Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' April 2008 dwar ir-rapport ta" progress tal-Kroazja għall-2007 (2007/2267(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill fit-3 ta" Ottubru 2005 biex jinfetħu n-negozjati mal-Kroazja dwar l-adeżjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta" April 2007 dwar ir-rapport ta" progress tal-Kroazja għall-2006(1),
– wara li kkunsidra r-rapport ta" progress tal-Kroazja għall-2007, ippubblikat mill-Kummissjoni fis-6 ta" Novembru 2007 (SEC(2007)1431),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta" l-10 ta" Diċembru 2007 rigward il-Kroazja,
– wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fil-Kroazja fis-6 u fis-7 ta" Frar 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0048/2008),
A. billi l-Kroazja ressqet sew lejn sħubija sħiħa ma" l-Unjoni Ewropea, qed tkompli tissodisfa l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen u qed timplimenta b'suċċess il-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni;
B. billi l-Kroazja hija stat Ewropew demokratiku li jappoġġja l-integrazzjoni Ewropea u huwa impenjat sabiex jingħelbu l-firdiet eżistenti u tinkiseb ir-rikonċiljazzjoni bejn il-popli, aspetti li jinvolvu delegazzjoni voluntarja tal-poteri f'ċerti oqsma ewlenin tal-politika, u billi l-Kroazja għamlet sforzi sostanzjali u ta" suċċess f'dan ir-rigward li ħallew riżultati evidenti,
C. billi l-proċess ta" adeżjoni tal-Kroazja ma' l-UE għandu implikazzjonijiet reġjonali aktar wiesa", huwa meqjus bħala test għall-impenji li l-UE ħadet fir-rigward tal-Balkani tal-Punent, u jista' jsir inċentiv sinifikanti għall-pajjiżi kollha l-oħra kkonċernati,
D. D billi l-Kroazja kompliet tissodisfa l-kriterji politiċi ta' Kopenħagen, billi ġiet rikonoxxuta li għandha ekonomija tas-suq li tiffunzjona, u billi b'mod ġenerali kompliet timplimenta l-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mingħajr diffikultajiet kbar;
E. billi l-impenn serju tal-Kroazja rigward in-negozjati dwar l-adeżjoni ta l-frott u jidher li hemm prospetti tajbin għall-ġejjieni tal-proċess ta" l-integrazzjoni tal-Kroazja kif ukoll ta" pajjiżi oħra tar-reġjun fl-UE,
F. billi f'dawn l-aħħar sentejn ta" negozjati l-Kroazja għamlet passi sostanzjali u pożittivi "l quddiem fil-parti l-kbira ta" l-oqsma koperti mill-korp tal-liġi Komunitarja,
G. billi jeħtieġ li jkun hemm sforzi akbar u impenn politiku mġedded sabiex jiġu indirizzati wħud mill-oqsma l-aktar problematiċi fejn riformi serji huma meħtieġa qabel ma l–Kroazja tkun tista" tissieħeb fl-Unjoni Ewropea,
H. billi l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew 2003 f'Thessaloniki indika li l-futur tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent jinsab fil-fatt fl-Unjoni Ewropea, kif inhu kkonfermat f'numru ta" riżoluzzjonijiet tal-Parlament,
I. billi d-dikjarazzjoni maħruġa mill-UE u mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, approvata b'mod unanimu mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-11 ta" Marzu 2006 f'Salzburg, tenfasizza l-importanza ta" relazzjonijiet tajbin mal-viċinat u dwar il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet aċċettabbli minn kulħadd għall-kwistjonijiet pendenti mal-pajjiżi ġirien,
1. Jifraħ lill-awtoritajiet Kroati għar-riżultati pożittivi li nkisbu sa issa, b'mod partikulari rigward l-għadd ta" kapitoli ta" negozjati li nfetħu;
2. Iqis li l-għan tan-negozjati ta" adeżjoni li għaddejjin hu li jinstab qbil dwar miżuri li jistgħu ikunu neċessarji għall-iffaċilitar ta" l-integrazzjoni, b'impenn ċar min-naħa tal-pajjiż kandidat li jaċċetta u jimplimenta l-acquis u li jżomm ma" l-objettivi politiċi tat-Trattati, u li huma m'għandhomx jintużaw bħala lieva sabiex tinstab xi soluzzjoni għal tilwim politiku bilaterali li ma jkunx fl-ambitu ta' l-acquis u ta" l-għanijiet tal-proċess;
3. Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kroazja għamlet progress tajjeb biex tilħaq il-punti ta' referenza għall-ftuħ ta" kapitoli ġodda , u jappoġġja lill-gvern u lill-parlament tal-Kroazja fl- isforzi tagħhom sabiex jissodisfa l-benchmarks għall-bqija tal-kapitoli;
4. Għandu l-pjaċir jinnota li l-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-Kroazja ġiet allinjata ma" l-istandards ta" l-UE, iżda jfakkar lill-awtoritajiet Kroati li issa huwa żmien kruċjali biex jitħaffef l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva meħtieġa sabiex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni l-ġdida; jistieden f'dan ir-rigward lill-awtoritajiet Kroati sabiex jiftħu dan il-proċess u jinvolvu lis-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni;
5. Iħeġġeġ lill-Kroazja sabiex tħaffef il-proċess tar-riforma tas-servizz pubbliku fil-gvern lokali u reġjonali, u biex tforni r-riżorsi u t-taħriġ neċessarji għall-implimentazzjoni ta" dawn ir-riformi;
6. Ifaħħar il-passi li ttieħdu fil-qasam kruċjali tar-riforma ġuridika, iżda jaqbel mal-Kummissjoni li jeħtieġ li jkun hemm aktar titjib, b'mod partikulari sabiex:
–
ikompli jonqos l-għadd kbir ta" każijiet pendenti, fost metodi oħra billi l-imħallfin jiġu mħeġġa jirrikorru għal forom alternattivi tar-riżoluzzjoni tat-tilwim;
–
jissaħħu l-indipendenza, l-imparzjalità u l-professjonaliżmu tas-sistema ġuridika, b'mod partikulari rigward il-ħatra u l-immaniġġjar tal-karrieri ta" l-imħallfin u ta' l-avukati, kif ukoll it-taħriġ tagħhom;
–
mill-ġdid tingħata spinta lill-proċess tar-razzjonalizzazzjoni tas-sistema tal-qrati u jiġi żgurat li l-investimenti infrastrutturali jikkonformaw mal-"mappa ġudizzjarja" li għada kif ġiet żviluppata;
7. Jifraħ lill-awtoritajiet Kroati għall-isforzi kontinwi tagħhom favur prosekuzzjoni imparzjali tar-reati domestiċi tal-gwerra, u jħeġġiġhom biex ikunu dejjem attenti sabiex jevitaw ir-riskju ta" sentenzi li jxaqilbu lejn xi grupp etniku u biex jiżguraw li jittieħdu l-miżuri kollha għall-ħarsien ta" l-integrità tal-proċess ġuridiku; f'dan il-kuntest jappella għal aktar miżuri urġenti għall-protezzjoni tax-xhieda, inkluż l-adozzjoni ta" dispożizzjonijiet legali msaħħa;
8. Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kroazja qed tkompli tikkopera bis-sħiħ mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali tal-Ġnus Magħquda għall-ex Jugoslavja (ICTY); jinsab imħasseb madanakollu dwar l-impatt negattiv tas-sentenzi ta" l-ICTY dwar il-każijiet ta' reati tal-gwerra ta' Vukovar fuq l-opinjoni pubblika fil-Kroazja;
9. F'dan il-kuntest jappella lill-awtoritajiet Kroati sabiex jiżguraw konformità stretta mal-kundizzjonijiet għar-rilaxx proviżorju ta" l-akkużati mressqa quddiem l-ICTY;
10. Jilqa' t-tisħiħ tal-mandat ta' l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata (USKOK) u l-għadd ikbar ta' każijiet ta' korruzzjoni li qegħdin quddiem il-qrati, u jħares "l quddiem għas-suċċess ta" investigazzjonijiet f'każijiet ta" korruzzjoni ta" livell għoli; jitlob li dawn l-isforzi jibqgħu għaddejjin biex jinqered il-livell - f'xi każijiet tant għoli li mhux aċċettabbli - ta' korruzzjoni, li jdgħajjef l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż;
11. Jifraħ lill-Kroazja għal-Liġi Kostituzzjonali dwar Minoranzi Nazzjonali (CLNM), li hija waħda eżemplari, u jfaħħarha għall-miżuri meħuda sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni ta" minoranzi fil-ħajja soċjali u politika ta' kuljum;
12. Jilqa" d-deċiżjoni importanti li jinħatar rappreżentant tal-minoranza Serba bħala Viċi Prim Ministru b'responsabilità għall-iżvilupp reġjonali, għar-rikostruzzjoni u għar-ritorn tar-refuġjati;
13. Iħeġġeġ lill-gvern u lill-parlament sabiex jagħmlu sforzi biex jiżguraw l-eliminazzjoni ta" kull forma ta" diskriminazzjoni u preġudizzju, anke fir-rigward tal-komunità Roma; f'dan il-kuntest jappella għall-adozzjoni mill-gvern ta" strateġija globali kontra d-diskriminazzjoni u ta" l-implimentazzjoni effettiva tagħha fil-livell ta' stat u fil-livell lokali;
14. Ifakkar ukoll fil-bżonn li jkun żgurat livell effettiv ta' implimentazzjoni tas-CLNM, b'mod partikulari rigward it-tagħlim bilingwu fl-iskejjel u l-bilingwiżmu fl-amministrazzjoni pubblika u l-garanziji ta' impjieg ippjanati li jikkonċernaw ir-rappreżentazzjoni xierqa tal-minoranzi fil-ġudikatura u fl-amministrazzjoni pubblika; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li tingħata biżżejjed attenzjoni, skond l-Istrument ta" Qabel l-Adeżjoni, (Pre-Accession Assistance - IPA) lill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-CLNM;
15. Iqis li l-miżuri internazzjonali għall-bini ta' fiduċja huma element ewlieni għall-iżgurar ta" l-istabbilità tal-pajjiż u ta" l-inħawi tal-Balkani fil-madwar;
16. Huwa ta" l-opinjoni li s-sistema edukattiva fil-Kroazja, filwaqt li tippreserva u ttejjeb it-tradizzjonijiet kulturali u soċjali ta" kull komunità nazzjonali, għandha tippromwovi integrazzjoni u koeżjoni akbar fi ħdan is-soċjetà Kroata;
17. Jitlob li jkun hemm integrazzjoni mill-ġdid tar-rifuġjati tal-gwerra b'mod sostenibbli, u f'dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni f'waqtha ta' miżuri għall-akkomodazzjoni, l-impjiegi u miżuri soċjali għar-rifuġjati li jkunu proporzjonati mal-kobor ta' l-isfida;
18. Jinnota b'sodisfazzjon it-tkabbir sostenibbli imwettaq mill-ekonomija Kroata; jittama li dan it-tkabbir jirriżulta f'iktar opportunitajiet ta' impjieg; ifaħħar ix-xogħol li sar minn HitroRez rigward it-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq in-negozju u jistenna bil-ħerqa riżultati simili f'setturi oħra;
19. Jilqa" r-riformi adottati fis-settur għall-protezzjoni ambjentali; jistieden lill-gvern sabiex jikkunsidra miżuri u politiki li jindirizzaw l-effetti ħżiena tal-bidla fil-klima, skond il-miri ta" l-UE; jappella għall-istabbiliment ta" djalogu intersettorjali aktar komprensiv sabiex ikun żgurat żvilupp ekoloġiku sostenibbli;
20. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kroati biex jivvalutaw mill-ġdid l-effiċjenza tas-sistema attwali tal-miżuri ta" protezzjoni ambjentali, inklużi l-iżvilupp ta" l-impjanti kostali għat-trattament ta" l-ilma, il-ġbir differenzjat ta" l-iskart u impjanti għall-irkupru tas-sħana u l-eliminazzjoni ta" miżbliet illegali, u sabiex tiżdied il-koordinazzjoni bejn il-korpi kollha responsabbli; f'dan il-kuntest jappella wkoll għall-kampanja ta" trawwim ta" kuxjenza mmirata għaż-żieda ta" l-attenzjoni pubblika għall-ambjent;
21. Jilqa" l-Programm Ekonomiku ta" qabel l-adeżjoni tal-Kroazja u jinnota li dan ippreveda l-adozzjoni f'Marzu 2008 tal-Programm Nazzjonali ta" Ristrutturazzjoni għall-industrija tal-bini tal-vapuri, programm li ilu mistenni ħafna; ifakkar lill-awtoritajiet Kroati li l-progress f'dan il-qasam, minbarra li huwa rekwiżit tal-Ftehima ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, huwa importanti ferm għan-negozjati dwar l-adeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita, permezz ta" l-IPA, l-implimentazzjoni tal-programm tar-ristrutturazzjoni;
22. Jinsisti li l-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha tiġi implimentata malajr, billi din tipprovdi referenza affidabbli għall-evalwazzjoni tal-livell tat-tħejjija tal-pajjiżi għas-sħubija, ta" l-istat tat-tħejjija bbażat fuq il-fatti u mhux biss fuq il-leġiżlazzjoni adottata, b'mod partikulari rigward ir-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riformi ekonomiċi.
23. Jistieden lill-gvern Kroat sabiex jiżgura li s-sejħiet pubbliċi għal offerti jinħarġu skond il-liġi Komunitarja;
24. Sar jaf bi tħassib, dwar il-kritika reċenti li għamlet il-Kummissjoni rigward il-mod li bih il-fondi ta" l-UE qed jiġu mmaniġġjati mill-awtoritajiet Kroati u jħeġġiġhom sabiex bl-għajnuna tal-Kummissjoni, jindirizzaw b'urġenza d-dgħufija amministrattiva li ġiet identifikata sabiex tkun tista" titneħħa s-sospensjoni temporanja ta" kuntratti fil-programm PHARE 2006 (b'allokazzjoni finanzjarja totali ta" EUR 68.5 miljuni) u l-integrazzjoni mill-ġdid ta" l-allokazzjoni inizjali għas-sena finanzjarja 2008 fi ħdan l-IPA Component 1, wara tnaqqis ta" EUR 5 miljuni;
25. Fir-rigward ta" kwistjonijiet bilaterali li għad m'hemmx qbil dwarhom, ifakkar lill-partijiet kollha kkonċernati fil-prinċipju "pacta sunt servanda";
26. Jilqa" d-deċiżjoni tat-13 ta' Marzu 2008 tal-Parlament Kroat sabiex ma tkunx applikata z-Zona Protetta għas-Sajd Ekoloġiku għall-Istati Membri ta" l-UE sakemm tintlaħaq ftehima komuni fl-ispirtu ta' l-UE; huwa kunfidenti li, ladarba fl-aħħar din il-kwistjoni ġiet solvuta, jistgħu jittieħdu malajr id-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta" kapitoli ġodda;
27. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda li wriet il-Kroazja li ssolvi l-kwistjonijiet dwar il-fruntiera mal-Montenegro, li bħala xhieda hemm il-ftehim li ntlaħaq bejn iż-żewġ Prim Ministri fit-12 ta" Marzu 2008; jilqa" b'sodisfazzjon, barra minn hekk il-ftehima informali milħuqa mill-Prim Ministri tal-Kroazja u tas-Slovenja dwar il-kwistjoni ta' l-arbitraġġ, u jitlob liż-żewġ naħat biex jimplimentaw din il-ftehima u japprovaw ir-riżultat ta" l-arbitraġġ b'deċiżjoni ċara mill-parlamenti taż-żewġ pajjiżi;
28. Ifakkar li l-fatt li għandhom jiġu indirizzati b'mod partikolari l-kwistjonijiet marbuta ma" fruntieri, huwa ta" prijorità għall-Kroazja fis-Sħubija ta" Adeżjoni; f'dan ir-rigward jesprimi t-tħassib li għad għandu dwar il-bidu tax-xogħol ta" kostruzzjoni tal-pont Pelješac f'Ottubru 2007 minkejja l-oppożizzjoni li wriet il-Bożnija Ħerzegovina dwar fruntieri tal-baħar mhux definiti; jinnota li bħalissa x-xogħol ta" kostruzzjoni jinsab wieqaf u jappella għal riżoluzzjoni negozjata għal din il-kwistjoni bejn iż-żewġ stati;
29. Ifaħħar lill-Kroazja dwar il-progress kontinwu li għamlet fil-qasam tal-koperazzjoni reġjonali u fl-istess ħin iħeġġiġha biex tkompli miexja f'din id-direzzjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien, peress li dawn iż-żewġ oqsma huma kruċjali għall-integrazzjoni Ewropea;
30. Jistieden lill-Kroazja sabiex iżżomm l-attitudni kostruttiva tagħha u jkollha rwol pożittiv fir-reġjun sabiex tappoġġja u ssaħħaħ il-konsolidazzjoni tal-Bożnija Ħerzegovina;
31. Jaqbel mal-Kummissjoni li, bi sforzi akbar min-naħa tal-Kroazja u appoġġ kontinwu mill-istituzzjonijiet ta" l-UE, in-negozjati għall-adeżjoni għandhom f'kull każ jiġu konklużi fl-2009;
32. F'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha u żżid ir-riżorsi allokati għall-preparazzjoni, l-ipproċessar u l-finalizzazzjoni tal-materjal tan-negozjati sabiex l-UE tkun tista' tirrispondi b'mod aktar mgħaġġel u effiċjenti għall-progress li għamlet il-Kroazja sabiex tilħaq il-punti ta" referenza tal-ftuħ u ta" l-għeluq;
33. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kroati biex jinvolvu gruppi tas-soċjetà ċivili (NGOs, il-komunità akkademika, tradeunions) fil-proċess ta" adeżjoni ma" l-UE;
34. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Kroazja.