appoġġ qawwi tiegħu għax-xogħol importanti ta" din il-missjoni u jfakkar lir-Russja fl-impenji u fir-responsabilitajiet tagħha bħala membru ta" l-OSCE u tal-Kunsill ta" l-Ewropa, inkluż id-dritt ta" assoċjazzjoni u d-dritt għal demostrazzjonijiet paċifiċi;

5.  Jilqa" bi pjaċir l-impenn dikjarat mill-President tar-Russja li għadu kemm inħatar li jiggarantixxi l-istat tad-dritt u d-demokrazija, u jesprimi t-tama li hu jagħti prijorità lit-tisħiħ tar-relazzjoni ma" l-Unjoni Ewropea;

6.  Jistieden lill-President Russu li għadu kemm ġie elett sabiex jirrevedi t-trattament ta' figuri pubbliċi priġunieri (fosthom Mihail Khodorkovsky u Platon Lebedev) li l-priġunerija tagħhom hi meqjusa mill-parti l-kbira ta" l-osservaturi li hi motivata politikament; jenfasizza li dan isaħħaħ il-kredibilità ta" l-awtoritajiet Russi u jtejjeb sħubija aktar mill-qrib bejn ir-Russja u l-UE;

7.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-konformità sħiħa tar-Russja mas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem prijorità ewlenija fil-livelli kollha tad-djalogu mar-Russja;

8.  Jistieden lill-President u lill-Gvern il-ġdid tar-Russja biex flimkien ma' l-Unjoni Ewropea joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal bidu rapidu tan-negozjati dwar Ftehima ta" Sħubija u Koperazzjoni ġdida bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza għal darba oħra, f'dan ir-rigward, li r-rispett għall-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu parti importanti ta' kwalunkwe ftehima ġejjiena mar-Russja;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lil dak tal-Federazzjoni Russa, kif ukoll lill-President tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa.

(1) ĠU L 327, 28.11.1997, p. 1.
(2) ĠU C 313E, 20.12.2006, p.271.
(3) Testi adottati, P6_TA(2007)0169.
(4) Testi adottati, P6_TA(2007)0528.
(5) ĠU C 317E, 23.12.2006, p.474.

Avviż legali - Politika tal-privatezza