Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2149(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0070/2008

Testi mressqa :

A6-0070/2008

Dibattiti :

PV 21/04/2008 - 19
CRE 21/04/2008 - 19

Votazzjonijiet :

PV 22/04/2008 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0131

Testi adottati
PDF 344kWORD 78k
It-Tlieta, 22 ta' April 2008 - Strasburgu
L-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali
P6_TA(2008)0131A6-0070/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2008 dwar l-irwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali (2007/2149(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Raba" Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007-2013 il-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini (Europe for Citizens) biex tiġi promossa ċittadinza Ewropea attiva(1),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007 sa l-2013(2),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/144/KE ta' l- 20 ta' Frar 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità għall-iżvilupp rurali (perjodu ta' programmazzjoni 2007 sa l-2013)(3),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta" Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi tal-Komunità dwar il-koeżjoni(4),

−   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, f'laqgħa fi ħdan il-Kunsill, tat-13 ta' Novembru 2006, dwar l-implimentazzjoni ta' l-objettivi komuni għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-informazzjoni għaż-żgħażagħ minħabba l-promozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea attiva tagħhom(5),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, fl-impjieg u fis-soċjetà (COM(2007)0498),

−   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu Il-ġejjieni demografiku ta" l-Ewropa, il-bidla ta" sfida f'opportunità (COM(2006)0571),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta" l-10 ta" Lulju 2001 dwar il-mobilità fi ħdan il-Komunità għall-istudenti, persuni li jkunu għaddejjin minn taħriġ, voluntiera, għalliema u għal dawk li jħarrġu lill-oħrajn(6),

−   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar ir-responsabiltà soċjali ta' l-impriżi: sħubija ġdida(7),

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-kontribut tal-volontarjat għall-koeżjoni ekonomika u soċjali(8),

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Attività volontarja: l-irwol tagħha fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħha(9),

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-irwol ta" l-organizzazzjonijiet volontarji - kontribut lejn soċjetà Ewropea(10),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 158 u 159 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0070/2008),

A.   billi huwa stmat b'mod ta" min jorbot fuqu li hemm aktar minn 100 miljun ċittadin ta" l-UE li jagħmlu volontarjat(11),

B.   billi l-ewwel sejbiet wara l-implimentazzjoni tal-Manwal tan-NU fuq l-Istituzzjonijiet li Ma Jagħmlux Qligħ (N.P.I's) kienu li l-kontribut ekonomiku ta" l-Istituzzjonijiet li Ma Jagħmlux Qliegħ huwa ta" medja ta" 5% u li, anke meta stmati b'mod konservattiv, il-ħin mogħti għall-volontarjat jgħodd għal aktar minn kwart ta' din il-figura(12),

C.   billi l-volontarjat huwa forza maġġuri li trawwem lis-soċjetà ċivili u li ssaħħaħ is-solidarjetà - wieħed mill-valuri ewlenin ta" l-UE - kif ukoll huwa komponent essenzjali fl-appoġġ tal-programmi tal-iżvilupp tal-komunitajiet, b'mod partikulari f'dawk l-Istati Membri li issa ħerġin minn perjodu tranżizzjonali postkomunista,

D.   billi studju riċenti ta" organizzazzjonijiet li jinvolvu l-voluntiera madwar l-Ewropa kollha wera livell għoli ta" valur miżjud: għal kull EUR 1 li nefqu l-organizzazzjonijiet fl-appoġġ għall-voluntiera, rċevew ritorn medju għall-valur ta' bejn EUR 3 u EUR 8(13),

E.   billi l-kontribut sinjifikanti ħafna tal-volontarjat għall-bini tal-kapital soċjali jeħtieġ li jiġi rikonoxxut għal kollox,

F.   billi l-finanzjament sostenibbli, speċjalment il-finanzjament għal għanijiet amministrattivi, huwa ta' importanza fundamentali għall-organizzazzjonijiet volontarji u għax-xogħol volontarju b'mod ġenerali;

G.   billi r-rapport ta" dan l-aħħar li nħareġ mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet ta" l-Għajxien u tax-Xogħol identifika l-kapital soċjali bħala element ewlieni fl-iżvilupp ta" politiki li jkollhom il-għan li jrawmu l-iżvilupp ekonomiku rurali(14),

H.   billi studju riċenti ta" tiftix fuq programm Urban li għamel suċċess f'Aarhus għamel il-punt ċentrali li ċ-ċittadini lokali u l-isforz volontarju kienu kruċjali biex l-implimentazzjoni tal-programm tkun suċċess(15),

I.   billi l-volontarjat mhux biss għandu valur ekonomiku li jista" jitkejjel iżda jista" wkoll iwassal biex is-servizzi pubbliċi jiffrankaw b'mod sinjifikanti; billi, f'dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi żgurat li l-attività volontarja tkun addizzjonali għas-servizzi pubbliċi u mhux tkun sostitut tagħhom,

J.   billi l-volontarjat jikkontribwixxi għall-iżvilupp personali u soċjali tal-voluntier(a) u għandu impatt pożittiv fi ħdan il-komunità, pereżempju, fuq relazzjonijiet interpersonali,

K.   billi l-voluntiera jwettqu rwol importanti biex jintlaħaq l-għan ta" l-Istrateġija ta" Liżbona ta" koeżjoni soċjoekonomika billi jikkontribwixxu għall-inklużjoni finanzjarja, pereżempju, billi jistabbilixxu unions ta" kreditu li huma rregolati u mhux għall-profitt u kooperattivi finanzjarji, immexxija u ggovernati minn voluntiera,

L.   billi r-responsabiltà soċjali ta' l-impriżi hija kemm mutur importanti tan-negozju kif ukoll tirrappreżenta element essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew,

M.   billi hemm rabta bejn il-volontarjat u l-iżvilupp sostenibbli,

N.   billi huwa importanti li jiġu promossi u appoġġjati l-aħjar prattiki fl-immaniġġjar tal-voluntiera fost l-organizzazzjonijiet li jinvolvu l-voluntiera,

O.   billi l-volontarjat iwassal għall-involviment dirett taċ-ċittadini fl-iżvilupp lokali, u għaldaqstant jista' jkollu rwol importanti fit-trawwim tas-soċjetà ċivili u tad-demokrazija,

P.   billi fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill imsemmija hawn fuq dwar iċ-ċittadinanza attiva l-Kunsill iħeġġeġ parteċipazzjoni akbar min-naħa taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika, fl-istrutturi parteċipatorji u fix-xogħol volontarju,

Q.   billi l-bidla demografika fl-Ewropa tfisser li issa hemm għadd kbir ta" voluntiera potenzjali li huma mdaħħla fl-età,

R.   billi l-volontarjat jista" jkollu effett pożittiv fuq is-saħħa tan-nies(16); billi dan il-ġid għas-saħħa jista jitgawda minn nies ta" kull età u jista" jgħin biex jitbiegħed il-mard kemm fiżiku kif ukoll mentali,

S.   billi l-volontarjat għandu rwol xi jwettaq fit-tisjis ta" l-inizjattivi ta" żvilupp lokali u fl-iffaċilitar ta" l-implimentazzjoni b'suċċess ta" għadd ta" inizjattivi ffinanzjati mill-Komunità, bħal m'huma l-Programm LEADER, INTERREG u l-Programm PEACE,

1.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħrfu l-valur tal-volontarjat fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u ekonomika; barra minn hekk, jinkoraġġihom biex jaħdmu fi sħubija ma" organizzazzjonijiet volontarji u biex isegwu konsultazzjoni ta" siwi mas-settur volontarju biex jiżviluppaw pjanijiet u strateġiji biex il-volontarjat ikun magħruf, miżmum b'għożża, appoġġjat, iffaċilitat u inkoraġġit; iħeġġeġ lill-Istati Membri wkoll biex joħolqu qafas stabbli u istituzzjonali għall-parteċipazzjoni ta" organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) f'dibattiti pubbliċi;

2.  Jistieden lill-esperti relevanti tal-Kummissjoni biex jagħmlu distinzjoni aktar ċara bejn l- organizzazzjonijiet volontarji u NGOs, li l-attivitajiet tagħhom m'humiex organizzati fuq l-istess bażi volontarja, u jitlob li ssir investigazzjoni pan-Ewropea komprensiva dwar in-natura, il-livell u l-mekkaniżmi interni tal-parteċipazzjoni soċjali, inklużi l-parteċipazzjoni volontarja u l-finanzjament għal dan il-għan;

3.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu sforzi ġenwini biex jgħinu lill-organizzazzjonijiet volontarji biex ikollhom aċċess għal finanzjament suffiċjenti u sostenibbli, kemm għal għanijiet amministattivi u kemm għal proġetti, mingħajr mili ta" formoli eċċessiv, "red tape" jew burokrazija żejda, waqt li jżommu l-kontrolli meħtieġa fuq l-infiq tal-flejjes pubbliċi;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lil awtoritajiet reġjonali u lokali biex jappoġġjaw il-ħolqien ta' servizzi ta' emerġenza volontarji f'kull lokalità sabiex tkun żgurata reazzjoni rapida għad-diżastri naturali u għall-inċidenti;

5.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-fatt li l-prinċipju ta" sħubija mnaqqax kemm fil-linji gwida strateġiċi tal-Komunità għall-iżvilupp rurali (perjodu ta' programmazzjoni 2007 sa l-2013) u kemm fil-linji gwida strateġiċi tal-Komunità dwar il-koeżjoni mhux dejjem hemm konformità miegħu fuq il-livell nazzjonali(17) u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi amministrattivi u istituzzjonali xierqa biex ikun żgurat li l-politiki, il-proċeduri u l-protokolli tagħha stess ikunu fil-fatt osservati u infurzati waqt il-konsultazzjonijiet, in-negozjati u l-operazzjonijiet sussegwenti tal-Fondi Strutturali;

6.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha jipproduċu regolarment "kontijiet satellitarji" ta" l-istituzzjonijiet li ma jagħmlux qligħ (NPIs) u jitlob li f'dawn il-"kontijiet satellitarji" jiġi inkluż ix-xogħol volontarju ħalli dawk li jagħmlu l-politiki jkunu jistgħu jqisu l-NPIs fl-ifformular tal-politiki tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kif il-volontarjat jista" jiġi inkluż bħala kategorija speċjali fil-kontijiet statistiċi ta" l-EUROSTAT;

7.  Jappoġġja bil-qawwa l-fehma li l-volontarjat u l-attività volontarja m'għandhomx jieħdu post ix-xogħol imħallas;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem lejn it-twaqqif ta" sistema għall-fondi kollha tal-Komunità li biha l-attività volontarja tkun tista" tiġi magħrufa bħala kontribut għall-proġetti kofinanzjati u biex toħloq mekkaniżmi li bihom ix-xogħol volontarju jkun jista" jiġi kkostjat kif jixraq; jilqa" b'sodisfazzjon l-isforzi minn xi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni li jadottaw approċċ aktar flessibbli lejn l-aċċettazzjoni tax-xogħol volontarju bħala kontribut li hu ugwali għall-finanzjament Komunitarju fi proġetti li jkunu ffinanzjati b'mod konġunt;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi opportunitajiet għall-voluntiera li huma akbar fl-età u biex tiżviluppa Programm ta" l-Anzjani fl-Azzjoni għan-numru dejjem jiżdied ta' ċittadini anzjani b'esperjenza kbira li jixtiequ jkunu voluntiera li jista" jkun li jimxu b'mod parallel mal-Programm taż-Żgħażagħ fl-Azzjoni u jikkumplementawh u barra minn hekk biex tippromwovi programmi speċifiċi għall-volontarjat interġenerazzjonali u għall-għoti ta" għajnuna minn dawk bl-esperjenza lil min għadu jitgħallem (mentoring);

10.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu u jiffaċilitaw il-volontarjat fi ħdan il-Komunitajiet kollha, kemm reali u kemm virtwali, bħal m'huma l-volontarjat bħala familja jew il-volontarjat bħala gruppi emarġinati jew bħala gruppi li jista" jkun li tradizzjonalment ma jivvolontarjawx u biex jenfasizzaw l-importanza kbira li x-xogħol volontarju jiġi organizzat sabiex ikun żgurat li jkun kompatibbli mal-ħajja tal-familja u dik professjonali;

11.  Jinkoraġġixxi lill-kumpaniji u lill-operaturi oħra tas-settur privat, bħala parti mill-istrateġija tar-responsabilità soċjali korporattiva tagħhom, biex jagħtu appoġġ finanzjarju lill-inizjattivi li jippromwovu u jseddqu l-volontarjat u jħeġġeġ lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-volontarjat korporattiv, biex jipprovdu inċentivi għas-settur privat biex jiffinanzja u jappoġġja s-settur tal-volontarjat, u b'hekk ikunu qed jgħinu biex ikun żgurat it-trasferiment ta" ħiliet u kapaċitajiet korporattivi mis-settur privat għas-settur pubbliku u jkunu wkoll qed itejbu l-kwalità tal-ħajja fuq il-livell lokali billi jinkoraġġixxu li wieħed jgħin ruħu b'mod awtomatiku fir-riżoluzzjoni ta" problemi lokali;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-għarfien tal-volontarjat bħala attività xierqa li permezz tagħha jiġu akkwistati kompetenzi u ħiliet permezz tal-YOUTHPASS b'rabta mal-EUROPASS, filwaqt li tiżgura li l-volontarjat ma jiġix meqjus bħala alternattiva għat-taħriġ formali iżda bħala komplement tiegħu; barra minn hekk jitlob li jsiru miżuri nazzjonali u lokali biex tiżdied il-mobilità tal-voluntiera;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestigaw id-dewmien fl-adozzjoni tal-Karta Ewropea dwar il-Voluntarjat li ġiet proposta li għandha tiddefinixxi l-irwol ta" l-organizzazzjonijiet volontarji u tistipola d-drittijiet u r-responsabilitajiet tagħhom; jirrakkomanda li jsiru analiżi mill-ġdid bejn il-pari fuq bażi annwali biex ikun evalwat ix-xogħol volontarju li jkunu intrigaw minnu l-Istati Membri u li jkun sar fi ħdan setturi u organizzazzjonijiet speċifiċi;

14.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu bażi ta" data Ewropea li tkun tipprovdi data bażika fuq organizzazzjonijiet volontarji kif ukoll dettalji ta" l-aħjar prattiki, ħaġa li tkun tipprovdi linji gwida ta" siwi għat-titjib tas-sistemi tal-volontarjat;

15.  Jistieden lill-awtoritajiet relevanti biex jiżguraw li l-voluntiera jkunu koperti b'mod adegwat b'assigurazzjoni kontra aċċidenti u b'assigurazzjoni tar-responsabilitajiet personali fir-rigward ta" l-attivitajiet volontarji tagħhom u biex jiżguraw ukoll li kull infiq miftiehem li jsir mill-voluntiera fir-rigward ta" l-attivitajiet volontarji tagħhom ikun kopert ukoll;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jippromwovu l-volontarjat permezz ta" l-edukazzjoni fil-livelli kollha, filwaqt li joħolqu opportunitajiet għall-attività volontarja fi stadju bikri fis-sistema edukattiva sabiex tidher bħala kontribut normali għall-ħajja tal-komunità u biex ikomplu jippromwovu attività bħal din huma u jikbru l-istudenti, biex jiffaċilitaw "it-tagħlim tas-servizz" fejn l-istudenti jaħdmu ma" gruppi volontarji jew komunitarji bi sħubija bħala parti mill-kors tad-diploma jew tal-grad tagħhom, biex jinkoraġġixxu rabtiet bejn is-settur volontarju u s-settur edukattiv fil-livelli kollha u biex jippromwovu l-volontarjat u jagħrfu t-tagħlim tal-volontarjat bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni għall-fini tar-reviżjoni maħsuba għall-2010 tad-dispożizzjonijiet tal-VAT li jikkonċernaw l-entitajiet pubbliċi u l-eżenzjonijiet soċjali, sabiex, flimkien ma' l-Istati Membri tikkunsidra l-argumenti soċjali qawwija favur l-introduzzjoni ta' eżenzjonijiet tal-VAT għall-organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati fl-Istati Membri fuq akkwisti maħsuba sabiex jintlaħqu l-iskopijiet tagħhom, u sabiex jikkunsidraw ukoll l-argumenti favur l-eżenzjoni, f'każijiet speċifiċi, tal-ħlas tal-VAT fuq prodotti u servizzi li jingħataw b'donazzjoni lill-organizzazzjonijiet volontarji;

18.  Jistieden lill-Istati Membri biex, b'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, jistabbilixxu infrastruttura sostenibbli ta" volontarjat biex tittratta kwistjonijiet bħal m'hu l-finanzjament operazzjonali u amministrattiv għall-organizzazzjonijiet volontarji;

19.  Jirrakkomanda li l-2011 tkun iddikjarata s-Sena Ewropea tal-Volontarjat;

20.  Jagħraf id-diversità tal-volontarjat fl-Istati Membri iżda minkejja dan jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex, kull meta jkun possibbli, jitgħallmu minn xulxin permezz ta" l-iskambju ta" l-aħjar prattiki;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iddaħħal skemi ta" appoġġ biex tistabbilixxi sistemi aktar effiċjenti ta" kooperazzjoni u ta" netwerking bejn l-organizzazzjonijiet volontarji u biex issaħħaħ l-iskemi ta" l-iskambju internazzjonali ta" voluntiera li f'ċerti każijiet jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-Għanijiet ta" Żvilupp għall-Millennju; b'mod partikulari jitlob li jiġu stabbiliti programmi biex jgħinu biex jiġu mqanqla mill-ġdid l-attivitajiet volontarji fl-Istati Membri fejn l-attività volontarja waslet biex ġiet assoċjata ma" azzjonijiet ta" natura obbligatorja;

22.  Jirrakkomanda l-promozzjoni ta" proġetti ta" volontarjat transkonfinali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-oqsma kollha tal-politiki u l-leġiżlazzjoni turi simpatija lejn is-sitwazzjoni tal-voluntiera;

24.  Jistieden lill-partijiet interessati relevanti kemm lokali u kemm reġjonali, lill-organizzazzjonijiet volontarji u lill-midja biex jipprovdu tagħrif adegwat liċ-ċittadini dwar opportunitajiet ta" volontarjat, akkumpanjat minn taħriġ xieraq, b'enfasi speċjali fuq il-gruppi vulnerabbli u emarġinati fi ħdan is-soċjetà u fuq il-ħtiġijiet tar-reġjuni li huma mbiegħda u inaċċessibbli;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Pjan D għad-Demokrazija, id-Djalogu u d-Dibattitu, tistabbilixxi għal-lest Pjan V għall-Valutazzjoni, il-Validazzjoni u l-iżgurar tal-Viżibilità tal-Voluntiera;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid il-politika tagħha tal-viża għal dawk li jipparteċipaw fi programmi ta" volontarjat rikonoxxuti ta" l-UE li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi bit-tama li jiddaħħal reġim tal-viża aktar liberali b'mod partikulari fir-rigward tal-voluntiera ġejjin minn pajjiżi ġirien ta" l-UE;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

(1) ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32.
(2) ĠU L 327, 24.11.2006, p. 30.
(3) ĠU L 55, 25.2.2006, p. 20.
(4) ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11.
(5) ĠU C 297, 7.12.2006, p. 6
(6) ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30.
(7) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 45.
(8) ĠU C 105, 25.4.2008, p. 11.
(9) ĠU C 325, 30.12.2006, p. 46.
(10) ĠU C 180, 11.6.1998, p. 57
(11) Rapport ta" l-Ewrobarometru. Rendikont tar-Realtà Soċjali, Frar 2007.
(12) Rapport ta" l-Università Johns Hopkins, Measuring Civil Society and Volunteering ("It-Tikjil tas-Soċjetà Ċivili u l-Volontarjat"). Settembru, 2007. www.jhu.edu/ccss
(13) Volunteering works ("Il-volontarjat jaħdem"), Istitut għar-riċerka fil-volontarjat u l-volontarjat, l-Ingilterra, Settembru 2007.
(14) Ara Mandl, I., Oberholzner, T., & Dörflinger, C. Fondazzjoni Ewropea għall-Kundizzjonijiet ta" l-Għajxien u tax-Xogħol. http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2007/18/en/1/ef0718mt.pdf
(15) Vestergaard Poulsen, L. From Deprived Neighbourhood to Sustainable Community ("Minn Kwartier Imċaħħad għal Komunità Sostenibbli") Taqsira bl-Ingliż. Il-Programm Urban II f'Aarhus 2002-2007.
(16) Ara The Health Benefits of Volunteering - A Review of Recent Research (Corporation for National and Community Service, 2007) (Il-Benefiċċji għas-Saħħa li għandu l-Volontarjat - Studju tar-Riċerka Riċenti (Il-Korporazzjoni għas-Servizz Nazzjonali u Komunitarju, 2007))
(17) Ara Is-Soċjetà Ċivili bħala Sieħba fil-Fondi Strutturali ta" l-Unjoni Ewropea (Civil Society as a Partner in European Union Structural Funds). Is-Servizz ta' Azzjoni taċ-Ċittadini Ewropej. Novembru, 2004.

Avviż legali - Politika tal-privatezza