Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' April 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea mkabbra
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 152 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 163-173 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta" Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta" azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013),(1)
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni "Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013"(COM(2007)0630),
– wara li kkunsidra Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(2)
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma' l-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol,(3)
– wara li kkunsidra r-rapporti kkummissjonati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-kanċer, u partikolarment dwar ir-riskji għas-saħħa tat-tfal meta jiġu esposti għall-kimiċi,(4)
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1901/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar prodotti mediċinali għall-użu pedjatriku,(5)
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/878/KE tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrining għall-kanċer,(6)
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għall-Ambjent u s-Saħħa (COM(2003)0338) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010(COM(2004)0416),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-Istrateġija Komunitarja 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(7),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar il-ħtieġa għal strateġija komprensiva għall-kontroll tal-kanċer(8),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006, dwar il-kanċer tas-sider fl-Unjoni Ewropea mkabbra, (9)
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 646/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Marzu 1996 li taddotta pjan ta' azzjoni Komunitarju kontra l-kanċer fil-qafas ta' azzjoni fis-settur tas-saħħa pubblika (1996 sa 2000) (10),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 88a tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem(11),
– wara li kkunsidra 2004/513/KE d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk(12),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skond stimi mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC), wieħed minn kull tliet Ewropej jinstablu l-kanċer matul ħajtu u wieħed minn kull erba' Ewropej imut b'din il-marda,
B. billi fl-2006, kien hemm madwar 2 miljuni u 300,000 każ ġdid ta' kanċer u aktar minn miljun ruħ li mietu bil-kanċer fl-Unjoni Ewropea; billi l-biċċa l-kbira mietu bil-kanċer tal-pulmun, bil-kanċer kolorettali u bil-kanċer tas-sider,
C. billi l-kanċer hu kkawżat minn ħafna fatturi fi stadji differenti u għalhekk tenħtieġ paradigma ġdida għall-prevenzjoni tal-kanċer li tindirizza, fuq livell ugwali, il-kawżi marbuta ma' l-istil tal-ħajja u l-kawżi marbuta max-xogħol u ma' l-ambjent, b'mod li tirrifletti l-effetti attwali kkombinati flimkien ta' kawżi differenti, aktar milli tiffoka fuq kawżi iżolati,
D. billi, skond studju reċenti magħmul mit-trejdjunjins, mill-inqas 8% ta' l-imwiet mill-kanċer kull sena huma kkawżati direttament minn esponiment għall-karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol; billi dan it-tip ta' esponiment jista' jiġi evitat bis-sostituzzjoni tal-karċinoġeni b'sustanzi li jagħmlu inqas ħsara; billi min iħaddem huwa barra minn dan obbligat legalment li jissostitwixxi l-karċinoġeni fejn hu possibbli, imma sfortunatament, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex implimentati u infurzati sew, u dan hu inaċċettabbli,
E. billi sustanzi kimiċi li jqallbu l-glandola endokrinali jista' jkollhom sehem importanti fil-formazzjoni tal-kanċer, bħall-kanċer tas-sider jew tat-testikoli, u għalhekk jiħtieġu azzjoni speċifika,
F. billi l-popolazzjoni ta' l-Unjoni li qed tixjieħ hija waħda mir-raġunijiet għaż-żieda tal-mard tal-kanċer madwar l-Unjoni kollha,
G. billi fl-Istati Membri l-ġodda r-rati ta' l-imwiet minħabba l-kanċer huma ogħla mir-rati fl-UE bi 15-il pajjiż,
H. billi d-differenzi sorprendenti u inaċċettabbli fil-kwalità tal-faċilitajiet għat-trattament tal-kanċer, fil-programmi ta' skrining, fil-linji gwida ta' l-aħjar prattika msejsa fuq l-evidenza, fil-faċilitajiet għar-radjuterapija, u fl-aċċess għal mediċini kontra l-kanċer, huma fost ir-raġunijiet għad-differenzi kbar fir-rata ta' sopravivenza ta' ħames snin għall-biċċa l-kbira tal-kanċer madwar l-Ewropa kollha,
I. billi d-Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew msemmija hawn fuq dwar il-ħtieġa għal strateġija komprensiva biex jiġi kkontrollat il-kanċer tistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jifformulaw strateġija komprensiva għall-kontroll tal-kanċer li tittratta l-erba' fatturi bażiċi li jikkontrollaw il-kanċer: a) il-prevenzjoni, b) s-sejbien bikri, c) id-djanjosi, it-trattament u t-tkomplija tat-testijiet u d) l-kura li ttaffi s-sintomi,
J. billi matul iż-żmien li kien fis-seħħ il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni Kontra l-Kanċer ("L-Ewropa kontra l-kanċer" 1986 - 2002) f'ħafna pajjiżi naqset ir-rata ta' mwiet għal bosta forom komuni ta' kanċer,
K. billi d-WHO tikkalkula li l-prevenzjoni hija possibbli għal talanqas terz mill-każijiet kollha ta' kanċer u li l-prevenzjoni toffri l-istrateġija l-iktar effettiva f'sens ta' nfiq għall-futur imbiegħed għall-kontroll tal-kanċer; billi jistgħu jitfejqu terz ieħor tal-kanċer jekk jinstabu kmieni u jiġu kkurati kif xieraq,
L. billi s-silika kristallina kienet ikklassifikata mid-WHO bħala karċinoġenu ta' l-1 klassi u billi 3 miljuni u 200,000 ħaddiem fl-UE huwa espost għal din is-sustanza matul talanqas 75% tal-ħin tax-xogħol; billi huwa stmat li 2.7% mill-imwiet minħabba l-kanċer tal-pulmun jew tal-bronki huma kkaġunati mill-esponiment għas-silika kristallina waqt ix-xogħol,
M. billi, skond id-data ta' l-Organiżżazzjoni dwar l-Iżvilupp u l-Koperazzjoni Ekonomika (OECD), bħalissa medja ta' 3% biss tal-baġit totali għas-saħħa tal-pajjiżi ta' l-OECD jintefqu fuq il-prevenzjoni meta mqabbla mas-97% li jintefqu fuq il-kura tas-saħħa u t-trattament; billi jeħtieġ li dan l-iżbilanċ kbir jiġi korrett b'mod urġenti, aktar u aktar minħabba li mill-inqas terz tal-każi tal-kanċer jistgħu jiġu evitati,
N. billi hu stmat li 25% ta' l-imwiet kollha mill-kanċer fl-Unjoni huma kkawżati mit-tipjip; billi t-tipjip jikkawża bejn 80 u 90% ta' l-imwiet mill-kanċer fil-fwied fid-dinja kollha,
O. billi programm nazzjonali għall-kontroll tal-kanċer li jitfassal u li jiġi mmaniġġjat sew, inaqqas l-inċidenza tal-kanċer u ta' l-imwiet, f'xi każi b'iktar minn 70%, u jtejjeb il-ħajja tal-pazjenti bil-kanċer, ikunu xi jkunu l-limitazzjonijiet tar-riżorsi li jiffaċċja l-pajjiż,
P. billi l-implimentazzjoni fil-pajjiż kollu ta' programmi ta' skrining effettivi, ibbażati fuq il-popolazzjoni - imwettqa skond il-linji gwida Ewropej jekk diġà jeżistu - ittejjeb sew il-kwalità u l-aċċessibilità ta' l-iskrining tal-kanċer, tad-djanjosi u tas-servizzi terapewtiċi għall-popolazzjoni u b'hekk ittejjeb il-kontroll tal-kanċer,
Q. billi r-reġistri nazzjonali tal-kanċer fl-Istati Membri kollha huma essenzjali bil-għan li tkun provduta data komparabbli dwar il-kanċer,
R. billi bħalissa fl-UE hemm inugwaljanzi kwalitattivi konsiderevoli u innaċċettabbli fl-iskrining għall-kanċer u fis-sejbien bikri u t-tkomplija tat-testijiet, partikolarment fir-rigward tal-proċeduri djanjostiċi użati u ta" l-integrazzjoni ta" dawk il-proċeduri fil-politika tas-saħħa ta" l-Istati Membri, u billi l-programmi ta" skrining jiffaċilitaw id-djanjosi bikrija, li tikkontribwixxi għal tnaqqis li jista" jitkejjel u effiċjenti f'sens ta" nfiq ta" l-impatt tal-marda,
S. billi l-onkoloġija m'hijiex rikonoxxuta bħala speċjalità medika fl-Istati Membri kollha, u billi jeħtieġ li tkun provduta edukazzjoni medika kontinwa,
T. billi l-EudraCT, il-bażi ta" data Ewropea għall-Istudji Kliniċi fl-Aġenzija Ewropea tal- Mediċini (EMEA), mhix miftuħa għall-pubbliku ġenerali, u l-pazjenti jsibu diffikultajiet sabiex isibu studji dwar il-kundizzjoni speċifika tagħhom,
U. billi l-kumplessità tal-kanċer tirrikjedi komunikazzjoni mtejba bejn il-bosta u d-diversi professjonisti tal-kura tas-saħħa involuti fit-trattament tal-pazjenti bil-kanċer; billi l-kura psikoloġika tal-pazjenti bil-kanċer tista' ttejjeb il-kwalità ta' ħajjithom,
V. billi bħalissa l-pazjenti bil-kanċer m'għandhomx aċċess indaqs għall-informazzjoni medika u jinsabu fi bżonn urġenti ta" aktar informazzjoni f'kull stadju tal-marda tagħhom,
1. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni xierqa għall-prevenzjoni, is-sejbien bikri, id-djanjosi u t-trattament, inkluża l-kura li ttaffi s-sintomi, sabiex titnaqqas iż-żieda sinifikanti li se sseħħ fl-impatt mill-kanċer, minħabba tibdil demografiku fid-deċennji li ġejjin, filwaqt li jaħsbu wkoll għal appoġġ finanzjarju xieraq għall-azzjonijiet koordinati u għat-tisħiħ xieraq tal-kapaċitajiet;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf Grupp ta" Ħidma interistituzzjonali ta' l-UE kontra l-Kanċer magħmul minn rappreżentanti mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, li jiltaqa' regolarment, biex tinġabar u tiġi skambjata l-aħjar prattika dwar il-prevenzjoni, (inkluż it-tnaqqis ta" l-esponiment għal karċinoġeni marbuta max-xogħol u ma' l-ambjent u sustanzi oħra li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kanċer), l-iskrining u t-trattament u sabiex tkun minn ta" quddiem fit-titjib tal-kontroll tal-kanċer fl-Ewropa; jenfasizza li l-Grupp ta" Ħidma ta" l-UE għandu, b'mod partikulari, jippromwovi miżuri ġodda, kif ukoll proġetti eżistenti ta" skrining, li jistgħu jgħinu biex sa l-2018 jiżdied il-proporzjon tal-popolazzjoni li jieħu sehem f'miżuri ta" skrining għall-kanċer b'talanqas 50% f'kull wieħed mill-Istati Membri;
3. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tadotta Komunikazzjoni dwar il-Kanċer u Komunikazzjoni dwar il-Mard Rari, t-tnejn skedati għal iżjed tard din is-sena;
4. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer fuq bażi regolari u biex tippromwovih permezz ta' kampanji ta' għarfien u ta' informazzjoni mmirati lejn gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni;
5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex idaħħlu obbligu legali ta' reġistrazzjoni tal-kanċer b'terminoloġija Ewropea standardizzata sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati fuq il-bażi tal-popolazzjoni l-programmi għall-prevenzjoni, l-iskrining u t-trattament, u r-rati ta" sopravivenza kif ukoll il-komparabilità tad-data bejn l-Istati Membri;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi r-Rakkomandazzjoni eżistenti dwar l-iskrining tal-kanċer ħalli tinkludi fiha l-iżvilupp rapidu ta' teknoloġiji ġodda u biex tinkludi:
a)
aktar tipi ta' kanċer u
b)
metodi ta' teknika addizzjonali biex issir dijanjosi bikrija, meta dawn ikunu assigurati xjentifikament;
7. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi approċċ dinamiku, flessibbli, u kontinwu fil-ġlieda kontra l-kanċer li jkun ibbażat fuq il-progress xjentifiku u għal dan l-iskop għandu jistabbilixxi:
a)
kumitat li jagħti pariri dwar il-prevenzjoni tal-kanċer biex jiġu evalwati l-evidenza eżistenti u d-data
b)
kumitat speċjali li jagħti pariri dwar is-sejba bikrija tal-kanċer biex jiġi żgurat li r-reviżjonijiet futuri tar-Rakkomandazzjoni jkunu inkorporati malajr u b'mod effiċjenti;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, fil-qafas tat-Tieni Programm ta' Azzjoni għas-Saħħa Pubblika, networks ta' reġistri nazzjonali tal-kanċer bil-għan li jsir studju madwar l-UE kollha dwar l-inugwaljanzi fl-inċidenza tal-kanċer u s-sopravivenza għall-kanċer;
9. Iħeġġeġ lill-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u ta' l-Italja, li għadhom ma għamlux dan, biex jirratifikaw il-Qafas ta' Konvenzjoni dwar il-Kontroll tat-Tabakk tad-WHO, li daħal fis-seħħ fi Frar 2005;
10. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha sabiex jiżviluppaw u jappoġġjaw protokolli u linji gwida sodi meta jimplimentaw il-Qafas ta' Konvenzjoni dwar il-Kontroll tat-Tabakk tad-WHO u sabiex jiżguraw li jkun hemm riżorsi disponibbli li jgħinu lil dawk il-pajjiżi bi dħul baxx ħalli jwettqu l-obbligi tagħhom skond il-Konvenzjoni;
11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq l-irwol ta' gwardjan tat-Trattat billi tieħu azzjoni legali immedjata kontra l-Istati Membri kollha li ma jkunux qed jimplimentaw b'mod sħiħ id-Direttiva 2004/37/KE;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni leġiżlattiva, fejn xieraq, u biex tinkuraġġixxi u tappoġġja inizjattivi li jinkludu numru kbir ta' partijiet interessatili għandhom l-għan li jiġi evitat il-kanċer permezz tat-tnaqqis ta' l-espożizzjoni għall-karċinoġeni u sustanzi oħra li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kanċer fuq ix-xogħol u fl-ambjent u li jitħeġġu l-istili ta' ħajja tajbin għas-saħħa, b'mod partikulari fir-rigward tal-fatturi ta' riskju ewlenin – it-tabakk, l-alkoħol, l-obeżità, id-dieti ħżiena għas-saħħa u n-nuqqas ta' eżerċizzju fiżiku u ta' protezzjoni kontra x-xemx – filwaqt li ssir enfasi kbira fuq it-tfal u l-adolexxenti;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw u jimplimentaw politiki komprensivi dwar il-kontroll tat-tabakk li jinkludu ambjenti ħielsa mit-tipjip u interventi għal waqfien mit-tipjip, bħala metodi effettivi sabiex tonqos l-inċidenza tat-tipjip u b'hekk jiġi evitat numru kbir ta' mwiet mill-kanċer, f'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-Green Paper "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell ta" l-UE"(13), ir-rakkomandazzjonijiet ta' liema issa jridu jkunu implimentati b'mod sħiħ;
14. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Aġenzija Ewropea dwar il-Kimiċi, fil-kuntest ta' Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi(14), , sabiex jadottaw il-lista ta' sustanzi kandidati li jwasslu għal tħassib kbir, li jinkludu sustanzi li huma karċinoġeni, bħala l-ogħla prijorità qabel l-1 ta' Ġunju 2008, sabiex jista' jiġi applikat l-Artikolu 33(2) ta' REACH, li jippermetti lill-konsumaturi li jitolbu informazzjoni dwar karċinoġeni fl-artikoli li jakkwistaw, sabiex ikunu jistgħu jevitaw artikoli bħal dawn jekk ikunu jixtiequ;
15. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi u tappoġġja inizjattivi ħalli tevita l-importazzjoni ta' artikoli li fihom kimiċi karċinoġeni; jitlob, barra minn hekk, għal miżuri mill-EU biex jiżdied l-immonitorjar ta' l-ikel għall-kimiċi, inklużi l-pestiċidi;
16. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-istħarriġ għall-bijomonitoraġġ tal-bnedmin fl-UE kollha ikollu biżżejjed riżorsi biex jimmonitorja sustanzi karċinoġeni, u sustanzi oħra li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kanċer, li jippermetti li titkejjel l-effettività tal-politika;
17. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu kampanji ta' l-informazzjoni dwar l-iskrining tal-kanċer immirati għall-pubbliku ġenerali u dwar dawk kollha li jipprovdu l-kura tas-saħħa, kif ukoll l-iskambju ta' l-aħjar prattika dwar l-użu ta' miżuri preventivi jew dwar is-sejba bikrija, bħal ma huma l-integrazzjoni ta' testijiet għall-virus uman tal-papilloma (HPV) xierqa li ma jkunux għaljin għall-iskrining tal-kanċer ċervikali u l-vaċċinazzjoni ta' l-HPV biex tipproteġi t-tfajliet mill-kanċer ċervikali, jew it-test għall-antiġen speċifiku tal-prostata (PSA) għas-sejba bikrija tal-kanċer tal-prostata fl-irġiel li għandhom 'il fuq minn 50 sena.
18. Jitlob lill-Kummissjoni biex tibda diskussjoni mal-Kunsill biex tiżgura li r-Rakkomandazzjoni dwar l-iskrining tal-kanċer jiġi promoss u implimentat b'mod effettiv. għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni, biex jiġu stabbiliti proċeduri għall-adozzjoni ta' kwalunkwe tibdil fil-futur għar-Rakkomandazzjoni u biex jitwaqqfu programmi ta' l-iskrining ibbażati fuq il-popolazzjoni bi qbil mal-linji gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità;
19. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi l-appoġġ xjentifiku u professjonali fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul għal assistenza adegwata u xierqa lill-Istati Membri biex jgħinhom jaħdmu fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrining tal-kanċer, u, sabiex jiġu mmonitorjati, evalwati u kkoordinati l-attivitajiet pilota u t-titjib kontinwu tal-kwalità;
20. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-iżvilupp tal-programmi Ewropej ta' akkreditazzjoni/verifika ta' l-iskrining, tad-dijanjosi u t-trattament tal-kanċer ibbażati fuq il-linji gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità, li jistgħu jservu wkoll bħala eżempju għal oqsma oħra tal-kura tas-saħħa;
21. Jitlob lill-Istati Membri biex joffru lin-nazzjon sħiħ timijiet multidixxiplinarji ta' l-onkoloġija ħalli jagħtu trattament individwali ottimali lill-pazjenti kollha, u biex itejbu t-taħriġ ta' l-onkoloġisti u tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex jirrikonoxxu l-bżonnijiet psikosoċjali tal-pazjenti sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u jnaqqsu l-ansjetà u d-dipressjoni fil-pazjenti tal-kanċer;
22. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-onkoloġija bħala speċjalità medika u biex joffru tagħlim matul il-ħajja għall-onkoloġisti mediċi bi qbil ma' linji gwida miftiehma;
23. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jippromwovu l-kura li ttaffi s-sintomi (palliative care) u biex jistabbilixxu linji gwida għall-użu tagħha;
24. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni Komunitarja jkun fiha inċentivi kemm għall-industrija kif ukoll għar-riċerkaturi sabiex tgħin fir-riċerka kontinwa bil-għan li jiġu żviluppati mediċini u trattamenti ġodda bbażati fuq l-evidenza għall-ġlieda u l-kontroll tal-kanċer;
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex permezz ta' networks ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa, tiżgura t-tixrid ta' l-aħjar prattiki tat-trattament u l-kura sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-aqwa trattament disponibbli;
26. Jistieden lill-Kummissjoni biex talloka fondi mill-Fondi Strutturali u mis-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka sabiex jinħolqu u jiġu ffinanzjati networks ta' referenza għal kanċer rari u għal kanċer diffiċli biex tikkurahom, sabiex jinġabru flimkien ir-riżorsi u l-ħiliet u jittejbu d-dijanjosi u t-trattament;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex talloka fondi mis-Seba' Programm ta' Qafas sabiex jitħeġġu r-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-prevenzjoni primarja, ta' l-iskrining u tas-sejba bikrija, kif ukoll ta' mediċini u trattamenti ġodda kontra l-kanċer;
28. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu standard ta' l-UE għall-evalwazzjoni ta' approċċi dijanjostiċi u terapewtiċi ġodda u innovattivi u għall-identifikazzjoni ta' l-aħjar prattiki cliniċi u mediċi;
29. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex talloka fondi mis-Seba' Programm ta' Qafas ħalli tistimula r-riċerka dwar kanċer pedjatriku;
30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-mediċini tal-kanċer ikunu disponibbli b'mod uniformi għall-pazjenti kollha li għandhom bżonnhom fl-Istati Membri kollha;
31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jeżaminaw, permezz tal-Forum Farmaċewtiku ta' Livell Għoli, kif mediċini tal-kanċer innovattivi li jsalvaw il-ħajja jistgħu jkunu disponibbli b'ħeffa akbar għall-pazjenti billi tiġi aċċellerata l-approvazzjoni ta' kummerċ imħaffef permezz tal-Proċedura Ċentralizzata ta' l-UE, filwaqt li jiġi meqjus prezz taħt kundizzjoni u proċess ta' l-għoti tal-ħlas lura, waqt li d-data dwar il-valur tal-mediċina tkun qed tinġabar fuq pazjenti f'sitwazzjonijiet vera tal-ħajja;
32. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, sa Ġunju 2008 l-aktar tard, proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tiżgura informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali, minn sorsi diversi, li tkun ta' kwalità tajba, oġġettiva, li tista' toqgħod fuqha u li ma sservix ta' riklam;
33. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi id-Direttiva 2001/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' April 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrelataw għall-implimentazzjoni ta' prattika korretta ta' klinika fit-twettiq ta' provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem(15) (id-Direttiva rigward il-Provi Kliniċi) biex tħeġġeġ iżjed riċerka akkademika dwar il-kanċer, u b'mod partikolari riċerka għall-iskrining tal-kanċer u s-sejba bikrija tiegħu, filwaqt li jiġi rikonoxxut l-impatt ta' l-ispejjeż involuti għas-settur tar-riċerka mhux kummerċjali, u biex titjieb id-disponibilità ta' l-informazzjoni għall-pazjenti u l-pubbliku in ġenerali dwar il-provi kliniċi li jkunu fil-proċess u dawk li jkunu tlestew;
34. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu lejn l-iżvilupp ta" linjigwida għal definizzjoni komuni ta" diżabilità li tista' tinkludi persuni b'mard kroniku jew kanċer u sadanittant għal Stati Membri li ma wettqux dan biex jieħdu azzjoni malajr biex jekk jista' jkun jinkludu dawn il-persuni fi ħdan id-definizzjonijiet nazzjonali tagħhom ta" diżabilità;
35. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal karta għall-ħarsien fuq il-post tax-xogħol tal-pazjenti bil-kanċer u tan-nies morda b'mod kroniku, bil-għan li l-kumpaniji jkollhom jippermettu li l-pazjenti jżommu l-impjieg tagħhom matul it-trattament tagħhom u li jkunu jistgħu jirritornaw għall-attivitajiet professjonali normali tagħhom;
36. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jadottaw Karti tad-drittijiet tal-pazjenti nazzjonali skond il-linji gwida Ewropej u sabiex jinkludu l-parteċipazzjoni tal-pazjent u ta' l-esperti fl-iżvilupp tal-politiki tas-saħħa;
37. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw u jsaħħu inizjattivi li jipprovdu appoġġ għal persuni affettwati direttament jew indirettament bil-kanċer, b'mod partikulari permezz tal- bidu u l-iżvilupp ta' kura psikoloġika u l-appoġġ, fl-Unjoni kollha, għal dawk li jibqgu ħajjin wara li jkollhom il-kanċer;
38. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-informazzjoni disponibbli għall-pazjenti bil-kanċer, billi tinkoraġġixxi inizjattivi li jagħtu informazzjoni lill-pazjenti dwar l-għażliet tal-kura tagħhom u dwar l-aċċess għal dawn it-tipi ta' trattamenti;
39. Iħeġġeġ lill-Istati Membri ġodda biex jagħmlu użu ikbar tal-Fondi Strutturali għat-titjib ta' l-infrastruttura għall-kura tas-saħħa, pereżempju bl-appoġġ ta' l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrining għall-kanċer;
40. Jappoġġja l-Presidenza Slovena ta' l-UE li dalwaqt se tieħu l-kariga, li għażlet il-kanċer bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha fl-2008, u jistieden lill-presidenzi tal-futur kollha biex ikomplu jagħtu prijorità lil kanċer;
41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u parlamenti ta' l-Istati Membri.
ĠU L 396, 30.12.2006, p.1. Verżjoni korreta fil-ĠU L 136, 29.5.2007, p.3. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1354/2007 (ĠU L 304, 22.11.2007, p.1).