Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' April 2008 dwar iż-Żimbabwe
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar iż-Zimbabwe tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2004(1), tas-7 ta' Lulju 2005(2), tas-7 ta' Settembru 2006(3) u tas-26 ta' April 2007(4),
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/135/PESK tat-18 ta' Frar 2008(5), li ġeddet sa l-20 ta' Frar 2009 l-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe, imposti skond il-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK,
– wara li kkunsidra s-Samit ta' Emerġenza tal-Komunita' għall-Iżvilupp ta' l-Afrika t'Isfel (SADC) tat-12 ta' April 2008 f'Lusaka,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-elezzjonijiet għall-Kamra ta' l-Assemblea taż-Żimbabwe, għas-Senat taż-Żimbabwe, għall-Presidenza, u għall-organi tal-gvern lokali seħħew fid-29 ta' Marzu 2008,
B. billi r-riżultati ta' l-elezzjonijiet presidenzjali għad iridu jkunu magħrufa, u r-riżultati ta' l-elezzjonijiet għall-Parlament taż-Żimbabwe għad iridu jitħabbru uffiċjalment,
C. billi fl-14 ta' April 2008 il-Qorti Suprema taż-Żimbabwe rrifjutat talba urġenti mill-grupp t'oppożizzjoni "Moviment għal Bidla Demokratika" sabiex il-Kummissjoni Elettorali taż-Żimbabwe tħabbar ir-riżultati ta' l-elezzjonijiet presidenzjali,
D. billi fit-12 ta' April 2008 il-Kummissjoni Elettorali taż-Żimbabwe ħabbret li kienet se tirripeti l-għadd tal-voti fi 23 kostitwenza ta' l-elezzjonijiet presidenzjali li fihom ir-riżultat kien ġie kkontestat mill-partit fil-gvern, iż-Zanu-PF,
E. billi fl-okkażjoni tas-Samit ta' l-SADC f'Lusaka msemmi hawn fuq, is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon appella sabiex jinħarġu mill-aktar fis ir-riżultati ta' l-elezzjonijiet presidenzjali, filwaqt li wissa li l-kunċett innifsu tad-demokrazija fl-Afrika qiegħed f'riskju,
F. billi l-Komunità għall-Iżvilupp ta' l-Afrika t' Isfel (SADC) talbet li r-riżultati ta' l-elezzjonijiet jiġu vverifikati u maħruġa b'ħeffa, skond il-proċeduri xierqa tal-liġi,
G. billi r-reġim għal darb'oħra rreaġixxa bi vjolenza kontra l-oppożizzjoni,
1. Jinsisti li x-xewqat demokratiċi tal-poplu taż-Żimbabwe jkunu rrispettati; iħeġġeġ lil dawk kollha li jixtiequ jieħdu sehem fil-ġejjieni taż-Żimbabwe sabiex jikkoperaw mal-forzi tal-bidla demokratika;
2. Jistieden lill-Kummissjoni Elettorali taż-Żimbabwe sabiex minnufih tippubblika r-riżultati oriġinali ta' l-elezzjonijiet, peress li d-dewmien qed jikkawża ansjetà u spekulazzjoni li tolqot ħażin lill-paċi, lill-istabilità politika u lill-prospetti demokratiċi taż-Żimbabwe;
3. Ifaħħar il-ħidma kbira tan-Network ta' Appoġġ Elettorali taż-Żimbabwe, organizzazzjoni non-governattiva, li bagħtu eluf ta' osservaturi madwar il-pajjiż u talli ppubblikaw l-istimi tagħhom tar-riżultati elettorali;
4. Jinkuraġġixxi bil-qawwa lill-Gvern taż-Żimbabwe biex jirrispetta l-impenji tiegħu stess lejn il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt bħala firmatarju tat-Trattat SADC u tal-Protokolli relattivi, ta' l-Att Kostituttiv ta' l-UA, tal-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u tas-Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp ta' l-Afrika;
5. Ifaħħar lill-SADC talli laqqgħet is-Samit ta' Emerġenza tat-12 ta' April 2008 u japprezza l-kommunikazzjoni maħruġa mill-mexxejja tas-samit li fiha huma jappellaw għall-pubblikazzjoni ta' malajr tar-riżultati ta' l-elezzjonijiet presidenzjali;
6. Japprezza l-fatt li l-Kungress Nazzjonali Afrikan, il-partit fil-gvern fl-Afrika t'Isfel, riċentement irrikonoxxa li ż-Żimbabwe issa jinsab fi 'stat ta' kriżi' u għandu fiduċja li dan se jwassal għal azzjoni pożittiva;
7. Jappella b'urġenza lill-Unjoni Afrikana sabiex tuża l-pożizzjoni influwenti tagħha sabiex tasal għal soluzzjoni malajr u pożittiva għall-kriżi taż-Żimbabwe;
8. Jikkundanna bis-saħħa l-vjolenza politika u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem immirati kontra l-partitarji tal-partiti ta' l-oppożizzjoni, li seħħew wara l-elezzjonijiet;
9. Jikkundanna l-arrest ta' kważi tnax-il ġurnalist barrani fl-aħħar ġimgħat u jappella sabiex minnufih jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà ta' l-istampa u ta' assemblea, u sabiex jingħata aċċess bla xkiel lill-aġenziji ta' l-aħbarijiet barranin fiż-Żimbabwe; jappella wkoll għall-ħelsien immedjat ta' 36 ċittadin arrestati waqt protesta paċifika kontra d-dewmien fit-tħabbir tar-riżultati elettorali;
10. Ifaħħar lill-ħaddiema tal-port ta' l-Afrika t'Isfel talli rrifjutaw li jħottu armi mill-vapur tal-merkanzija Ċiniż An Yue Jiang, li kienu ddestinati għall-forzi tas-sigurtà taż-Żimbabwe; jappella lill-pajjiżi kolla ta' l-SADC sabiex ma jħallux li t-tgħabija tal-vapur An Yue Jiang tinħatt f'xi wieħed mill-portijiet tagħhom;
11. Jistieden lill-Gvern Ċiniż sabiex iwaqqaf l-esportazzjonijiet ta' armi lejn iż-Żimbabwe u biex jordna li l-An Yue Jiang imur lura minnufih lejn l-ibħra Ċiniżi;
12. Jistieden lill-Kunsill sabiex jiżgura li l-Istati Membri kollha japplikaw miżuri restrittivi b'mod rigoruż;
13. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iħaffu t-tħejjija tal-pakkett ta' miżuri, inkluża għajnuna ekonomika urġenti, li għandhom jidħlu fis-seħħ hekk kif isseħħ il-bidla demokratika fiż-Żimbabwe, u biex tikkoordina dawn il-miżuri mal-komunità internazzjonali aktar wiesgħa;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-G8, lill-gvernijiet u lill-parlamenti taż-Żimbabwe u ta' l-Afrika t'Isfel, lis-Segretarju-Ġenerali tal-Commonwealth, lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, liċ-Chairpersons tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, u lis-Segretarju-Ġenerali u l-gvernijiet tal-Komunita' għall-Iżvilupp ta' l-Afrika t'Isfel.