Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' April 2008 dwar l-orjentazzjonijiet għall-proċedura baġitarja 2009, Sezzjoni I - Il-Parlament Ewropew, Sezzjoni II - Il-Kunsill, Sezzjoni IV - Il-Qorti tal-Ġustizzja, Sezzjoni V - Il-Qorti ta" l-Awdituri, Sezzjoni VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Sezzjoni VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni, Sezzjoni VIII - L-Ombudsman Ewropew, Sezzjoni IX - Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2008/2021(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE;
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina fiskali u l-immaniġġjar finanzjarju sod,(1)
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta" Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(3),
– wara li kkunsidra r-rapport annwali mis-Segretarji Ġenerali ta' l-Istituzzjonijiet dwar ix-xejriet fl-intestatura 5 tal-prospettivi finanzjarji ta' Mejju 2006,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2006, flimkien mar-risposti ta' l-istituzzjonijiet(4),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0082/2008),
A. billi f'dan l-istadju tal-proċedura annwali, il-Parlament Ewropew qed jistenna l-estimi ta' l-istituzzjonijiet l-oħra u l-proposti tal-Bureau tiegħu għall-Baġit ta' l-2009,
B. billi ġie miftiehem eżerċizzju pilota li fih se jiġu applikati koperazzjoni u relazzjonijiet imsaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Bagits waqt il-proċedura baġitarja għall-2009,
C. billi l-limitu massimu ta' l-intestatura 5 fl-2009 hu ta' EUR 7 777 000 000(5), li jirrapreżenta żieda ta' 4.3% meta mqabbel ma' l-2008,
D. billi l-baġit tal-Parlament Ewropew għall-2008 jammonta għal EUR 1 452 517 167, li jirrapreżentaw 19.68% ta' l-intestatura 5 din is-sena,
Parlament Ewropew Qafas ġenerali u sfidi ewlenin
1. Jisħaq li l-2009 se tkun sena ta' bidla b'effetti fit-tul għall-Parlament u jemmen li dan għandu jidher fil-proċedura baġitarja tiegħu; jemmen li din hi opportunità ġdida biex jiġi żgurat li l-prijoritajiet politiċi tiegħu ikunu finanzjati sew waqt li, fl-istess ħin, jiġu skrutinjati sabiex jiġi identifikat fejn hu possibbli li jiġu frankati xi flus u tiġi żgurata s-sostenibilità tal-baġit;
2. Jikkunsidra li l-isfidi ewlenin li ġejjin iridu jintrebħu waqt li jinsisti fuq l-użu l-aktar effettiv tar-riżorsi:
-
l-isfidi relatati mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona,
-
l-isfidi relatati ma' l-2009 bħala sena elettorali għall-Parlament,
-
l-isfidi relatati ma' l-Istatut il-ġdid għall-Membri u mal-bidla tal-leġiżlatura;
3. Jinnota li nfetħet il-kwistjoni dwar is-sehem volontarju ta' 20% tal-Parlament ippreżentatat fid-dokument tal-Bureau; jixtieq ifakkar li baġits suċċessivi wrew bilanċi favorevoli fl-aħħar tas-sena u, għalkemm huwa lest li jikkunsidra nfiq addizzjonali għat-talbiet partikulari ta' l-2007, jixtieq jirrevedi l-punti ta' nfiq kollha waqt li jibqa' fis-sehem ta' 20%;
4. Hu ta' l-opinjoni li, meta jkun qed jiġi stabbilit il-baġit, tendenza għall-moderazzjoni hija virtù, għalkemm mhux bilfors li dan jgħodd ukoll f'ċirkostanzi oħra; jilqa', għalhekk, l-intenzjoni tas-Segretarju Ġenerali biex jeżamina b'attenzjoni kull infiq qabel ma jagħmel proposti dettaljati; jinsisti li l-abbozz ta' l-istimi li ġej jirrifletti mill-qrib kemm jista' jkun il-proposta finali għall-ispiża tal-PE mill-amministrazzjoni u l-Bureau, b'mod speċjali issa li l-Bureau u s-COBU adottaw proċedura pilota ġdida għall-konċiljazzjoni; jemmen li approċċ ta' dan it-tip jibgħat messaġġ tajjeb lil min iħallas it-taxxi fl-Unjoni Ewropea u jkun ukoll utli għall-Parlament fil-perjodu qabel ir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali; jikkunsidra li dan l-eżami għandu jkun disponibbli fi żmien utli għat-tħejjija ta' l-ewwel qari;
5. Jindika madankollu li l-evoluzzjoni tal-limitu finanzjarju massimu trid tkompli tkun ikkontrollata b'attenzjoni waqt il-bqija tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali 2009-2013, b'mod speċjali minħabba li l-aġġustament annwali jsir skond rata fissa (+2%) u kull varjazzjoni f'inflazzjoni reali se jkollha impatt fuq il-marġni; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex jevalwaw b'reqqa l-ħtiġijiet baġitarji tagħhom fid-dawl tal-mezzi disponibbli fil-Qafas Finanzjarju Plurijennali attwali;
6. F'dan ir-rigward jixtieq ukoll jesplora fil-baġit kif l-istituzzjonijiet differenti jistgħu jadattaw ruħhom għall-ħtiġjiet ta' staff li qed jinbidlu; jinnota li l-Kummissjoni, bil-kontra ta' l-istituzzjonijiet l-oħra, tiffinanzja sehem dejjem jikber ta' staff mill-proġrammi operazzjonali tagħhom (b'hekk mhux mill-intestatura 5), normalment bil-ħolqien ta' aġenziji permezz ta' proċess ta' outsourcing; jirrikonoxxi li l-Parlament ma jistax jirrikorri għal possibilitajiet ta' dan it-tip u jeħtieġlu jiffinanzja l-bżonnijiet kollha tiegħu taħt l-intestatura 5;
7. Jilqa' l-eżerċizzju pilota ta' l-2008 biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits tiegħu, li għandu jittestja proċedura baġitarja simplifikata u anke jippermetti konsultazzjoni aktar f'waqtha u trasparenti dwar l-affarijiet parlamentari kollha b'implikazzjonijiet finanzjarji sinifikattivi; jenfasizza li l-eżerċizzju pilota għandu jiġi evalwat b'attenzjoni qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni fit-tul;
L-isfidi relatati mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona
8. Jikkunsidra li r-responsabilitajiet tal-Parlament li żdiedu wara li ġie ratifikat it-Trattat ta' Liżbona għandhom ikunu l-preokkupazzjoni ewlenija meta jiġi formulat il-baġit għall-2009, b'mod speċjali f'dak li jirrigwarda l-irwol tiegħu bħala legiżlatur ekwivalenti għall-Kunsill; jisħaq li naturalment l-irwol tiegħu bħala fergħa waħda ta' l-awtorità għadu validu, imma b'dispożizzjonijiet mibdula f'dak li jirrigwarda kemm il-klassifikazzjoni ta' l-infiq u kemm il-proċeduri baġitarji;
9. Jikkunsidra li għandhom isiru l-isforzi kollha biex il-Membri jiġu assistiti b'mod sħiħ biex iwettqu r-responsabilitajiet tagħhom f'dan il-kuntest ġdid u biex jitwaqqfu l-istrutturi u l-faċilitajiet xierqa, inklużi faċilitajiet adegwati u faċilment aċċessibbli biex jiltaqgħu l-Membri individwali; jenfasizza li l-Parlament mhux ġdid għal tibdiliet ta' dan it-tip u li s-setgħat dejjem jikbru ta' kodeċiżjoni ġew integrati bla problemi fl-istrutturi tiegħu wara tibdil preċedenti tat-trattati; b'ħerqa jistenna l-konklużjonijiet tal-Grupp ta" Ħidma tar-Riżorsi Umani u Finanzjarji imwaqqaf mis-Segretarju Ġenerali, b'mod speċjali dwar ir-rekwiżit li jirrispondi għall-irwol leġiżlattiv imtejjeb tal-kumitati parlamentari u r-responsabilitajiet l-oħra l-ġodda tal-Parlament;
10. M'huwiex tal-fehma, madankollu, li din hi awtomatikament kwistjoni ta' riżorsi finanzjarji, imma hu aktar tal-fehma li jridu jinstabu modi aktar relevanti u effettivi meta mqabbla ma' l-ispejjeż biex jiġi organizzat ix-xogħol, inkluża konċentrazzjoni aktar qawwija fuq l-attivitajiet fundamentali, l-organizzazzjoni mill-ġdid ta' l-istaff fejn ikun possibbli, ir-ristrutturar tas-servizzi biex jiġu adattati għaċ-ċirkustanzi ġodda, użu aħjar tat-teknoloġiji moderni kif ukoll iżjed koperazzjoni interistituzzjonali;
11. Jistieden lis-Segretarju Ġenerali biex janalizza b'aktar dettall liema dmirijiet u responsabilitajiet jistgħu ġenwinament jitqiesu bħala ġodda meta mqabbla ma' dawk attwali bħala riżultat tat-Trattat ta' Liżbona, u forsi dan iħeġġeġ l-introduzzjoni ta' prattiki tax-xogħol ġodda u li jistgħu jiġġustifikaw it-talbiet għal ċertu kwantità ta' riżorsi ġodda kif indikati fil-dokument bil-linji gwida tal-Bureau; jenfasizza li t-talbiet għal riżorsi ġodda għandhom ikunu akkumpanjati b'rendikonti ċari dwar x'inkiseb b'żidiet preċedenti ta' staff u fin-nefqa, bħall-użu u r-riżultati tal-"postijiet ta' kumitoloġija" l-ġodda li ngħataw fl-2008;
12. Jisħaq ukoll l-importanza ta' analiżi bir-reqqa dwar l-impatt possibbli fuq il-baġit għall-2009 li jirriżulta mill-proposti tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-Riforma Parlamentari tiegħu, li, flimkien mat-tibdiliet fit-Trattat, hu ċert li se jinfluwenza il-metodi ta' ħidma tiegħu;
13. Jixtieq jara evalwazzjoni ta' l-istruttura u tal-kapaċità tas-segretarjati tal-kumitati sabiex jiġu żgurat li huma lesti li jgħollu l-kwalità tal-ħidma leġiżlattiva tagħhom; jistqarr ruħu sorpriż jara lil min jisħaq li 6% biss ta' l-istaff jaħdem f'kumitati u jistieden lis-Segretarju Ġenerali biex jipprovdi qabel l-1 ta' Lulju 2008, evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu tal-ħtiġijiet ta' riżorsi umani, inkluża informazzjoni aktar preċiża dwar il-ħtiġijiet tal-kumitati varji, kif ukoll organigramma dettaljata ta' l-istaff kollu (uffiċjali u staff) li jaħdem fl-amministrazzjoni u sabiex jissuġġerixxi soluzzjonijiet xierqa, inkluża organizzazzjoni mill-ġdid ta' l-istaff, sabiex tissaħħaħ il-qalba ta' l-attività tax-xogħol leġiżlattiv;
14. Itenni l-fehma tiegħu li l-introduzzjoni ta' Sistema għall-Immaniġġjar ta' l-Għerf, li tigbor flimkien diversi għejjun ta' informazzjoni, testi u referenzi f'sistema b'punt ta' aċċess uniku kemm għall-Membri u kemm għall-istaff, tkun tikkostitwixxi għodda siewja ta' l-immaniggjar; isegwi b'interess id-diskussjoni reċenti dwar din il-kwistjoni fil-Bureau; jitlob għal skambju bikri ta' opinjonijiet u għal informazzjoni, inklużi l-istimi ta' l-ispejjeż, kif diġà ġie mitlub fl-2007; iħeġġeġ lill-Bureau biex jiddeċiedi dwar il-passi li jmiss waqt il-proċedura baġitarja;
15. Jilqa' l-proġett pilota dwar l-interpretazzjoni individwali għall-Membri u jistenna b'antiċipazzjoni t-tnedija ta' malajr tiegħu; jinnota li dan hu dirett, fl-ewwel stadju, lejn ir-rapporteurs u/jew ix-shadow rapporteurs "fil-proċeduri leġiżlattivi jew baġitarji"; jistieden lis-Segretarju Ġenerali biex isegwi dan il-proġett waqt is-6 xhur li se jdum, u biex, fi żmien xieraq qabel l-ewwel qari, jippreżenta analiżi ta' l-effettività tiegħu meta mqabbla ma' l-ispejjeż;
16. Ifakkar li EUR 2 miljun kienu tqiegħdu fir-riżerva matul il-proċedura baġitarja ta' l-2008 sabiex l-amministrazzjoni titħeġġeġ tagħti prijorità lil appoġġ lingwistiku iżjed effiċjenti għall-Membri matul il-laqgħat uffiċjali; jitlob lill-amministrazzjoni biex tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri meħuda u l-progress magħmul biex jitjiebu s-servizzi lingwistiċi waqt laqgħat uffiċjali;
17. Jistenna li r-riżultat ta' l-evalwazzjoni tal-proġett pilota għas-servizz analitiku jingħata lill-Membri billi jitpoġġa fil-Librerija tal-Parlament u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-2009; ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta" Marzu 2007 dwar il-linji gwida tal-proċedura baġitarja ta" l-2008(6), il-Parlament talab għall-possibilita li jippubblika t-tweġibiet għal dan it-tip ta' mistoqsijiet fuq l-Intranet tiegħu li se jiġi pprovdut; isemmi li din il-pubblikazzjoni se taqdi t-trasparenza u tagħti lok lill-membri kollha sabiex jibbenefikaw minn dan it-tip ta" servizz;
L-isfidi relatati ma' l-2009 bħala sena elettorali għall-Parlament,
18. Jenfasizza li l-2008 se tkun sena ta' elezzjonijiet Ewropej u jikkunsidra li dan hu aspett essenzjali tal-baġit li jrid jiġi miftiehem; itenni l-konvinzjoni tiegħu li ċ-ċittadini Ewropej iridu jkunu infurmati b'mod xieraq dwar il-ħidma mwettqa mir-rappreżentanti eletti tagħhom u anke dwar l-irwol politiku u leġiżlattiv tal-Parlament;
19. Jiġbed attenzjoni partikulari għall-importanza li jorbot mal-miżuri ta' komunikazzjoni deċentralizzata li tinvolvi wkoll lill-midja reġjonali u lokali; jikkunsidra li dan hu l-iktar mod effettiv meta mqabbel ma' l-ispejjeż biex tinkiseb l-informazzjoni mmirata meħtieġa u, barra minn hekk, jinsisti li l-Membri għandhom jieħdu sehem b'mod attiv f'inizjattivi ta' dan it-tip;
20. Jemmen li l-bidliet relatati mas-sena elettorali jridu madankollu jitqiesu fil-kuntest ta' mmaniġġjar finanzjarju prudenti u mhux awtomatikament jiġu kkunsidrati bħala nfiq addizzjonali li jiżdied fuq attivitajiet oħra; jemmen li sena elettorali teħtieġ ukoll ċertu ammont ta' ffukar ta' l-azzjonijiet u n-nefqa f'dik is-sena partikulari;
21. Se jimmoniterja, f'dan ir-rigward, l-iffinanzjar ta' tliet proġetti relatati ma' l-informazzjoni li huma intenzjonati li jkunu kompletament operazzjonali sa l-2009 u indirizzati lejn iċ-ċittadini, i.e. iċ-ċentru tal-viżitaturi u ċ-ċentru awdjoviziv, filwaqt li l-proġett Web-TV għandu jibda jaħdem fl-1 ta' Lulju 2008; filwaqt li jinnota li dan is-settur diġa ra tkabbir sostanzjali f'dawn l-aħħar snin, huwa tal-fehma li l-proġett Web-TV se jakkwista valur miżjud mill-investiment taħt il-politika dwar il-komunikazzjoni, għaliex joffri aċċess faċli għaċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni Ewropea għal proċeduri tal-Parlament; jitlob li jirċievi aktar informazzjoni b'mod regolari li tevalwa r-riżultati billi tagħmel referenza għal għadd ta' indikaturi dwar l-implimentazzjoni;
22. Jinnota wkoll il-proposta li jiġu allokati fondi għall-proġett għal "Dar l-Istorja Ewropea" fid-dokument tal-Bureau u, minħabba li hemm spazju limitat għal manuvrar finanzjarju u minħabba l-ħtiġijiet kbar tal-kompetenzi baziċi tal-Parlament, jistenna li jirċievi analiżi aktar dettaljata dwar l-elementi finanzjarji u baġitarji, kif ukoll dwar ir-riżultat tax-xogħol tal-kumitat ta' l-esperti; jixtieq jesplora l-possibilità ta'appoġġ għal dan il-proġett importanti wkoll mill-Kummissjoni;
L-isfidi relatati ma' l-Istatut il-ġdid għall-Membri u mal-bidla tal-leġiżlatura;
23. Jorbot importanza kbira ma' l-istatut unifikat għall-Membri tiegħu li se jiġi introdott fit-tieni nofs ta' l-2009; jinnota li, waqt li jitqiesu l-arranġamenti ta' tranżizzjoni li jistgħu jintużaw għal perjodu ta' mhux aktar minn għaxar snin, l-infiq addizzjonali hu approssimattiv s'issa u jilqa' l-istqarrija tas-Segretarju Ġenerali li ċ-ċifri se jerġgħu jiġu eżaminati qabel l-istadju ta' l-Estimi;
24. Jitlob lis-Segretarju Ġenerali biex kemm jista' jkun malajr jipprovdi estimi baġitarji aġġornati għal dan l-infiq minħabba l-fatt li hu probabbli li aktar Membri milli tbassar oriġinalment se jagħżlu s-sistema l-ġdida; jixtieq ukoll aġġornament dwar l-impatt finanzjarju tar-regoli l-ġodda dwar allowances li għandhom jiġu riformati fl-istess waqt ma' l-Istatut il-ġdid;
25. Jaqbel li jista' jitbassar ammont provviżorju għall-possibilità li jiġu ammessi osservaturi Kroati fl-aħħar ta' l-2009 u jistenna bil-ħerqa stima ta' l-implikazzjonijiet finanzjarji;
26. Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza tal-Presidenti u tal-Bureau li jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti tar-regoli interni tal-Parlament dwar ir-rimbors ta" l-ispejjeż ta" l-assistenza parlamentari u li jinkarigaw lill-gruppi ta" ħidma ta" l-Istatut tal-Membri, ta" l-Istatut ta" l-Assistenti u tal-Fond ta" Penzjoni tal-Bureau sabiex jevalwaw l-operat tar-regoli eżistenti b'reqqa u b'mod urġenti, u, minħabba l-importanza tal-kwistjoni, jippreżentaw proposti għall-emendar ta" dawn ir-regoli; jistieden lill-Grupp ta' Ħidma fi ħdan il-Bureau jresssaq, flimkien mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, proposti li jirrigwardaw l-Istatut ta' l-Assistenti tal-Membri li għandhom jintbagħtu b'urġenza lill-Kunsill sabiex jiġu adottati taħt il-Presidenza Franċiża sabiex ikun jista' jiġi applikat fl-istess ġurnata ma' l-Istatut il-ġdid tal-Membri; jemmen li dan l-istatut propost ikun jista' jiżgura trattament ugwali għall-assistenti tal-Membri li jkun ukoll trasparenti u jgħin biex jiżgura li jitwettqu taxxi u obbligi soċjali, bħalma huma salarji u drittijiet għas-sigurtà soċjali; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Bureau ta' l-10 ta' Marżu 2008 dwar l-assistenti tal-Membri Parlamentari u jqisha bħala l-ewwel pass lejn il-konformità mat-talba magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali għall-2008(7); jistieden lill-Bureau u lis-Segretarju Ġenerali tiegħu sabiex jagħtu rapporti dwar il-progress f'din il-kwistjoni fi żmien xieraq qabel l-ewwel qari;
Bini
27. Jilqa' t-tħejjija ta' proposta għal strateġija fit-tul għall-politika tiegħu dwar il-bini, inkluż l-iżvilupp mistenni ta' l-ispejjeż għall-manutenzjoni, li għandhom ikunu analizzati waqt il-proċedura ta' l-2009; jikkunsidra li huma partikolarment importanti l-implikazzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-arranġamenti tal-kiri, minn naħa, u x-xiri, min-naħa l-oħra; jixtieq jara l-argumenti li jiġu preżentati u diskussi matul is-sena; jifraħ lis-Segretarju Ġenerali għall-inizjattiva interistituzzjonali tiegħu sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet rigward l-akkwist pubbliku, b'mod speċjali sabiex jiġu evitati kartelli u sitwazzjonijiet monopolistiċi; jistenna li tingħata aktar informazzjoni sabiex ikun jista' jsegwi l-proċess mill-qrib hafna;
28. Jirrikonoxxi li ġew iffrankati ħafna flus bil-ħlasijiet minn qabel li saru fuq il-bini f'dawn l-aħħar għaxar snin; iqis li l-politiki għall-akkwisti tal-Parlament fuq perjodu itwal ta' żmien jeħtieġ li jiġu evalwati fid-dawl tal-limitu massimu finanzjarju u tal-ħtiġijiet partikulari fit-tliet postijiet tax-xogħol tiegħu; jilqa' l-possibilità li jsir dibattitu dwar din il-kwistjoni wara li tiġi preżentata l-istrateġija fit-tul;
29. Jinsisti li l-preokkupazzjonijiet ambjentali għandhom ikunu element fundamentali tal-politika tiegħu; jemmen li hemm bżonn ta' aktar titjib f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-effiċjenza ta' l-enerġija, kif ukoll aktar passi lejn l-użu ta' l-għejun ta' energija li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fil-binjiet kollha li juża l-Parlament; jistenna li jiġu onorati l-impenji meħuda fil-qafas ta" l-EMAS u jistenna aktar informazzjoni dwar ir-riżultati tal-pjan ta' azzjoni ta' l-EMAS, kif ukoll dwar l-użu ta' panils solari, dwar il-possibbilità li tiġġedded il-flotta tal-karozzi tal-Parlament b'karozzi aktar favorevoli għall-ambjent u dwar il-punt ġdid dwar il-mobilità, li għandu jkun magħmul disponibbli online aktar faċilment;
30. Ifakkar li fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta" Ottubru 2007 dwar l-abbozz ta" baġit ġenerali ta" l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, il-Parlament talab lill-amministrazzjoni sabiex tippreżenta pjan ta" azzjoni sabiex l-emissjonijiet ta" CO2 kkawżati mill-attivitajiet tal-Parlament jitnaqqsu u jiġu bilanċjati;
31. Jixtieq jara rapport dwar il-limiti, kemm regolatorji u kemm prattiċi, li setgħu wasslu għal spejjeż ta' manutenzjoni għoljin bla bżonn għall-bini ta' l-UE, inklużi dawk tal-Parlament; jixtieq li r-rapport ikun sforz transversali biex jiġu stabbiliti l-kawżi fundamentali, jekk humiex marbuta ma' suq ristrett fi kwalunkwe mod, il-piżijiet imposti mir-Regolament Finanzjarju u t-tfigħ ta' offerti, jew kwalunkwe fattur relevanti ieħor; jixtieq li tiġi infurzata r-regola li titlob li jsir "blacklisting" ta" impriżi li ressqu spejjeż ogħla milli hu meħtieġ; jemmen li l-Parlament għandu jfittex modi sabiex jikseb tnaqqis fl-ispejjeż fil-baġit għall-bini;
32. Jinnota bi pjaċir li l-prattiki ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw il-qsim ta' l-uffiċċji esterni mal-Kummissjoni (Djar l-Ewropa) qegħdin attwalment jiġu modifikati sabiex jidher aħjar is-sehem li tokkupa kull istituzzjoni; jifraħ lis-Segretarju Ġenerali għall-ħidma f'din id-direzzjoni, kif intalab is-sena l-oħra, u jitlob li jinżamm infurmat f'kull stadju tal-proċess;
Staff
33. Jikkunsidra li l-livelli ta' l-istaff issa daħlu f'fażi ta' konsolidazzjoni wara ż-żidiet sinifikanti ħafna li saru bit-tkabbir ta' l-aħħar; jistieden lis-servizzi u l-gruppi politiċi kollha biex jipprovdu analiżi dettaljata u ġustifikazzjoni għal organizzazzjoni mill-ġdid ta' persunal fid-dipartimenti varji tal-Parlament qabel ma jsiru kwalunwe talbiet għal staff u għal ħolqien ta' impjiegi ġodda, u sabiex jużaw il-possibilitajiet ta' organizzazzjoni mill-ġdid kull meta jkun possibbli; jikkunsidra li dan l-ezerċizzju baġitarju għandu jservi ta' tkomplija ta' sforzi ta' dan it-tip fl-2008, waqt li jirrikonoxxi l-isfidi speċjali għall-2009 u l-fatt li l-possibilitajiet ta' organizzazzjoni mill-gdid se jvarjaw minn sena għall-ohra;
34.
Hu għalhekk ippreparat biex jikkunsidra talbiet raġonevoli għal impjiegi ġodda wara li l-amministrazzjoni tkun preżentat analiżi ċara, li tinkludi wkoll kull proġamm ta' taħriġ u żvilupp meħtieġ; jilqa' l-intenzjoni tas-Segretarju Ġenerali li jagħmel sforz intensiv f'dan ir-rigward;
35.
Jikkunsidra li l-analiżi msemmija qabel dwar x'jista' jitqies bħala dmirijiet u responsabilitajiet ġenwinament ġodda mnissla mit-Trattat ta' Liżbona, u l-implikazzjonijiet finanzjarji possibbli, inklużi l-organigrammi, se tkun element kruċjali għall-baġit;
Istituzzjonijiet oħra
36. Jistieden lill-istituzzjonijiet biex jippreżentaw talbiet baġitarji realistiċi u bbażati fuq l-ispejjeż u li jqisu kompletament il-kuntest ġenerali ta' dixxiplina finanzjarja, maniġġjar effettiv tar-riżorsi u valur miżjud għaċ-ċittadini Ewropej;
37. Hu interessat ħafna dwar kif Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna futur se jkun integrat globalment fil-baġit ta' l-UE u, fil-każ li dan is-Servizz, jew partijiet tiegħu, jiġu assorbiti fis-sezzjoni tal-Kunsill, jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikunu kompletament trasparenti u proattivi dwar l-implikazzjonijiet li dan se jkollu, inklużi l-linji diviżorji bejn in-nefqa amministrattiva u operazzjonali;
38. Jinnota bi ftit inkwiet iż-żidiet sinifikanti fin-nefqa għall-bini fuq perjodu ta' żmien medju u jistieden lill-istituzzjonijiet kollha biex jeżaminaw pjanijiet ta' dan it-tip b'attenzjoni u biex jippreżentaw il-pjanijiet u/jew is-soluzzjonijiet għall-iffinanzjar kollha f'format miftuħ u li jiftiehem faċilment; jirrikonoxxi li hemm ukoll bżonnijiet li ma jistgħux jiġu evitati għal infiq ta' dan it-tip f'ċerti każi, pereżempju marbuta mar-rekwiżiti legali u biex jinkisbu kundizzjonijiet sodisfaċenti għall-istaff;
39. Jistieden lir-rapporteur tiegħu għall-2009 biex iwettaq żjarat individwali lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, sabiex jismagħhom qabel l-istadju ta' l-Estimi u jirraporta lura lill-Kumitat għall-Baġits tiegħu;
o o o
40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti ta" l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.