Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0111/2008

Dibattiti :

PV 13/03/2008 - 9.3
CRE 13/03/2008 - 9.3

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2008 - 11.3
CRE 13/03/2008 - 11.3

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 203kWORD 41k
Il-Ħamis, 13 ta' Marzu 2008 - Strasburgu
Il-każ taċ-ċittadin Iranjan Mehdi Kazemi
P6_TA(2008)0107RC-B6-0111/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2008 dwar il-każ taċ-ċittadin Iranjan Seyed Mehdi Kazemil

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikulari l-Artikolu 3 tagħha, li jipprojbixxi t-tneħħija, it-tkeċċija jew l-estradizzjoni ta" persuni lejn pajjiżi fejn hemm riskju serju li jkunu suġġetti għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal trattament jew kastig ieħor inuman jew degradanti,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod speċjali l-Artikoli 18 u 19 tagħha dwar id-dritt għall-ażil u dwar il-protezzjoni fil-każ ta" tneħħija, ta" espulsjoni jew ta" estradizzjoni rispettivament,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta" Ginevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tal-31 ta" Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-istandards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (Direttiva dwar il-Kwalifika)(1) u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-ażil (ir-Regolament ta" Dublin)(2), kif ukoll għal strumenti ta" l-Ażil oħra ta" l-UE,

–   wara li kkunsidra l-ittra ta" l-10 ta" Settembru 2007 mill-President tiegħu lill-Prim Ministru tar-Renju Unit dwar il-każ ta" Pegah Emambakhsh, lesbjana Iranjana li rriskjat li tintbagħat lura l-Iran wara li t-talba tagħha ġiet irrifjutata,

–   wara li kkunsidra r-Regola 115(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi Seyed Mehdi Kazemi, ċittadin omosesswali Iranian ta" 19-il sena, talab l-ażil fir-Renju Unit u din it-talba ġiet irrifjutata; billi, meta beża" li jkun iddeportat, ħarab lejn l-Olanda, fejn applika għall-ażil; billi l-awtoritajiet Olandiżi, wara li eżaminaw it-talba tiegħu, iddeċidew li jibagħtuh lura fir-Renju Unit,

B.   billi l-awtoritajiet tar-Renju Unit issa għandhom f'idejhom id-deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil u d-deportazzjoni possibbli lejn l-Iran,

C.   billi huwa ta" rutina li l-awtoritajiet Iranjani iżommu taħt detenzjoni, jittorturaw u jiġġustizzjaw persuni, b'mod partikulari omosesswali; billi dak li qabel kien is-sieħeb tas-Sur Kazemi diġà ġie ġġustizzjat, filwaqt li missieru heddu bil-mewt,

D.   billi fil-każ simili ta" Pegah Emambakhsh l-awtoritajiet tar-Renju Unit iddeċidew, wara pressjoni internazzjonali, li ma jiddeportawiex lura l-Iran, għalkemm għadu mhux ċar x'se jkun id-destin tagħha,

E.   billi l-kelliem għall-Prim Ministru Ingliż, filwaqt li ma kkummentax fuq il-każ ta" Seyed Mehdi Kazemi, ta assigurazzjonijiet ġenerali dwar il-konformità tal-proċeduri ta" l-ażil fir-Renju Unit ma" impenji internazzjonali u l-possibilità li jsir appell kontra deċiżjonijiet ta" l-ażil lil mħallef indipendenti, kif ukoll dwar il-fatt li l-awtoritajiet mhux se jibagħtu lil xi ħadd li jkun fil-periklu fil-wasla tiegħu jew tagħha lura,

F.   billi għandha tingħata aktar attenzjoni għall-applikazzjoni xierqa tal-liġi ta" l-ażil fl-UE fl-Istati Membri f'każijiet li jinvolvu l-orjentazzjoni sesswali,

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-destin ta" Seyed Mehdi Kazemi;

2.  Jitlob għall-applikazzjoni xierqa u kompleta tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki, li tagħraf il-persekuzzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali bħala bażi sabiex jingħata l-ażil u teħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw il-każ individwali u s-sitwazzjoni fil-pajjiż ta" l-oriġini, inkluż il-liġijiet u r-regolamenti u l-mod kif jiġu applikati;

3.  Jemmen li l-UE u l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw liġijiet u proċeduri ta' l-UE u nazzjonali b'tali mod li jirriżulta fl-espulsjoni ta" persuni għal pajjiż terz fejn ikunu fil-periklu ta" persekuzzjoni, tortura u mewt, peress li dan jirriżulta fi ksur ta" obbligazzjonijiet Ewropej u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jappella lill-Istati Membri involuti sabiex isibu soluzzjoni komuni biex ikun żgurat li Seyed Mehdi Kazemi jingħata l-ażil jew il-protezzjoni fuq art ta" l-UE u mhux jintbagħat lura l-Iran, fejn żgur li ikun iġġustizzjat, b'hekk ikun żgurat li l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tkun irrispettata b'mod sħiħ mill-awtoritajiet Ewropej kollha, u b'mod partikulari, f'dan il-każ, mir-Renju Unit; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jikkoperaw kompletament ma" l-Istati Membri fuq dan il-każ;

5.  Isejjaħ lill-istituzzjonijiet ta" l-UE u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni biex sitwazzjonijiet simili jkunu evitati fil-futur, permezz ta" koperazzjoni u l-applikazzjoni linji gwida ta" l-UE sabiex isibu soluzzjonijiet f'każijiet simili; jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja u tevalwa l-applikazzjoni fl-Istati Membri tal-liġi ta" l-ażil ta' l-UE, u b'mod partikulari f'każijiet li jinvolvu l-orjentazzjoni sesswali, u biex tagħti rapport lill-Parlament Ewropew; jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni ħabbret, għall-2008, emendi għar-Regolament ta" Dublin u għad-Direttiva dwar il-Kwalifiki li għandhom jindirizzaw il-kwistjonijiet li tqajmu f'din ir-riżoluzzjoni;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u lil Seyed Mehdi Kazemi.

(1) ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.
(2) ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza