Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' April 2008 dwar ir-rapport ta' Progress 2007 dwar l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2007/2268(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Tessalonika tad-19-20 ta' Ġunju 2003, li fih saret il-wegħda ta' sħubija lill-istati kollha tal-punent tal-Balkani fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) 817(1993) tas-7 ta' April 1993 u 845(1993) tat-18 ta' Ġunju1993,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li jingħata l-istatus ta' pajjiż kandidat għas-sħubija ma' l-Unjoni Ewropea lill-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjau l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej tal-15-16 ta' Ġunju 2006 u ta' l-14-15 ta' Diċembru 2006,
– filwaqt li titqies il-ftehima interim ta' l-1995 bejn ir-Repubblika tal-Greċja u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-Raba' Laqgħa tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjata' l-24 ta' Lulju 2007,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni UE/Balkani tal-Punent approvata f'Salzburg fil-11 ta' Marzu 2006,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2008 lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bit-titolu "Balkani tal-Punent: Tisħiħ tal-perspettiva Ewropea" (COM(2008)0127),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/212/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet tas-Sħubija Ewropea ma' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja(1),
– wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress ta' l-2007 tal-Kummissjoni dwar l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjatas-6 ta' Novembru 2007 (SEC(2007)1432),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2006-2007(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar ir-Rapport ta' Progress 2006 dwar l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja(3),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjatad-29-30 ta' Jannar 2007 u s-26-27 ta' Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjadwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta" viżi għal żjajjar qosra(4),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 2007 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjadwar l-ammissjoni mill-ġdid(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0059/2008),
A. billi minkejja li l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjangħatat status ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni ma' l-UE sa mill-2005, sa llum għadha ma ġietx iffissata data għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni; billi din is-sitwazzjoni imtawwla qed iżżid mal-frustrazzjoni u l-inċertezza meta wieħed iqis il-pass sostnut tar-riformi li saru dan l-aħħar mill-awtoritajiet ta' Skopje;
B. waqt li jqis li d-Dikjarazzjoni UE/Balkani tal-Punent, li kienet approvata unanimament mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-UE u l-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Istati tal-Balkani tal-Punent f'Salzburg fil-11 ta' Marzu 2006 ittenni l-importanza ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u l-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet aċċettabbli għal kull naħa rigward kwistjonijiet mhux solvuti mal-pajjiżi ġirien,
C. billi wieħed mill-Istati Membri, il-Greċja, u l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjaqegħdin f'nofs proċess ta' negozjati li qed isir taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat rigward l-isem ta' l-istat kandidat,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kunsens politiku mġedded dwar l-adeżjoni tal-pajjiż ma' l-Unjoni Ewropea u l-progress konsiderevoli li nkiseb mill-aħħar Rapport ta' Progress imsemmi hawn fuq, ippubblikat mill-Kummissjoni f'Novembru 2007;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Prosekuturi Pubbliċi u l-Liġi dwar il-Kunsill tal-Prosekuturi kif ukoll il-Liġi dwar il-Kumitat għar-Relazzjonijiet bejn il-Komunitajiet, li fiha lista ta' liġijiet li jridu jiġu adottati bir-regola tal-maġġoranza doppja (b'applikazzjoni tal-prinċipju Badinter), u d-deċiżjoni dwar il-ħatra finali għall-Kunsill Ġudizzjarju;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon l-istabbiliment tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni Ewropea, li għandu l-objettiv li jinkiseb appoġġ mill-partiti kollha għal riformi relatati ma' l-UE u li hu mmexxi mill-kap ta' l-oppożizzjoni, bħala mutur importanti fil-proċess ta' adeżjoni ma' l-UE; jinnota li l-Kunsill Nazzjonali jistipula l-prijoritajiet istituzzjonali tal-pajjiż fl-istadju ta' tħejjija tal-proċess ta' negozjati, billi bi preċiżjoni jalloka l-finanzi meħtieġa għall-qafas istituzzjonali, għar-riżorsi umani u għall-baġit; jinkuraġġixxi lill-gvern u lill-parlament sabiex jibqgħu għaddejjin bir-rankatura ta' riformi u biex ikomplu bi djalogu sostenut, regolari u kostruttiv fost il-partijiet kollha interessati involuti, fi spirtu ta' koperazzjoni u ta' kunsens dwar il-kwistjonijiet ewlenin ta' l-aġenda Ewropea tal-pajjiż;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi kontinwi u l-kisbiet tal-gvern u tal-parlament fl-implimentazzjoni tal-Ftehima ta' Qafas Ohrid u ż-żieda fl-għarfien tal-karattru multi-etniku ta' l-istat; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-gvern u tal-parlament sabiex jippromwovu aktar ir-relazzjonijiet inter-etniċi, li wassal għall-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni bħall-emendi li ġew adottati fit-8 ta' Frar 2007 għal-Liġi dwar il-Btajjel Pubbliċi li tistipula d-diversi jiem ta' btala etniċi u reliġjużi, u ż-żieda fl-allokazzjonijiet baġitarji għall-promozzjoni tal-valuri kulturali u t-tradizzjonijiet tal-komunitajiet li mhumiex fil-maġġoranza; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tittejjeb ir-rappreżentanza ekwa tal-membri tal-gruppi li mhumiex fil-maġġoranza, l-aktar fl-amministrazzjoni pubblika, fil-pulizija u fil-forzi militari, u jfaħħar il-ftehima li ntlaħqet dwar l-għażla ta' 45 abbozz ta' liġi li jistgħu jiġu adottati b'maġġoranza 'Badinter' biss;
5. Jirrimarka li l-momentum politiku mġedded dwar l-integrazzjoni Ewropea ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjahuwa frott l-impenn qawwi muri mill-forzi kollha politiċi; jilqa' b'sodisfazzjon id-djalogu regolari u intensiv li qed iwettqu l-mexxejja ta' l-erba' partiti politiċi ewlenin (VMRO-DPMNE, SDSM, DPA and DUI), li wassal għall-adozzjoni ta' numru ta' liġijiet, kif ukoll għal miżuri rilevanti għal aktar integrazzjoni fl-UE;
6. Jilqa' wkoll b'sodisfazzjon il-fatt li, b'konformità mal-Ftehima ta' Qafas Ohrid, aktar rappreżentanti tal-minoranzi etniċi qed jiġu impjegati fis-servizz pubbliku, u jittama li l-Ftehima ta' Qafas Ohrid tibqa' tkun implimentata b'mod konsistenti;
7. Ifaħħar l-impenn tal-mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin irrappreżentati fil-parlament li jkomplu jaħdmu favur il-kisba ta' progress fil-kwistjonijiet li għad fadal u li fuqhom m'hemmx qbil, bħall-użu tal-lingwi u l-pakkett soċjali għall-vittmi tal-kunflitt ta' l-2001;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li fl-2007 nkiseb progress ċar fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, kif ukoll progress sinifikanti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u tad-drogi; jistieden lill-gvern sabiex ikompli jimplimenta l-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni u r-riforma tal-ġudikatura, li jwasslu għat-tisħiħ ta' l-indipendenza u tal-kapaċità ġenerali tas-sistema ġudizzjarja;
9. Ifaħħar lill-gvern għall-progress li għamel fil-qasam ekonomiku, waqt li żamm l-istabilità makro-ekonomika; jilqa' b'sodisfazzjon il-politika tat-tassazzjoni u d-dixxiplina fiskali msaħħa li wasslu għal żieda fid-dħul baġitarju ta' l-istat; jilqa' b'sodisfazzjon it-titjib fil-klima kummerċjali u l-attivitajiet biex jitnaqqas ix-xkiel legali u amministrattiv għan-negozji li jkunu qed jibdew;
10. Jistenna b'ħerqa l-adozzjoni tal-Liġi tal-Banek il-ġdida li hija konformi ma' l-acquis ta' l-UE; jinnota l-importanza li tkun adottata liġi ġdida dwar il-Bank Nazzjonali fl-2008 biex b'hekk tissaħħaħ l-indipendenza tal-bank, kif ukoll il-kapaċitajiet amministrattivi għas-superviżjoni;
11. Huwa mħasseb dwar il-livell tal-qgħad, li għadu għoli, u jħeġġeġ lill-gvern sabiex jindirizza din il-kwistjoni; jinnota b'mod partikulari l-irħula fuq il-fruntiera mal-Kosovo, fejn soluzzjoni tal-problema tal-qgħad hija kruċjali sabiex il-popolazzjoni lokali tingħata l-opportunitajiet sabiex taqla' dħul legali;
12. Ifakkar fil-ħtieġa ta' implimentazzjoni kontinwa tal-Ftehima ta' Qafas Ohrid bħala strument għall-promozzjoni ta' bini ta' fiduċja transnazzjonali, li hija element ta' qofol għall-istabilità fir-reġjun;
13. 13 Ifakkar li l-Liġi ta' l-2005 dwar l-Użu ta' Bnadar tal-Komunità tippermetti li l-komunitajiet ta' minoranzi li jkollha l-maġġoranza f'muniċipalità jużaw il-bandieri tagħhom; jinnota b'attenzjoni li d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ta' l-24 ta' Ottubru 2007 ikkonfermat id-dritt li komunità ttajjar il-bandiera tagħha maġenb il-bandiera nazzjonali u li anke estendiet id-dritt li tittajjar bandiera etnika lill-komunitajiet etniċi kollha f'muniċipalità u affermat id-dritt li l-poplu ta' etniċità Albaniża juża l-bandiera ta' l-istat Albaniż bħala s-simbolu etniku tiegħu; jenfasizza li l-Qorti ppruvat ukoll tiċċara l-limiti ta' dan id-dritt minħabba li kkunsidrat li l-bnadar ta' l-istat u tal-komunità għandhom sinifikat differenti, u kkonkludiet li l-bnadar tal-komunitajiet ma jistgħux jittajru b'mod permanenti, pereżempju waqt żjajjar statali uffiċjali, jew fuq binjiet ta' l-istat; jistieden lill-partijiet kollha sabiex jiddiskutu din il-kwistjoni fl-ispirtu tal-Ftehima ta' Qafas Ohrid u ta' l-istandards internazzjonali;
14. Jilqa' l-azzjoni meħuda mill-gvern sabiex jieħu azzjoni malajr għar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta' Progress 2007 tal-Kummissjoni Ewropea u jadotta l-Pjan Nazzjonali rivedut għall-adozzjoni ta' l-Acquis skond il-prijoritajiet tas-Sħubija ta' Adeżjoni 2008 proposta;
15. Ifaħħar il-ħidma li qed titwettaq fl-amministrazzjoni pubblika bi tħejjija għall-proċess ta' negozjati għall-adeżjoni ma' l-UE; jistieden lill-awtoritajiet sabiex ikomplu r-riforma ta' l-amministrazzjoni pubblika sabiex jiggarantixxu d-depolitiċizzazzjoni, il-professjonalità, l-għarfien speċjalizzat u l-effiċjenza tagħha, u sabiex ma jieħdu ebda azzjoni li tista' ddgħajjef il-kapaċità amministrattiva li diġà nbniet;
16. Iqis li hija sfida komuni għall-forzi politiċi u l-komunitajiet etniċi kollha fi ħdan l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjali juru li l-pajjiż issa huwa ħieles minn kunflitti li jmorru 'l hinn mid-differenzi politiċi normali u li jitqiesu b'lenti negattiva kemm fil-pajjiż kif ukoll barra l-pajjiż, inkluż l-ibbojkottjar ta' istituzzjonijiet amministrattivi demokratiċi, u biex b'hekk juru li l-pajjiż huwa lest għall-proċess ta' integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea;
17. Jappoġġja l-inizjattiva taċ-Ċentru għad-Demokrazija u r-Rikonċiljazzjoni fix-Xlokk ta' l-Ewropa, ibbażat f'Tessalonika, u tal-Fondazzjoni Soros, li jippubblikaw kotba dwar l-istorja tal-Balkani kemm fil-lingwa Albaniża u f'dik Maċedonjana, maħsuba għall-għalliema ta' l-istorja u għall-istudenti ta' l-iskejjel sekondarji u bil-ħsieb li jinkorporaw opinjonijiet differenti dwar l-imgħoddi komuni, li jipprovdu perspettiva bilanċjata u li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni;
18. Jinnota li l-abbozz ta' liġi dwar ir-reviżjoni tal-Kodiċi Elettorali, li jipprovdi li l-parlament jitkabbar bi 13-il siġġu fl-interess kemm tar-rappreżentanza tal-minoritajiet etniċi żgħar kif ukoll tar-rappreżentanza taċ-ċittadini li jgħixu barra l-pajjiż, sar qari tiegħu fis-27 ta' Settembru 2007; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Liġi pproposta jista' jkollha l-effett li jiġi evitat l-użu tar-regola tal-maġġoranza Badinter kif maħsub fil-Ftehima ta' Qafas Ohrid; jenfasizza li huwa importanti li jiġi rrispettat il-prinċipju 'pacta sunt servanda' sabiex ikun hemm tisħiħ tal-fiduċja reċiproka; għalhekk iqis li jkun mixtieq li, bis-sehem tar-rappreżentanti Albaniżi, jintlaħaq kunsens wiesa' dwar kwalunkwe reviżjoni tal-Liġi Elettorali, u jinsab fiduċjuż li se jkun hemm aktar konsultazzjonijiet sabiex jintlaħaq dan;
19. Jittama li d-dispożizzjonijiet kollha tal-Liġi Elettorali, inkluż l-Artikolu 27 dwar il-ħatra tal-President tal-Kumitat Elettorali, se tkun rispettata b'mod sħiħ; jittama li l-koalizzjoni li qed tmexxi, se tiżgura elezzjonijiet bikrija ġusti u demokratiċi skond il-Kostituzzjoni u l-Liġi Elettorali;
20. Jiġbed l-attenzjoni għad-diskriminazzjoni persistenti kontra l-komunità Roma, l-aktar fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, tal-ħarsien soċjali, tal-kura tas-saħħa, tad-djar u ta' l-impjiegi; jittama li l-Istrateġija Nazzjonali għar-Roma tkun implimentata skond l-għanijiet mistqarra tagħha fil-ġejjieni qarib;
21. Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ tal-viżi u dwar l-ammissjoni mill-ġdid ma' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; madankollu jinnota li l-aċċess għall-pajjiżi ta' l-UE għadha problema kbira għaċ-ċittadini ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u, b'mod ġenerali, għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Punent tal-Balkani; jenfasizza li l-pajjiż għandu jkollu regoli ta' aċċess ugwali għal dawk li japplikaw fil-każ tal-Kroazja; għaldaqstant jappoġġja t-tnedija fl-20 ta' Frar 2008 mill-Kummissjoni Ewropea ta' djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viżi bil-għan li jiġi stabbilit pjan direzzjonali li fl-aħħar iwassal għal reġim ħieles mill-viżi, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri sabiex jagħmlu kull sforz biex iwasslu sabiex ir-road map għal-liberalizzazzjoni sħiħa tal-viża tkun ikkompletata u implimentata mingħajr dewmien;
22. F'dan ir-rigward, jinnota l-introduzzjoni mill-gvern ta' passaporti b'karatteristiċi ta' sigurtà bijometrika, l-istabbiliment tas-Sistema Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar il-Viżi u ċ-Ċentru għall-Viżi, l-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Amministrazzjoni Integrata tal-Fruntieri;
23. Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Liġi l-ġdida dwar l-Istatus Legali tal-Knejjes, ta' Komunitajiet Reliġjużi u ta' Gruppi Reliġjużi, li għandha tiġi applikata minn Mejju 2008, li tista' ġġib fit-tmiem, u darba għal dejjem, l-ilmenti mill-komunitajiet reliġjużi żgħar, b'mod partikulari l-komunitajiet li nibtu jew żviluppaw matul l-aħħar għexieren ta' snin minħabba l-konverżjonijiet minn missjonijiet barranin jew minħabba l-qasma minn knejjes eżistenti, minħabba li mhumiex jitħallew jibnu, ikollhom, jew jużaw bini li jservi bħala post għat-talb;
24. Jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu b'suċċess tat-tieni fażi tad-diċentralizzazzjoni fiskali ta' Lulju 2007, meta 42 minn 84 muniċipalità aderew għall-proċess u disgħa oħra ngħaqdu miegħu;
25. Jirrimarka dwar il-fatt li ttieħdu miżuri ulterjuri sabiex jippromwovu d-drittijiet tan-nisa, u speċifikament dwar l-opportunitajiet indaqs; madankollu, jinsisti, li l-ħarsien tan-nisa minn kull forma ta' vjolenza jrid jiżdied;
26. Jinnota li huwa mixtieq, skond il-Liġi dwar ix-Xandir adottata f'Novembru 2005, li titħares l-indipendenza tax-xandir pubbliku mill-entitajiet ta' l-istat, li d-diversità ta' opinjoni li teżisti tingħata l-libertà kollha u, b'dan il-mod, ma jitħalliex li midja oħra tiġi mfixkla minħabba indħil mill-gvern; iħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jiżguraw li jkun hemm konformità mill-pubbliku ma' l-istandards ta' l-UE u tal-Kunsill ta' l-Ewropa maħsuba sabiex ma jħallux li jerġa jinbet "diskors ta' mibegħda", l-aktar fil-midja, kontra stati ġirien;
27. Jinnota li l-appoġġ min-naħa waħda għal ċerti prodotti tal-midja, eż. fil-forma ta' kampanji tal-gvern u riklami minn kumpaniji sponsorjati mill-istat, iwassal għal tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-midja u għalhekk jippreġudika lil midja oħra, inklużi dawk li jikkritikaw il-gvern;
28. Jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-Liġi tal-Pulizija, bl-applikazzjoni sħiħa u effettiva tagħha li hija sfida kruċjali u tikkostitwixxi prijorità ewlenija għall-assoċjazzjoni Ewropea;
29. Jinnota li l-isforzi fir-rigward tal-ħarsien tal-kwalità ta' l-ilma għandhom jintensifikaw ruħhom fuq il-bażi tal-Liġi l-ġdida dwar l-Ilma; jirrimarka b'mod partikulari dwar il-ħtieġa kbira li titħares il-kwalità ta' l-ilma u jiġi kkontrollat it-tniġġis fix-xmara Vardar, li fiha joskula l-parti l-kbira ta' l-ilma tal-pajjiż u li tkompli ġġorr skart perikoluż fit-territorju Grieg fejn hi magħrufa bħala l-Axíos, u fl-għadajjar Ohrid, Prespa u Dojran li jinsabu fuq il-fruntiera, u jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħqu il-ftehimiet bilaterali rilevanti mal-pajjiżi ġirien ta' l-Albanija u l-Greċja, u jiġi żgurat li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tagħhom;
30. Jirrikonoxxi li l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Immaniġġjar ta' l-Iskart wasslet għal xi titjib fl-immaniġġjar ta' l-asbestos, fil-ġbir ta' l-iskart u fl-iskart tal-polychlorinated biphenyl u ta' materja prima;
31. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-attitudni lejn l-ambjent b'mod ġenerali jeħtieġ li titjieb, u jappella lill-awtoritajiet ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex iġibu l-leġiżlazzjoni ambjentali tagħha konformi ma' l-istandards aċċettati ta' l-UE;
32. Jinnota li fis-7 ta' Novembru 2007 seħħet operazzjoni kbira tal-pulizija madwar il-villaġġ ta' Brodec, fit-Tramuntana ta' Tetovo, bil-għan li jinqabdu għadd ta' persuni allegatament kriminali, li minnhom sitt membri ta' l-hekk imsejħa "Brodec-gang" inqatlu matulha u 13-il individwu ieħor mill-villaġġ ġew arrestati mill-Ministeru ta' l-Intern; jinnota li fi Brodec instabu armi tan-nar ħfief u tqal li kienu jinkludu machine guns tqal u missili kontra inġenji ta' l-ajru; jiġbed l-attenzjoni li, skond il-Missjoni ta' Sorveljanza ta' l-UE u ta' l-OSCE, l-operazzjoni saret b'mod professjonali u effettiv bla ma ndarbu pulizija jew ċivili; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-gvern iddikjara pubblikament li se jerġa' jibni l-moskea u infrastruttura oħra li saritilha ħsara; jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar xi rapporti li d-detenuti kienu suġġetti għal trattament ħażin meta ġew arrestati; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Ombudsman biex jinvestiga dak li ġara bir-reqqa u jenfasizza li kwalunkwe dubju marbut ma' l-operazzjoni tal-pulizija fi Brodec għandu jiġi ttrattat b'mod miftuħ, trasparenti u legalment konsistenti;
33. Ifaħħar il-progress li sar fil-qasam tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iżda jenfasizza li jinħtieġu sforzi akbar biex ikun żgurat l-infurzar tal-leġiżlazzjoni adottata;
34. Jilqa' b'sodisfazzjon is-sehem attiv ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjafil-Proċess ta' Koperazzjoni tax-Xlokk ta' l-Ewropa u l-kontribut tagħha għat-twaqqif tal-Kunsill għall-Koperazzjoni Reġjonali; bl-istess mod jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni kostruttiva tagħha dwar l-istatus tal-Kosovo; madankollu jesprimi tħassib dwar id-dewmien fid-demarkazzjoni teknika tal-fruntiera mal-Kosovo u jqis li l-kwistjoni għandha timxi kif previst fil-proposta mressqa mis-Sur Ahtisaari, l-ex Mibgħut Speċjali tan-NU fil-proċess ta' l-istatus tal-Kosovo; jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni attiva mal-Kosovo fi kwistjonijiet ta' kummerċ, dwana u koperazzjoni tal-pulizija u l-fatt li, fl-istess ħin, qed jinżammu relazzjonijiet tajba mal-ġirien tas-Serbja; jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles ma' dawk iż-żewġ ġirien, u jirrakkomanda politika simili fir-relazzjonijiet ma' l-Albanija, mal-Bulgarija u mal-Greċja, speċjalment fil-qasam tat-trasport u t-telekomunikazzjoni;
35. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut li l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tat lill-missjoni Althea ta' l-UE fil-Bożnja Ħerżegovina, jirrikonoxxi l-irwol tagħha fir-rigward ta' l-istabiltà reġjonali, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-pajjiż u lill-familji tal-11-il membru taż-żamma tal-paċi li mietu traġikament meta ġġarraf ħelikopter militari li kien jappartjeni għall-ex-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja fit-12 ta' Jannar 2008;
36. Jiddispjaċih dwar l-iffirmar u r-ratifika mill-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjatal-Ftehima ta' l-Immunità Bilaterali ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Unit, li teżenta liċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż milli jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) fl-Aja; jenfasizza li danl-att imur kontra l-istandards u l-politiki ta' l-UE li huma kollha mmirati sabiex jappoġġjaw il-Qorti Kriminali Internazzjonali kif kontra l-priċipji ta' gwida ta' l-UE dwar il-ftehimiet ta' immunità bilaterali jistieden lill-gvern u l-parlament ta' l-ex-Repubblika Yugoslava tal-Maċedonja sabiex jagħmlu mod li l-leġiżlazzjoni tagħhom tkun konformi mal-prinċipji u ma' l-istandards ta' l-Istati Membri ta' l-UE;
37. Jinnota li jinħtieġ aktar investiment fl-iżvilupp tar-rabtiet infrastrutturali tal-pajjiż mal-ġirien tiegħu, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-istabiltà ekonomika tar-reġjun kollu kemm hu, u jistieden lill-Gvern biex ilesti malajr il-kollegament ferrovjarju li għad jonqos bejn Skopje u Sofija;
38. Jieħu nota tax-xoljiment tal-parlament tal-11 ta" April 2008 u tas-sejħa ta" elezzjoni bikrija f'Ġunju 2008, u jesprimi t-tama li l-awtoritajiet se jagħmlu l-almu tagħhom biex jimminimizzaw kwalunkwe dewmien possibbli fil-preparazzjonijiet meħtieġa li għandhom iwasslu għall-ftuħ ta" taħditiet dwar l-adeżjoni qabel tmiem l-2008;
39. Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda tal-koperazzjoni bilaterali, kif ukoll tal-kuntatti bejn in-nies, bejn l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjau l-Greċja; jinnota b'sodisfazzjon li minn meta ġiet adottata r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Lulju 2007 tal-Parlament imsemmija hawn fuq, saru xi taħditiet bilaterali fir-reġjun, taħt l-awspiċju tan-Nazzjonijiet Uniti u assistiti mill-Mibgħut Speċjali Matthew Nimitz, bil-għan li tinsab soluzzjoni aċċettabbli għat-tnejn rigward id-differenza li nħolqot dwar l-isem tal-pajjiż; jinnota ż-żieda fid-dinamiċi tan-negozjati jistieden liż-żewġ naħat biex jaħtfu l-opportunità biex ikomplu n-negozjati minnufih fid-dawl tal-progress importanti li sar riċentement u biex isibu soluzzjoni ta" kompromess, sabiex il-kwistjoni ma tibqax tirrappreżenta ostaklu għas-sħubija ta' l-pajjiż bl-isem FYROM f'organizzazzjonijiet internazzjonali, kif stipulat fil-Ftehima Interim ta' l-1995, li għada fis-seħħ;
40. Ifakkar fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' l-10 ta' Diċembru 2007, u jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali, ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien u l-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet aċċettabbli għaż-żewġ naħat għall-kwistjonijiet mhux solvuti fil-proċess ta' avviċinament lejn l-UE;
41. Jappoġġja l-isforzi tal-gvern ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjabiex jistabbilixxi kumitati konġunti dwar l-edukazzjoni u l-istorja ma' l-Istati Membri ġirien ta' l-UE bil-għan li jkunu riveduti d-diskrepanzi u l-miżinterpretazzjonijiet ta' l-istorja li jista' jkun hemm u li jistgħu jwasslu għal nuqqas ta' ftehim u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jippromwovu ċ-ċelebrazzjoni konġunta tal-wirt kulturali u storiku komuni ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjamal-ġirien tagħha;
42. Jirrimarka li għalkemm il-pajjiż għamel progress sinifikanti mill-2005 meta ngħata status ta' kandidat, mit-tliet pajjiżi kandidati huwa l-uniku pajjiż li miegħu s'issa għad ma saru l-ebda negozjati ta' adeżjoni; iqis li jkun mixtieq li din is-sitwazzjoni ta' eċċezzjoni tinġieb fit-tmiem; jistieden lill-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjabiex tiżgura li r-riformi neċessarji kollha jitwettqu; Jirreferi għal-lista ta" parametri li l-Kummissjoni fasslet, abbażi tal-prijoritajiet ewlenin tas-Sħubija fl-Adeżjoni, u jittama li meta dawn jintlaħqu mill-pajjiż, iwasslu għall-bidu tan-negozjati ta' adeżjoni sa tmiem l-2008, li jwassal sabiex tittejjeb aktar l-istabbilità u jissaħħu l-prospetti Ewropej għall-Balkani tal-Punent; jitlob lill-Kunsill biex jevalwa, fis-sammit li jmiss, il-progress li sar s'issa, u jekk ikun possibbli, biex jiddeċiedi dwar data għal bidu tan-negozjati għall-adeżjoni;
43. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tħejjijiet mill-gvern għall-implimentazzjoni ta' l-Istrument ta" Qabel l-Adeżjoni (IPA) li ffaċilitaw l-iffirmar ta' Ftehima ta' Finanzjament għall-IPA 2007 u l-Ftehima ta' Qafas għall-2007-2013; itenni l-importanza ta' l-IPA għat-tħejjija għal sħubija ma' l-UE fil-ġejjieni; jistieden kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Kummissjoni biex iħaffu x-xogħol ta' tħejjija biex tkun possibbli l-implimentazzjoni bikrija ta' sistema deċentralizzata għall-immaniġġjar ta' l-IPA sabiex jinħolqu iktar effiċjenza u sjieda lokali tal-proċess;
44. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Parlament ta' l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.