Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2138(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0042/2008

Testi mressqa :

A6-0042/2008

Dibattiti :

PV 22/04/2008 - 17
CRE 22/04/2008 - 17

Votazzjonijiet :

PV 23/04/2008 - 4.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0171

Testi adottati
PDF 332kWORD 93k
L-Erbgħa, 23 ta' April 2008 - Strasburgu
L-implimentazzjoni tal-programmazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp
P6_TA(2008)0171A6-0042/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2007/2138(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn, minn naħa, il-membri tal-grupp ta' l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku u, min-naħa l-oħra, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1) (il-Ftehima ta' Cotonou),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interna bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta" l-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, dwar il-finanzjament ta" l-għajnuna Komunitarja skond il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu bejn l-2008 u l-2013 b'konformità mal-Ftehima ta' Sħubija ACP-KE u dwar l-allokazzjoni ta" l-għajnuna finanzjarja għall-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijet tar-raba" parti tat-Trattat KE (2),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2007 ta' l-14 ta' Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-qafas tal-Ftehima ta' Sħubija ACP-KE(3),

–   wara li kkonsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Baġits (A6-0042/2008),

A.   billi l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp hija marbuta mat-tlestija tal-proċess ta' ratifikazzjoni (għall-Istati Membri kollha ta' l-UE u żewġ terzi mill-pajjiżi membri tal-grupp ta' l-Istati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP)) mhux iktar tard mit-30 ta' Novembru 2007, għad-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008 (Artikolu 93(3) tal-Ftehima ta' Cotonou),

B.   billi l-klawsola ta' estinzjoni ma tippermettix iktar li wieħed jirrikorri għall-bilanċ tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp preċedenti,

C.   billi l-impenn tal-Kummissjoni sabiex il-fondi kollha tad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp jiġu impenjati qabel il-31 ta' Diċembru 2007,

D.   billi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għadu sal-lum eskluż mill-baġit ta' l-UE, minkejja t-talbiet tal-Parlament Ewropew favur li jidħol fil-baġit,

E.   billi l-fatt li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ma jeżerċitaw l-ebda skrutinju formali fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, billi dan mhux imdaħħal fil-baġit ta' l-UE, jikkostitwixxi defiċit demokratiku,

F.   billi l-istudju li sar mill-Kummissjoni f'64 pajjiż ta' l-ACP dwar l-assoċjazzjoni ta' l-atturi mhux statali mal-programmazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp, jinnota li fil-każi kollha hemm informazzjoni, imma li ma kienx hemm parteċipazzjoni vera ħlief f'nofs biss tal-pajjiżi studjati,

G.   billi tnedew sħubija strateġika ġdida bejn l-Afrika u l-UE u pjan ta' azzjoni 2008-2010 msejjes fuq "il-prinċipji ta' l-unità ta' l-Afrika, l-interdipendenza ta' l-Afrika u l-Ewropa, l-approprjazzjoni u r-responsabilità konġunti, l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi u ta' l-istat tad-dritt, kif ukoll id-dritt għall-iżvilupp", waqt is-samit bejn l-UE u l-Afrika li sar f'Liżbona (fit-8 u d-9 ta' Diċembu 2007), u ġiet adottata f'din l-okkażjoni ta' dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Parlament Panafrikan li titlob it-tisħiħ ta' l-irwol tal-parlamenti fl-istrateġija l-ġdida,

H.   billi jqis l-impenji politiċi ta' l-UE u ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-għajnuna għall-iżvilupp - b'mod partikulari favur l-Afrika - u ta' l-effettività ta' l-għajnuna,

I.   billi jqis l-impenn ta' l-UE biex iżżid l-għajnuna tagħha għall-kummerċ għal EUR 2 000 000 000 fis-sena minn issa sa l-2010 (EUR 1 000 000 000 mill-Kummissjoni u EUR 1 000 000 000 mill-Istati Membri),

J.   billi jqis it-tqassim indikattiv tal-krediti ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp, jiġifieri bejn wieħed u ieħor 30% għall-appoġġ baġitarju ġenerali, 30% għall-infrastruttura, 15% għall-governanaza (inklużi l-paċi u s-sigurtà), 8% għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali u 8% għas-setturi soċjali u l-koeżjoni soċjali, filwaqt li l-bqija jitqassam b'mod partikulari bejn l-iżvilupp ekonomiku, l-appoġġ istituzzjonali u l-ambjent,

K.   billi jqis li l-parti tal-krediti ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp mogħtija lill-oqsma ta' l-edukazzjoni u tas-saħħa bażiċi qed tonqos bil-mod meta mqabbla mad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp,

L-interessi u l-objettivi ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp

1.  Jissottolinja l-importanza ta' l-interessi li tirrappreżenta l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fuq il-perjodu bejn l-2008 u l-2013, b'mod partikulari fir-rigward ta' l-impenji politiċi ta' l-UE u ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' l-għajuna għall-iżvilupp, ta' l-evoluzzjoni kurrenti lejn sħubija mġedda bejn l-Ewropa u l-Afrika u l-kontribut ta' l-UE għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' żvilupp għall-millenju (MDG) fl-2015;

2.  Jaqbel bis-sħiħ ma' l-objettiv prinċipali tal-kooperazzjoni stipulat fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 617/2007, jigifieri "l-eliminazzjoni tal-faqar fil-pajjiżi u r-reġjuni sħab fil-kuntest ta' l-iżvilupp sostenibbli, inkluż insegwiment ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju" (MDG); jagħti l-akbar importanza għall-fatt li dawn l-objettivi prijoritarji jistgħu jikkonkretizzaw ruħhom permezz ta' l-istrumenti u l-modalitajiet kollha għall-implimentazzjoni previsti minn dan ir-regolament u jiddeplora l-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar id-dokumenti ta' strateġija għal pajjiżi u d-dokumenti ta' strateġija għar-reġjuni jagħtu interpretazzjoni ristretta ta' dawn l-objettivi;

3.  Jitlob li l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp tiddaħħal ukoll fil-qafas ta' l-impenji internazzjonali ta' l-UE previsti fl-Artikolu 177(3) tat-Trattat KE;

4.  Jinsisti li l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-iżvilupp fil-qasam ta' l-użu ta' l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u li, għallinqas, tkun eskluża mill-programmazzjoni kull azzjoni li ma tissodisfax il-kriterji applikabbli għall-għajnuna pubblika għall-iżvilupp definiti mill-Kumitat ta' Assistenza għall-Iżvilupp ta' l-Organizzazzjoni ta' Kooperazzjoni u ta' Żvilupp Ekonomiku; jitlob li l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 617/2007 bħala konsegwenza jiġi modifikat;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb ta' simplifikazzjoni u ta' armonizzazzjoni li kien hemm qabel it-tħejjija ta' dan ir-regolament ġdid ir-Regolament (KE) Nru 617/2007); iqis li dan il-ħsieb ta' allinjament fuq l-istrument ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp(4) għandu jikkontribwixxi biex jissaħħaħ l-irwol tal-Parlament fis-segwitu u l-kontroll ta' l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

6.  Jaqbel li jkun hemm integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit ta' l-UE sabiex jissaħħu l-koerenza, it-trasparenza u l-effikaċità tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u sabiex ikun garantit il-kontroll demokratiku tiegħu; jenfasizza li l-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tikkostitwixxi wkoll soluzzjoni pertinenti għall-problemi rikorrenti marbuta mal-pass tqil u għajjien tal-proċess intergovernattiv ta' ratifikazzjoni; jitlob lill-Kunsill sabiex jaħseb għall-ibbaġittjar ta' l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-perspettivi finanzjarji fl-2009;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tneħħija prevista, fit-Trattat ta' Liżbona, ta' l-Artikolu 179(3) tat-Trattat KE, li kien jeskludi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u b'hekk tinfetaħ it-triq għall-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit ta' l-UE;

8.  Ifakkar fir-rabta tiegħu mal-koerenza tal-linji politiċi għall-iżvilupp u ma' l-impenji Ewropej li għandhom l-għan li jiggarantixxu li l-lini politiċi l-oħra ta' l-UE li jkollhom impatt fuq din il-politika (kummerċ, ambjent, sigurtà, agrikoltura, eċċ.) ma jikkontradixxux l-objettivi tal-politika għall-iżvilupp;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti iktar attenzjoni lill-eżodu ta' ħaddiema kwalifikati mill-pajjiżi ta' l-ACP għall-UE u biex tipproponi miżuri xierqa biex jiġi ffaċilitat li dawn il-ħaddiema jibqgħu jew jerggħu lura f'dawn il-pajjiżi;

10.  Ifakkar fir-rabta tiegħu mal-prinċipji ta' approprjazzjoni u ta' parteċipazzjoni li huma fil-qalba tal-Ftehima ta' Cotonou u tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(5);

Kalendarju

11.  Jitlob lill-pajjiżi ta' l-ACP li għadhom m'għamlux dan biex jirratifikaw il-Ftehima Interna u l-Ftehima reveduta ta' Cotonou sabiex jibdew l-implimentazzjoni ta' l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp kemm jista' jkun malajr;

12.  Jinnota l-impenn tal-Kummissjoni sabiex il-fondi kollha tad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp jiġu użati qabel id-data ffissata tal-31 ta' Diċembru 2007; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex ma jintmess ebda kreditu mill-klawsola ta' estinzjoni u sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-finanzajmenti;

13.  Jissottolinja li dan il-kalendarju li jorbot ma ppermettiex li s-soċjetajiet ċivili u l-parlamenti jissieħbu bis-sħiħ fil-programmazzjoni u jinsisti li dawn in-nuqqasijiet fil-process ta' konsultazzjoni jiġu kkoreġuti fil-fażi ta' l-implimentazzjoni;

Dokumenti ta' strateġija u oqsma prijoritarji ta' azzjoni

14.  Jisħaq li, sabiex jinkisbu l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 617/2007, l-ipprogrammar għandu jagħti prijorità lill-azzjoni mmirata li tnaqqas il-faqar, b'enfasi speċifika fuq iz-zoni relatati ma' l-objettivi ta' żvilupp għall-millenju bħas-setturi soċjali, b'mod partikulari s-saħħa u l-edukazzjoni bażika; jisħaq li l-impenn meħud fil-qafas ta' l-istrument għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp li 20% mill-fondi jiġu ddedikati għas-saħħa u għall-edukazzjoni bażika sa l-2009 għandu japplika għall-infiq kollu tal-politika Ewropea għall-iżvilupp, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp sabiex ikun koerenti;

15.  Jieħu nota ta' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tilħaq dan l-objettiv permezz ta' l-appoġġ baġitarju imma jiddispjċih li ma ġiet imfassla ebda strateġija globali, b'mod konġunt mal-pajjiżi benefiċjarji, sabiex is-setturi tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni jiġu integrati fil-prijoritajiet imsemmija fid-dokumenti ta' l-istrateġija għall-pajjiżi; jitlob li terġa' ssir evalwazzjoni ta' din il-kwistjoni fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' 20%;

16.  Jissottolinja li l-faqar ma jistax jitnaqqas b'mod sostenibbli jekk mhux fil-kuntest ta' l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli; jissottolinja, barra minn dan, li l-miżuri kollha meħuda fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, bħala konsegwenza, għandhom jiddaħħlu fil-proċess ta' żvilupp li għandu l-għan li japplika ekonomija soda li tipproteġi l-ambjent u li tippermetti li kulħadd jibbenefika mis-servizzi soċjali ta' bażi;

17.  Jisħaq li l-iżvilupp sostenibbli ma jista' qatt jinkiseb bis-sħiħ f'sitwazzjonijiet ta' gwerer, konflitti ċivili u instabilità politika; iqis, għalhekk, li għandha tingħata prijorità lill-bini tad-demokrazija u lil sforzi biex jinżammu u jiġu appoġġati l-paċi, l-istat tad-dritt, l-istituzzjonijiet stabbli u demokratiċi, kif ukoll ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem;

18.  Hu ta' l-opinjoni li d-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi għandhom ikunu suġġetti għal kontroll demokratiku u li, bħala konsegwenza, m'għandhomx jitħejjew u jiġu applikati fin-nuqqas ta' kontrolli parlamentari; iqis li t-trażmissjoni tad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi fl-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE (JPA) tagħti kontribut kbir għall-objettiv ta' approprjazzjoni mdaħħal fil-Ftehima ta' Cotonou u hija stadju pożittiv fl-għoti ta' poter istituzzjonali, fil-qafas tal-komitoloġija, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta u lill-Parlament Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Assemblea Parlamentari Konġunta jkollha l-mezzi materjali biex twettaq il-ħidma tagħha fuq id-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi u li l-opinjonijiet tagħha jkunu suġġetti għal rapport ta' segwitu mill-Kummissjoni;

19.  Jiddeplora l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 617/2007 ma jipprevedi ebda proċedura speċifika għall-parteċipazzjoni jew għall-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali, ta' l-awtoritajiet lokali u ta' l-atturi mhux statali fil-qafas tat-tħejjija, tas-segwitu u ta' l-evalwazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija għall-pajjiżi; Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jintegraw b'mod sistematiku dawn il-konsultazzjonijiet fil-programmazzjoni;

Kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru

20.  Jiddeplora l-fatt li l-kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru ma nżammux bħala qasam ta' azzjoni speċifika; jitlob sabiex din id-deċiżjoni terġa' tiġi kkunsidrata fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, bi qbil ma' l-imsieħba ta' l-ACP;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirrispetta l-impenji tagħha fil-qasam ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi mdaħħla fid-dokumenti ta' strateġija essenzjali bħall-kunsens Ewropw għall-iżvilupp, l-istrateġija komuni bejn l-UE u l-Afrika u, ovvjament, il-Ftehima ta' Cotonou, u biex tiggarantixxi li l-kwistjonijiet li jolqtu l-ugwaljanza bejn is-sessi jkunu fost il-prijoritajiet politiċi tas-sħubija bejn l-ACP u l-UE u li jingħataw attenzjoni u finanzjament adegwat fil-qafas ta' l-integrazzjoni sistematika tal-ġeneru, u jinsisti biex il-viżibilità tal-kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tissaħħaħ permezz tad-dħul ta' kapitolu u ta' indikaturi speċifiċi fi ħdan ir-rapport annwali mħejji mill-Kummissjoni sabiex dan jippermetti li jkun hemm segwitu aħjar u kontroll aħjar tal-progress li jsir;

L-appoġġ baġitarju

22.  Huwa ta' l-opinjoni li l-appoġġ baġitarju jista' jagħti kontribut effikaċi għall-eliminazzjoni tal-faqar u għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' żvilupp għall-millenju, b'mod partikulari meta l-mezzi jkunu kkonċentrati fuq is-setturi ta' l-edukazzjoni u tas-saħħa bażiċi; għandu wkoll il-volontà, espressa mill-Kummissjoni, li l-appoġġ baġitarju jagħmlu għodda maħsuba biex iżżid il-parti tal-baġits nazzjonali kkonsagrata għal dawn is-setturi;

23.  Ifakkar li l-effettività u l-leġittimità ta' l-appoġġ baġitarju huma suġġetti għall-osservanza stretta ta' bosta kundizzjonijiet preliminari, b'mod partikulari, min-naħa l-waħda koordinazzjoni msaħħa bejn id-donaturi u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tar-regoli demokratiċi, il-governanza tajba u strument għall-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi li jkun kkontrollat minn parlament elett demokratikament fil-pajjiżi benefiċjarji; jappella lill-Kummissjoni sabiex tara li jkun hemm osservanza stretta ta' dawn il-kundizzjonijiet preliminari qabel ma jinbeda kwalunkwe programm ta' appoġġ baġitarju;

24.  Jifraħ bl-impenn meħud mill-Kummissjoni li jorbot b'mod dirett l-appoġġ baġitarju mal-progress fit-twettiq ta' l-għanijiet ta' żvilupp għall-millenju u li jiġu promossi għanijiet ta' żvilupp għall-millenju permezz ta' "kuntratti ta' għanijiet ta' żvilupp għall-millenju" li jipprevedu ffinanzjar garantit fuq tul ta' żmien itwal, u b'hekk jikkontribwixxi biex isaħħaħ il-prevedibilità ta' l-għajnuna;

25.  Jitlob li evalwazzjoni ta' appoġġ baġitarju, fuq il-bażi ta' indikaturi ta' min joqgħod fuqhom, trasparenti u li jippermettu li jitkejjel il-progress imwettaq fil-qafas ta' l-għanijiet ta' żvilupp għall-millenju, tkun suġġetta għal rapport annwali mressaq lill-Parlament Ewropew, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta, lill-parlamenti nazzjonali u lill-atturi mhux statali;

26.  Jitlob li fil-qafas ta' l-appoġġ baġitarju jintużaw riżorsi speċifiċi sabiex jissaħħu l-kompetenzi tal-parlamenti kollha ta' l-ACP fir-rigward tas-segwitu baġitarju;

Taqsima għall-inċentivi

27.  Ifakkar fl-appoġġ tiegħu favur il-promozzjoni tal-governanza tajba u jista' jaqbel mal-prinċipju ta' "inċentiv għall-governanza tajba" fil-qafas tad-djalogu politiku kif definit fl-Artikolu 8 tal-Ftehima ta' Cotonou, sakemm il-kriterji għall-attribuzzjoni u l-modalitajiet ta' l-implimentazzjoni tiegħu jkunu ċari u trasparenti;

28.  Jinnota li bosta kriterji li tiddefinixxi l-Kummissjoni għall-allokazzjoni tat-taqsima ta' l-inċentivi jirriflettu b'mod prijoritarju l-interessi tat-Tramuntana u jwasslu, kontra dak li hu mistenni, għal tip ta' kundizzjonalità għall-għajnuna li tkun ibbażata fuq kriterji li ma jirrigwardawx esklussivament il-governanza tajba;

29.  Juri t-tħassib tiegħu dwar l-interpretazzjoni mogħtija lill-kriterji marbuta mal-governanza ekonomika u soċjali; jiddikjara ruħu kontra l-impożizzjoni ta' "kriterji moħbija" fil-qasam ta' kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali u jqis li l-analiżi tal-leġiżlazzjonijiet u l-politiċi pubbliċi f'dan il-qasam m'għandhomx iwasslu għal rekwiżiti fil-qasam tal-liberalizzazzjoni u tad-deregolazzjoni; jirrakkomanda li mal-profili ta' governanza jiżdiedu kriterji li jkunu marbuta ma' l-eżistenza u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi; ifakkar li l-pożizzjoni ta' l-istati jew tar-reġjuni ta' l-ACP dwar l-għażla finali jekk jipparteċipawx jew le fil-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (EPA) m'għandhiex tikkostitwixxi kriterju;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiċċara l-proċess ta' deċiżjoni li jwassal għall-allokazzjoni tal-foni tat-taqsima għall-inċentivi, u biex tagħmel proposti li jkollhom l-objettiv li jiggarantixxu l-informazzjoni tal-Parlament Ewropew u ta' l-atturi mhux statali f'dan il-qasam;

L-integrazzjoni reġjonali, l-għajnuna għall-kummerċ u l-ftehimiet ta' sħubija ekonomika

31.  Ifakkar li l-UE impenjat ruħha biex iżżid l-għajnuna tagħha għall-kummerċ għal EUR 2 000 000 000 fis-sena u biex tiddedika 50% minn din l-għajnuna addizzjonali għall-pajjiżi ta' l-ACP, filwaqt li din iż-żieda tkun koperta minn fondi addizzjonali; iqis estremament importanti li l-UE tonora l-impenn tagħha dwar l-għajnuna għall-kummerċ u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirraportaw dwar is-sitwazzjoni kurrenti fir-rigward ta' l-impenji mill-UE u l-Istati Membri biex jiksbu dan l-objettiv;

32.  Jinsisti sabiex il-finanzjamenti tal-programmi integrali reġjonali (RIP) jibbenefikaw b'mod ġust lill-pajjiżi jew reġjuni kollha ta' l-ACP, mingħajr kunsiderazzjoni tal-pożizzjoni ta' l-Istati fir-rigward ta' l-għażla finali tagħhom jekk jisseħbux fil-ftehimiet ta' sħubija ekonomika jew le; jiddikjara ruħu kontra kull xorta ta' kundizzjonalità marbuta mal-parteċipazzjoni fi ftehima ta' sħubija ekonomika għall-għoti tal-krediti tal-programmi integrali reġjonali;

33.  Jerġa' jtenni t-talba tiegħu biex il-bżonnijiet speċifiċi marbuta ma' l-adattazzjoni ta' l-ekonomiji tal-pajjiżi ta' l-ACP għall-ftehimiet ta' sħubija ekonomika jkunu koperti minn fondi addizzjonali għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

Parteċipazzjoni

34.  Jisħaq fuq il-fatt li eżami a posteriori tal-kwittazza ta' l-EDF mill-Parlament Ewropew m'huwiex kontroll demokratiku suffiċjenti u jitlob lill-Kunsill li, sakemm ikun hemm l-integrazzjoni ta' l-EDF fil-baġit ta' l-UE, jingħatalu rwol istituzzjonali fil-proċess kollu ta' moniteraġġ u ta" evalwazzjoni tal-programmazzjoni;

35.  Jiddeplora l-formulazzjoni partikolarment vaga u ambigwa li tistabbilixxi l-irwol tal-parteċipanti fil-programmazzjoni ta' l-għajnuna komunitarja (ara l-Artikolu 2 (3) tar-Regolament (KE) Nru 617/2007); jitlob li l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u l-NSAs rappreżentattivi jiġu msieħba mal-proċess ta' programmazzjoni u mal-moniteraġġ u l-kontroll ta' l-implimentazzjoni ta' l-EDF;

36.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali ta" l-Istati Membri ta' l-UE u tal-pajjiżi ta' l-ACP sabiex jeżerċitaw kontroll parlamentari strett fuq l-eżekuttivi f'dak li jirrigwarda l-programmazzjoni ta' l-EDF; jitlob lill-Kummissjoni li tassigura ruħha li l-parlamenti nazzjonali jkunu kkonsultati b'mod attiv fil-fażijiet kollha tat-tfassil u tat-tkomplija sa l-aħħar tad-dokumenti ta" strateġija;

37.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-talba fformulata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA) waqt id-disa" sessjoni tagħha, f'April 2005, sabiex perċentaġġ xieraq tal-fondi tal-Fond Ewropew ta" l-Iżvilupp (EDF) jiġi allokat għall-edukazzjoni u l-formazzjoni politika ta" parlamentari u ta" diriġenti politiċi, ekonomiċi u soċjali, fl-interess ta" konsolidazzjoni dewwiema ta" governanza tajba, ta" l-istat tad-dritt, ta" strutturi demokratiċi u ta" l-interazzjoni bejn il-gvern u l-oppożizzjoni f'demokraziji pluralisti li jkunu msejsa fuq elezzjonijiet ħielsa;

Moniteraġġ u evalwazzjoni tar-riżultati

38.  Jitlob li l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-NSAs jiġu kkonsultati fl-2010 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' l-implimentazzjoni ta' l-EDF u li l-Parlament Ewropew ikun mgħarraf bir-riżultati ta" l-evalwazzjoni ta" nofs it-terminu tal-Faċilità ta' l-Investiment;

39.  Jinnota b'sodisfazzjon it-tfassil ta' rapport annwali mill-Kummissjoni li jintbgħat lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna mogħtija f'isem l-EDF; huwa se jagħti xhieda ta' l-akbar viġilanza u se jeżamina dan ir-rapport annwali kemm fir-rigward ta' l-effetti ta' l-għajnuna fuq l-eliminazzjoni tal-faqar, kemm fir-rigward tal-kontribuzzjoni li din tagħti għat-twettiq ta' l-MDGs; jitlob li dan ir-rapport annwali jingħata wkoll lill-Assemblea Parlamentari Konġunta (JPA), lill-parlamenti nazzjonali u lill-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Sigurtà (NSAs);

40.  Jinsab kuntent ħafna bl-intenzjoni li wrew il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew ta" l-Investiment (BEI) li jevalwaw b'mod regolari r-riżultati, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikulari lill-progress li jkun sar fit-twettiq tal- MDGs, u li jassoċjaw "lill-atturi kollha kkonċernati, inklużi l-atturi mhux statali, fil-fażi ta" evalwazzjoni ta" l-għajnuna mogħtija mill-Komunità", dak li naturalment jimplika l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-JPA; jitlob lill-Kummissjoni li tagħti dettalji eżatti dwar skond liema modalitajiet u kull kemm żmien se jsiru dawn l-evalwazzjonijiet;

41.  Jissottolinja li, f'kuntest ta" kriżi jew ta" konflitt, l-esperjenza u l-kompetenza tal-membri parlamentari u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili toħroġ li hija indispensabbli aktar u aktar, u jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi għall-konsultazzjoni tagħhom qabel l-adozzjoni tal-miżuri speċjali li jirreferi għalihom l-Artikolu 8, paragrafu 2, tar-Regolament (KE) nru 617/2007;

Effettività ta' l-għajnuna

42.  Jinnota b'sodisfazzjon ir-referenza għad-Dikjarazzjoni ta" Pariġi dwar l-effettività ta" l-għajnuna għall-iżvilupp u jinsisti sabiex il-programmazzjoni ta" l-EDF tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet ta" l-imsemmija dikjarazzjoni; jissottolinja madanakollu li l-bini ta" sħubija ekwilibrata, fejn l-UE u l-ACP ikunu ndaqs bejniethom, ma jistax ikun imsejjes biss fuq l-armonizzazzjoni u l-allinjament ta" dawk li jikkontribwixxu fondi, iżda għandu jippromwovi qabel xejn obbligi reċiproċi u responsabilità lejn xulxin, b'mod notevoli f'dak li jirrigwarda l-governanza;

43.   jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex turi bil-fatti l-intenzjoni tagħha li timmoniterja mill-qrib il-progress f'dan il-qasam u sabiex tfassal rapport speċifiku fl-ambitu tat-tħejjija tas-laqgħa għolja ta' Akkra f'Settembru 2008; jitlob li jsir rapport regolari ta' l-evalwazzjoni ta' l-effikaċità ta' l-għajnuna u li dan jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew;

44.  Jagħraf li l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni għall-aċċellerazzjoni tal-pagamenti ppermettew li jkun hemm titjib sinifikattiv fir-rata ta' esekuzzjoni ta' l-EDF; madankollu jenfasizza li baqa' lok għal progress f'dan il-qasam u jappella lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom għal dan; jitlob lill-Kummissjoni sabiex kull tliet xhur tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-JPA rigward pagamenti ta' fondi li jkunu saru;

45.   jaqbel għal kollox mar-rieda li ġiet espressa li tissaħħaħ il-prevedibbiltà ta' l-għajnuna fil-kuntest ta" l-implimentazzjoni ta" l-EDF;

Faċilità ta" appoġġ għall-paċi fl-Afrika

46.  Jappoġġja bis-saħħa l-implimentazzjoni ta" faċilità ta" appoġġ għall-paċi fl-Afrika u jitlob li r-regoli ta" ġestjoni ta" dan l-istrument ikunu jesprimu t-tisħiħ mill-ġdid tas-sħubija politika bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana, f'konformità mal-linji gwida ta" l-istrateġija komuni l-ġdida bejn l-UE u l-Afrika;

47.   jissottolinja l-punt li l-faċilità ta' appoġġ għall-paċi fl-Afrika trid tkun ikkunsidrata bħala strument tal-Politika Barranija u ta" Sigurtà Komuni (CFSP) u li din ma taqax fl-ambitu ta" l-iżvilupp skond il-kriterji tal-Kumitat ta" l-Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC); jiddeplora bil-qawwa, f'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta" April 2006 li tipprovdi għall-finanzjament tal-faċilità ta" appoġġ għall-paċi mill-EDF;

48.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jipprovdu għal finanzjament ieħor, sa mhux aktar tard minn meta tkun tlestiet l-evalwazzjoni li fl-2010 għandha terġa' teżamina l-proċedura ta' finanzjament tal-Faċiltà għall-Paċi fl-Afrika; jitlob li jiġi kkonsultat fl-ambitu ta' din l-evalwazzjoni;

49.  Jitlob li l-Parlament Ewropew u l-JPA jiġu kkonsultati dwar il-programm ta' azzjoni 2008-2010 u dwar ir-rapport ta' attività annwali dwar l-użu tal-fondi li jkun tfassal mill-Kummissjoni;

Finanzjament konġunt u konsistenza ma' l-istrumenti l-oħra

50.  Japprova l-possibilità, miftuħa mill-programmazzjoni ta" l-Għaxar EDF, li jsir finanzjament konġunt tal-proġetti ta" żvilupp ma' l-Stati Membri u ma' kontributuri oħra ta' fondi.

51.  Jirrakkomanda li din il-possibilità tinfetaħ għal strumenti finanzjarji oħra ta" l-UE u jtenni t-talba tiegħu li jinħoloq pakkett finanzjarju panAfrikan ġdid, programmabbli u li jkun jista" jiġi mbassar, li jkun fornut mill-EDF, l-istrumenti tematiċi ta" l-Istrument ta" Koperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u l-istrument tal-politika Ewropea tal-Viċinat sabiex tiġi ffinanzjata u appoġjata l-implimentazzjoni ta" l-istrateġija komuni l-ġdida bejn l-UE u l-Afrika;

52.  Juri x-xewqa tiegħu li jiġu implimentati programmi konġunti ta' l-ACP-UE bbażati fuq finanzjament konġunt sabiex jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi kbar dinjin, bħalma huma l-aċċess għall-beni pubbliċi tad-dinji jew il-bidla fil-klima, hekk li tissaħħaħ is-sħubija politika fl-ambitu tal-Ftehima ta' Cotonou;

o
o   o

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehima kif reveduta mill-Ftehima ffirmata fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p.27).
(2) ĠU L 247, 9.9.2006, p. 32.
(3) ĠU L 152, 13.6.2007, p. 1.
(4) Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta' strument għall-finanzjament u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p.41).
(5) Dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni dwar il-politika għall-iżvilupp ta' l-Unjoni Ewropea bl-isem ta' "Il-kunsens Ewropew" (ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1).

Avviż legali - Politika tal-privatezza