Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2008 dwar id-Donazzjoni u t-Trapjant ta' Organi: Azzjonijiet politiċi fil-livell ta" l-UE (2007/2210(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 152(4)(a) tat-Trattat tal-KE,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-Donazzjoni u t-Trapjant ta" l-Organi: Azzjonijiet Politiki fil-livell ta" l-UE (COM(2007)0275) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, anness mal-Komunikazzjoni: Sommarju tal-Valutazzjoni ta" l-Impatt (SEC(2007)0705),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-iffissar ta" standards ta" kwalità u sikurezza għad-donazzjoni, il-ksib, l-ittestjar, l-ipproċessar, il-preservazzjoni, il-ħażna u t-tqassim ta" tessuti u ta" ċelluli tal-bniedem(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' din id-data(2),
- wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-ħarsien tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi(3),
- wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' April 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' prattika klinika tajba fit-twettiq ta' testijiet kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem(4),
– wara li kkunsidra l-Prinċipji ta" Gwida ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar it-Trapjant ta" Organi Umani,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill ta" l-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, u l-protokoll addizzjonali tagħha dwar it-Trapjant ta" Organi u Tessuti ta" Oriġini Umana,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill ta' l-Ewropa "Biex nilqgħu għan-nuqqas ta' organi. Il-qagħda u l-istrateġiji attwali għat-titjib fid-donazzjoni ta' l-organi" (1999),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill ta' l-Ewropa "Gwida għall-assigurazzjoni tas-sikurezza u tal-kwalità għall-organi, it-tessuti u ċ-ċelluli"(5),
– wara li kkunsidra dokument mill-ewwel laqgħa nazzjonali ta" l-esperti dwar id-donazzjoni u t-trapjant ta" l-organi fil-Livell Komunitarju(6), li saret fi Brussel fit-13 ta" Settembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0090/2008),
A. billi l-ħtieġa għat-trapjanti ta' l-organi fl-Unjoni Ewropea żdiedet sew u aktar bil-ħeffa mill-għadd ta' donazzjonijiet ta' l-organi, billi fl-Unjoni Ewropea kollha hemm aktar minn 60,000 pazjent jistennew biex isirilhom trapjant u billi għadd ġmielu ta' pazjenti jmutu minħabba n-nuqqas kroniku ta' organi, billi ż-żieda fl-għadd ta' donaturi mhijiex qiegħda twassal biex jiqsaru l-listi ta' stennija,
B. billi t-traffikar ta' l-organi, il-kummerċjaliżmu u t-turiżmu tat-trapjanti, li xejn ma hu konsistenti mar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, qegħdin jiżviluppaw bil-ħeffa,; billi hemm rabta bejn in-nuqqas ta' organi u t-traffikar tagħhom u billi tinħtieġ aktar data dwar it-traffikar ta' l-organi,
C. billi kwistjonijiet tas-sikurezza huma spiss injorati meta jkun ipprattikat illegalment it-trapjant kummerċjali ta" l-organi, li jista" jipperikola l-ħajja kemm tad-donatur kif ukoll tar-riċevent,
D. billi erba' Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, ħames Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Protokoll supplimentari tagħha għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, Speċjalment Nisa u Tfal ("il-Protokoll ta' Palermo"), disa' Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Protokoll Fakultattiv tan-NU tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ, il-prostituzzjoni u l-pornografija tat-tfal, u sbatax-il Stat Membru għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Azzjoni Kontra t-Traffikar fil-Bnedmin.
E. billi għalkemm l-estimi attwali jqiegħdu t-traffikar ta' l-organi fuq livell relattivament baxx fost il-forom kollha ta' traffikar, it-traffikar ta' l-organi u t-tessuti qiegħed isir dejjem iżjed problema globali li sseħħ kemm fi ħdan il-konfini nazzjonali kif ukoll lilhinn minnhom u qiegħda tkun ikkontrollata mid-domanda (hemm stima ta' 150-250 każ fis-sena fl-UE),
F. billi t-traffikar ta' l-organi u t-tessuti hi forma ta' traffikar tal-persuni umani, li tinvolvi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u partikolarment tad-dinjità umana u ta' l-integrità fiżika, u tista' ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistema leġittima tat-trapjanti, u tista' twassal għal skarsezza akbar ta' donazzjonijiet volontarji ta' organi u tessuti,
G. billi l-kwalità, is-sikurezza, l-effikaċja u t-trasparenza huma essenzjali jekk is-soċjetà għandha taħsad il-benefiċċji li t-trapjant jista" joffri bħala terapija,
H. billi t-trapjant ta' l-organi jikkostitwixxi l-uniku trattament disponibbli għal organi morda li waslu fl-aħħar stadju bħalma huma l-fwied, il-pulmun u l-qalb u l-iktar trattament għall-kliewi morda li waslu fl-aħħar stadju, li joffri benefiċċji b'paragun ma' l-ispiża; billi t-trapjant ta' l-organi jagħmilha possibbli li jiġu salvati l-ħajjiet u li tiġi offruta kwalità tal-ħajja aħjar,
I. billi hemm differenzi sinifikanti bejn u fl-Istati Membri fir-rigward ta' rati ta" trapjanti u ta' sorsi ta" l-organi (jiġifieri donaturi ħajjin jew mejtin) kif ukoll diskrepanzi dwar ir-rekwiżiti tal-kwalità u tas-sikurezza minima għad-donazzjoni u t-trapjant ta' l-organi, filwaqt li l-approċċ organizzattiv tat-trapjanti jvarja minn Stat Membru għall-ieħor u jwassal għal standards irregolari fl-UE,
J. billi l-Istati Membri għandhom oqfsa legali differenti (b'xi Stat Membri ikollhom sistema ta' għażla opt-in u oħrajn sistema opt-out) u esperjenzi fi Stati Membri differenti juru li l-impatt tas-sistema legali fuq l-għadd ta' donaturi huwa pjuttost limitat,
K. billi l-alternattiva għat-trapjant sikwit hija l-kura intensiva, li hija skomda għall-pazjent u tpoġġi piż fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa u fuq il-familja, kif ukoll fuq dawk li jieħdu ħsieb il-pazjenti,
L. billi d-donazzjoni u t-trapjant ta' l-organi huma kwistjonijiet sensittivi u kumplessi li jinkludu l-aspetti mhux mediċi biss, iżda wkoll dawk legali u etiċi, li jitolbu l-parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili għall-iżvilupp tagħhom,
M. billi l-użu ta" l-organi fit-terapija jinvolvi r-riskju li jkunu trażmessi infezzjonijiet u mard ieħor,
N. billi għadd ta" organi diġà ġew skambjati bejn l-Istati Membri kif ukoll diġà jeżistu diversi organizzazzjonijiet Ewropej għall-iskambju ta' l-organi (bħal Scandiatransplant, Eurotransplant),
O. billi l-esperjenza eżistenti (per eżempju l-Mudell Spanjol, il-proġett Belġjan GIFT, id-DOPKI, u l-Alleanza għad-Donazzjoni u t-Trapjant ta' l-Organi (Alliance-O)) wasslet għal riżultati pożittivi u għandha tiġi meqjusa,
P. billi l-għarfien pubbliku, l-informazzjoni konkreta u pożittiva u t-taħriġ avvanzat kif ukoll il-ħiliet komunikattivi tal-professjonisti għandhom sehem importanti fiż-żieda tar-rieda għad-donazzjoni ta" l-organi,
Q. billi hemm il-ħtieġa li jiddaħħlu miżuri effettivi għas-saħħa pubblika li jiffaċilitaw is-sejbien bikri u l-ġestjoni ta' mard kroniku li jikkaġuna insuffiċjenza ta' l-organi, bħall-mard kroniku tal-kliewi, sabiex ikun imminimizzat in-numru ta' nies li jeħtieġu trapjanti ta' organi jew ta' kliewi fil-futur.
1. Jilqa" l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq li tipproponi strateġija integrata fuq tliet pilastri milqugħa ħafna;
L-istrument legali
2. Jistenna bil-ħerqa l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva li għandha tistabbilixxi rekwiżiti ta" kwalità u ta" sikurezza għad-donazzjoni, il-ksib, l-ittestjar, il-preservazzjoni, it-trasport u t-tqassim ta' l-organi fl-UE u r-riżorsi meħtieġa biex jintlaħqu dawn ir-rekwiżiti; jenfasizza, madankollu, li l-qafas legiżlattiv li ġej m'għandux joħloq piż amministrattiv żejjed għall-amministrazzjoni ta' l-Istati Membri jew għall-fornituri ta' servizz, u lanqas m'għandu jipperikola l-użu ta' prattiki tajbin li diġà jeżistu jew ta' prattiki adattati għall-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi li jinstabu fl-Istati Membri individwali, jew li jkollhom rekwiżiti li jwasslu għal tnaqqis ta' l-għadd ta' donaturi potenzjali u effettivi;
3. Jiġbed l-attenzjoni li d-Direttiva l-ġdida għandha tikkomplementa u ssaħħaħ l-isforzi li għamlu l-Istati Membri sabiex jintlaħaq metodu ta' koordinazzjoni attiv u effiċjenti mingħajr ma tfixkel l-introduzzjoni jew iż-żamma ta' miżuri aktar stretti;
4. Jenfasizza li d-Direttiva għandha tiffaċilita l-progress li jkun sar mix-xjenza medika;
Koperazzjoni bejn l-Istati Membri
5. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li m'hemmx biżżejjed organi disponibbli għat-trapjanti sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-pazjenti; iqis it-tnaqqis ta' l-iskarsezza ta' l-organi u tad-donaturi bħala l-isfida prinċipali li l-Istati Membri jiffaċċjaw fir-rigward tat-trapjant ta' l-organi; ifakkar li ħafna eluf ta' pazjenti fl-Ewropa huma rreġistrati attwalment fuq listi ta' stennija, li għandhom rata ta' mortalità sinifikanti;
6. Jinnota li t-tqassim ta' l-organi għandu jkun ibbażat fuq il-kapaċità medika tal-pazjent li jaċċetta l-organu; hu tal-fehma li d-diskriminazzjoni minħabba xi diżabilità li ma jkollhiex x'taqsam maċ-ċansijiet tal-pazjent li jaċċetta organu m'għandhiex tkun ittollerata;
7. Jiġbed l-attenzjoni li d-donazzjoni ta' l-organi hija don; għalhekk jenfasizza li, filwaqt li huwa importanti ferm li tinstab soluzzjoni għan-nuqqas kbir ta' organi fl-UE, l-għażla ħielsa tad-donazzjoni jew nuqqas ta' donazzjoni ta' xi organu jeħtieġ li tiġi rrispettata u mħarsa wkoll;
8. Jinnota d-differenzi sinifikanti fir-rigward tas-sors ta' l-organi (donaturi mejtin jew ħajjin) fl-UE, id-differenzi sostanzjali bejn is-suċċessi ta" l-Istati Membri fit-tkabbir tal-komunità tad-donaturi tagħhom, id-diskrepanzi bejn l-Istati Membri dwar ir-rekwiżiti tal-kwalità u tas-sikurezza, l-approċċi organizzattivi differenti għad-donazzjoni u t-trapjant ta" l-organi u d-differenzi fl-edukazzjoni u t-taħriġ ta' professjonisti mediċi u paramediċi; iqis li d-diskrepanzi jistgħu jitfissru parzjalment b'taħlita ta' fatturi ekonomiċi, strutturali, amministrattivi, kulturali, etiċi, reliġjużi, storiċi, soċjali u legali, għalkemm il-fattur kruċjali jidher li hu kif ikun organizzat il-proċess li jwassal għad-donazzjoni u t-trapjant ta' l-organi;
9. Jemmen bil-qawwa, għalhekk, li hemm potenzjal sinifikanti biex isir skambju ta' tagħrif bejn l-Istati Membri sabiex jiżdiedu r-rati ta' donazzjonijiet u jibbilanċja l-aċċess għat-trapjanti fl-Ewropa kollha; għalhekk, jistenna bil-ħerqa l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal koperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri sabiex:
—
· tiżdied id-disponibilità ta' l-organi,
—
· tissaħħaħ l-effiċjenza u l-aċċessibilità tas-sistemi ta' trapjant,
—
· jiżdied l-għarfien pubbliku,
—
· tkun iggarantita l-kwalità u s-sikurezza ta' l-ikel;
10. Konsegwentement, jisħaq li l-istabbiliment ta" sistemi operattivi strutturati sew u l-promozzjoni ta' mudelli li rnexxew fi u bejn l-Istati Membri u, fejn ikun il-każ, fil-livell internazzjonali, huma ta" l-akbar importanza; jissuġġerixxi li s-sistemi operattivi għandhom jikkonsistu f'qafas legali xieraq, infrastruttura teknika u loġistika, appoġġ psikoloġiku u organizzattiv kif ukoll struttura organizzattiva xierqa, fil-livell ta' sptarijiet u lilhinn mill-isptarijiet, mgħammra bi staff bi kwalifiki għolja, flimkien ma' dispożizzjonijiet ċari dwar it-traċċabilità kif ukoll tqassim u aċċess ġust, effettiv u raġonevoli fis-sistema ta' trapjant;
Disponibilita' akbar ta' organi
11. Jiġbed l-attenzjoni li l-Istati Membri huma responsabbli għall-mudell legali tagħhom; jinnota li fl-UE jeżistu żewġ mudelli, it-tnejn b'varjanti differenti; iqis li m'huwiex meħtieġ li s-sistemi legali jkunu adattati u armonizzati; jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw leġiżlazzjoni li tippermetti l-ħatra ta' rappreżentant legali li jkun jista' jiddeċiedi dwar id-donazzjoni wara l-mewt ta' persuna;
12. Jistieden lill-Istati Membri biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom ta' donazzjonijiet wara l-mewt; għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvestu bis-sħiħ biex itejbu s-sistemi organizzattivi tagħhom billi:
—
· jissensibilizzaw, jedukaw u jħarrġu staff mediku u paramediku,
—
· jappoġġjaw l-isptarijiet finanzjarjament biex jaħtru "koordinaturi interni għat-trapjanti" (tobba li jaħdmu fl-unitajiet tal-kura intensiva li huma appoġġjati minn grupp mediku); li l-kompitu tagħhom ikun li jidentifikaw attivament donaturi potenzjali u jkellmu l-familji tagħhom,
—
· jimplimentaw programmi għat-titjib tal-kwalità f'kull sptar jew grupp ta' sptarijiet fl-UE fejn ikun hemm evidenza ċara ta' potenzjal għad-donazzjoni ta' l-organi;
13. Jitlob lill-Istati Membri biex, bil-għan li tiżdied id-disponibilità ta' l-organi, jevalwaw l-użu ta' donaturi "estiżi" (jiġifieri donaturi kbar fl-età jew li għandhom ċertu mard) meta wieħed iqis il-konsiderazzjonijiet tal-kwalità u tas-sikurezza;
14. Jikkunsidra li t-trapjanti jistgħu jsiru bl-użu ta' organi subottimali; imbagħad ikun f'idejn il-grupp li jagħmel it-trapjant, li jaġixxi b'konsultazzjoni mal-pazjent u mal-familja tiegħu, biex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-użu ta' organi għal pazjenti individwali fuq il-bażi ta' l-analiżi tal-benefiċċju mqabbel mar-riskju;
15. Jitlob lill-Istati Membri li jippermettu l-għoti ta' organi minn donaturi ħajjin biex iqisu l-konsiderazzjonijiet tal-kwalità u tas-sikurezza; jenfasizza, madankollu, li l-għoti ta' organi minn donaturi ħajjin jista' jitqies li jikkumplementa d-donazzjoni ta' l-organi wara l-mewt;
16. Jirrikonoxxi li meta l-komunità tad-donaturi tkun estiża, it-tobba jistgħu jkunu mħassba biż-żieda fir-riġett ta' l-organi u n-nuqqas gradwali fil-funzjoni ta' l-organu trapjantat, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jappoġġjaw metodi biex jevitaw u jikkuraw ir-riġett ta' l-organi sabiex il-komunità "estiża" ta' donaturi tkun tista' tintuża b'fiduċja mit-tobba;
17. Jirrikonoxxi li l-bijoteknoloġija diġà qiegħda toffri soluzzjonijiet għar-riskju ta' riġett ta' organi trapjantati, pereżempju permezz ta' trattamenti li jnaqqsu r-rati ta' riġett, li min-naħa l-oħra jappoġġjaw id-disponibilità ta' aktar organi, billi jħallu lit-tobba jittrattaw jew anki jevitaw ir-riġett; isostni li dan jista' jgħin biex jappoġġja l-komunità ta' donaturi "estiżi" billi jitnaqqas ir-riskju assoċjat mal-programmi ta' organi "estiżi";
18. Jitlob lill-Istati Membri biex ineħħu, qabel Jannar 2010, il-leġiżlazzjoni li tgħid li l-organi tad-donaturi jistgħu jintużaw biss f'dak l-Istat Membru;
19. Jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ, ix-xogħol fi grupp u r-rimunerazzjoni tal-kirurgi li jwettqu t-trapjanti;
20. Jenfasizza l-importanza li l-akkwist u t-trapjant ta' l-organi jkollhom finanzjament minn linja ta' baġit separata, sabiex it-trapjant ma jservix ta' nuqqas ta' inċentiv għall-isptarijiet;
21. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li d-donazzjonijiet ta' l-organi ma jkunux kummerċjalizzati u jibqgħu hekk;
22. Japprova miżuri li huma mmirati biex jipproteġu donaturi ħajjin, mill-perpsettiva medika, psikoloġika u soċjali, u biex jiżguraw li d-donazzjoni ta" l-organi ssir b'mod altruwistiku u volontarju, biex b'hekk ebda ħlas ħlief għal kumpens strettament limitat biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż u l-inkonvenjenzi relatati mad-donazzjoni; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun ippreservat l-anonimat tad-donaturi mejta u ta' dawk ħajjin li ma jkunux marbuta b'mod ġenetiku jew emozzjonali mar-riċeventi, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti donazzjonijiet bħal dawn; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-kondizzjonijiet li taħthom jista" jingħata xi kumpens;
23. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jadottaw u jħarsu dispożizzjonijiet legali rigorużi fir-rigward tat-trapjanti minn donaturi ħajjin li m'humiex qraba, sabiex is-sistema tkun trasparenti u teskludi l-possibilità ta' bejgħ illeċitu ta' organi jew l-isfurzar tad-donaturi; għalhekk, id-donazzjonijiet minn donaturi ħajjin li m'humiex qraba jistgħu jsiru biss taħt kundizzjonijiet definiti fil-liġi nazzjonali u wara awtorizzazzjoni minn entità indipendenti adatta;
24. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li ma ssirx diskriminazzjoni kontra donaturi ħajjin, partikolarment mis-sistemi ta' l-assigurazzjoni;
25. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li d-donaturi ħajjin jingħataw lura l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali;
26. Iqis li, fil-futur, il-bijoteknoloġija, dejjem jekk tkun garantita t-traċċabilità, tista" tippermetti r-riċerkaturi li jkabbru organi minn tessuti u ċelluli eżistenti, kemm mill-pazjenti nnifishom kif ukoll minn donaturi oħra tat-tessuti; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi din it-tip ta" riċerka li spiss titwettaq mill-kumpaniji emerġenti ta' l-UE tal-bijoteknoloġija li huma żgħar u ta" daqs medju fi ħdan l-oqfsa kulturali u etiċi stipulati mill-Istati Membri u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Kunsill tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina;
27. Jinnota li diversi studji kliniċi tal-bniedem ippruvaw l-effiċjenza tat-trattament b'ċelluli staminali adulti f'diversi terapiji ta" sostituzzjoni taċ-ċelluli;
L-effiċjenza u l-aċċessibilita' ta' sistemi ta' trapjanti
28. Jinnota li, għalkemm diversi Stati Membri introduċew ir-reġistrazzjoni mandatorja tal-proċeduri tat-trapjant u jeżistu wkoll xi reġistri volontarji, ma teżisti l-ebda sistema komprensiva għall-ġbir tad-data dwar it-tipi differenti ta" trapjanti u r-riżultati tagħhom; jirrakkomanda bil-qawwa l-ħolqien ta' reġistri ta' segwitu nazzjonali ta' donaturi ħajjin, ta' pazjenti li ġew trapjantati u tal-proċeduri tat-trapjanti; jiġbed l-attenzjoni li r-reġistri għandhom ikunu aġġornati b'mod regolari; jenfasizza li l-importanza li jiġi żgurat it-tqabbil tad-data bejn l-Istati Membri;
29. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda lill-Istati Membri ċerti linji ta' gwida rigward ir-reġistrazzjoni biex tiżgura li l-persuna rreġistrata tressaq ċertu tagħrif dwar l-istorja medika tagħha u biex tkun żgurata l-kwalità u s-sikurezza ta' l-organi tad-donatur, ladarba r-reġistrazzjoni ma tinvolvix biss att sempliċi ta' reġistrazzjoni ta' l-isem iżda timplika konsegwenzi kemm għad-donatur kif ukoll għar-riċevent;
30. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta" nukleu ta" standards tekniċi u etiċi għall-immaniġġjar tas-sikurezza, tal-kwalità u ta" l-effikaċja tad-donazzjoni ta' l-organi fil-kuntest tad-donazzjoni u tat-trapjant li jista' jkun ta" mudell għall-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistabilixxi mekkaniżmu ta" l-UE li jippromwovi attivitajiet ta" koordinazzjoni bejn Stati Membri fir-rigward tad-donazzjoni u t-trapjant ta" l-organi;
31. Iqis li vantaġġ ulterjuri tal-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri li mhux enfasizzat biżżejjed fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq, huwa l-valur potenzjali ta" l-iskambju ta" l-organi bejn l-Istati Membri f'termini ta' opportunitajiet mediċi u tekniċi, għalkemm jittieħed kont tal-limitazzjonijiet ġeografiċi ta' skambji bħal dawn u l-effetti potenzjali fuq il-vijabilità ta' l-organi; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-riżultati pożitivi tas-sistemi internazzjonali; jemmen li l-qsim ta' l-organi jista' jkun ta' għajnuna b'mod partikulari fejn jidħlu proċeduri diffiċli ta' trapjanti (bħal per eżempju fil-każ ta' pazjenti bi bżonnijiet partikolarment sensittivi jew urġenti u f'pazjenti b'kondizzjonijiet speċjali, li għalihom ikun diffiċli li jinstab donatur adattat);
32. Jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien ma' l-Istati Membri jwettqu studju dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw it-trapjant ta' l-organi għal residenti li m'humiex fl-UE iżda li jinsabu fl-Istati Membri u biex jiżviluppaw kodiċi ta' kondotta li jistabbilixxi r-regoli u kondizzjonijiet li skond huma l-organi mogħtija minn donaturi mejta ta' l-UE jistgħu jitqassmu lil persuni mhux residenti fl-UE;
33. Jenfasizza li hija neċessarja koperazzjoni tajba bejn professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-awtoritajiet kompetenti u li din tipprovdi valur miżjud; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-alleanzi bejn organizzazzjonijiet nazzjonali tat-trapjanti fl-Istati Membri li jinvolvu l-koperazzjoni ta' natura legali, etika u teknika; jirrikonoxxi li hemm sitwazzjonijiet fil-mediċina tat-trapjanti li ma jistgħux ikunu indirizzati b'mod adegwat fl-Istati Membri b'komunità tad-donaturi limitata; jemmen li b'mod partikolari l-Istati Membri ż-żgħar jistgħu jibbenefikaw b'mod ċar mill-koperazzjoni Ewropea;
34. Jistieden li jkun hemm karta tad-donaturi ta' l-UE, li tkun komplementari mas-sistemi nazzjonali eżistenti;
35. Iqis li l-koperazzjoni internazzjonali biex tippromwovi d-disponibilità u s-sikurezza ta' l-organi hija mixtieqa; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, li regoli ġenerali li jirregolaw l-aħjar prattika medika, it-tekniki dijanjostiċi u l-konservazzjoni jistgħu jkunu utli; jitlob lill-Istati Membri biex jippromwovu attivament din il-koperazzjoni u biex japplikaw din is-sistema ta' regoli ġenerali;
Biex jikber l-għarfien pubbliku
36. Jenfasizza l-importanza li jikber l-għarfien tal-pubbliku dwar id-donazzjoni ta' l-organi u t-trapjanti sabiex dan jista' jiffaċilita l-identifikazzjoni ta' donaturi ta' l-organi u b'hekk tiżdied id-disponibilità ta" l-organi; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-soċjetà ċivili biex isaħħu b'mod strutturali l-promozzjoni tad-donazzjoni ta' l-organi, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ fl-iskejjel; f'dan ir-rigward, jissuġġerixxi l-użu ta' personalitajiet magħrufa sew (per eżempju rġiel u nisa sportivi) u ta' pakketti edukattivi;
37. Jiġbed l-attenzjoni li l-informazzjoni dwar id-donazzjoni ta' l-organi u t-trapjanti għandha tkun pprovduta b'mod trasparenti, mhux influwenzat u mingħajr impożizzjoni, filwaqt li tindirizza l-ambitu tad-donazzjoni ta' l-organi, jiġifieri, li d-donazzjoni tista' tinkludi d-donazzjoni ta' aktar minn organu wieħed kif ukoll id-donazzjoni tat-tessuti;
38. Jenfasizza li, l-għażla ħielsa dwar jekk persuna tkun donatur jew le hija d-dritt esklussiv tad-donatur u għandha tiġi rrispettata u li d-donazzjoni ta' l-organi għandha tiġi kkunsidrata bħala rigal minn bniedem għal ieħor; jiġbed l-attenzjoni li dan jeħtieġ li jkun rifless fil-lingwaġġ użat, u tiġi evitata terminoloġija ekonomika li tagħti x'tifhem li l-organi jistgħu jitqiesu bħala prodott fis-suq intern;
39. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li tkompli tiżviluppa u tespandi l-web page Ewropea attwali dwar id-donazzjoni ta' l-organi(7) kif ukoll dik ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)(8) biex jiġu koperti l-Istati Membri kollha, fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-UE, bil-għan li tipprovdi kull informazzjoni u data rilevanti dwar id-donazzjoni u t-trapjant ta' l-organi;
40. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu jum tad-donaturi u jirrakkomanda azzjonijiet li jenfasizzaw ir-riżultati tajbin miksuba u l-importanza tat-trapjanti;
41. Huwa konvint li mod effettiv ħafna biex tiżdied id-disponibilità ta" l-organi huwa li l-pubbliku jkollu aktar informazzjoni anki fil-livell lokali u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-knejjes u lill-komunitajiet reliġjużi sabiex jieħdu sehem f'dan l-isforz biex jiżdied l-għarfien tal-pubbliku dwar il-possibilità tad-donazzjoni ta" l-organi filwaqt li jitqiesu d-dettalji partikulari kulturali ta' kull Stat Membru; jenfasizza s-sehem importanti li għandhom donaturi rreġistrati fil-promozzjoni tad-donazzjoni ta' l-organi fost il-membri tal-familja u ħbiebhom biex iħeġġuhom isiru donaturi huma wkoll;
42. Jirrikonoxxi li huwa importanti li jitjiebu l-ħiliet tal-komunikazzjoni tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa billi, pereżempju, jiġu żviluppati linji ta' gwida għall-informazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' attitudni professjonali lejn il-komunikazzjoni, kif ukoll lejn l-appoġġ ta' l-esperti f'dak il-qasam; għandha tingħata attenzjoni speċjali kemm għall-kontenut tal-messaġġ kif ukoll għall-aħjar mod kif jiġu ttrattati l-aktar temi kontroversjali; jenfasizza l-importanza ta' laqgħat regolari mar-rappreżentanti tal-midja biex jiġu promossi r-riżultati tajbin miksuba u l-importanza tat-trapjanti;
43. Jiffavorixxi l-ħolqien ta' "hotline" tat-trapjanti b'numru tat-telfown wieħed imħaddem minn xi organizzazzjoni nazzjonali tat-trapjanti, fejn hemm organizzazzjoni bħal din, 24 siegħa kuljum minn professjonisti mħarrġa u b'esperjenza xierqa li jistgħu jipprovdu tagħrif rilevanti u preċiż, mediku u legali, malajr, lill-persuni kollha kkonċernati;
44. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja riċerka dwar id-donazzjoni u t-trapjant ta" l-organi bejn il-fruntieri sabiex jiġi indirizzat l-impatt ta" l-etniċità, tal-pajjiż ta" l-oriġini, tar-reliġjon, tal-livell ta" edukazzjoni u tal-klassi soċjoekonomika fuq id-deċiżjoni li jkunu offruti organi għad-donazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ixerrdu malajr ir-riżultati tar-riċerka bil-għan li l-pubbliku jkun infurmat u biex jitneħħew perċezzjonijiet żbaljati;
Biex jitjiebu l-kwalita' u s-sikurezza
45. Jirrikonoxxi li huwa ta" importanza vitali li tkun żgurata l-kwalità u s-saħħa tad-donazzjoni u tat-trapjant ta" l-organi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan ikollu impatt f'termini tat-tnaqqis fir-riskji tat-trapjanti u konsegwentement inaqqas l-effetti mhux mixtieqa; jirrikonoxxi li azzjonijiet fuq il-kwalità u s-sikurezza jista' jkollhom effett fuq id-disponibilità ta' l-organi u viċiversa; jitlob lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom fil-ħolqien u l-iżvilupp ta" regolamenti nazzjonali u ta" qafas regolatorju sabiex itejbu l-kwalità u s-sikurezza, mingħajr ma dan ikollu impatt negattiv fuq id-disponibilità ta' l-organi għat-trapjant;
46. Jirrikonoxxi li r-riżultati ta" wara t-trapjant u ta' wara d-donazzjoni għandhom ikunu osservati u evalwati; jenfasizza li għandha tkun promossa metodoloġija komuni għall-analiżi tad-data, fuq il-bażi ta' l-aħjar prattiki utilizzati fl-Istati Membri, sabiex ikun jista' jsir l-aħjar tqabbil bejn ir-riżultati fost l-Istati Membri;
47. Jitlob lill-Istati Membri biex iżidu l-perjodi ta' sorveljanza għall-pazjenti li jkunu għamlu trapjant għal bosta snin u preferibilment sakemm il-pazjent jibqa' ħaj u/jew sakemm l-organu trapjantat jibqa' jaħdem;
48. Jistieden lill-Kummissjoni biex talloka fondi fi ħdan is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunitajiet Ewropej għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) biex jippromwovi r-riċerka dwar tekniki dijanjostiċi aħjar u aktar preċiżi li jkunu jistgħu jikxfu malajr u b'mod effettiv kondizzjonijiet perikolużi bħall-HIV/AIDS, l-epatite u oħrajn, billi aspett importanti tat-trapjant ta' l-organi huwa li tiġi żgurata s-sikurezza minn bosta fatturi u aġenti ta' detriment li jkunu jinsabu fl-organi tad-donatur;
It-traffikar ta' l-organi
49. Jiġbed l-attenzjoni li hemm rabta bejn in-nuqqas ta' organi u t-traffikar tagħhom, billi t-traffikar ta' l-organi jdgħajjef il-kredibilità tas-sistema għad-donaturi potenzjali volontarji u li ma jitħallsux; jenfasizza li kwalunkwe sfruttar kummerċjali ta" l-organi m'huwiex etiku u huwa inkonsistenti mal-valuri l-aktar bażiċi tal-bniedem; jenfasizza li d-donazzjoni ta' l-organi motivata minn konsiderazzjonijiet finanzjarji tbaxxi d-donazzjoni ta' organu għal prodott kwalunkwe, u dan jikkostitwixxi vjolazzjoni tad-dinjità umana u jmur kontra l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina u huwa pprojbit skond l-Artikolu 3(2) tal Karta ta' l-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali;
50. Jitlob lill-Kummissjoni, fir-rigward ta' pajjiżi terzi, sabiex tiġġieled kontra prattiki ta' traffikar ta' organi u tessuti, li għandhom ikunu projbiti b'mod universali, inklużi t-trapjant ta' organi u tessuti mingħand persuni minuri, persuni b'diżabilità mentali jew priġunieri ġustizzjati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jissensibilizzaw il-komunità internazzjonali dwar din il-kwistjoni;
51. Iqis li, sabiex jiġi miġġieled it-traffikar ta' l-organi fl-aktar partijiet foqra tad-dinja, għandha tiġi adottata strateġija fuq medda twila ta' żmien sabiex jiġu eliminati l-inugwaljanzi soċjali li huma responsabbli għal dawn il-prattiki; jenfasizza li, sabiex tiġi miġġielda l-prattika tal-bejgħ ta' l-organi għall-flus (speċjalment f'pajjiżi li qed jiżviluppaw), għandhom jinħolqu mekkaniżmi ta' traċċabilità biex jagħmlu mezz li dawn l-organi ma jitħallewx jidħlu fl-UE;
52. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jipprojbixxu t-"turiżmu tat-trapjanti", billi jitfasslu linji gwida sabiex jipproteġu lid-donaturi l-aktar foqra u vulnerabbli milli jkunu vittmi tat-traffikar ta" l-organi u biex jadottaw miżuri li jżidu d-disponibilità ta" organi miksuba legalment u permezz ta' l-iskambju ta' reġistrazzjonijiet f'listi ta' stennija bejn organizzazzjonijiet eżistenti għall-iskambju ta' l-organi sabiex ikunu evitati listi multipli; jitlob lill-Kummissjoni sabiex permezz ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tippromwovi metodu komuni bil-għan li tiġi kkompilata informazzjoni fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-traffikar ta" l-organi u biex jiġu identifikati l-problemi ewlenin u s-soluzzjonijiet potenzjali; jiġbed l-attenzjoni għal dan il-għan li għandha tiġi stabbilita sistema ta" traċċabilità u ta' responsabilità diretta għall-organi umani;
53. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex, fejn jeħtieġ, jemendaw il-kodiċi kriminali tagħhom ħalli jiżguraw li jittieħdu passi xierqa kontra dawk responsabbli għat-traffikar ta' l-organi, flimkien ma' sanzjonijiet għall-istaff mediku involut fi trapjant ta' organi li jinkisbu minn traffikar, waqt li jsir kull sforz sabiex jiġu skoraġġiti persuni li jkunu jeħtieġu l-organi milli jfittxu organi u tessuti li jkunu traffikati; jisħaq li għandha tingħata konsiderazzjoni sabiex iċ-ċittadini Ewropej li jkunu akkwistaw organi kemm fl-UE kif ukoll barra minnha ikollhom responsabilità kriminali;
54. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-passi meħtieġa li jżommu lill-professjonisti fil-kura tas-saħħa milli jiffaċilitaw it-traffikar fl-organi u fit-tessuti (pereżempju, billi jirreferu pazjent lil servizz barrani ta' trapjant li jista' jkun involut fit-traffikar) kif ukoll lil dawk li jipprovdu servizz ta' assigurazzjoni tas-saħħa milli jiffaċilitaw attivitajiet li b'mod dirett jew indirett jippromwovu t-traffikar ta' l-organi, pereżempju billi jirrimborżaw xi spejjeż għal trapjanti illegali ta' l-organi;
55. Iqis li l-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti biex l-aġenziji tagħhom ta' l-infurzar tal-liġi kif ukoll l-istaff mediku għandhom ikunu mħarrġa dwar it-traffikar ta' l-organi sabiex kull każ jiġi rrappurtat lill-pulizija;
56. Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa partikolarment l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Persuni u l-Protokoll ta' Palermo jekk għadhom m'għamlux dan;
57. Jiddispjaċih li l-Europol ma ħejjietx stħarriġ dwar il-bejgħ u t-traffikar ta" l-organi għaliex issostni li m'hemmx każijiet dokumentati; jirreferi għal rapporti tal-Kunsill ta" l-Ewropa u tad-WHO li jagħtu evidenza ċara li l-kummerċ ta" l-organi huwa problema għall-Istati Membri ta" l-UE wkoll u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Europol biex itejbu l-monitoraġġ ta" każijiet ta" traffikar ta" l-organi u biex jaslu għall-konklużjonijiet meħtieġa;
58. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jaġġornaw il-Pjan ta' Azzjoni dwar it-Traffikar tal-persuni umani u jinkludu fih pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-traffikar ta' l-organi, sabiex jippermettu koperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet konċernati;
59. Jitlob, ukoll, sabiex il-pjan ta' azzjoni jkollu referenza għal data li tkun korretta u verifikata fir-rigward tal-kwantitajiet, it-tipi u l-oriġini ta' organi traffikati illegalment;
o o o
60. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lid-WHO, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta" l-Istati Membri.