Kontroll ta' l-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (2005)
322k
88k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar it-23 Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll ta' l-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (2005) (2006/2271(INI))
– wara li kkunsidra t-23 Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll ta' l-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja (COM(2006)0416),
– wara li kkunsidra d-dokumenti ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni (SEC(2006)0999 u SEC(2006)1005,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Ewropa ta' riżultati ‐ l-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja" (COM(2007)0502),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 112(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0462/2007),
A. Billi l-effettività tal-politika ta' l-UE hija ddeterminata ħafna mill-implimentazzjoni tagħha fuq il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali; billi l-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja min-naħa ta' l-Istati Membri għandha tkun ikkontrollata b'mod rigoruż sabiex ikun żgurat li jkollha l-effetti pożittivi mixtieqa fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini,
B. Billi n-numru ta' lmenti marbuta ma' ksur tal-liġi Komunitarja juri li ċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom rwol vitali fl-applikazzjoni tagħha, u li l-kapaċità ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-UE li jindirizzaw it-tħassib taċ-ċittadini hija importanti għall-kredibilità ta' l-Unjoni Ewropea,
C. Billi l-Kummissjoni tista' taddatta l-mezzi li tuża biex twettaq il-missjoni tagħha b'mod effettiv u tagħmel innovazzjonijiet iddisinjati biex itejbu l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja,
Ir-Rapport Annwali ta' l-2005 u s-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament
1. Jinnota li n-numru totali ta' proċeduri relatati ma' ksur mibdija mill-Kummissjoni, kellu t-tendenza li jiżdied f'dawn l-aħħar snin u laħaq l-2,709 każi identifikati ta' ksur fl-2003 (għall-UE 15); jinnota wkoll li n-numru ta' każi ta' ksur identifikati naqas drastikament fl-2004 (b'563) u reġa' żdied fl-2005, għalkemm għal livell aktar baxx minn dak ta' l-2003: 2,653 każijiet ta' ksur irreġistrati (għall-UE 25);
2. Għaldaqstant , jinnota li s-sħubija ta' għaxar Stati Membri jidher li ma kelliex impatt fuq in-numru ta' każijiet ta' ksur irreġistrati, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tati spjegazzjoni ċara u ftit serħan il-moħħ lill-Parlament li dan mhux kaġun ta' nuqqas ta' reġistrazzjoni ta' lmenti u/jew nuqqas ta' riżorsi interni fil-Kummissjoni biex jiġu trattati każijiet ta' ksur u/jew ta' xi deċiżjoni politika biex wieħed jagħlaq għajnejh ma' dawk l-Istati Membri;
3. Jilqa' l-ħeġġa ta' ħafna mid-Direttorati Ġenerali biex jipprovdu informazzjoni dwar ir-riżorsi allokati għall-każijiet ta' ksur, fil-qasam rispettivi tagħhom kif ukoll dwar l-istat tal-proċeduri relatati ma' ksur; jinnota li kull Direttorat Ġenerali għandu l-mod tiegħu ta' kif jittratta l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja u l-allokazzjoni ta' riżorsi u li ma hemmx mod ġenerali jew evalwazzjoni pubblika ġenerali tal-mod ta' kif jaħdmu dawn il-metodi differenti;
4. Jimpenja ruħu li jappoġġa l-Kummissjoni permezz ta' approprjazzjonijiet tal-Baġit għal żieda ta' riżorsi, kif mitlub minn ħafna mid-Direttorati Ġenerali kkonċernati;
5. Jilqa' l-fatt li uħud mid-Direttorati Ġenerali żviluppaw mekkaniżmi speċjali biex jissupplimentaw l-użu ta' proċeduri relatati ma' ksur bil-għan li jiksbu kontroll u konsolidazzjoni effettiva ta' l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja; jinnota li, fil-qafas regolatorju ta' l-2002 dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi, ġiet stabbilita n-notifika ta' proċeduri rigward abbozz ta' miżuri leġiżlattivi nazzjonali, li tippermetti kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi żmien qasir; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-applikazzjoni sistematika ta' dan il-mekkaniżmu ta' prevenzjoni, f'setturi oħra;
6. Jikkunsidra li għandu jkun inkoraġġut il-qsim ta' l-aħjar prattiċi bejn l-Istati Membri, eżempju taħt forma ta' gruppi ta' laqgħat u traspożizzjoni ta' gruppi ta' ħidma organizzati mill-Kummissjoni sabiex l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja tkun iffaċilitata; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra mezzi ta' kif il-Parlament ikun involut f'tali proċessi;
7. Jilqa' l-isforzi magħmula minn uħud mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni – u b'mod notevoli d-DG Ambjent – biex itejbu l-kontrolli ta' konformità mad-direttivi relevanti, imma mhix sodisfatta bit-tweġiba tal-Kummissjoni rigward il-kunfidenzjalità ta' l-istudji ta' konformità; jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni sabiex tippubblika fuq il-websajt tagħha, l-istudji mitluba mid-Direttorati Ġenerali varji dwar l-evalwazzjoni tal-konformità ta' miżuri nazzjonali ta' implimentazzjoni mal-leġiżlazzjoni Komunitarja;
8. Jilqa' l-inklużjoni għall-ewwel darba ta' trattament speċifiku u dettaljat ta' ksur tal-liġi relatat mal-petizzjonijiet fir-Rapport Annwali u l-annessi relatati tiegħu;
9. Iħeġġeġ il-prattika li jintbagħtu missjonijiet għat-tiftix tal-fatti fi Stati Membri varji biex jiġu investigati kwistjonijiet li jintefa dawl fuqhom minn dawk li jagħmlu l-petizzjoni; jikkunsidra dan bħala mezz pragmatiku biex jissolvew il-problemi b'mod dirett ma' l-Istati Membri fl-interessi taċ-ċittadini; jemmen li missjonijiet bħal dawn huma kollha iżjed u iżjed neċessarji fid-dawl tan-nuqqas tas-setgħat ta' "spezzjoni" tal-Kummissjoni biex tivverifika l-implimentazzjoni prattika tal-liġi tal-KE, per eżempju fil-qasam ta' l-ambjent;
10. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni bħala regola biex tinkludi s-sommarji taċ-ċittadini jew tal-popli fil-proposti leġiżlattivi futuri u jitlob għal eżempji konkreti ta' sommarji bħal dawn kif ukoll bħala kjarifika li jifformaw parti integrali mill-att legali kkonċernat, kif mitlub fil-paragrafu 19 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Mejju 2006 dwar il-21 u t-22 Rapporti Annwali dwar il-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja (2003 u 2004)(1);
11. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tkun aktar proattiva fil-kontroll ta' avvenimenti nazzjonali li jistgħu jikxfu ksur tal-liġi Komunitarja; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel użu iżjed intensiv ta' l-Uffiċċji ta' Rappreżentazzjoni sabiex jiġi evitat jew irranġat ksur fil-liġi;
12. Jistieden lill-Istati Membri sabiex iħarsu lil hinn mit-traspożizzjoni formali u pura tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u jevitaw, sa fejn hu possibbli, it-traspożizzjoni frammentata ta' Direttivi bil-għan li l-leġiżlazzjoni tkun aktar sempliċi u trasparenti;
13. Jilqa' l-fatt li, fil-Komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq bl-isem ta' "Ewropa ta' riżultati - L-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja", il-Kummissjoni indirizzat uħud mill-kwistjonijiet prinċipali ta' politika mqajma fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Mejju 2006 imsemmija aktar 'l fuq; madankollu, jinnota li xi kwistjonijiet importanti għadhom pendenti u ma twiġbux sew, partikularment dawk li jirrigwardaw ir-riżorsi allokati għat-trattament ta' każijiet ta' ksur, it-tul ta' proċedura relatata ma' ksur u l-użu limitat ħafna ta' l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, u l-evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni ta' kriterji ta' prijorità; jistaqsi lill-Kummissjoni biex tagħti tweġiba għal dawn il-kwistjonijiet importanti sa Mejju 2008;
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-2007 dwar "Ewropa ta' riżultati – L-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja"
14. Jilqa' l-fatt li, fil-Komunikazzjoni tagħha msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tagħti valur u tikkunsidra kif xieraq il-kwistjoni ta' l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja;
15. Jinnota li l-eżami ta' petizzjonijiet kixef dak li jidher bħala dgħufija strutturali fl-implimentazzjoni ta' normi varji tal-liġi Komunitarja mill-Istati Membri; huwa ta' l-opinjoni li l-konsistenza u l-koerenza tal-liġi Komunitarja tirrikjedi li l-ksur fil-liġi tal-Komunità jitressaq b'mod konsistenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għall-inqas għal każijiet importanti mil-lat nazzjonali li joħolqu preċedent għall-ġurisprudenza nazzjonali u l-prattika futura; huwa ta' l-opinjoni li konsistenza mill-Kummissjoni f'dan ir-rigward tista' tnaqqas b'mod sinifikanti l-bżonn sussegwenti taċ-ċittadini li jilmentaw mal-Kummissjoni u li jagħmlu petizzjonijiet lill-Parlament dwar kwistjonijiet analogi;
16. Jinnota li l-ostakli prinċipali għall-effettività tal-proċeduri relatati ma' ksur (Artikoli 226 u 228 tat-Trattat KE) jibqa' t-tul tagħhom u r-rikors limitat għall-Artikolu 228; jinsisti li l-limiti ta' żmien proposti mill-Kummissjoni rigward in-nuqqas ta' komunikazzjoni ta' miżuri ta' traspożizzjoni (mhux aktar minn 12-il xahar mid-data ta' l-ittra ta' avviż formali sat-tmiem tal-każ jew sa meta jinstema' fil-Qorti tal-Ġustizzja) u fir-rigward ta' proċeduri biex tkun żgurata l-konfomità ma' sentenza preċedenti tal-Qorti (bejn 12 u 24 xahar) ma jista' fl-ebda każ ikun itwal u, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni sabiex, f'dawk il-limiti ta' żmien, twettaq monitoraġġ perjodiku tal-progress tal-proċeduri relatati ma' ksur u tinforma ċ-ċittadini kkonċernati;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex tkun aktar soda fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 228 tat-Trattat biex tiżgura li jkun hemm konformità mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja;
18. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timmodifika il-metodi attwali ta' ħidma bil-għan li tagħti prijorità u tħaffef l-immaniġġjar u l-ġestjoni ta' proċeduri eżistenti kif ukoll biex timpenja u tinvolvi b'mod formali lill-Istati Membri; jinnota li, skond il-metodu ta' ħidma l-ġdid, mistoqsijiet u lmenti li jaslu għand il-Kummissjoni se jkunu direttament mgħoddija lill-Istat Membru kkonċernat "fejn kwistjoni titlob kjarifika tal-pożizzjoni fattwali jew legali fl-Istat Membru. (...) L-Istat Membru jingħata skadenza qasira biex jipprovdi l-kjarifiki neċessarji, l-informazzjoni u s-soluzzjonijiet direttament liċ-ċittadini jew lin-negozju kkonċernat u jinforma lill-Kummissjoni"(2);
19. Josserva li spiss il-Kummissjoni hija l-uniku korp li baqa' fejn iċ-ċittadini jistgħu jagħmlu rapport ta' nuqqas ta' applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja; jinsab għalhekk imħasseb ħafna li, billi ssir referenza lill-Istat Membru kkonċernat (li huwa responsabbli għall-applikazzjoni ħażina tal-Liġi Komunitarja), hemm ir-riskju li l-metodu ta' ħidma l-ġdid idgħajjef lill-Kummissjoni mir-responsabbiltà istituzzjonali tagħha li tiżgura l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja bħala "l-gwardjan tat-Trattat" skond l-Artikolu 211 tat-Trattat KE; josserva li spiss il-Kummissjoni hija l-uniku korp li baqa' fejn iċ-ċittadini jistgħu jagħmlu rapport ta' nuqqas ta' applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja;
20. Jinnota li l-Kummissjoni tiddikjara li l-metodu ta' ħidma l-ġdid m'huwiex sostitut għall-proċedura fil-każ ta' ksur u li tikkommetti ruħha li tapplikah biss fil-fażi ta' qabel il-każ ta' ksur, skond skeda preċiża u skadenzi stretti;
21. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-garanziji proċedurali eżistenti mogħtija lil min jagħmel l-ilment ma jkunux affettwati mill-metodu l-ġdid u jfakkar lill-Kummissjoni li, skond id-deċiżjonijiet ta' l-Ombudsman Ewropew, in-nuqqas ta' reġistrazzjoni ta' lment jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina; jirrimarka li, għal dan l-iskop, ilment għandu jinftiehem li jkun kull biċċa korrispondenza li tista' tiżvela xi ksur tal-Liġi Komunitarja jew li tiġi kkategorizzata b'mod jew ieħor bħala lment;
22. Jisħaq fuq l-importanza li l-Kummissjoni żżomm lil min jagħmel l-ilment mgħarraf bis-sustanza tal-korrispondenza kollha ma' l-Istati Membri dwar l-ilment tiegħu matul il-proċedura kollha u b'mod speċjali fil-fażi ta' qabel il-każ ta' ksur jekk ikun applikat il-metodu l-ġdid;
23. Jikkunsidra li s-sospensjoni ta' xi partijiet mill-Manwal tal-Proċeduri attwali intern tal-Kummissjoni hi diskutibbli, billi mhux l-Istati Membri kollha u mhux is-setturi kollha huma mdaħħla fil-proġett pilota u l-metodu l-ġdid għadu mhux qiegħed jaħdem għal kollox; iqis li dan jista' jwassal għal taħwid kemm intern kif ukoll għaċ-ċittadini dwar liema proċeduri jiġu applikati, l-aktar rigward każijiet ta' ksur simili li jsiru fi Stati Membri differenti; jitlob li jingħatalu aċċess għall-Manwal tal-Proċeduri intern;
24. Jaqbel dwar l-importanza li jkunu allokati riżorsi għall-evalwazzjonijiet ta' konformità, imma jinsisti li għandhom jiġu ddedikati aktar riżorsi umani biex jittrattaw il-każijiet ta' ksur; huwa mħasseb b'mod partikulari li t-tnaqqis fl-għadd ta' każijiet ta' ksur wara t-tkabbir jista' jirriżulta min-nuqqas ta' mezzi għas-segwitu b'mod xieraq ta' l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tgħaddi lill-Parlament informazzjoni speċifika dwar l-għadd ta' postijiet tax-xogħol u l-volum ta' riżorsi li se jkunu ddedikati b'mod speċifiku fil-baġit ta' l-2008 biex jittrattaw il-każijiet ta' ksur;
25. Jilqa' s-suġġeriment tal-Kummissjoni li l-metodu ta' ħidma l-ġdid ikun ittestjat permezz ta' eżerċizzju pilota; jesprimi tħassib, madankollu, li jista' jkun hemm xi inkonsistenzi u taħwid bejn dawk l-Istati Membri li jinsabu fil-proġett pilota u dawk li m'humiex, billi s-sospensjoni tal-proċedura interna bl-effett tad-dħul tal-metodu ta' ħidma l-ġdid tapplika għall-każijiet kollha;;
26. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiffoka l-eżerċizzju pilota propost f'dawk l-Istati Mebri fejn l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja għadha problematika bħala riżultat ta' nuqqas ta' koperazzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali, speċjalment fuq il-livell reġjonali u lokali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex permezz ta' l-eżerċizzju pilota tivverifika jekk u jekk ikun il-każ fejn hemm bżonn ta' aktar riżorsi fil-Kummissjoni sabiex tkun tista' tittratta u timmaniġġja l-ilmenti wara li jibda jopera l-metodu l-ġdid ta' ħidma;
27. Peress li l-petizzjonijiet u l-ilmenti miċ-ċittadini u n-negozji jiffaċilitaw is-sejba ta' numru sostanzjali ħafna ta' ksur, u sabiex tkun evitata l-konfużjoni fl-ikkuntattar ta' ħafna korpi għas-soluzzjoni tal-problemi, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-possibilità li jkun hemm tabelli ċari jew il-ħolqien ta' sistema ta' waqfa waħda (one-stop-shop) għall-assistenza taċ-ċittadini;
28. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni sabiex "tintroduċi deċiżjonijiet aktar frekwenti għal ħafna mill-passi ta' proċedura sabiex jitħaffef il-progress"; jinnota li l-Kummissjoni torganizza erba' laqgħat formali kull sena biex tiddeċiedi dwar il-proċeduri relatati ma' ksur, u jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jkun hemm deċiżjonijiet aktar spissi dwar ksur; jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma ddefinitx miżuri politiki u ta' organizzazzjoni aktar b'saħħithom biex ikunu trattati dawn l-impenji l-ġodda;
29. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrispettatx l-impenn tagħha, imħabbar fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-2002 dwar "Kontroll aħjar ta' l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja", li "l-applikazzjoni tal-kriterji ta' prijorità se jkunu evalwati kull sena, meta jiġi diskuss ir-rapport dwar il-kontroll ta' l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja"(3); jilqa' l-impenn ġdid tagħha biex "tiddeskrivi u tispjega l-azzjonijiet tagħha dwar dawn il-prijoritajiet fir-rapporti annwali tagħha, mill-2008"(4);
30. Jinnota li l-Parlament kompla jirċievi petizzjonijiet li jallegaw ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem u fundamentali tar-rikkorrent min-naħa ta' l-Istati Membri u jiddispjaċih ħafna li l-kriterji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-libertajiet fundamentali li jinsabu fil-liġi Komunitarja sustantiva għebu mil-lista l-ġdida tal-kriterji ta' prijorità; ifakkar li t-Trattat KE jagħti lill-Parlament is-setgħa li jibda' l-proċedura stipulata fl-Artikolu 7(1) tat-Trattat;
31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tapplika b'mod estensiv il-prinċipju li kull korrispondenza li tista' twassal għal rappurtar ta' ksur veru tal-liġi Komunitarja għandha tkun irreġistrata bħala lment, sakemm ma taqax taħt waħda miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fil-punt 3 ta' l-Anness tal-Komunikazzjoni dwar "ir-Relazzjonijiet ma' min ressaq l-ilment fir-rigward ta' ksur tal-liġi Komunitarja"(5); jinnota li l-Ombudsman Ewropew riċentement sab li l-Kummissjoni kienet responsabbli għal "amministrazzjoni ħażina" għax ma rreġistratx ilment skond dik il-Komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinforma u tikkonsulta mal-Parlament dwar kwalunkwe bdil fil-kriterji eċċezzjonali li jippermettu li ma jkunx hemm reġistrazzjoni;
32. Iħeġġeġ lis-servizzi kollha tal-Kummissjoni sabiex iżżommu infurmati dejjem lill-persuni li ressqu l-ilment dwar il-progress tal-każ tagħhom fl-aħħar ta' kull skadenza stabbiltia minn qabel (ittra ta' avviż formali, opinjoni ġustifikata, referenza f'Qorti), biex jipprovdu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom skond il-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-2002;
33. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni biex tiżgura l-aċċess liberu għad-database elettronika tagħha u jagħmillha kuraġġ biex taġixxi favur dak l-impenn mill-aktar fis possibbli;
34. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni fil-qosor dwar l-istadji kollha tal-proċeduri relatati ma' ksur, mill-ittra ta' avviż formali sa kull progress ieħor; jikkunsidra li, fl-interessi tat-trasparenza u l-applikazzjoni aħjar tal-liġi nazzjonali fil-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli l-kontenut u d-dewmien tal-kuntratti ma' l-Istati Membri ladarba l-kwistjonijiet rilevanti m'għadhomx qed jiġu investigati;
35. Jilqa' l-pubblikazzjoni li ġejja mill-Kummissjoni ta' dokument spjegattiv dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar klejms għal dannu li jirriżulta mill-ksur ta' drittijiet skond il-liġi Komunitarja; ikompli jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tinvestiga l-possibilità li taġixxi bħala amicus curiae f'każijiet ta' dannu relevanti quddiem il-qrati nazzjonali, bi qbil mal-liġi proċedurali nazzjonali, kif diġà huwa l-każ f'litigazzjoni domestika li tinvolvi kwistjonijiet ta' liġi tal-kompetizzjoni tal-KE(6);
L-irwol tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali fl-applikazzjoni tal-liġi ta' l-UE
36. Jikkunsidra li l-kumitati permanenti tal-Parlament għandhom jieħdu rwol aktar attiv fil-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom, u għal dak il-għan, għandhom jirċievu appoġġ u informazzjoni regolari mill-Kummissjoni; jissuġġerixxi li, fejn possibbli, ir-Rapporteur tal-Parlament dwar fajl partikulari jew is-suċċessur appuntat tiegħu għandu jkollhom rwol ċentrali u kontinwu fir-reviżjoni bla waqfien tal-konformità ta' l-Istati Membri mal-liġi Komunitarja; jinnota li sessjonijiet regolari dwar l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja organizzati mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-ikel huma prattika li għandha tintuża wkoll fil-kumitati kollha tal-Parlament u li l-Kummissjoni għandha tkun involuta b'mod sistematiku;
37. Madankollu jinnota li n-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni preċiża dwar il-kwistjonijiet fejn ġa bdew proċeduri relatati ma' ksur inaqqas l-interess pubbliku fi, u l-effettività ta' dawn is-sessjonijiet; jistieden lill-kumitati tal-Parlament sabiex jaħsbu, fejn xieraq, li jinkludu rappreżentanti ta' l-Istati Membri rilevanti jew tal-Kunsill fil-lista tal-mistiednin għas-sessjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja;
38. Jemmen li l-Kumitati tal-Parlament (inkluż il-Kumitat għall-Petizzjonijiet) għandhom jingħataw biżżejjed appoġġ amministrattiv biex iwettqu l-missjoni tagħhom b'mod effettiv; jitlob lill-Grupp ta' Ħidma dwar ir-riforma Parlamentari, lill-Kumitat għall-Baġit u korpi Parlamentari rilevanti oħra sabiex iressqu proposti konkreti dwar inter alia l-irwol li għaddej u li diġà ssemma' tar-Rapporteurs u jevalwaw il-fattibilita ta' grupp speċifiku ta' esperti fis-segretarjat ta' kull Kumitat biex jiggarantixxi l-monitoraġġ kontinwu u effettiv ta' l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja;
39. Jagħmel sejħa sabiex ikun hemm aktar koperazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew u l-parlamenti rispettivi tagħhom, sabiex ikun promoss u miżjud l-iskrutinju effettiv ta' kwistjonijiet Ewropej fuq il-livell nazzjonali; jikkunsidra li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol doppju fil-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja, b'hekk jgħinu sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika ta' l-Unjoni Ewropea u tressaqha aktar qrib taċ-ċittadini;
40. Ifakkar l-impenn min-naħa tal-Kunsill biex iħeġġeġ l-Istati Membri biex ifasslu u jippubblikaw tabelli li juru l-korrelazzjoni bejn id-direttivi u l-miżuri ta' transpożizzjoni domestiċi; jinsisti li tali tabelli huma essenzjali biex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq eżami bir-reqqa tal-miżuri ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri kollha; jipproponi, bħala ko-leġiżlatur, li jieħu l-passi kollha neċessarji biex jiżgura li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw dawk it-tabelli ma jitneħħewx mit-test tal-proposti tal-Kummissjoni waqt il-proċess leġiżlattiv;
41. Jinnota li l-Qrati nazzjonali għandhom rwol essenzjali fl-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni fl-identifikazzjoni ta' oqsma fejn taħriġ supplimentari jista' jiġi provdut b'mod utli għall-imħallfin nazzjonali, il-prattikanti tal-liġi u l-uffiċjali fl-awtoritajiet nazzjonali;
42. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-monitoraġġ tal-konformità min-naħa ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istati Membri mad-deċiżjonijiet tal-Parlament dwar l-immunità parlamentari u, fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi nuqqas ta' konformità ma' dawk id-deċiżjonijiet, tinforma lill-Parlament dwar l-azzjoni li taħseb li tieħu;
o o o
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri.
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-ġurisdizzjonijiet nazzjonali dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU C 101, 27.4.2004, p. 54, paragrafi 17 - 20).
L-ħtiġijiet għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq dwar it-tqegħid ta" prodotti fis-suq ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi l-ħtiġijiet għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq dwar it-tqegħid ta" prodotti fis-suq (COM(2007)0037 – C6-0068/2007 – 2007/0029(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM (2007)0037),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikoli 95 u 133 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0068/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0491/2007),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-proposta lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta' Frar 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru .../2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq dwar it-tqegħid ta' prodotti fis-suq, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (KE) Nru .../2008.)
Qafas komuni għat-tqegħid ta" prodotti fis-suq ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas komuni għat-tqegħid ta" prodotti fis-suq (COM(2007)0053 – C6-0067/2007 – 2007/0030(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM (2007)0053),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0067/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali(A6-0490/2007),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta' Frar 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru .../2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas komuni għat-tqegħid ta" prodotti fis-suq u li jħassar d-Deċiżjoni 93/465/KEE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, Deċiżjoni Nru .../2008/KE.)
L-applikazzjoni ta" ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti mqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru ieħor ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-proċeduri dwar l-applikazzjoni ta" ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti mqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru ieħor u li tirrevoka d-Deċiżjoni 3052/95/KE (COM(2007)0036 – C6-0065/2007 – 2007/0028(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2007)0036),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikoli 37 u 95 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0065/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0489/2007),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-21 ta' Frar 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) .../2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta" ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti mqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru ieħor u li tirrevoka d-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (KE) Nru .../2008.)
Is-Sitwazzjoni f'Gaża
222k
59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-Sitwazzjoni f'Gaża
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk ta' l-1 ta' Ġunju 2006 rigward il-kriżi umanitarja fit-territorji Palestinjani u l-irwol ta' l-UE(1), tas-16 ta' Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża(2), tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-MEDA u l-għajnuna finanzjarja għall-Palestina - evalwazzjoni, implimentazzjoni u kontroll(3), tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani(4) u tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża(5),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 242 (S/RES/242) tat-22 ta' Novembru 1967 u 338 (S/RES/338) tat-22 ta' Ottubru 1973 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra (1949),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Annapolis tas-27 ta' Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tat-28 ta' Jannar 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni f'Gaża mill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja dwar l-Affarijiet Politiċi, is-Sigurtà u d-Drittijiet tal-Bniedem tat-28 ta' Jannar 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-24 ta' Jannar 2008 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Medda ta' Gaża (A/HRC/S-6/L.1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi minħabba l-embargo fuq iċ-ċaqliq tan-nies u tal-prodotti, iċ-ċaħda parzjali għall-aċċess għall-ilma tax-xorb, l-ikel u l-elettriċità, u n-nuqqas ta' prodotti u servizzi essenzjali, is-sitwazzjoni umanitarja fil-Medda ta' Gaża kompliet tmur lura,
B. billi l-fruntieri li minnhom tista' toħroġ jew tidħol ġo Gaża ilhom magħluqin għal xhur sħaħ, u billi l-embargo fuq iċ-ċaqliq tal-persuni u l-prodotti kompla jipparalizza aktar l-ekonomija fil-Medda ta' Gaża,
C. billi setturi ewlenin tas-servizz pubbliku, inklużi s-sistemi tas-saħħa u ta' l-edukazzjoni, qed jiffaċċjaw nuqqasijiet kbar minħabba nuqqas ta' materjali bażiċi meħtieġa għat-tħaddim tagħhom, u billi n-nuqqas ta' mediċini u ta' fjuwil biex jaħdmu l-ġeneraturi fl-isptarijiet fil-Medda ta' Gaża qed jipperikolaw il-ħajja tal-Palestinjani,
D. billi mijiet ta' eluf ta' Palestinjani reċentement qasmu l-fruntiera bejn il-Medda ta' Gaża u l-Eġittu, wara li twaqqa' l-ħajt tal-fruntiera, sabiex isibu prodotti essenzjali għall-bżonnijiet bażiċi tagħhom, u billi l-forzi Eġizzjani gradwalment reġgħu ħadu l-kontroll tas-sitwazzjoni u għalqu mill-ġdid il-fruntiera fit-3 ta' Frar 2008, li wassal għat-tmiem tal-libertà ta' moviment tal-Palestinjani, kif mitlub mill-awtoritajiet Iżraeljani,
E. billi t-tkissir ta' parti mill-ħajt tal-fruntiera u taċ-ċint huma konsegwenza diretta tal-kriżi umanitarja estremament serja f'Gaża, li wasslet lill-poplu Palestinjan biex jipprova jikseb il-bżonn vitali tiegħu għal-libertà ta' moviment,
F. billi, wara perjodu twil mingħajr azzjonijiet bħal dawn, attakk terroristiku suwiċidali f'Dimona qatel u darab membri tal-popolazzjoni ċivili Iżraeljana; billi kompla l-isparar ta' rokits mill-milizzja Palestinjana mill-Medda ta' Gaża għal ġot-territorju Iżraeljan, u billi fil-Medda ta' Gaża komplew l-operazzjonijiet militari li qatlu u poġġew fil-periklu l-popolazzjoni ċivili u l-qtil extraġudizzjarju mmirat min-naħa ta' l-armata Iżraeljana,
G. billi s-sitwazzjoni u l-iżviluppi riċenti fil-Medda ta' Gaża jheddu li jfixklu n-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, kif ukoll l-isforzi biex jintlaħaq ftehim sa l-aħħar ta' l-2008, kif iddikjarat mill-partijiet waqt il-Konferenza Internazzjonali ta' Annapolis tas-27 ta' Novembru 2007,
H. billi, fl-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea pprovdiet appoġġ finanzjarju kbir lill-Palestinjani; billi l-Mekkaniżmu Internazzjonali Temporanju ta' l-UE u l-iffinanzjar ta' proġetti kellhom irwol importanti biex jevitaw traġedja umanitarja fil-Medda ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent; billi l-Kummissjoni, il-Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Aġenzija għall-Għajnuna u x-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji kellhom jissospendu bosta proġetti ta' infrastruttura minħabba li ma jistgħux jimportaw materja prima; billi dawn l-uffiċċji, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet umanitarji, komplew l-attivitajiet tagħhom fuq livell limitat minkejja x-xkiel kollu; billi l-Unjoni Ewropea tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja lill-poplu Palestinjan u sussidji diretti lill-impjegati ta' l-Awtorità Palestinjana fil-Medda ta' Gaża; billi l-Mekkaniżmu għall-Immaniġġar ta' l-Għajnuna Soċjo-Ekonomika Palestinjana-Ewropea, PEGASE, se jikkostitwixxi mekkaniżmu finanzjarju ġdid għall-UE u għajnuna internazzjonali oħra għat-Territorji Palestinjani,
I. billi fil-konferenza li saret f'Annopolis il-partijiet kollha esprimew ix-xewqa tagħhom għal bidu ġdid tan-negozjati bil-għan li jinħoloq Stat Palestinjan sovran u vijabbli, flimkien ma' Stat Iżraeljan sikur,
J. billi l-parteċipanti fil-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għall-Istat Palestinjan, li saret f'Diċembru 2007 f'Pariġi, twiegħdu total ta' 7.4 biljun Dollaru Amerikan f'appoġġ għall-bini ta' l-istituzzjonijiet u rkupru ekonomiku Palestinjan għat-tliet snin li ġejjin,
K. billi l-Mibgħut Speċjali għall-Kwartett identifika erba' proġetti ta' prijorità għall-iżvilupp ekonomiku u l-bini ta' l-istituzzjonijiet għat-Territorji Palestinjani, inkluż ir-restawr ta' l-impjant għat-trattament tad-dranaġġ ta' Beit Lahia fit-tramuntana ta' Gaża,
1. Itenni t-tħassib kbir tiegħu rigward il-kriżi umanitarja u politika fil-Medda ta' Gaża u dwar il-konsegwenzi ulterjuri possibbli tagħha; iqis l-iżviluppi riċenti f'Rafah, inklużi l-avvenimenti paċifiċi u l-atti vjolenti, bħala r-riżultat ta' din il-kriżi fil-Medda ta' Gaża;
2. Jesprimi l-ikbar simpatija tiegħu għall-popolazzjoni ċivili affetwata mill-vjolenza f'Gaża u fin-nofsinhar ta' l-Iżrael;
3. Itenni t-talba tiegħu għal waqfien immedjat ta' l-atti kollha ta' vjolenza;
4. Jitlob lill-Iżrael biex iwaqqaf l-azzjonjiet militari li qed joqtlu u jipperikolaw il-popolazzjoni ċivili u l-qtil immirat mhux ġudizzjarju;
5. Jistieden lill-Hamas, wara l-ħakma illegali tal-Medda ta' Gaża, biex iwaqqfu l-isparar ta' rokits mill-milizzja Palestinjana, mill-Medda ta' Gaża għal ġot-territorju Iżraeljan;
6. Jemmen li l-politika ta' l-iżolament tal-Medda ta' Gaża falliet kemm fuq il-livell politiku kif ukoll fuq dak umanitarju; jerġa' jitlob lill-partijiet kollha biex jirrispettaw b'mod sħiħ il-liġi internazzjonali, u b'mod partikulari l-liġi umanitarja internazzjonali;
7. Iqis bħala pożittiva ir-reazzjoni ta' l-Eġittu għall-problemi f'Rafah, li ppermettiet li bosta familji Palestinjani jkollhom aċċess għall-prodotti essenzjali għall-ħtiġijiet bażiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-gvern ta' l-Eġittu biex ikompli bl-irwol attiv tiegħu biex jinżammu l-paċi u l-istabilità fiż-żona;
8. Itenni t-talba tiegħu biex jintemm l-imblokk u għall-ftuħ mill-ġdid ikkontrollat tal-qsim 'il ġewwa u 'l barra minn Gaża; jitlob lill-Iżrael biex jiżgura li jkun hemm ċaqliq ta' nies u prodotti f'Rafah, Karni u postijiet oħra ta' qsim tal-fruntiera b'konformità mal-Ftehima dwar Moviment u Aċċess; jitlob li terġa' tibda l-Missjoni għall-Għajnuna mal-Fruntieri ta' l-UE f'Rafah; jilqa' d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli ta' l-UE għas-CFSP li għandu jitqies mandat ġdid tal-Kunsill għall-Missjoni; jitlob għal preżenza internazzjonali ikbar fiż-żona;
9. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta ta' l-Awtorità Palestinjana biex tieħu l-kontroll tal-punti tal-qsim, fuq il-bażi ta' ftehim li jinvolvi lill-Eġittu, lill-Iżrael u lill-Awtorità Palestinjana, u jappoġġja r-riżoluzzjoni reċenti tal-Lega Għarbija f'dan ir-rigward; madankollu, jistieden lill-Awtorità Palestinjana, biex tgħin sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet neċessarji għall-involviment tal-partijiet interessati kollha fil-Medda ta' Gaża f'dan ir-rigward;
10. Jemmen li l-popolazzjoni ċivili għandha tkun ħielsa minn kwalunkwe azzjoni militari u minn kwalunkwe kastig kollettiv; jistieden lill-Iżrael biex iwettaq l-obbligi internazzjonali tiegħu, bħala forza ta' okkupazzjoni fil-Medda ta' Gaża; jitlob lill-Iżrael biex ikompli jiggarantixxi għajnuna umanitarja kontinwa u suffiċjenti, assistenza umanitarja u prodotti u servizzi essenzjali, inkluż il-forniment ta' fjuwil u enerġija, lejn il-Medda ta' Gaża; jesprimi tħassib serju rigward id-deċiżjoni ta' l-Iżrael li jintroduċi qtugħ progressiv ta' ħamsa fil-mija kull ġimgħa fil-provvista ta' l-enerġija lejn il-Medda ta' Gaża, li ma tistax titqies konsistenti ma l-issodisfar tal-bżonnijiet umanitarji minimi; jilqa' b'sodisfazzjon il-petizzjoni minn 10 organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem Iżraeljani kontra l-qtugħ tal-forniment tal-fjuwil u tad-dawl fil-Medda ta' Gaża;
11. Iqis li, minkejja l-imblokk politiku, it-tħaddim ta' l-istituzzjonijiet pubbliċi li jipprovdu servizzi essenzjali u l-operazzjonijiet ta' l-uffiċċji umanitarji internazzjonali, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet li jfittxu li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-Palestinjani li jgħixu fil-Medda ta' Gaża jirrikjedu djalogu bejn l-Awtorità Palestinjana u l-Hamas;
12. Jenfasizza l-importanza kbira ta' rabta ġeografika u kummerċjali permanenti u r-rijunifikazzjoni paċifika fit-tul bejn il-Medda ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent, u jistieden lill-Hamas biex tirrevedi l-pożizzjoni tagħha f'konformità mal-prinċipji tal-Kwartett u ma' l-obbligi internazzjonali mifthiema qabel, u biex tappoġġja l-proċess tal-paċi u n-negozjati li għaddejin;
13. Itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien immedjat ta' Gilad Shalitt, suldat Iżraeljan, li jiġi kkunsidrat bħala att ta' rieda tajba min-naħa tal-Hamas, u ta' l-ex-ministri, il-leġiżlaturi u s-sindki Palestinjani kollha li qegħdin fil-ħabs; jirrikonoxxi l-importanza tar-rilaxx tad-detenuti biex tinħoloq fiduċja fil-kuntest tat-taħditiet ta' paċi attwali;
14. Ifakkar lill-partijiet dwar l-impenji li ħadu f'Annapolis biex isiru negozjati in bona fede sabiex, sa l-aħħar ta' l-2008, jiġi konkluż trattat ta' paċi li jsolvi l-kwistjonijiet pendenti kollha, inklużi l-kwistjonijiet ewlenin kollha, mingħajr eċċezzjoni, kif speċifikat fi ftehimiet preċedenti; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skond il-Pjan Direzzjonali;
15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jiggarantixxu, flimkien mal-komunità internazzjonali, għajnuna umanitarja essenzjali għall-Palestinjani li jgħixu fil-Medda ta' Gaża, b'kunsiderazzjoni speċjali għall-bżonnijiet ta' gruppi partikularment vulnerabbli; jenfasizza l-importanza tal-PEGASE, il-mekkaniżmu finanzjarju l-ġdid; madankollu, jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-qerda ta' faċilitajiet iffinanzjati fi ħdan il-qafas ta' għajnuna umanitarja jew taħt finanzjament ta' proġetti mill-Unjoni Ewropea, li tfixkel l-effiċjenza ta' l-għajnuna ta' l-UE u taffettwa s-solidarjetà tal-pubbliku fl-Istati Membri;
16. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultat tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi għall-Istat Palestinjan f'Diċembru 2007, jiġifieri l-wegħdiet ta' aktar minn USD 7.4 biljuni, u jistieden lid-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom b'appoġġ għall-isforzi biex jinbena l-Istat Palestinjan futur skond il-Pjan ta' Riforma u Żvilupp ippreżentat mill-Prim Ministru Dr. Salam Fayyad;
17. Jesprimi tħassib serju dwar il-konsegwenzi ekoloġiċi u l-konsegwenzi għas-saħħa tal-bniedem jekk ma jsirx xogħol ta' manutenzjoni fil-faċilità għat-trattament tad-drenaġġ, u b'mod partikolari jitlob lill-partijiet kollha biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-prodotti meħtieġa għat-tiswija u r-rikostruzzjoni ta' l-impjant Beit Lahia, kif identifikat mill-Mibgħuta Speċjali għall-Kwartett;
18. Jitlob li jkun hemm proġett urġenti u eżemplari għall-enerġija għall-Gaża, possibilment f'Rafah, għall-garanzija ta' awtonomija u awtosuffiċjenza fil-produzzjoni ta' l-elettriku u d-desalinazzjoni għall-popolazzjoni;
19. Jistieden lill-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-Lvant Nofsani biex jeżamina, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni u ma' l-organizzazzjonijet konċernati, il-konsegwenzi tal-qerda ta' l-infrastruttura fil-Medda ta' Gaża, b'attenzjoni speċjali għall-faċilitajiet iffinanzjati fi ħdan il-qafas ta' għajnuna umanitarja jew taħt finanzjament ta' proġetti pprovduti mill-Unjoni Ewropea;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut Speċjali għall-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-President ta' l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, u lill-Gvern u l-Parlament Eġizzjan.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti sa mill-1996, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar il-ħames sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC)(1), kif ukoll dawk tas-16 ta' Marzu 2006 dwar ir-riżultat tan-negozjati dwar il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar it-62 sessjoni tal-UNHCR(2), tad-29 ta' Jannar 2004 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti(3), tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti(4), tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-riżultat tas-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-14 u s-16 ta' Settembru 2005(5) u tas-26 ta' April 2007 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2006 u l-politika ta' l-UE dwar din il-kwistjoni(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/RES/60/251 li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),
– wara li kkunsidra s-sessjonijiet regolari u speċjali preċedenti tal-UNHRC, b'mod partikulari s-sitt sessjoni regolari, kif ukoll is-sitt sessjoni speċjali dwar 'Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżulta mill-attakki militari Iżraeljani u l-inkursjonijiet fit-Territorju Okkupat Palestinjan, b'mod partikulari fil-Medda ta' Gaża Okkupata', li saret fit-23-24 ta' Jannar 2008,
– wara li kkunsidra s-seba' sessjoni tal-UNHRC li se ssir f'Marzu 2008,
– wara li kkunsidra l-ewwel u t-tieni round tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR) li se jsiru mis-7 sat-18 ta' April 2008 u mill-5 sas-16 ta' Mejju 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett għall-promozzjoni u s-salvagwardja ta' l-universalita? tad-drittijiet tal-bniedem huwa parti mill-acquis etiku u legali ta' l-Unjoni Ewropea u wieħed mill-pedamenti ta' l-unita? u l-integrita? Ewropea,
B. billi l-UNHRC jipprovdi pjattaforma effettiva għat-tisħiħ tal-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-qafas tan-NU,
C. billi s-seba' sessjoni tal-UNHRC se tkun waħda kruċjali, minħabba li se tkun l-ewwel waħda li se teżamina firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ta" sustanza skond il-metodi ta' ħidma l-ġodda li ġejjin mir-riformi tal-bini ta' l-istituzzjonijiet adottati fl-2006 u l-2007, u minħabba li se tipperfezzjona l-modalitajiet tal-UPR,
D. billi l-kredibilita? tal-UNHRC isserraħ fuq l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi u l-mekkaniżmi b'mod li jsaħħaħ il-kapaċita? tiegħu li jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja kollha,
E. billi se titwaqqaf delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew għas-seba' sessjoni tal-UNHRC, l-istess bħalma kien hemm fis-sentejn preċedenti u, qabel dan, għall-predeċessur tal-UNHRC, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
Il-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem
1. Jenfasizza l-irwol kruċjali tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-arkitettura ġenerali tan-NU; jerġa' jtenni l-opinjoni tiegħu li l-objettiv prinċipali tiegħu għandu jkun dak li jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, peress li sitwazzjonijiet politiċi ġenerali jaqgħu taħt ir-responsabilita? ta' korpi oħra tan-NU; jenfasizza l-ispeċifiċitajiet tal-UNHRC: partikolarment l-irwol importanti tal-Proċeduri Speċjali, is-sessjonijiet speċjali, l-UPR, id-djalogu interattiv u l-kapaċita? tiegħu li jindirizza kriżijiet urġenti;
2. Jieħu nota tar-riżultati tal-ħidma tal-UNHRC; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li twettaq il-programm ambizzjuż li l-UNHRC impenja ruħu għalih, li kien jinkludi r-reviżjoni tal-proċeduri u l-metodi ta' ħidma tiegħu, b'mod partikulari l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-UPR u r-reviżjoni tal-Proċeduri Speċjali;
3. Jirrikonoxxi l-kisbiet pożittivi tal-presidenza tal-UNHRC u b'mod partikolari l-kooperazzjoni tajba tagħha ma' l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR); jistieden lill-UE biex tappoġġja bħala prijorita? lill-kandidati li għandhom standards għolja ta' integrita? għall-elezzjoni tal-President il-ġdid tal-UNHRC li se ssir fit-23 ta' Ġunju 2008;
4. Jilqa' l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet speċjali peress li dawn joffru rabtiet essenzjali bejn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għarfien speċjalizzat indipendenti; madankollu, huwa mħasseb minħabba li l-UNHRC ma rnexxilux jieħu azzjoni biex jindirizza ħafna mill-aktar ksur urġenti ta' drittijiet tal-bniedem fid-dinja;
5. Jinnota li l-iskop tas-sessjonijiet speċjali huwa li jindirizzaw kriżijiet urġenti, filwaqt li l-ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi indirizzat f'sessjonijiet regolari, li jagħtu lok għal analiżi iktar profonda u jipprovdu soluzzjonijiet għal medda twila ta' żmien;
6. Jenfasizza li s-sessjonijiet speċjali jirrikjedu preparazzjoni minn qabel u metodi ta' ħidma strutturati biex jinkiseb riżultat pożittiv; f'dan ir-rigward, jinnota s-suċċess ta' inizjattivi ewlenin ta' l-UE;
7. Jinnota l-impatt dirett tas-sessjoni speċjali dwar Burma, li saret f'Ġinevra f'Ottubru 2007, li rriżultat fil-kundanna tar-ripressjoni governattiva u ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali sabiex tkun investigata s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma; jiddeplora n-nuqqas ta' segwitu u ta' mmoniterjar tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali, meta s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma sejra għall-agħar;
L-elezzjoni ta' membri ġodda tal-UNHRC ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti
8. Jistieden sabiex f'Mejju 2008 jkun hemm elezzjonijiet kompetittivi fir-reġjuni kollha, sabiex ikun hemm għażla vera fost l-Istati Membri tan-NU; jiddispjaċih li s'issa ġew eletti xi pajjiżi b'rekords ta' problemi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba li ngħataw bidu ġdid;
9. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu pressjoni biex ikunu stabbiliti kriterji ta' sħubija għall-elezzjoni tal-UNHRC, inkluż il-ħruġ ta' stediniet permanenti għal Proċeduri Speċjali, kif ukoll il-monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni attwali tal-wegħdiet elettorali ta' l-Istati Membri tan-NU; sakemm isiru tali riformi jistieden biex tiġi applikata din ir-regola fid-determinazzjoni ta' l-appoġġ ta' l-Istati Membri ta' l-UE lill-pajjiżi kandidati fil-UNHRC;
Proċeduri u mekkaniżmi Il-UPR
10. Iqis il-mekkaniżmu UPR bħala mezz potenzjali biex tittejjeb l-universalità ta' l-immoniterjar ta' l-impenji favur id-drittijiet tal-bniedem u l-prattiki madwar id-dinja billi l-Istati Membri kollha tan-NU jkunu soġġetti għall-istess trattament u skrutinju;
11. Ifakkar li l-għan tal-UPR huwa li jagħmel reviżjoni oġġettiva tas-sitwazzjoni f'pajjiż partikolari biex jiġu identifikati oqsma fejn hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jistgħu jiġu mtejba permezz ta' skambju ta' prattiki tajba u koperazzjoni msaħħa li twassal għal rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw dawn ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet biex jiddefinixxu objettivi u prijoritajiet ta' programmi ta' assistenza ta' l-UE;
12. Jitlob li l-proċess UPR, li l-ewwel u t-tieni rounds tiegħu se jsiru mis-7 sat-18 ta' April 2008 u mill-5 sas-16 ta' Mejju 2008, biex jilħqu l-aspettattivi li nstemgħu s'issa; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex imexxu l-UPR b'mod trasparenti u oġġettiv fl-ispirtu tar-Riżoluzzjoni 60/251 imsemmija hawn fuq; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE suġġetti għall-UPR biex ikunu awto-kritiċi u ma jillimitawx il-preżentazzjonijiet tagħhom biss għall-kisbiet pożittivi tagħhom;
13. Jinnota li għad iridu jiġi indirizzati numru ta' mistoqsijiet, inkluża l-għażla ta' dawk li jissejħu 'Trojki tal-UPR' li għandhom jiffaċilitaw ir-reviżjoni ta' l-Istati Membri tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; f'dan il-kuntest iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex ma jaċċettawx il-possibilità li pajjiżi li qed ikunu eżaminati jirrifjutaw l-għażla ta' pajjiżi inkarigati mir-reviżjoni tagħhom;
14. Jistieden lill-Membri ta' l-UNHRC biex jaħtru esperti indipendenti bħala r-rappreżentanti tagħhom għall-grupp ta' ħidma responsabbli mit-tmexxija tal-UPR; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jieħdu pożizzjoni ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' dan l-approċċ billi jadottaw linji gwida komuni dwar il-modalitajiet tal-UPR;
15. Jinnota l-importanza ta' l-involviment tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-Proċeduri Speċjali; itenni l-opinjoni tiegħu li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom għalhekk jikkostitwixxu l-bażi ta' reviżjoni indipendenti u kredibbli;
Ir-reviżjoni tal-mandati u n-nomini tad-detenturi ta' mandati ta' Proċeduri Speċjali
16. Jenfasizza li l-Proċeduri Speċjali huma fil-qofol tal-mekkaniżmu tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, u għandhom irwol kruċjali b'mod speċjali fil-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-membri tal-UNHRC jikkonformaw ma' l-obbligu tagħhom li jikkoperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali;
17. Jenfasizza li l-kredibilità tal-UNHRC se tiddependi fuq il-ħatriet il-ġodda ta' detenturi tal-mandati tal-Proċeduri Speċjali f'Marzu 2008;
18. Jitlob li jkun hemm nomina, bħala detenturi ta' mandati, ta' persuni imħarrġa fid-drittijiet tal-bniedem u rikonoxxuti, li għandhom esperjenza rilevanti, indipendenza, imparzjalità, integrità personali u oġġettività kif ukoll għarfien sostanzjali tas-sistema ta' Proċeduri Speċjali;
19. Iħeġġeġ lill-gvernijiet, lill-NGOs u lill-assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti biex jibagħtu l-ismijiet ta' kandidati eleġibbli għall-inklużjoni fuq ir-roster pubbliku ta' kandidati eleġġibbli mmaniġġjat mill-OHCHR;
20. Jistieden lill-Grupp Konsultattiv inkarigat mir-reviżjoni tal-kandidati għall-mandati tal-Proċeduri Speċjali u li jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-ħatra tal-President tal-Kunsill, biex iwettaq il-mandat tiegħu b'mod oġġettiv u trasparenti u biex jibbaża l-għażliet tiegħu fuq kriterji ta' professjonalità u integrità personali;
21. Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem biex ma jġeddidx il-mandati tar-Rapporteurs Speċjali dwar il-Belarus u dwar Kuba;
22. Jilqa' t-tiġdid tal-mandati tal-pajjiż tar-Rapporteur Speċjali dwar is-Sudan, u ta' l-Esperti Indipendenti dwar il-Liberja, Haiti u Burundi;
23. Jiddispjaċih dwar l-appoġġ ta' l-UE għad-deċiżjoni ta' l-UNHRC biex jitneħħa l-grupp ta' esperti tiegħu dwar id-Darfur; jinnota li s-segwitu tal-ħidma tal-grupp ta' esperti żdied mal-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-Sudan; għalhekk, jinsab imħasseb dwar ir-riskju li l-mandat tagħha jidgħajjef biż-żieda tat-tagħbija tax-xogħol tar-Rapporteur Speċjali;
24. Peress li għandhom valur miżjud importanti, jinkoraġġixxi li fil-futur ikun hemm aktar attenzjoni fit-tneħħija tal-mandati tal-gruppi ta' esperti;
26. Jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jiżguraw it-tiġdid tal-mandati tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Burma u dwar ir-Repubblika Popolari Demokratika tal-Korea, u t-titwil tal-mandati ta' l-Esperti Indipendenti dwar is-Somalja u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo;
27. Jilqa' bi pjaċir il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta" esperti, b'ħames membri indipendenti, dwar id-drittijiet tal-bniedem ta" popolazzjonijiet indiġeni;
28. Jinkoraġġixxi li malajr kemm jista' jkun u f'kull każ matul l-2008 jsiru diskussjonijiet dwar il-kwistjoni ta' vjolenza kontra n-nisa taħt kull forma u manifestazzjoni, u l-ħolqien ta' prijoritajiet biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni fl-impenji u fil-programmi ta' ħidma tal-UNHRC fil-ġejjieni, kif miftiehem fir-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali A/RES/61/143 tad-19 ta' Diċembru 2006 dwar l-intensifikazzjoni ta' l-isforzi sabiex jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa;
29. Jinnota l-adozzjoni, fit-18 ta' Ġunju 2007, ta' Kodiċi ta' Kondotta għad-Detenturi ta" Mandati ta' Proċeduri Speċjali; jistieden lill-UNHRC biex jimplimenta dan il-Kodiċi ta' Kondotta fl-ispirtu tar-Riżoluzzjoni imsemmija hawn fuq 60/251 u jirrispetta l-indipendenza tal-Proċeduri Speċjali;
30. Jappoġġja l-impenji tal-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Proċeduri Speċjali fl-abbozzar ta' proċeduri xierqa li permezz tagħhom il-Kodiċi ta' Kondotta u dokumenti rilevanti oħra, inkluża l-Gwida ta' Proċeduri Speċjali, jkunu jistgħu jiġu implimentati b'tali mod li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Proċeduri Speċjali biex jaħdem b'mod effiċjenti u trasparenti biex jevita diskussjonijiet tekniċi li jistgħu jdewwmu dibattiti sostantivi u jfixklu l-mandati tal-Proċeduri Speċjali;
Il-Proċedura ta' l-ilmenti
31. Jinnota li l-proċedura ta' lmenti spejgata bħala parti mill-proċess ta' bini ta' istituzzjonijiet tal-UNHRC tidher simili ħafna għal dik li qabel kienet 'proċedura 1503'; jitlob li jkun hemm proċess ġdid li jkun aktar effettiv fl-identifikazzjoni, fil-prevenzjoni u fl-indirizzar ta' sitwazzjonijiet ta' ksur manifest u kbir tad-drittijiet tal-bniedem;
L-involviment ta' l-UE
32. Jirrikonoxxi l-involviment attiv ta' l-UE u ta' l-Istati Membri tagħha fl-ewwel sena ta' ħidma tal-UNHRC;
33. Jilqa' l-involviment ta' l-UE fin-negozjati diffiċli tas-sitt sessjonijiet regolari li fittxeew li jinkisbu riżultati pożittivi rigward it-tiġdid tal-mandati tal-Proċeduri Speċjali;
34. Ifakkar fil-ħtieġa li l-UE titkellem b'vuċi waħda biex tindirizza l-kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem kif ukoll għall-fatt ta' l-importanza li kull Stat Membru ta' l-UE jleħħen il-pożizzjoni ta' l-UE sabiex jagħtiha aktar importanza;
35. Jistieden lill-UE biex tmexxi r-riżoluzzjoni tagħha stess sabiex jinkiseb konsensus fl-indirizzar tal-ksur attwali tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward ta' l-imblokk ta' Gaża u l-attakki bil-missili kontra Iżrael;
36. Jitlob li jkun hemm koperazzjoni mtejba ma' l-OHCHR u sabiex l-indipendenza tiegħu tkun preservata billi jingħata ffinanzjar xieraq;
37. Jitlob li jkun hemm appoġġ kontinwu tal-Proċeduri Speċjali f'termini ta' finanzi u persunal; jesprimi l-appoġġ tiegħu lill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem(7), peress li dan huwa għajn importanti ta' finanzjament għall-Proċeduri Speċjali; jilqa' l-inizjattivi tal-presidenza tal-Grupp ta' Ħidma għad-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) biex ittejjeb il-koperazzjoni mar-Rapporteurs Speċjali primarjament billi jiġu mistiedna b'mod sistematiku fil-laqgħat relevanti;
38. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jadottaw 'pożizzjoni komuni' biex jiżguraw li l-Istati Membri ta' l-UE jiffirmaw b'mod awtomatiku u jirratifikaw kull strument internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
39. Jinnota l-ħidma ta' l-UE favur l-adozzjoni ta' riżoluzzjonijiet b'kunsens; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex ikomplu fl-isforzi tagħhom biex jissieħbu ma' pajjiżi minn gruppi reġjonali oħra sabiex jiggarantixxu appoġġ wiesa' għal riżoluzzjonijiet li jsaħħu l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE biex tagħmel użu aktar effettiv mill-għajnuna lil u l-appoġġ politiku tagħha lejn pajjiżi terzi, biex tagħtihom inċentiv biex jikkoperaw mal-UNHRC;
40. Jagħti mandat lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għas-seba' sessjoni tal-UNHRC biex issemma' t-tħassib espress fir-riżoluzzjonijiet tagħha, jistieden lid-delegazzjoni biex tagħmel rapport dwar iż-żjara tagħha lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jikkunsidra li huwa xieraq li tibqa" tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew biex tattendi fis-sessjonijiet rilevanti tal-UNHRC;
o o o
41. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tat-62 Assemblea Ġenerali, lill-President tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU imwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.
Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument finanzjarju għall-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja (ĠU L 386, 29.12.2006, p.1).
Il-ġejjieni demografiku ta" l-Ewropa
382k
168k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku ta" l-Ewropa (2007/2156(INI))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Marzu 1997 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni demografika fl-Unjoni Ewropea (1995)(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 1998 dwar ir-rapport demografiku 1997 tal-Kummissjoni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2000 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa għall-etajiet kollha - Tkattir tal-prosperità u tas-solidarjetà interġenerazzjonali"(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem: "Ir-risposta ta' l-Ewropa għax-xjuħija tal-popolazzjoni tad-dinja - Il-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali f'dinja li qed tixjiħ - Kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għat-tieni assemblea dinjija dwar ix-xjuħija" (COM(2002)0143),
– wara li kkunsidra l-Patt taż-Żgħażagħ Ewropej adottat mill-Kunsill Ewropew fit-22 u t-23 ta' Marzu 2005 fi Brussell,
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni ntitolata "Quddiem it-tibdiliet demografiċi, solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet" (COM(2005)0094),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2006 dwar il-mudell soċjali Ewropej għall-ġejjieni(5),
- wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-ġejjieni demografiku ta" l-Ewropa - minn sfida għal opportunità" (COM(2006)0571),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ntitolata "Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet" (COM(2007)0244),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta' l-14 Marzu 2007 ntitolata "Il-familja u l-bidliet demografiċi"(6), u l-proposta prinċipali tiegħu li jiġi ffirmat Patt Ewropew għall-Familja bejn l-Istati Membri,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem "Il-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa: fatti u ċifri" (SEC(2007)0638),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjunali, kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0024/2008),
A. billi d-demografija hija riżultat konġunt ta' diversi fatturi, fosthom it-twelid, it-tul mistenni ta' ħajja u l-flussi migratoriji, u billi l-livelli attwali jindikaw li sa l-2005 se jkun hemm bidliet kbar demografiċi li b'mod partikulari se jirriżultaw f'popolazzjoni ixjeħ li l-età medja tagħha se titla mid-39 sena ta' l-2004 għal 49 sena fl-2050,
B. billi skond il-kalkoli tal-Kummissjoni dawn il-bidliet demografiċi jistgħu jibdlu mill-qiegħ l-istruttura tal-popolazzjoni u l-piramida ta' l-età, hekk li n-numru ta' tfal ta' 0 sa 14-il sena jinżlu mill-100 miljun (indiċi ta' l-1975) sa 66 miljun fl-2050, il-popolazzjoni ta' età li tista' taħdem tilħaq massimu ta' 331 miljun madwar is-sena 2010 u wara tibda tonqos b'mod regolari sa madwar 268 miljun fl-2050, waqt li t-tul mistenni tal-ħajja jiżdied b'6 snin għall-irġiel u b'5 snin għan-nisa bejn l-2004 u l-2050 u li n-numru ta' persuni ta' età akbar minn 80 sena se jitla' minn 4.1% fl-2005 għall-11.4% fl-2050,
C. billi l-medja Ewropea tal-livell ta' xjuħija dipendenti (in-numru ta' persuni ta' aktar minn 65 sena diviż bin-numru ta' persuni bejn l-14 u l-65 sena) se jitla' minn 25% fl-2004 għal 53% fl-2050,
D. billi madankollu l-livell ta' dipendenza (in-numru ta' persuni mhux attivi, bħal pensjonanti, tfal u żgħażagħ jistudjaw, diviż bin-numru ta' persuni attivi li huwa ta' età li jistgħu jaħdmu) għandu aktar piż mill-livell ta' dipendenza ta' l-anzjani fil-kalkoli ta' l-ispiża li tirrapreżenta l-popolazzjoni inattiva għas-soċjetà ;
E. billi l-bidliet demografiċi għandhom impatt kbir fuq l-ispiża pubblika li hija mistennija li tiżdied b'10 % bejn l-2004 u l-2050,
F. billi l-bidliet demografiċi m'għandhomx jaffettwaw il-volum totali tal-popolazzjoni Ewropea minn issa sa l-2050, iżda se jġibu magħhom żbilanċi territorjali sinifikattivi, billi ċerti reġjuni ta' l-Unjoni għandhom ċaqliq migratorju kbir ta' żgħażagħ, b'mod partikulari ta' żgħażagħ nisa; billi wkoll id-daqs relattiv tal-popolazzjoni Ewropea fil-livell dinji se jinżel mill-15 % ta' seklu ilu għal 5 % fl-2050; billi r-reġjuni fl- UE huma effettwati b'mod differenti ħafna b'dawn il-bidliet u billi, bi proporzjon ta' anzjani diġà minn issa akbar mill-medja f' dawk ir-reġjuni li qed jesperjenzaw emigrazzjoni net, waqt li l-proċess ta' xjuħija tal-popolazzjoni fir-reġjuni li għandhom immigrazzjoni net għad mhux perċettibbli minħabba l-immigrazzjoni taż-żgħażagħ;
G. billi l-infertilità hija waħda mill-kawżi tat-tnaqqis fil-popolazzjoni u billi din għandha tiġi rikonoxxuta bħala problema tas-saħħa pubblika u bħala problema soċjali li tolqot lin-nisa u lill-irġiel; ifakkar lill-Kummissjoni fl-"Appell għall-azzjoni rigward l-infertilità u d-demografija" magħmul mill-Parlament fl-2005 u fit-talba sabiex tagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tagħha f'dan il-qasam,
H. billi jikkunsidra l-immigrazzjoni legali bħala element pożittiv għall-kompożizzjoni tal-popolazzjoni Ewropea u dan hu meħtieġ jekk għandu jinżammil-bilanċ demografiku; billi, madankollu, l-immigrazzjoni legali waħedha mhix biżżejjed sabiex tibbilanċja x-xjuħija demografika progressiva fl-Unjoni Ewropea u huma meħtieġa miżuri sabiex tiżdied ir-rata tat-twelid tal-popolazzjoni residenti,
I. billi l-emigrazzjoni mhix għajr soluzzjoni parzjali u għal żmien qasir jekk irridu niffaċċjaw il-bidliet demografiċi fl-Ewropa li jeħtieġu impenn min-naħa ta' l-Istati Membri li jirrispetta l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn is-sessi fis-settur pubbliku u privat, il-prinċipju tal-protezzjoni tal-maternità u ta' l-appoġġ soċjo-ekonimiku għall-familji, kif ukoll azzjonijiet li jippermettu lill-irġiel u lin-nisa li jibbilanċjaw aħjar il-ħajja tal-familja mal-ħajja tax-xogħol,
J. billi d-diżabilità għandha rabta qawwija ma' l-anzjanità u billi l-anzjani huma aktar suxxettibbli li jsofru minn problemi tas-saħħa u minn inkapaċitajiet,
Konsiderazzonijiet ġenerali
1. Jieħu nota serjà tal-projezzjonijiet demografiċi għall-2050; jenfasizza madankollu li l-projezzjonijiet għall-50 sena li gejjin m'humiex irriversibbli, imma jservu ta' twissijiet serji li jeħtieġ li minn issa jinstabulhom soluzzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jinżammu l-kompetettività, l-ekonomija sostenibbli, il-koeżjoni soċjali, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-mudell soċjali Ewropew ta' għada; jikkunsidra li l-prospettiva tat-tnaqqis demografiku minn issa sa l-2050 tista' tikkontribwixxi biex tnaqqas il-pressjonijiet fuq l-ambjent u toffri okkażjoni ta' żvilupp sostenibbli li min-naħa tiegħu ikun jeħtieġ politiki proattivi sabiex ikun hemm ippjanar xieraq għal adattament ta' l-ispazju, ta' l-akkomodazzjoni, tat-trasport u ta' kull tip ieħor ta' infrastruttura; jirrikonoxxi l-kompetenzi ta' l-Istati Membri f'dan ir-rigward;
2. Ifakkar l-ewwelnett li ż-żewġ kawżi prinċipali tal-bidliet demografiċi - l-popolazzjoni li qed tixjieħ u t-tnaqqis fir-rata tat-twelid - huma r-riżultat tal-progress; li ż-żmien ta' tul mistenni tal-ħajja li qiegħed jiżdied huwa konsegwenza diretta tal-progress tax-xjenza, ta'l-iġene u tal-istandards ta'l-għixien; li l-kontroll li n-nisa jeżerċitaw fuq il-fertilità tagħhom huwa r-riżultat ta' l-emanċipazzjoni tagħhom u jimxi id f'id mal-livell għola ta' edukazzjoni tat-tfajliet u mal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja attiva u fir-responsabbiltajiet pubbliċi; jikkunsidra li dan għandhu jitqies bħala ta' benefiċċju irriversibbli għall-umanità;
3. Jagħraf li soċjetà li tqiegħed lit-tfal fil-qalba tal-politiki tagħha hija l-prekundizzjoni għal rata tat-twelid aktar f'saħħitha; jinsisti fuq il-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jkun jirrispetta lill-familja u fuq il-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien għall-familji u għat-tfal u biex ikunu realizzati l-aspirazzjonijiet reali tal-familji;
4. Jenfasiza li r-rata medja ta' twelid fl-Unjoni Ewropea ta' 1.5%, li hija baxxa aktar min-normal, ma tirriflettix ir-rieda tan-nisa u lanqas ix-xewqa taċ-ċittadini Ewropej li jridu jkollhom familja, u għalhekk tista' tkun marbuta mad-diffikultà li jinsab bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja (in-nuqqas ta' infrastrutturi għall-kura għal tfal żgħar, ta' appoġġ soċjo-ekonomiku għall-familji u impjiegi għan-nisa) ambjent soċjali li jikkawża l-ansjetà (instabilità ta' l-impjiegi, akkomodazzjoni għolja) u l-biża' mill-ġejjieni (aċċess tard għax-xogħol għaż-żgħażagħ u n-nuqqas ta' xogħol);
5. Ifakkar li l-konsum ta' l-alkoħol u tad-droga fost iż-żgħażagħ huwa ta' periklu għall-popolazzjoni u li dan għandu konsegwenzi demografiċi għaliex iġib miegħu kapaċità anqas għax-xogħol, sabiex trabbi familja, eċċ; jirrakkomdanda għalhekk l-implentazzjoni ta' programmi ta' qafas speċifiċi għal prevenzjoni ta' l-konsum bikri ta' alkoħol u droga, kif ukoll għad-diżintossikazzjoni ta' żgħażagħ li jiddependu fuq dawn il-prodotti;
6. Jikkunsidra li t-tul mistenni tal-ħajja li qed jiżdied huwa fattur pożittiv u għandhu jitqis bħala tali; għalhekk jitlob li l-Istati Membri jiggarantixxu li jiġi evitat ir-riskju tal-faqar għall-pensjonanti li ma jkollhomx il-mezzi biex ikollhom akkomodazzjoni u kura, u li jkollhom tmiem ta' ħajja dinjituż;
7. Jinkuraġġixxi l-implimentazzjoni ta' miżuri globali kontra d-diskriminizzazzjoni għaliex il-kwistjoni tal-ġejjieni demografiku ta' l-Ewropa ma jistax jiġi mifthum mill-problema ta' gruppi vulnerabbli li jgħixu fil-marġni tas-soċjetà li huma milqutin b'mod serju mill-faqar u li ħafna drabi jitqiesu responsabbli għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha u dan jeffettwa mhux biss lit-tfal, imma wkoll lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni;
8. Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni ta' abbuż u nuqqas ta' kura li tagħhom jisfaw vittmi l-anzjani fil-familji tagħhom jew f'istituzzjonijiet ta' kura; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex iħabirku aktar biex isir magħruf aħjar kemm hu mifrux it-trattament ħażin ta' persuni anzjani fl-Unjoni Ewropea; jinnota l-kalkoli li jistmaw li sa 10% tal-persuni anzjani jbatu minn xi għamla ta' abbuż fiżiku, finanzjarju jew psikoloġiku qabel ma jmutu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw informazzjoni, sistemi ta' twissija u sanzjonijiet kontra dan it-trattament ħażin; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ komunikazzjoni fl-2008 dwar it-trattament ħażin ta' persuni anzjani; jitlob li din il-komunikazzjoni sservi ta' okkażjoni sabiex titfassal strateġija globali biex tiġi żviluppata kampanja estensiva ta' sensibilizzazzjoni u ta' attività f'dan il-qasam (taħriġ ta' min jagħti l-kura, definizzjoni ta' l-istandards ta' kwalità, sanzjonijiet kontra t-trattament ħażin).
9. Jiddispjaċih li għad ma tteħdux biżżejjed miżuri biex l-Unjoni tkun ippreparata għal din l-isfida minkejja li ilha prevedibbli bosta snin; jiddispjaċih b'mod partikulari li l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Liżbona u l-impenji tal-Kunsill Ewropew f'Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 rigward il-kura tat-tfal, ix-xogħol għal min għandu aktar minn 55 sena, il-konċiljazzjoni aħjar tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol, il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol baqgħu ma ntlaħqux mill-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri u li l-Unjoni, bħala entità, għadha 'l bogħod milli tilħaq dawn l-għanijiet,
10. Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri sabiex jinħolqu strutturi bi standards għoljin ta' kwalità u bi prezzijiet raġonevoli għall-kura tat-tfal u ta' persuni dipendenti oħra, kif stipulat fl-objettivi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta" Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002 li kienu jitlobu lill-Istati Membri sabiex sa l-2010 joħolqu strutturi għal kura tat-tfal għal mill-inqas 90% tat-tfal ta' età bejn it-3 snin u l-bidu ta' l-iskola obbligatorja u għal mill-inqas 33% tat-tfal taħt it-3 snin; isossni li dawn il-miżuri għandhom jippermettu li l-ġenituri jkunu jistgħu jadattaw il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol skond ir-ritmu tal-ħajja tagħhom;
11. Jikkunsidra li l-għanijiet ta' l-Unjoni m'għandhomx jillimitaw ruħhom għat-twettiq ta' l-objettivi ta' Barċellona rigward strutturi għall-kura tat-tfal; jemmen li dawn l-istrutturi għandhom jitqiesu bħala servizzi universali li jkunu aċċessibbli għal dawk kollha li jkollhom bżonnhom;
12. Jenfasizza l-fatt li għadd ta' impriżi zgħar m'humiex ippreparati tajjeb għall-problemi ta' ħaddiema li qed jixjieħu u rigward dan jista' jkollhom bżonn l-għajnuna ta' l-Istati Membri;
13. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tkompli d-diskussjoni dwar din l-isfida kbira; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tappoġġja fil-livell reġjonali u lokali l-identifikazzjoni u l-skambju ta' prattiki tajbin u biex tieħu din l-okkażjoni biex iddaħħal innovazzjonijiet fl-Unjoni; jaqbel ma' l-approċċ integrali tagħha għall-isfida demografika u għall-ħames linji gwida bażiċi li jwasslu għal patt ta' solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, il-generi ur-reġjuni; ifakkar li biex jilqgħu b'suċċess l-isfidi demografiċi, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b'mod effettiv l-istrateġija ta' Liżbona u jistabbilixxu koordinazzjoni mill-qrib fil-livell ta' Stati Membri bejn il-politiki makroekonomiċi u l-politiki soċjali sabiex it-tkabbir, il-kompetittività u l-produttività tas-sistema ekonomika ta' l-Unjoni jilqgħu għall-isfida demografika tax-xjuħija waqt li jippermettu li l-Istati Membri jwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom billi jippjanaw innovazzjonijiet fil-qasam tal-finanzi pubbliċi, tas-srvizzi tas-saħħa, tas-servizzi ta' interess ġenerali, ta' l-immigrazzjoni u ta' l-integrazzjoni.
L-isfida tat-tiġdid demografiku
14. Jagħraf li l-maternità tagħti lok għall-għażliet l-aktar intimi ta' raġel u mara li jeħtieġ li jiġu rispettati; li minħabba li r-rati differenti tat-twelid fost l-Istati Membri jvarjaw bejn 1.25 għal 2.0, huwa possibli li jiġu modifikati r-rata ta' twelid tiġi nfluwenzata pożitivament permezz ta'politiki pubbliċi koordinati li joħolqu ambjent materjali u psikoloġiku xieraq għall-familja u għat-tfal; li skond il-prinċipji mħaddna mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fil-proposta tiegħu ta' patt Ewropew għall-familja, dawn il-miżuri għandhom jiġu implimentati matul perjodu ta' żmien fit-tul u joffru l-istabbilità u l-protezzjoni meħtieġa għad-deċiżjoni ta' paternità/maternità;
15. Jappella lill-Istati Membri sabiex jadottaw l-aħjar prattiki rigward it-tul tal-liv għall-maternità li fl-Istati Membri jvarja minn 14 sa 28 ġimgħa, kif ukoll dwar liv għall-paternità/maternità, il-kura u l-għajnuna għal qabel it-twelid, il-garanzija ta' dħul waqt it-tqala u r-ritorn għall-istess impieg; hekk ukoll jispera li l-Istati Membri jadottaw miżuri u jikkontemplaw sanzjonijiet kontra l-vjolenza u l-abbuż domestiku;
16. Ifakkar fid-diskriminazzjonijiet li jisfaw vittmi tagħhom in-nisa rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-isfiduċja ta' min iħaddimhom meta juru x-xewqa li jkollhom tfal; ifakkar li n-nisa jiksbu anqas xogħol minkejja l-kwalifiki tagħhom u li l-livell tal-qliegħ tagħhom huwa aktar baxx mill-medja tas-salarji tipiċi u jippreġudika l-indipendenza ekonomika indispensabbli tagħhom; jappella lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw kif xieraq id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza ta' opportunitajiet u ugwaljanza ta' trattament ta' rġiel u nisa rigward impjiegi u xogħol(7), u sabiex jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 rigward is-sikurezza u s-saħħa ta' ħaddiema nisa waqt it-tqala u ta' ommijiet żgħażagħ li jreddgħu(8); jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu passi, fil-qafas tad-Direttiva 92/85/KEE, kontra min jimpjega li direttament jew indirettament jiddiskrimina kontra nisa li jixtiequ jkollhom tfal;
17. Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw miżuri wara t-twelid ta" tarbija, li joffru ħarsien u appoġġ speċifiċi lin-nisa, u b'mod partikulari lill-ommijiet mingħajr sieħeb, filwaqt li wieħed iżomm quddiem għajnejh in-numru dejjem akbar ta" familji b'ġenitur wieħed, li 85% minnhom huma mmexxija minn nisa u li huma esposti aktar minn oħrajn għall-riskju serju tal-faqar;
18. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa ta' nfiq pubbliku favur l-infanzja u l-familji numerużi, b'mod partikulari għall-forniment ta' servizzi ta' għajuna għall-kura tat-tfal żgħar u għall-protezzjoni ta' ommijiet waħdehom u ta' familji b'ġenitur wieħed li huma mhedda b'mod partikulari mill-eskużjoni soċjali, l-iżolament u l-faqar; jenfasizza li dawn is-servizzi huma ta' interess ġenerali u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' l-impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjunali; jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika eżempji ta' l-aħjar prattiki fir-reġjuni ta' ċerti Stati Membri;
19. Għalhekk jirrakkomanda li jsiru investimenti pubbliċi u privati konġunti fis-settur tal-kura tat-tfal u fis-sistema ta" l-edukazzjoni ta" qabel l-iskola primarja;
20. Jenfasizza li huwa essenzjali li jiġi żgurat aċċess adegwat għal servizzi ta' għoti ta' kura għat-tfal, għal persuni anzjani jew b'diżabilità u persuni oħrajn dipendenti sabiex jippermetti parteċipazzjoni sħiħa u ugwali ta' l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol, li jkollu impatt fuq il-livell ta' kura informali disponibblifl-unita' domestika;
21. Ifakkar li d-djalogu soċjali kkonkluda ftehim rigward liv għall-ġenituri u xogħol part time li kienu l-għanijiet tad-Direttivi tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 dwar il-ftehim ta' qafas dwar il-leave tal-ġenituri(9) u 97/81/KE tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar il-Ftehim ta' Qafas dwar ix-xoghol part-time(10), jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiggarantixxu l-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni b'rispett għall-prinċipju tas-solidarjetà;
22. Jappella lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw it-tqegħid f'familji ospitanti tfal li jkuu vittmi ta' abbuż, orfni jew li trabbew f'istituzzjonijiet speċjlizzati; jitlob li jkun hemm diskussjonijiet fil-livell Ewropew dwar proċeduri għall-adozzjoni ta' tfal minn Stati Membri jew minn pajjiżi terzi, u sabiex tingħata attenzjoni li r-regolamenti nazzjonali u internazzjonali jiġu rispettati u emendati jekk ikun meħtieġ b'rispett għat-tfal; jappella li jkun hemm l-akbar sorveljanza rigward kull għamla ta' abbuż u ta' traffikar tal-bnedmin;
23. Jenfasizza li l-modi kif inhuma organizzati l-familji qed jinbidlu; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu konsiderazzjoni serja li din ir-realtà meta jkunu qed jiżviluppaw u jimplimentaw il-politiki tagħhom;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li titjib il-leġiżlazzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-paternità; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi miżuri speċifiċi mfassla biex jiġi ffaċilitat involviment akbar tal-missirijiet fil-ħajja tal-familja permezz tad-dritt għall-liv paternali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu d-drittijiet tal-missijirijiet rigward l-edukazzjoni u l-għoti ta' kura lit-tfal (b'mod partikolari f'każijiet ta' separazzjoni u divorzju) sabiex tiġi żviluppata l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà Ewropea;
25. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-problema sensittiva ta' l-infertilità li tolqot lin-nisa, miżżewġin jew le, jew lill-koppji;
26. Jinnota li l-infertilità hija kundizzjoni medika rrikonoxxuta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li jista" jkollha effetti serji bħalma hi d-dipressjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-infertilità qiegħda tiżdied u issa tolqot kważi 15% tal-koppji; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw id-dritt tal-koppji għall-aċċess universali għall-kura ta" l-infertilità;
27. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jagħmlu skambji dwar l-aħjar prattiki favur il-familja, dwar sussidji għall-familji kif ukoll servizzi soċjali ta' interess ġenerali (SSGIs) għall-protezzjoni u l-għajnuna tal-familja; jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu għajnuna lil ġenituri żgħażagħ li jkomplu l-istudji u t-taħriġ tagħhom;
28. Jistieden lill-Istati Membri, sabiex jirrikonoxxu l-valur soċjali, ekonomiku u edukattiv tat-tip ta' xogħol informali li jsir fil-familji fl-għoti ta' kura lit-tfal u lill-persuni dipendenti, billi jeżminaw il-possibilità li jkun hemm rikonoxximent ta' dawn l-istati ta' servizz u sabiex jingħataw protezzjoni soċjali kif ukoll drittijiet għall-pensjoni lill-persuni li jagħmlu xogħol informali bħal dan;
29. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri proattivi ta' appoġġ għall-ġenituri, bħal m'huma drittijiet addizzjonali għall-pensjoni u tnaqqis fit-taxxa dovuta għall-ħolqien ta' crèches tal-kumpaniji, u sabiex ikun hemm skambju ta' l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;
L-isfida tar-riżorsi umani
30. Jinnota li meta wieħed jikkunsidra l-iżbilanċ bejn dawk li jaħdmu u dawk li ma jaħdmux kkawżat mill-bidliet demografiċi, l-Unjoni għandha skop sostanjali biex iżżidl-mpjieg billi timpjega li n-nisa, liż-żgħażagħ, lill-anzjani u lil persuni b'diżabilità; isostni li x-xogħol għal kulħadd għandu jkun l-iskop f'terminu qasir fi ħdan ir-reviżjoni ta' l-istrateġija ta' Liżbon fl-2008;
31. Jappella sabiex ikun hemm riforma tal-ġestjoni attwali tar-riżorsi umani Ewropej li minħabba n-nuqqas ta' mpjegar ta' żgħażagħ ta' anqas minn 25/30 sena u ta' persuni ta' aktar minn 55 sena, tillimita għal sa madwar 30 sena l-ħajja tax-xogħol ta' parti kbira mill-popolazzjoni; jitlob li jkun hemm promozzjoni ta' tekniki għall-ġestjoni ta' l-età li huma preventivi u ħolistiċi;
32. Jappella sabiex ikun hemm approċċ globali u kwalitattiv għar-riżorsi umani u jipproponi definizzjoni ta' "ċiklu ta' ħajja attiva" li tgħaqqad flimkien it-taħriġ, it-tagħlim għal tul il-ħajja u l-valorizzazzjoni tal-kompetenzi u kwalifiki, kemm dawk uffiċjali u dawk atipiċi, kif ukoll għal tul l-karriera mill-bidu sat-tmiem tagħha;
33. Jirrikonoxxi li s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-prevalenza dejjem tikber ta' forom mhux sikuri ta' impjieg qegħdin kull ma jmorru jwasslu biex tikber in-nuqqas ta' sigurtà fix-xjuħija; iqis li l-Istati Membri jeħtiġilhom janalizzaw u jagħmlu skambju ta' l-ideat dwar l-aħjar prattiki rigward iż-żamma tal-kontribuzzjonijiet soċjali matul iċ-ċiklu tal-ħajja sabiex tkun żgurata s-sigurtà fix-xjuħija;
34. Jidhirlu li l-miżuri eventwali li jittieħdu rigward bidliet demografiċi għandhom jikkunsidraw ż-żieda fil-produttività reġistrata għal kull ħaddiem attiv, u għalhekk m'huwiex biss in-numru ta' dawk attivi kif imqabbel ma' dawk mhux attivi li jgħodd, iżda wkoll iż-żieda fil-produttività;
35. Jitlob li jkun hemm djalogu fil-fond ma' l-imsieħba soċjali, ma' l-impriżi, ma' l-universitajiet, ma' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi) u mal-media bħala preparazzjoni għal dawn il-bidliet demografiċi; jenfasizza li fil-futur il-kisbiet fi prodottività se jiddependu l-aktar mill-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u mill-innovazzjonijiet teknoloġiċi, u jinsisti fuq il-ħtieġa essenzjali li l-kumpaniji jantiċipaw id-domanda tagħhom għal kompetenzi permezz ta' ġestjoni ta' impjiegi u ta' karrieri li tħares 'il quddiem, u permezz ta' investiment fit-taħriġ għal tul il-ħajja li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali;
36. Jitlob l-adozzjoni ta' miżuri konkreti sabiex il-ħaddiema l-aktar anzjani, jekk jixtiequ, jipparteċipaw għal żmien itwal fis-suq tax-xogħol biex b'hekk ikunu jistgħu jgħaddu l-kompetenzi miksuba u l-esperjenza professjonali tagħhom liż-żgħażagħ, lill-ħaddiema l-oħrajn u lill-impriżi;
37. Jinkuraġġixxi l-investiment fl-edukazjoni u fit-taħriġ, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ġodda, sabiex jgħollu l-livelli ta' taħriġ bażiku ta' kulħadd għaliex fuqhom jiddependu l-kapaċità ta' adattament u ta' taħriġ mill-ġdid permezz ta' tagħlim għal tul il-ħajja, kif ukoll fl-iżvilupp ta' miżuri għall-għajnuna biex żgħażagħ jibdew jaħdmu u sabiex jgħinu lill-ħaddiema anzjani u gruppi ta' persuni vulnerabbli biex jerġgħu jibdew jaħdmu, hekk li jkun hemm għajnuna tabilħaqq għal tul il-ħajja tax-xogħol;
38. Jipproponi li abbażi ta' negozjar kolletiv awtonomu jew permezz ta' konsultazzjoni ma' kunsilli tax-xogħol jitnaqqas kemm jista' jkun malajr ir-rikors minn intrapriżi għal irtirar kmieni mix-xogħol b', skond l-użanzi ta' l-Istati Membri, u jitlob lill-Istati Membri biex jippromwovu l-irwol ta' ħaddiema anzjani u jinkuraġġixxu li dawn jingħataw ix-xogħol; madankollu, jammetti li għal dawk il-ħaddiema ta' età akbar (dawk li jaqbżu l-minimu ta' l-età ta' l-irtirar) li ma jkunux iridu xogħol full-time , l-possibilitajiet ta' xogħol part time, ħinijiet ta' xogħol flessibli, xogħol li jista' jsir barra l-post tax-xogħol u job-sharing għandhom jiġu studjati u jistgħu ikunu forma ġdida ta' rtirar progressiv u jillimitaw l-effetti ta' l-istress ta' l-irtirar;
39. Iqis li wasal iż-żmien li tiġi indirizzata l-kwistjoni ta' l-"istress tal-pensjonanti", l-aktar is-sens ta' depressjoni, ta' nuqqas ta' siwi u ta' nikiliżmu esperjenzat minn ħaddiema ftit jiem wara li jirtiraw, meta jqisu lilhom infushom bħala inutli, abbandunati, waħedhom u mingħajr futur;
40. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipproponu inċentivi għal aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, pereżempju billi jappoġġjaw, mentoring ta' ħaddiema żgħażagħ minn ħaddiema li laħqu l-età tal-pensjoni permezz ta' skemi ta' job-sharing u ħidma part-time bl-għan li tkun faċilitata l-bidla ġenerazzjonali;
41. Jitlob li jkun hemm riforma serja tal-ġestjoni tal-karrieri ta' impjegati anzjani li attwalment issir diskriminazzjoni magħhom fl-impjegar meta jkunu għalqu l-50, fl-aċċess mhux adegwat għat-taħriġ, b'mod partikulari f'teknoloġiji ġodda, fin-nuqqas ta' għarfien ta' l-esperjenza tagħhom u fil-promozzjonijiet li rari jingħatawlhom; ifakkar li restrizzjonijiet ibbażati fuq l-età rigward taħriġ professjonali huma diskrimintarji u jitlob lill-Istati Membri biex jinfurmaw b'mod ċar dwar dan lil min jimpjega u lil min iħarreġ; għal dan il-għan, jitlob it-traspożizzjoni immedjata u l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(11) li tiddikjara li d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-qasam tat-taħriġ u ta' l-impjiegi hija illegali; jikkunsidra li, lilhinn mill-kwistjoni ta' aċċess għall-kompetenzi, il-ħaddiema anzjani ħafna drabi jkollhom bżonn għajnuna f'oqsma aktar personali relatati max-xogħol, bħalma huma t-teknika kif tagħmel interview, l-iżvilupp ta' fiduċja personali u kif tagħmel curriculum vitae; jitlob lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jsir tixrid ta' informazzjoni speċfika għall-ħaddiema anzjani fuq il-postijiet tax-xogħol u biex iniedu aktar programmi governattivi sabiex jiġu impjegati ħaddiema anzjani; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm moniteraġġ ta' Stati Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom tkompli tiddiskrimina rigward diżabilitajiet jew età;
42. Jitlob lill-Kummissjoni biex tassigura li jkun hemm moniteraġġ u tintervjeni ma' l-Istati Membri li fil-leġiżlazzjoni tagħhom iżommu diskriminazzjonijiet rigward diżabilitajiet jew età li jmorru kontra t-Trattati u l-Karta tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea – li mill-1 ta' Jannar 2009 se tkun torbot legalment fit-territorju kollu ta' l-Unjoni – sabiex jibdew ineħħuhom mill-aktar fis;
43. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor data statistika maqsuma skond gruppi ta' etajiet varji skond il-problemi differenti li jiffaċċjaw u skond il-forom diversi ħafna ta' diskriminazzjoni minħabba l-età;
44. Ifakkar li l-persuni anzjani ma jirrapreżentawx kategorija omoġenja; jenfasizza b'mod partikulari l-fatt li n-nisa anzjani u l-persuni anzjani minn minoranzi etniċi huma esposti għal diskriminazzjonijiet multipliċi;
45. Jenfasizza li x-xogħol part time jirrapreżenta stadju importanti biex wieħed jidħol lura fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw b'mod partikulari lill-intrapriżi żgħar fil-promozzjoni tax-xogħol part-time u l-organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol; ifakkar fil-vantaġġi konkreti tax-xogħol part time għall-ħaddiema anzjani li ma jkunux jixtiequ jkomplu jaħdmu xogħol full time;
46. Jitlob lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-irwol ta' ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol billi jisħqu fuq il-vantaġġi li jiġu impjegati dawn il-persuni u billi jinkuraġġixxu lil min jimpjega sabiex jadotta organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol li tħeġġeġ lill-ħaddiema anzjani biex jagħtu sehemhom fis-suq tax-xogħol;
47. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studju bbażat fuq data maqsuma skond il-ġeneru dwar il-benefiċċji fiskali u l-ostakli eżistenti rigward xogħol, u b'mod partikulari rigward il-popolazzjoni li qed tixjieħ;
48. Jerġa' jisħaq mal-Kummissjoni u ma' l-Istati Membri sabiex itejbu l-aċċess għat-tagħlim għal tul il-ħajja;
49. Ifakkar li l-prinċipju ta' età uffiċjali ta' irtirar huwa wieħed mill-kisbiet tal-mudelli soċjali Ewropej u garanzija kontra li jittawwal iż-żmien obbligaortju tal-ħajja tax-xogħol lilhinn minn dak li hu raġjonevoli;
50. Ifakkar li l-pensjoni hija dritt li kull persuna impjegata bi ħlas tista' tuża mill-età legali tal-pensjoni ffissata minn kull Stat Membru, b'kooperazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, f'dak li jirrigwarda t-tradizzjonijiet nazzjonali;
51. Jenfasizza d-disparità kbira li teżisti bejn in-nisa u l-irġiel dwar rata ta' pensjoni medja kkawżata mill-interruzzjonijiet tal-karrieri minħabba responsabbiltjiet tal-familja rigward tfal jew qraba anzjani; jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri biex waqfien mix-xogħol minħabba maternità u liv għall-ġenituri ma jibqgħux jiġu penalizzati fil-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jaħsbu għal sussidji għall-pensjoni bbażati fuq in-numru ta' tfal li jkunu trabbew u sabiex jirrikonoxxu l-irwol ta' l-għoti ta' kura personali fis-soċjetà;
52. Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jimmodernizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali u ta" l-għajnuna soċjali, inklużi l-iskemi tal-pensjoni, sabiex isiru vijabbli finanzjarjament u biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma' l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni; isostni li għandha tiġi ffukata attenzjoni speċjali fuq is-sitwazzjoni tan-nisa anzjani, li huma aktar vulnerabbli għall-iżolament u l-faqar;
53. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal studju komparattiv f'kull Stat Membru tad-diversi skemi ta" pensjoni u ta" sigurtà soċjali li hemm għan-nisa sabiex ikunu identifikati l-aħjar prattiki, mhux biss biex jiżdied l-impjegar tan-nisa, iżda wkoll sabiex jippermetti konċiljazzjoni armonjuża bejn il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol;
54. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffukaw b'urgenza l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni ta' appoġġ għal xogħol għall-ħaddiema anzjani billi hemm previst li l-età uffiċjali ta' rtirar se togħla f'għadd kbir Stati Membri;
55. Madankollu jikkunsidra li t-tul mistenni tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja ta' persuni li qabżu l-età legali tal-pensjoni huma ogħla aktar minn qatt qabel u f'dan il-kuntest jitlob lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali biex jagħmlu minn kollox sabiex jippromwovu u ma jxekklux l-istabbiliment ta' standards u regoli komuni li jippermettu li l-ħaddiema jtawwlu l-ħajja attiva tagħhom, fuq bażi volontarja, wara l-età legali stabbilita minn kull Stat Membru; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tagħmel studji komparattivi dwar id-diversità tas-sistemi ta' pensjoni fl-Istati Membri u dwar l-impatti ekonomiċi u soċjali tar-riformi previsti fl-Istati Membri;
56. Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri li jippermettu li tinstab soluzzjoni għall-promozzjonijiet ta' nisa li jaħdmu u l-problema ta' l-eżiġenzi tal-familja u li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni u l-isterjotipi li tagħhom għadhom jisfaw vittmi n-nisa fis-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni; ifakkar fil-prinċipju ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kif ukoll fil-prinċipju invjolabbli tal-mudell soċjali Ewropew ta' l-ugwaljanza tal-pagi għall-istess xogħol fuq l-istess post tax-xogħol;
57. Jitlob għalhekk li jittieħdu miżuri fil-qasam tal-liġi ta' l-impjiegi bil-għan li jeliminaw definitivament din il-forma ta" diskriminazzjoni, speċjalment rigward id-differenza li hemm bejn il-pagi ta' rġiel u nisa, u sabiex fil-baġits pubbliċi jiġi applikat l-ibbaġittjar skond is-sessi;
58. Ifakkar li ambjent tax-xogħol tajjeb huwa fattur importanti tal-prodottività; jappella lill-Istati Membri sabiex jippromwovu inizjattivi fuq il-postijiet tax-xogħol bl-iskop li jitnaqqas ir-riskju ta' aċċidenti għall-ħaddiema anzjani, b'mod partikulari b'interventi li jtejbu l-ambjent psikosoċjali u fiżiku tax-xogħol, b'tibdil tal-kontenut u ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol, titjib ġenerali tas-saħħa fiżika, tal-benessere u tal-kapaċitajiet tal-ħaddiema, u b'tisħiħ ta' l-abilitajiet u l-kompetenzi professjonali; jistieden lill-intrapriżi sabiex jinvestu fil-prevenzjoni ta' l-aċċidenti fuq ix-xogħol u ta' mard relatat max-xogħol, servizzi tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, l-iġjene u d-djalogu soċjali;
59. Jenfasizza li hu importanti li l-post tax-xogħol ikun aċċessibbli u sikur għall-ħaddiema anzjani jew dawk b'diżabilità permezz ta' infrastrutturi sodisfaċenti u bil-forniment ta' tagħmir speċifiku adattat għall-bżonnijiet individwali; jenfasizza wkoll li ambjent aċċessibbli jippermettti li persuni anzjani jgħixu ħajja indipendenti, li jgħin ukoll biex titnaqqas l-ispiża pubblika fuq kura istituzzjonali;
60. Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu d-dritt li jintalab flex time jew xogħol part-time, li ma jkunx biss għal ġenituri, imma wkoll għal ħaddiema anzjani sabiex ikunu jistgħu huma wkoll jassumu risponsabbiltajiet tal-familja;
61. Jisħaq fuq l-irwol ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju bħala sors ta' impiegi fl-Unjoni;
62. Jinnota li s-settur tas-servizzi huwa dak li jimpjega l-aktar nisa, immigranti u ħaddiema anzjani; jitlob bl-akbar urġenza li jitwettaq is-suq intern tas-servizzi;
L-isfida tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u t-territorji
63. Ifakkar li l-prinċipju tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, prinċipju ta' mudelli soċjali eċċellenti Ewropej, jiddependi filli persuni li jaħdmu jkopru dħul alternattiv u l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali u ta' kura tas-saħħa għal dawk li ma jaħdmux (tfal, żgħażagħ, persuni dipendenti u persuni anzjani) jinsisti li l-prinċipju tas-solidarjetà għandu jinżamm, minkejja l-iżbilanċ demografiku previst;
64. Jenfassizza l-importanza ta' l-intervenzjoni attiva ta' l-awtoritajiet pubbliċi, b'mod speċjali bil-preżenza tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali (SSIĠs), kemm favur il-familji u t-tfal żgħar, kemm ukoll għall-kenn u responsabbiltà għall-kura ta' l-anzjani u l-persuni kollha dipendenti; jikkunsidra li aċċess għal dawn is-servizzi jikkostitwixxi dritt fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi s-sikurezza legali tas-SSIĠ fil-liġi komunitarja li tiggarantixxi l-aċċess universali u l-prinċipju ta' solidarjetà;
65. Jisħaq fuq l-importanza Membri ta' skambju ta' informazzjoni u ta' l-aħjar prattiki fost l-Istati Membridwar kif is-sistemi tas-saħħa jistgħu iħejju ruħhom għaż-żieda fid-domanda mill-popolazzjoni li qed tixjiħ; rigward dan, jinnota b'mod partikulari li l-popolazzjoni li qed tixjiħ se tikkontribwixxi biex tikber l-ispiża pubblika fil-qasam tal-kura tas-saħħa minħabba li tul ix-xjuħija d-diżabiltà u l-mard ikomplu jiggravaw bis-sħiħ, b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni ta' eta' avanzata ħafna (iżjed minn 80 sena)- grupp li ser jikber sew fis-snin li ġejjin;
66. Jistieden lill-Istati Membri sabiex japplikaw miżuri aktar stretti kontra kull evażjoni tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali sabiex tkun żgurata s-sostenibilità ta' l-iskemi tal-pensjoni; jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw politiki attivi u effettivi dwar ix-xogħol u jħeġġiġhom sabiex jipprovdu sistemi flessibbli u opportunitajiet għall-għażla personali rigward meta wieħed jista' jirtira mix-xogħol (lilhinn mill-età minima għall-pensjoni) permezz ta' inċentivi għal dawk il-ħaddiema li jiddeċiedu li jkomplu jaħdmu;
67. Ifakkar fil-kontribut enormi li jagħtu l-anzjani għall-koeżjoni soċjali u ekonomika u li l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-solidarjetà tal-familja u bejn il-ġenerazzjoniiet issaħħaħ l-irwol ta' ridistribuzzjoni tar-riżorsi li jeżistu fi ħdan il-katina tal-familja; barra minn hekk, jikkunsidra li l-parteċipazzjoni tagħhom f'attivitajiet ta' volontarjat għandha tkun faċilitata u mħeġġa; jikkunsidra f-aħħarnett li l-konsum tagħhom ta' beni u servizzi, divertiment, kura u benessere jikkostitwixxi settur ekonomiku li qed jikber u rikkezza ġdida msejħa "deheb griż"; jistieden lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-iżvilupp u l-parteċipazzjoni ekonomika u soċjali ta' l-anzjani, b'attenzjoni partikulari għall-benessere fiżiku tagħhom u għall-kundizzjonijiet soċjali u finanzjarji tajbin tagħhom;
68. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-irwol ta' l-anzjani biex tinżamm is-solidarjetà bejn il-ġenerazjonijiet u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jgħinu, b'kollaborazzjoni ma' msieħba fil-livell lokali, il-parteċipazzjoni ta' l-anzjani f'attivitajiet ta' volontarjat, b'mod partikulari dawk ta' xejra edukattiva, kulturali u intrapreditorjali;
69. Jenfasizza l-importanza tal-volontarja li jippermetti li għadd ta' persuni jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-gvenijiet sabiex jiffaċilitaw l-aċċess ta' l-anzjani fil-volontarjat permezz ta' ħlas ta' kumpens;
70. Ifakkar li l-SSIĠ, b'mod partikulari rigward il-kenn, is-saħħa u l-edukazzjoni tat-tfal żgħar jgħinu biex jintegraw il-ġenituri fis-suq tax-xogħol u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar, b'mod partikulari fil-każ ta' familji b'ġenitur wieħed; huwa konvint li dawn is-servizzi huma essenzjali biex l-Unjoni ssib soluzzjoni għall-isfidi demografiċi; min-naħa l-oħra iqis li, bil-ħolqien ta' l-impjiegi l-SSIĠ jistimulaw l-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjunali u jikkontribwixxu għall-kompetettività ta' l-Unjoni; f'din il-perspettiva, jikkunsidra li huwa indispensabbli li jsir xogħol sabiex jiġu identifikati SSIĠ ekonomiċi (SSIĠE) u sabiex issir evalwazzjoni ta' l-impatti soċjali u ekonomiċi tagħhom; jitlob l-implimentazzjoni ta' indikaturi ta' kwalità sabiex jitkejjel il-progress ta' l-għanijiet ta' Barċellona; jenfasizza li l-SSIĠE għal persuni anzjani u dipendenti għandhom jingħataw l-istess kunsiderazzjoni u l-istess trattament;
71. Jenfasizza li f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos, il-volontarjat u n-networks soċjali jagħtu kontribut sinifikanti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali, iżda ma jistgħux jieħdu post l-irwol essenzjali ta' l-awtoritajiet pubbliċi fl-għoti ta' SSIĠ fir-reġjuni; jikkunsidra li dan l-impenn attiv taċ-ċittadini jrid jiġi rikonoxxut u li l-korpi involuti jridu jkunu appoġġjati bħala msieħba fil-politika reġjonali; jenfasizza li dan iwassal għal proċessi ta' tagħlim li permezz tagħhom reġjun ikun jista' jiffaċċja l-isfidi tal-bidla demografika;
72. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jużaw il-Fondi Strutturali għal dan il-għan; u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, fi ħdan il-qafas tal-Koperazzjoni Territorjali (Artikolu 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(12)), l-iskambju ta' l-esperjenzi bejn ir-reġjuni fejn l-'ekonomija ta' l-anzjani' diġà għandha rwol ewlieni, jew fejn se jkollha rwol ewlieni fil-ġejjieni;
73. Jappella sabiex ikun hemm dibattitu fil-fond dwar id-dritt ta' pensjoni diċenti għal kulħadd li fuqha jiddependu l-istat finanzjarju tajjeb, id-dinjità u l-integrazzjoni soċjali tal-popolazzjoni anzjana; ifakkar fil-kontribut essenzjali li jagħtu l-anzjani għall-koeżjoni soċjali permezz tal-volontarjat u tal-kura fil-familji;
74. Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu diskussjonijiet koordinati dwar possibiltajiet ta' riformi li jistgħu jiżguraw is-sostenibilità tas-sistemi ta' pensjoni u ta' sigurtà soċjali, u li b'mod partikulari jistipulaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu lin-nisa li ż-żmien ta" liv ta" maternità u għat-trobbija ta" l-ulied jitqies fil-kalkolu tad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni;
75. Jistieden lill-Istati Membri biex, fejn dan ma jsirx diġà, jeżaminaw ir-relazzjoni bejn l-għoti ta' pensjonijiet u l-inċentivi għax-xogħol, b'mod partikulari rigward l-organizzazzjoni flessibbli tax-xogħol sabiex jiġi elimiminat dak kollu li jiskuraġġixxi x-xogħol;
76. Jinnota li x-xjuħija tas-soċjetà Ewropea taħbi inugwaljanzi reġjunali kbar u billi d-data nazzjonali rigward bidliet demografiċi jostru realtajiet lokali differenti, kultant ikun diffiċli li jiġu identifikati l-bżonnijiet infrastururali u t-trasferimenti finanzjarji meħtieġa mingħand il-gvernijiet ċentrali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità u l-affidabilità ta' data statistika rigward xejriet demografiċi u jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iħaffu aktar il-proċess taċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-ħaddiema kollha ta' l-Unjoni mkabbra ukoll qabel l-2014;
77. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżommu ugwaljanza fil-baġit bejn id-dħul u l-ħruġ, fis-sistemi rispettivi tal-pensjoni, b'rispett tal-prinċipju ta' sussidjarità u jifraħ lill-Istati Membi li kull sena jirriservaw fond tal-baġit għall-ħlas tal-pensjonijiet fil-ġejjieni;
78. Jinnota li l-impatt ta' bidla demografika fuq reġjuni individwali huwa kbir u jeħtieġ strateġiji differenti ta' aġġustament skond jekk ir-reġjun konċernat huwiex reġjun ta' migrazzjoni jew ta' popolazzjoni li qed tonqos; jinnota li l-kwalità tal-ħajja hija definita b'mod differenti f'reġjuni fejn il-popolazzjoni qed tonqos, li huma l-aktar reġjuni rurali, minn kif inhi definita f'reġjuni b'popolazzjoni li qed tiżdied, u għalhekk iqis li jinħtieġu strateġiji differenti ta' appoġġ;
79. Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkunsidrau d-dimensjoni ġenerazzjonali tas-solidarjetà bejn ir-reġjuni ta' l-Ewropa u sabiex jagħtu kunsiderazzjoni għall-impatt territorjali sinifikattiv ħafna tax-xejriet demografiċi differenti li jinsabu fl-Unjoni; jenfasizza li dawn l-impatti huma kbar fejn jolqtu l-akkomodazzjoni u l-infrastruttura, b'mod partikulari fiz-zoni urbani li probabbli se jaraw tkabbir kbir u konċentrazzjoni qawwija ta' komunitajiet ta' migranti; jenfasizza wkoll il-bżonnijiet speċifiċi fil-livell lokali fir-reġjuni li qed jixjieħu rigward investiment fis-servizzi lokali sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' persuni anzjani u sabiex ikunu żgurati għal żmien twil kemm jista' jkun l-awtonomija u l-indipendenza tagħhom; jipproponi li l-attribuzzjoni ta' fondi strutturali u l-possibiltajiet li joffru l-Fondi Soċjali Ewropej sabiex jiġi mobilizzat il-kapital soċjali lokali għas-servizzi għandhom jikkunsidraw dawn il-bżonnijiet ta' investiment; jitlob li dawn jinżammu wara l-2013; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jittieħdu miżuri mir-reġjuni ta' immigrazzjoni sabiex jinżamm bilanċ demografiku naturali permezz ta' investimenti fix-xogħol, fit-taħriġ u fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi;
80. Jipproponi lill-Kummissjoni li, bħala parti mill-Koperazzjoni Territorjali, għandha tippromwovi netwerks madwar l-Ewropa kollha li minnhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali u tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jitgħallmu minn xulxin kif għandhom jiġu ttrattati l-problemi li joriġinaw mill-bidla demografika;
81. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu proġetti interġenerazzjonali li fihom l-anzjani jaħdmu flimkien maż-żagħżagħ sabiex jaqsmu bejniethom il-kapaċitajiet tagħhom u jiksbu esperjenzi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiffaċilità l-iskambju ta' prattiki tajba f'dan il-qasam;
82. Jistieden lill-Istati Membri biex jgħinu lir-reġjuni b'emigrazzjoni netta billi jiggarantixxu livell għoli ta' servizzi ta' interess ġenerali (eż. l-edukazzjoni, inklużi s-servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal qabel ma jmorru l-iskola, is-servizzi tas-saħħa, is-servizzi postali) u servizzi ta' aċċessibilità (eż. tat-trasport pubbliku, l-infrastrutturi tat-trasport u n-networks tat-telekomunikazzjoni) il-parteċipazzjoni ekonomika u l-ħiliet (eż. permezz tat-taħriġ, inklużi metodi ta' taħriġ għal tul il-ħajja, kif ukoll permezz ta' l-investiment f'teknoloġiji ġodda u l-użu tagħhom); jitlob li l-qafas prattiku fejn għandhom jitwteqqu dawn il-ħidmiet għandu jiġi adattat għall-ħtiġijiet lokali u għall-parteċipanti lokali u jagħmel aħjar l-adattibilità tagħhom; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikulari għas-sitwazzjoni tal-gżejjer, taz-zoni mal-fruntieri, ta' reġjuni muntanjużi u ta' oħrajn ultraperiferiċi;
83. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta biex jitwaqqaf Fond Ewropew għall-Integrazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, reġjonali u lokali li huma responsabbli għat-tfassil u l-immaniġġjar tal-Politika ta' Koeżjoni u tal-Politika għall-Iżvilupp Rurali biex jaħdmu dejjem aktar flimkien sabiex jinkuraġġixxu li n-nies imorru joqogħdu f'reġjuni rurali fejn qed tonqos il-popolazzjoni, billi jtejbu l-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u tax-xogħol f'dawn ir-reġjuni;
84. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, fir-raba' rapport dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali, il-Kummissjoni identifikat l-iżbilanċ demografiku li qed jikber bħala waħda mill-isfidi li trid tiffaċċja; jistenna b'interess ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet soċjali u d-definizzjoni ta' l-irwol tal-politika reġjonali fil-ġlieda kontra l-effetti negattivi tal-bidla demografika fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;
85. Ifakkar lill-Istati Membri fl-iżvantaġġi numerużi li għandhom voluntiera responsabbli għall-kura, b'mod speċjali dawk l-aktar anzjani; jissuġġerixxi li jiġi propost aktar appoġġ għal dawn il-persuni sabiex ikunu jistgħu jgħelbu l-għadd ta' ostakli biex isibu impjieg;
86. Jikkunsidra li f'zoni urbani, f'subborgi u f'zoni rurali żvantaġġati t-tendenzi demografiċi wisq probabbli se juru tnaqqis fil-popolazzjoni li jkollu effett deċiżiv fuq l-akkomodazzjoni u fuq l-infrastrutturi;
87. Jistieden lill-Istati Membri sabiex fl-ambitu ta' l-iżvilupp urban u ta' l-ippjanar ta' l-ibliet iżidu d-disponibilità ta' djar xierqa għall-familji, speċjalment għall-familji b'ġenitur wieħed u għan-nies imdaħħla fiż-żmien pereżempju permezz ta" "proġetti interġenerazzjonali";
88. Jenfasizza li l-iżbilanċi demografiċi f'livell dinji qed jirriskjaw li jkabbru l-inugwaljanza fl-iżvilupp u l-pressjonijiet migratorji; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jintegraw dawn l-elementi fil-politiki għall-immigrazzjoni tagħhom bl-iskop li jkun hemm żvilupp konġunt;
L-isfida ta' l-immigrazzjoni integrata
89. Jinnota li r-rikors għall-immigrazzjoni huwa, u se jibqa', wieħed mill-elementi fid-demografija ta' l-Unjoni Ewropea u jista' jkun kontribut pożittiv minn perspettiva ekonomika, soċjali u kulturali; jappella għalhekk lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali sabiex jiżviluppaw approċċ kalm u raġunat għall-immigrazzjoni sabiex jaffronta l-opinjonijiet u attitudnijiet ksenofobiċi u razzisti u sabiex jippromwovi l-integrazzjoni sħiħa u effettiva tal-migranti fis-soċjetà;
90. Jagħraf madankollu li l-migrazzjoni, b'mod partikulari dik li tiġi mir-reġjuni ta' emigrazzjoni, toffri wkoll opportunità biex tpatti għall-effetti negattivi tal-bidla demografika u għalhekk jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw l-integrazzjoni tal-migranti bħala miżura politika ta' importanza strateġika;
91. Jikkunsidra li l-politiki ta" integrazzjoni għandhom ikunu msaħħa fl-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw l-istabbiliment tal-migranti fl-Unjoni Ewropea; għalhekk jilqa" b'sodisfazzjon id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE tal-25 ta' Ġunju 2007 li twaqqaf il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi għall-perjodu 2007 sa l-2013 bħala parti mill-programm ġenerali 'Solidarjetà u Tmexxija ta' Flussi tal-Migrazzjoni'(13) u jemmen li dan jikkontribwixxi biex jiffaċilità l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tal-migranti fl-UE;
92. Jenfasizza l-bżonn li jkunu definiti u koordinati bejn l-Istati Membri l-politiki ta' immigrazzjoni billi jiggarantixxu lill-immigranti kundizzjonijiet indaqs ta' għajxien u ta' xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja u tippreżenta malajr kemm jista' jkun strateġija u miżuri speċifiċi rigward l-immigrazzjoni ekonomika;
93. Jenfasizza l-urgenza li jiġu koordinati aħjar il-politiki għall-immigrazzjoni ta' l-Istati Membri sabiex jiggarantixxu integrazzjoni aħjar ta' l-immigranti fis-soċjetà u l-ekonomija formali u li tiġi żgurata s-sikurezza legali tagħhom, inklużi d-drittijiet tagħhom għall-pensjoni; jitlob lill-Istati Membri biex jiġġieldu b'konvinzjoni kontra l-kutrabandu u t-traffikar tal-bnedmin u biex jiġi penalizzat min iħaddem u/jew jesplojta ħaddiema f'sitwazzjoni irregolari; jilqa' l-inizjattiva Ewropea kontra x-xogħol illegali u kontra l-esplojtazzjoni u l-kundizzjonijiet ta' ħajja mhux diċenti li tagħhom jisfaw vittmi l-immigranti illegali;
94. Jagħraf rigward dan l-irwol speċifiku li għandhom l-ibliet, billi l-maġġoranza ta' l-immigranti jgħixu hemm, u jenfasizza li l-Kummmissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta'l-impatt taz-zoni urbani fuq il-politika ta' l-immigrazzjoni u jinvolvuhom mill-qrib fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki; jinnota b'interess il-proċess "L-Integrazzjoni ta' l-Ibliet" imniedi mill-Kummissjoni u EUROCITIES, kif ukoll id-dikjarazzjoni ta' Milan dwar l-integrazzjoni, iffirmata fis-6 ta' Novembru 2007 bħala garanzija li jitkompla d-djalogu dwar l-implentazzjoni, fil-livell ta' l-ibliet, tal-prinċipji bażiċi komuni rigward l-integrazzjoni;
95. Jenfasizza li l-immigrazzjoni legali fl-Unjoni Ewropea għandha tkun ta' vantaġġ għall-immigranti u m'għandhiex tkun ta' piż għall-pajjiżi ta' oriġini; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jespandu l-miżuri tagħhom għall-integrazzjoni soċjali u ċivika ta' l-immigranti;
96. Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri biex jikkunsidraw id-dimensjoni dinjija ta' l-immigrazzjoni u l-konsegwenzi ta' l-immigrazzjoni ekonomika fl-Unjoni Ewropea għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta' oriġini; jenfasizza l-ħtieġa li jitqies ir-riskju tat-telf ta' l-aħjar imħuħ fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, b'kollaborazzjoni mal-pajjiżi terzi, iniedu miżuri effikaċi biex jiġġieldu dan il-fenomenu;
97. Jinsisti li d-dimensjoni umana ta' l-immigrazzjoni m'għandhiex tintilef minħabba kunsiderazzjonijiet strettament ekonomiċi u li l-għażla ta' l-integrazzjoni tal-familja għandha tibqa' possibilita? għal dawk l-immigranti li jkunu jixtiquha; jitlob għal koperazzjoni mill-qrib bejn il-politiki Ewropej dwar l-immigrazzjoni u dawk dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni u r-reġjuni;
98. Ifakkar li l-qligħ li jagħmlu l-immigranti fl-Ewropa jippermetti b'mod sostanzjali ħafna li jingħata kontribut għall-għajxien ta' persuni anzjani f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
99. Jenfasizza li l-politiki għall-immigrazzjoni għandhom jitfasslu b'mod li jiġġieldu kontra d-diskriminizzazzjoni u jkollhom l-iskop li jkun hemm grad aktar għoli ta' ugwaljanza legali, soċjali u soċjetali, kemm għall-immigranti li diġà jinsabu fl-Ewropa, kemm għal dawk li għad iridu jiġu;
100. Jidhirlu li membri tal-familji li jkunu qed jakkumpanjaw ħaddiema immigranti għandhom jingħataw permessi ta" residenza u, fejn ikun jixraq, permessi tax-xogħol;
101. Jenfasizza l-irwol importanti tan-nisa migranti u jistieden lill-Istati Membri biex jagħtuhom il-post li jixirqilhom fil-politiki ta" integrazzjoni u sabiex jiggarantulhom id-drittijiet kollha tagħhom;
102. Jistieden lill-Istati Membri biex idaħħlu fl-aġenda ta' samit li jmiss skambju ta' opinjonijiet dwar il-bidla demografika u dwar il-prattiki tajbin li saru f'oqsma differenti, bħal fil-qasam tax-xjuħija attiva, ta' l-impjieg taż-żgħażagħ, tal-politika għall-familja u ta' l-integrazzjoni tal-migranti;
103. Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta kull sentejn rapport fuq is-sitwazzjoni tal-Forum Demografiku Ewropew; jixtieq li dan ir-rapport jikkunsidra ukoll l-impatt tal-politiki implimentati mill-Istati Membri fil-qasam konċernat; jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li kull sentejn tiddedika kapitlu tar-rapport tagħha għall-infertilità u li tinkludi f'dan ir-rapport kapitlu dwar il-preparazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-bidliet demografiċi; jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex timplimenta sistema ta' indikaturi sabiex jimmoniterjaw u janalizzaw il-bidla demografika f'kull Stat Membru individwali u fl-Unjoni Ewropea;
104. Josserva li l-ġejjieni demokratiku ta' l-Ewropa jippreżenta diffikultajiet ġodda fil-livell ta' mekkaniżmi demokratiċi u tal-mezzi li permezz tagħhom il-vuċi tal-pluralità tal-komponenti tagħha tkun tista' tinstema' u tinfluwixxi fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi; jikkunsidra li l-kwistjoni prinċipali f'soċjetà li qed tixjiħ hija dik tar-rappreżentanza politika tal-minorenni, li jikkostitwixxu l-ġejjieni komuni, u għalhekk il-ġejjieni politiku tal-komunità, u li attwalment la jistemgħu u lanqas ma jinfluwixxu b'xi mod fuq id-deċiżjonijiet; jinnota li għal raġunijiet diversi l-immigranti, kemm l-adulti kif ukoll l-ulied tagħhom, isibu diffikultajiet kbar biex isemmgħu leħinhom; huwa ta' l-opinjoni li l-kwistjoni ta' l-espressjoni u tar-rappreżentanza politika ta' gruppi soċjali li llum huma miċħudin minnhom, b'mod partikulari l-minorenni, hija sfida essenzjali li jistħoqqilha dibatittu wiesa' u fil-fond;
105. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex isaħħu s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni rigward l-isfidi demografiċi fl-Ewropa, inter alia permezz ta' kampanji u proġetti pilota f'dan il-qasam;
o o o
106. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.
Koperazzjoni xjentifika internazzjonali ma' l-Afrika
206k
37k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar l-importanza li jkunu appoġġjati miżuri għat-titjib tal-koperazzjoni xjentifika internazzjonali ma' l-Afrika
– wara li kkunsidra l-laqgħa għolja bejn l-UE u l-Afrika tat-8 u d-9 ta' Diċembru 2007, is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika u l-Pjan ta' Azzjoni (2008-2010),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2008 dwar iz-Żona Ewropea ta' Riċerka: Prospettivi Ġodda(1),
– wara li kkunsidra l-irwol tat-teknoloġija ta' l-enerġija fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
1. Jirrikonoxxi t-tendenza li qed tiżdied fost min ifassal il-politika fl-Afrika li tingħata prijorità lix-xjenza u t-teknoloġija (S&T) u lill-innovazzjoni għall-iżvilupp;
2. Jirrikonoxxi l-kontribut siewi tas-Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp ta' l-Afrika (NEPAD), il-pjan ta' azzjoni kkonsolidat tagħha għall-S&T u l-programmi ta' l-S&T ta' l-Unjoni Afrikana, u jitlob implimentazzjoni aħjar u żvilupp akbar tagħhom u li jittejbu l-miżuri rilevanti;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-involviment tax-xjentisti Afrikani fix-xjenza kollaborattiva internazzjonali u fi proġetti ta' riċerka u żvilupp (R&D) sabiex iżommu u jiżviluppaw l-għarfien tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Afrika, b'mod partikulari f'oqsma speċifiċi bħall-ikel, is-saħħa u l-enerġija;
4. Filwaqt li jfakkar ir-rilevanza speċjali mogħtija lill-mardiet injorati fi ħdan is-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni(2), għandha ssir enfasi speċjali fuq ir-riċerka dwar l-HIV/AIDS fil-pajjiżi Afrikani;
5. Jitlob li tissaħħaħ l-infrastruttura eżistenti tar-riċerka skond l-indikazzjonijiet ta' l-Unjoni Afrikana u tal-komunità xjentifika Afrikana, inkluż l-Uffiċċju NEPAD għall-Programmi Xjentifiċi u Tekonoloġiċi, il-programmi ta' l-Unjoni Afrikana u l-proġetti ta' riċerka u żvilupp, b'mod partikulari f'oqsma speċifiċi bħall-ikel, is-saħħa u l-enerġija;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika ma' l-Afrika li tiggarantixxi malajr żvilupp komprensiv u ġenwin ta' l-għarfien u t-teknoloġiji fil-pajjiżi Afrikani stess;
7. Jinnota li l-progress xjentifiku jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali previst fl-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp; jistieden b'mod partikulari lill-Unjoni Ewropea biex il-bidla fil-klima tkun prijorità fil-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika tagħha ma' l-Afrika, filwaqt li jintużaw qabel kollox is-sorsi enormi ta' enerġija li jiġġeddu li hemm fl-Afrika, b'referenza partikulari għall-enerġija tax-xemx;
8. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu l-iskambju ta' għerf u ta' teknoloġiji bejn l-UE u l-Afrika, kif ukoll proġetti ta' riċerka u żvilupp, f'qafas koerenti ġdid għal azzjoni biex jintlaħqu għanijiet immedjati u għall-futur imbiegħed għall-iżvilupp sostenibbli, u biex fl-istess ħin jiġu żviluppati l-politika u l-miżuri meħtieġa;
9. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw konsistenza akbar bejn il-politika internazzjonali ta' l-UE għall-S&T u l-ħtiġijiet bażiċi tal-pajjiżi Afrikani, biex dan iwassal għall-iżvilupp ta' qafas globali ġdid għax-xjenza u d-diplomazija ma' l-Afrika;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.
– wara li kkunsidra r-Raba" Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273) ('ir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni'),
− wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Strateġija għar-Reġjuni l-aktar imbiegħda: Suċċessi u Prospetti għall-ġejjieni" (COM(2007)0507),
− wara li kkunsidra l-Artikoli 158, 159 u 299(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali ta' l-UE u l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli u l-Ewwel Programm ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali ta' l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport min-Network ta' Osservazzjoni Ewropew dwar l-Ippjanar Territorjali (ESPON) bit-titlu l-Ġejjieni tat-Territorji - Ix-xenarji territorijali għall-Ewropa u dak tal-Parlament Ewropew id-Differenzi Reġjonali u ta' Koeżjoni: liema Strateġiji għall-Ġejjieni,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (COTER-IV-011) tat-28 ta' Novembru 2007 u dik tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (CESE 1712/2007) tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar ir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-impatt u l-konsegwenzi tal-politiki strutturali rigward il-koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar l-irwol u l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni fit-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi fl-iktar reġjuni foqra ta' l-UE(2),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 45 u 112(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għas-Sajd (A6-0023/2008),
A. billi politika ta' koeżjoni Ewropea globali tibqa' meħtieġa minħabba l-persistenza ta' disparitajiet kbar u problemi strutturali speċifiċi f'bosta reġjuni Ewropej, li hija sitwazzjoni li saret agħar minħabba t-tkabbir riċenti ta' l-Unjoni,
B. billi l-politika ta' koeżjoni ta' l-UE għalhekk tibqa' bħala pilastru fundamentali fil-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea, u għandha rwol attiv fit-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi u tan-nuqqas ta' żvilupp,
C. billi hemm rabta ċara bejn iż-żieda fl-ewroxettiċiżmu u z-żieda fid-disparitajiet territorjali bejn u fi ħdan ir-reġjuni, li juru l-bżonn għal koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sabiex tissaħħaħ il-konverġenza u tingħata bażi soda lill-leġittimità ta' l-Unjoni Ewropea, li tista' tinkiseb permezz ta' politika reġjonali viżibbli; billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet involuti għandhom rwol ċentrali fit-tqarrib ta' l-attivitajiet ta' l-UE lejn in-nies u fl-implimentazzjoni tal-politika reġjonali, li l-kisbiet tagħhom għandhom jiġu rreklamati b'mod aktar effiċjenti,
D. billi, wara li jittieħed kont tal-valur miżjud tagħha, il-politika ta' koeżjoni toffri lil kull reġjun il-possibilità ta' benefiċċji konkreti f'termini ta' impjiegi fuq medda twila ta' żmien u kwalità tal-ħajja ogħla għall-popolazzjonijiet lokali, partikolarment fir-reġjuni li għadhom lura u tikkontribwixxi biex issaħħaħ il-kompetittività u l-kapaċità ammistrattiva u tassigura ġestjoni deċentralizzata; billi, fid-dawl ta' dan kollu, kull tentattiv ta' nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid ta' din il-politika għandu jiġi rrifjutat,
E. billi t-Trattat ta' Liżbona, li ġie approvat mill-Kapijiet ta' l-Istat u tal-Gvern fit-18 ta' Ottubru 2007, u ffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007, inaqqax il-koeżjoni territorjali fost l-objettivi fundamentali ta' l-Unjoni, flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali,
F. billi żieda fir-riżorsi finanzjarji għall-politika ta' koeżjoni għandha tkun garantita fil-ġejjieni sabiex tkun tista' tieħu ħsieb l-isfidi l-ġodda mistennija, li għandhom impatt territorjali importanti, bħall-bidla demografika, il-konċentrazzjoni urbana, is-segregazzjoni, il-movimenti migratorji, (li huma partikolarment problematiċi għaż-żoni rurali u periferali), l-adattazzjoni għall-globalizzazzjoni, il-bidla fil-klima, il-provvista ta' l-enerġija, u l-proċess ta' żvilupp bil-mod taż-żoni rurali; billi dawn l-isfidi jistgħu jiġi ffaċċjati biss jekk l-importanza kbira tal-politika ta' koeżjoni tkun rikonoxxuta għal dan l-iskop fil-ġejjieni;
Data kuntrastanti dwar l-istat tal-koeżjoni fl-Unjoni Ewropea ta' 27 Stat Membru
1. Jilqa' b'sodisfazzjon dan ir-rapport, li huwa iktar dettaljat minn ta' qablu, li jibbaża fuq diversi indikaturi u joffri informazzjoni komparattiva utli ma' pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, iċ-Ċina u l-Indja, filwaqt li jirrifletti l-kuntest internazzjonali li fih joperaw l-ekonomiji ta' l-UE;
2. Jiddispjaċih, madankollu, min-nuqqas ta' dejta traversali u dejta komparabbli minn livelli differenti tan-NUTS, li kieku jippermettu valutazzjoni aħjar tas-sostenibilità tat-tkabbir u tal-konverġenza; jitlob, għalhekk, għal għodda statistiċi aħjar – bħall-indikaturi l-ġodda (apparti l-PGD per capita) li kienu użati b'suċċess fir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni – li kieku jippermettu li l-grad ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fuq il-post tkun imkejla b'mod aktar ċar, kif ukoll jippermettu l-kontribuzzjoni konkreta ta' l-azzjonijiet lokali għall-politika ta' koeżjoni; huwa ta' l-opinjoni li, sabiex dan jinkiseb, il-kapaċità ta' ESPON trid tiżdied;
3. Jinnota d-dewmien fit-teħid ta' approprjazzjonijiet strutturali fl-Istati Membri u jitlob għal miżuri li jtejbu s-sitwazzjoni; jinnota madankollu li għadu kmieni wisq biex ir-riżultati tal-politika ta' koeżjoni fl-Istati Membri ġodda jkunu evalwati; jilqa' l-isforzi kollha biex tissaħħaħ l-effettività tal-politika ta' koeżjoni u biex titnaqqas il-burokrazija eċċessiva u jitlob għal evalwazzjoni sistematika ta' din il-politika, itenni l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għall-'Inizjattiva Ewropea ta' Trasparenza', mibdija mill-Kummissjoni, li se tidentifika min se jirċievi l-fondi strutturali mill-2008 'il quddiem;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pajjiżi ta' koeżjoni l-antiki, jiġifieri l-Greċja, Spanja, il-Portugall u l-Irlanda, laħqu sew mal-bqija, fejn irreġistraw rata ta' tkabbir impressjonanti matul il-perjodu 2000 - 2006, iżda jinnota li, minkejja t-tkabbir tagħhom, għad hemm żbilanċji kbar bejn ir-reġjuni tagħhom u anki problemi strutturali serji;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rati għolja ta' tkabbir irreġistrati fl-Istati Membri ġodda iżda jinnota li l-konverġenza ekonomika tagħhom ma tistax tidher ħlief fuq it-terminu ta' żmien medju u twil u li se teħtieġ proċess twil minħabba li PGD per capita baxx, huwa l-punt tat-tluq f'uħud minn dawn il-pajjiżi,
6. Jilqa' b'sodisfazzjon l-affermazzjoni mill-ġdid tal-Kummissjoni dwar l-irwol importanti tal-politika ta' koeżjoni fit-tisħiħ tal-ħila ta' l-Istati Membri kollha biex jiżviluppaw b'mod armonjuż u joħolqu impjiegi ġodda u vijabbli, kif intwera mir-riżultati eċċellenti tal-politika ta' koeżjoni f'bosta mir-reġjuni ta' l-Objettiv 2;
7. Huwa mħasseb li l-konverġenza fost il-pajjiżi ħafna drabi tgħatti t-twessigħ tal-qabża bejn ir-reġjuni u fi ħdan ir-reġjuni individwali; jinnota li dan it-tkabbir ta' disparitajiet reġjonali u lokali jistgħu jiġi osservati f'diversi oqsma, f'termini ta' impjiegi, ta' produttività, ta' dħul, tal-livelli ta' l-edukazzjoni, kif ukoll tal-kapaċità innovattiva; jenfasizza wkoll l-irwol tal-koperazzjoni territorjali fl-għajnuna biex jingħelbu dawn il-problemi;
8. Jinnota, pereżempju, li l-kompetittività tar-reġjuni tiddependi ħafna fuq il-produttività, mill-aċċessibiltà tas-swieq u mil-livelli ta' kwalifiki tal-ħaddiema, li jvarjaw ħafna iktar bejn ir-reġjuni milli bejn l-Istati Membri; apparti dan jinnota li l-fatturi interistituzzjonali aktar ma jmur aktar qed jitqiesu bħala elementi ewlenin fil-kompetittività; dawn il-fatturi jinkludu l-għoti ta' kapital soċjali fil-forma ta' kultura tan-negozju u normi komuni ta' mġieba li jiffaċilitaw il-koperazzjoni u l-intrapriża u anki l-effiċjenza ta' l-amministrazzjoni pubblika;
9. Jinnota, f'dan ir-rigward, li ċerti reġjuni żviluppati, kif ukoll reġjuni oħra anqas żviluppati, qed jibdew jesperjenzaw problemi varji b'impatt territorjali qawwi f'termini ta' potenzjal ta' iżvilupp: rati baxxi ta' tkabbir ekonomiku, tnaqqis fil-produttività u fl-impjiegi u tixjiħ tal-popolazzjoni,
10. Jinnota li, jekk rati ta' tkabbir għolja għamluha possibbli għal xi Stati Membri biex ikollhom imjieg għal kulħadd u biex iżidu l-PGD per capita tagħhom, f'pajjiżi oħra d-differenzi bejn il-gruppi soċjali individwali kibru, u dan jimplika li l-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tal-popolazzjoni għadhom jeħtieġu l-integrazzjoni soċjali;
11. Jinnota konverġenza dgħajfa f'termini tal-livell ta' edukazzjoni, u qabża edukattiva reali, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, fejn 29% ta' l-adulti ta' bejn il-25 u l-64 sena għandhom lawrea universitarja, meta mqabbla mas-16% fl-Unjoni Ewropea; jinnota, madankollu, li n-numru ta' nisa bi kwalifiki ta' edukazzjoni ogħla qed jiżdied iktar malajr milli fost l-irġiel;
12. Jenfasizza l-importanza ta' l-integrazzjoni sistematika tas-sessi, ta' l-opportunitajiet indaqs u tal-bżonnijiet speċjali tal-persuni b'diżabilità kif ukoll tal-persuni mdaħħla fiż-żmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti tal-politika ta' koeżjoni;
13. Jisħaq fuq l-effett tal-polarizzazzjoni fir-reġjuni madwar il-bliet kapitali - fenomenu partikolarment evidenti fl-Istati Membri ġodda - li ġġeneraw bħala medja 32% tal-PGD ta' pajjiżhom, filwaqt li dawn jirrappreżentaw 22% tal-popolazzjoni; jinnota li din il-polarizzazzjoni tista' tagħti lok għal disparitajiet kbar fir-rata tal-qgħad fiċ-ċentri tal-bliet;
14. Jinnota li l-urbanizzazzjoni bla kontroll tista' toħloq żbilanċi demografiċi, ekonomiċi, soċjali u ambjentali fi spazju ristrett u twassal għal suburbanizzazzjoni u għal tnaqqis fil-popolazzjoni fiż-żoni rurali li jinsabu mbiegħda mill-bliet; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tindirizza speċifikament din il-problema billi tressaq proposti konkreti bħala reazzjoni għal dawn il-problemi;
15. Jiġbed l-attenzjoni għad-disparitajiet reġjonali f'dak li jikkonċerna l-aċċessibilità u r-rotot ta' aċċess bejn iċ-ċentri u ż-żoni periferiċi, li huma r-riżultat ta' żvantaġġi ġeografiċi u strutturali, nuqqas ta' investiment fl-infrastruttura tat-trasport, kif ukoll in-nuqqas li jiġu ddiversifikati rotot ta' aċċess potenzjali tat-trasport; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għax-xkiel sostanzjali f'termini ta' aċċessibilità għar-reġjuni muntanjużi u insulari u anki periferiċi kif ukoll ir-reġjuni l-aktar imbiegħda li jinsabu lilhinn ħafna mill-Ewropa Kontinentali; enfasizza l-bżonn li jiġu mfassla miżuri sabiex jissaħħaħ il-potenzjal reġjonali u l-attrattività u l-iżvilupp sostenibbli f'dawn ir-reġjuni;
16. Jesprimi s-sorpriża kbira tiegħu għall-istqarrija tal-Kummissjoni fir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni li tgħid li "l-insularità ma jidhirx li fiha nnifisha tikkostitwixxi ostaklu ewlieni għall-iżvilupp" u jinnota d-diżappunt qawwi ta' l-abitanti tar-reġjuni insulari dwar din l-istqarrija, minħabba li huma ta' kuljum iridu jiffaċċjaw l-impatti negattivi u d-diffikultajiet ta' l-insularità,
Il-politika reġjonali u l-istrateġija ta' Liżbona
17. Jiġbed l-attenzjoni għad-differenzi enormi bejn il-pajjiżi f'termini ta' ammonti investiti fir-riċerka u l-iżvilupp, u jinnota disparitajiet reġjonali kbar fil-qasam ta' l-innovazzjoni, imkejla, fir-Raba' Rapport ta' Koeżjoni, skond indikatur utli tar-rendiment reġjonali fil-qasam ta' l-innovazzjoni;
18. Hu ta' l-istess opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett ta' lieva tal-politika ta' koeżjoni vis-à-vis l-istrateġija ta' Liżbona, li tinkiseb permezz ta' l-iggwidar ta' l-investiment pubbliku lejn proġetti li jiffavorixxu l-ħolqien ta' netwerk ekonomiku aktar dinamiku, li jiġġenera t-tkabbir u li jħeġġeġ l-innovazzjoni fuq il-bażi tas-sinerġija maħluqa minn armonizzazzjoni aktar effiċjenti ta' politiki u ta' programmi;
19. Jiddispjaċih li l-potenzjal ta' innovazzjoni ta' negozji żgħar, mikro u artiġjanali ma ġiex meqjus biżżejjed fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, minkejja l-allokazzjoni ta' riżorsi, għalhekk jitlob għal aktar implimentazzjoni ta' politika attiva biex tappoġġja l-forom kollha ta' innovazzjoni f'dawn l-intrapriżi u jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex toħloq opportunitajiet għal koperazzjoni reċiproka bejn in-negozji, is-settur pubbliku, l-iskejjel u l-universitajiet sabiex jinħolqu clusters reġjonali ta' innovazzjoni, fl-ispirtu ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;
20. Jinnota li l-effett ta' lieva ta' l-appoġġ strutturali jista' jiżdied permezz ta' l-użu ta' kofinanzjar privat; jitlob, għall-introduzzjoni rapida ta' regoli trasparenti u ta' soluzzjonijiet standard għal sħubijiet pubbliċi-privati li jagħtu ċ-ċans lir-reġjuni sabiex jattiraw kapital privat sabiex jinkisbu l-għanijiet pubbliċi;
21. Jinnota li l-konformità mal-prinċipju ta' rilaxx awtomatiku hija essenzjali sabiex jitħeġġeġ l-iffinanzjar u l-implimentazzjoni rapida ta' proġetti mill-awtoritajiet ta' ġestjoni; jinsisti li l-prinċipju tar-regola N+2 (u N+3 fl-Istati Membri ġodda matul l-ewwel tliet snin tal-qafas finanzjarju 2007-2013) għandu jiġi rrispettat;
22. Jinnota li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika strutturali huwa dovut, fost l-oħrajn, għal proċeduri stretti żżejjed u li għalhekk jaqbel li ssir riflessjoni fuq is-simplifikazzjoni ta' dawn il-proċeduri u fuq tqassim ċar tar-responsabiltajiet u tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri;
23. Jinnota, b'referenza għall-perjodu ta' programmar 2007-2013, li s-sistema ta' l-allokazzjoni ta' l-approprjazzjonijiet se tiggwida 64% mir-riżorsi ta' l-Objettiv 1 (Konverġenza) u 80% minn dawk ta' l-Objettiv 2 (Kompetittività reġjonali u impjiegi) lejn l-innovazzjoni, li jirrappreżentaw EUR 55,000 miljun iktar minn dak tal-perjodu ta' qablu; josserva li l-użu ta' dawn l-approprjazzjonijiet huwa marbut mal-kapaċità tar-reġjuni l-anqas żviluppati li jimmaniġġjaw proġetti ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni fi kwantità meħtieġa u ta' kwalità li tiżgura li dawn l-approprjazzjonijiet jintużaw sew u mhux jiġu ddevjati lejn investimenti ta' valur baxx;
24. Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa s-sistema ta' l-allokazzjonijiet u l-impatt tagħha fuq l-evoluzzjoni tad-disparitajiet reġjonali, u biex tivverifika jekk, fid-definizzjoni tal-prijoritajiet, din is-sistema tħeġġiġx strateġija ċentralizzata wisq jew 'top-down'; jittama li din l-evoluzzjoni tibda bil-pubblikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fl-2008 tal-Ħames Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni, li huwa previst se jikkonċentra fuq ir-rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-prijoritajiet tat-tkabbir u ta' l-impjiegi ta' l-Istrateġija ta' Liżbona għar-reġjuni kollha;
25. Jenfasizza, għalhekk, li l-politika ta' koeżjoni m'għandhiex tiffavorixxi reġjuni li diġà huma dinamiċi, li jseħħ kieku ma jkunx hemm allokazzjonijiet stretti ta' l-approprjazzjonijiet; ifakkar li, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-politika ta' koeżjoni se tħaddan it-tliet objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jmorru lil hinn mill-Istrateġija ta' Liżbona;
26. Jistieden biex l-Istrateġija ta' Liżbona titwessa' sabiex tinkludi d-dimensjoni territorjali, li tippermetti li jitqiesu karatteristiċi speċifiċi għar-reġjuni, filwaqt li tħeġġeġ sinerġiji u koperazzjoni transEwropea, b'appoġġ speċjali għall-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet innovattivi b'firxa wiesgħa;
27. Jenfasizza li l-kamp ta' applikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni ma jistax jiġi limitat għall-kisba ta' l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; huwa tal-fehma li l-kisba tal-koeżjoni territorjali permezz ta' azzjonijiet skond l-għan tal-konverġenza hija prekondizzjoni għall-kompetittività tar-reġjuni fuq medda twila ta' żmien; iqis, għalhekk, li l-Objettiv 1 (Konverġenza) u l-Objettiv 2 (Kompetittività reġjonali u l-impjiegi) għandhom jiġu ttratati bħala kumplimentari fil-ġejjieni u filfatt kumplimentari anki ma' Objettiv 3 (Koperazzjoni territorjali Ewropea);
Il-koeżjoni territorjali: lejn strateġija integrata
28. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi definizzjoni ta' 'koeżjoni territorjali' fil-Green Paper li ġejja dwar il-Koeżjoni Territorjali (ippjanata għal Settembru 2008) sabiex isir progress ulterjuri f'din il-politika Komunitarja;
29. Jenfasizza l-importanza ta' sħubija reali u ta' l-implimentazzjoni ta' governanza ġenwina fuq livelli differenti li tinvolvi l-livelli kollha - Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali, fil-konsultazzjoni ma' l-imsieħba ekonomiċi u soċjali - fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' objettivi ta' żvilupp reġjonali, li jiżguraw li l-ambitu ta' azzjonijiet prijoritarji definiti fuq livell Ewropew ma jiċċekknux meta jiġu implimentati fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali (strateġija "bottom-up") u sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-jiġu esklużi partijiet kkonċernati involuti fl-iżvilupp lokali u fil-koeżjoni, kif jiġri ta' spiss fil-politika urbana;
30. Jipproponi li tingħata prijorità lil politiki li jaqdu żvilupp poliċentriku ġenwin tat-territorji, sabiex il-pressjonijiet fuq bliet kapitali jitnaqqsu u jkunu mħeġġa il-ħolqien ta' poli sekondarji; iqis li f'dan il-kuntest appoġġ għal żoni rurali u l-irwol importanti li għandhom bliet ta' daqs żgħir u medju f'żoni rurali ma għandhomx jintesew;
31. Jistieden ukoll li jittieħdu passi prattiċi biex jitnaqqsu d-disparitajiet bejn reġjuni aċċessibbli u dawk bi żvantaġġi strutturali, primarjament ġżejjer, żoni muntanjużi, żoni b'popolazzjoni mifruxa u reġjuni periferali u konfinali, u fl-istess ħin tiġi rikonoxxuta l-pożizzjoni żvantaġġata ta' dawn ta' l-aħħar u jittieħdu miżuri speċjali u permanenti biex ikollhom appoġġ; itenni l-importanza li jitqiesu l-iżvantaġġi speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda;
32. Jirrakkomanda rabtiet aħjar bejn kwistjonijiet urbani u rurali; jenfasizza li l-iżvilupp ta' żoni rurali għandhom jiġu kkordinati b'azzjonijiet implimentati fil-qafas tal-politika reġjonali; huwa mħasseb, f'dan il-kuntest, dwar in-nuqqas ta' użu ta' strateġija differenti għall-iżvilupp rurali u ta' koeżjoni (permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali); jitlob għal studju dwar il-konsegwenzi ta' żieda fil-fondi għall-iżvilupp rurali permezz tal-mekkaniżmi ta' modulazzjoni mandatorja;
33. Javża kontra l-perikli tas-settorizzazzjoni tal-politiki u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' strateġija integrata li tidentifika s-sinerġiji li huma possibbli bejn il-politika ta' koeżjoni u l-politiki settorjali ewlenin bħat-trasport, l-agrikoltura, is-sajd, l-iżvilupp rurali, l-ambjent u l-enerġija, ir-riċerka u t-teknoloġija;
34. Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-rapporti li jmiss tagħha, tanalizza sa liema punt id-diversi strumenti u politiki, inkluża l-politika ta' adeżjoni, ikkontribwew għall-progress miksub fil-qasam tal-koeżjoni ekonomika u soċjali; iqis li l-kisbiet u l-problemi jiġu analizzati fl-oqsma importanti kollha, b'mod partikolari fl-Istrateġija ta' Liżbona.
35. Jistenna li d-diskussjonijiet dwar il-politika ta' koeżjoni wara l-2013 iwasslu biex reġjuni li jinsabu mal-fruntieri esterni tal-Komunità jingħataw importanza speċjali sabiex tiġi żgurata l-istabilità u l-prosperità mal-fruntieri li finalment iwasslu mhux biss fl-iżvilupp tar-reġjuni mal-fruntiera ta' l-UE iżda anki iktar koeżjoni u kompetittività għall-Komunità kollha bħala tali.
36. Jinnota li l-ġlieda kontra, 'is-segregazzjoni territorjali' u l-esklużjoni soċjali, bil-għan li jinkiseb tkabbir sostenibbli u bbilanċjat, jeħtieġ l-appoġġ ta' politika ta' l-akkomodazzjoni attenta, li tiġi taħt żvilupp lokali wiesa', ippjanar urban u strateġija lokali ta' l-immaniġġjar tas-servizz pubbliku;
37. Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, l-adozzjoni ta' programm ta' azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig li jiżgura li d-dimensjoni territorjali tkun integrata aħjar fil-politiki pubbliċi kollha, fil-livell Komunitarju, nazzjonali u lokali, u jistenna l-materjalizzazzjoni prattika tiegħu; fid-dawl ta' l-espansjoni ppjanata tal-koeżjoni ekonomika u soċjali taħt it-Trattat ta' Lisbona biex tinkludi komponent territorjali bħala parti mit-Trattat ta' Liżbona, jeħtieġ li jkunu żviluppati indikaturi xierqa biex jiddefinixxu l-kontenut tal-koeżjoni territorjali;
38. Jilqa' b'sodisfazzjon t-tħabbir li sar mill-Kummissjoni dwar Green Paper futura dwar il-koeżjoni territorjali, li hija mistennija li tiġi adottata f'Settembru 2008, u jitlob li din tinkludi linji gwida konkreti għall-implimentazzjoni ta' l-istrateġija integrata;
39. Huwa konxju mill-importanza ta' koperazzjoni regolari bejn il-Parlament, permezz ta' l-intermedjarju tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tiegħu, u l-Kumitat tar-Reġjuni, fir-rigward tal-futur tal-politika reġjonali,
Sfidi ġodda għall-politika ta' koeżjoni u l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea
40. Huwa ta' l-opinjoni li, fil-futur, l-Unjoni se tkun dejjem iktar iffaċċjata minn sfidi ġodda li jkollhom impatt territorjali qawwi li jkabbar ix-xkiel ta' l-iżvilupp reġjonali, bħall-bidla demografika, il-konċentrazzjoni urbana, iċ-ċaqliq migratorju, (li huwa problematiku b'mod partikulari għaż-żoni rurali u periferali), il-kwistjonijiet enerġetiċi u klimatiċi u l-adattazzjoni għall-bidliet li ġġib magħha l-globalizzazzjoni, kif ukoll il-politika dwar it-tkabbir u l-viċinat; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza ta' proġetti pilota li għandhom x'jaqsmu ma' l-adattazzjoni tar-reġjuni għal dawn l-isfidi l-ġodda;
41. Jitlob li ssir analiżi regolari ta' l-ispejjeż u ta' l-implikazzjonijiet għall-politika strutturali ta' tkabbir possibbli fil-ġejjieni qabel ma jibdew negozjati ġodda ta' l-adeżjoni u jittama li din ikollha importanza akbar fil-politiki ta' tkabbir u tal-viċinat, bil-parteċipazzjoni tagħha fit-tfassil ta' strumenti ta' qabel l-adeżjoni li jsiru jorbtu;
42. Jenfasizza s-serjetà tal-problema tat-tnaqqis fil-popolazzjoni f'ħafna partijiet ta' l-UE, li jinvolvi t-tixjiħ tal-popolazzjoni, it-tnaqqis tal-kapital uman, il-ħarba tal-kapital, is-servizzi bi prezz ogħla, eċċ;
43. Huwa ta' l-opinjoni li t-tendenzi demografiċi jista' jkollhom impatt territorjali qawwi, bħat-tnaqqis fil-popolazzjoni ta' ċerti żoni, speċjalment iż-żoni rurali l-anqas żviluppati, flimkien ma' konċentrazzjoni urbana u soċjetà li aktar ma jmur aktar qed tixjieħ, jew l-iżvilupp ta' l-ekonomija residenzjali f'żoni oħra, li jeħtieġu l-iżvilupp ta' strateġiji innovattivi speċifiċi biex isolvu l-problemi tagħhom, li jeħtieġu sforz partikolari biex jinżammu s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u jkun żgurat standard għoli ta' servizzi universali;
44. Jinnota li l-bidla fil-klima se jkollha riperkussjonijiet varji, b'mod partikolari f'termini ta' diżastri naturali li se jkunu aktar spissi u aktar qawwija, bħan-nirien fil-foresti, in-nixfiet u l-għarar, li se jeħtieġu azzjonijiet li se jvarjaw minn reġjun għall-ieħor ta' l-UE u li r-reġjuni jridu jieħdu azzjoni dwarhom billi jirrevedu u jadattaw l-istrateġiji ta' żvilupp sostenibbli tagħhom biex jinkiseb l-għan ta' l-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2; jemmen li l-politika ta' koeżjoni ta' l-UE għandha tkun 'favur l-ambjent', iżda jfakkar li l-possibilitajiet miftuħa għall-politika ta' koeżjoni f'din iż-żona huma limitati; huwa ta' l-opinjoni li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima għandha tkun indirizzata wkoll f'politiki Komunitarji oħra;
45. Ifakkar anki fi ħdan il-qafas tal-formulazzjoni ta' politika globali effettiva biex tipprovdi ħarsien minn diżastri naturali u l-importanza ta' l-adozzjoni tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond tas-Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108), li jipprovdi azzjoni aktar f'waqtha u adegwata għal diżastri naturali fuq livell reġjonali, li spiss huma devastanti f'ċerti reġjuni minħabba l-qagħda ġeografika tagħhom;
46. Iqis li l-kwistjonijiet tal-provvista ta' l-enerġija u ż-żieda fil-prezz ta' l-enerġija jista' jkollhom implikazzjonijiet territorjali maġġuri fuq it-territorji minħabba dipendenza enerġetika qawwija f'ħafna mill-Istati Membri ta" l-UE, partikolarment f'reġjuni rurali, muntanjużi, insulari kif ukoll dawk l-iktar imbiegħda minħabba d-dipendenza tagħhom fuq it-trasport, li huwa sensittiv ħafna għall-prezz ta' l-enerġija, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-investiment fl-effiċjenza ta' l-enerġija u fl-unitajiet ta' forniment deċentralizzati jistgħu joffru opportunitajiet ta' żvilupp lokali u reġjonali;
47. Itenni r-rikjesta tiegħu dwar l-użu mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet li ma ntefqux, permezz tar-regola N+2 jew N+3 applikabbli għall-politika ta' koeżjoni, bil-għan li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi skarsi disponibbli;
48. Huwa ta' l-opinjoni li ż-żamma tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013 hija azzjoni xierqa biex jiġu ffaċċjati dawn l-isfidi l-ġodda u li din il-politika għandha tiġi applikata, b'mod differenzjat, għat-territorju kollu ta' l-Unjoni; huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' politika Komunitarja f'konformità mat-trattat u l-prinċipju ta' solidarjetà, u jirrifjuta, għalhekk kull tentattiv li din il-politika terġa tiġi nazzjonalizzata;
49. Huwa ta' l-opinjoni li l-politika ta' koeżjoni teħtieġ tkun infurzata aktar fil-ġejjieni, u li l-valur miżjud tagħha għandu jkun enfasizzat ħafna aktar; jitlob, għalhekk, għal riżorsi finanzjarji biżżejjed biex ikunu allokati għall-politika ta' koeżjoni fil-livell tal-Komunità; jitlob għar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju biex tintuża bħala opportunità biex jiġu definiti r-riżorsi baġitarji meħtieġa biex jintlaħqu l-isfidi tal-politika ta' koeżjoni ta' l-Unjoni;
o o o
50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Is-Segwitu ta' l-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta' Leipzig: Lejn Programm ta" Azzjoni Ewropew għall-Iżvilupp ġeografiku u l-Koeżjoni Territorjali
318k
92k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-Segwitu ta' l-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta' Leipzig: Lejn Programm ta" Azzjoni Ewropew għall-Iżvilupp ġeografiku u l-Koeżjoni Territorjali (2007/2190(INI))
– wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali ta' l-UE ('l-Aġenda Territorjali') u l-Karta ta" Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli ('il-Karta ta" Leipzig'), li t-tnejn kienu adottati waqt il-Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli għall-iżvilupp ġeografiku u l-iżvilupp urban li sar f'Leipzig fl-24 u l-25 ta' Mejju 2007, u l-Ewwel Programm ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali ta' l-Unjoni Ewropea, adottat waqt il-Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli għall-iżvilupp ġeografiku u l-iżvilupp li sar f'Ponta Delgada (Azores) fit-23 u l-24 ta' Novembru 2007 ('l-Ewwel Programm ta' Azzjoni'),
– wara li kkunsidra r-Raba" Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273) ('ir-Raba" Rapport dwar il-Koeżjoni'),
– wara li kkunsidra l-Perspettiva Ewropea għall-Iżvilupp Ġeografiku , adottata fil-Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli għall-ippjanar ta' l-ispazji li sar f'Potsdam fil-11 ta' Mejju 1999,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-Programm 2006 tan-Network Osservatorji Ewropej ta' l-Ippjanar Ġeografiku (ESPON),
– wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma propost għall-ESPON 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 158 u 159 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
– wara li kkonsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0028/2008),
A. billi d-diversità territorjali, il-poliċentriżmu u l-bliet kumpatti huma karatteristiċi strutturali essenzjali tat-territorjuta'l-Unjoni Ewropea,
B. billi l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej illum jgħixu fil-bliet,
C. billi l-isfidi attwali għall-iżvilupp ġeografiku fl-Unjoni Ewropew jinkludu l-bidla fil-klima, it-tifrix tal-bliet u l-iżvilupp ta' l-art, il-konsum ta' l-enerġija, l-infrastrutturi tat-trasport, il-bidla demografika, inkluża d-depopolazzjoni taz-zoni rurali u reġjuni oħra ta' l-UE, l-impatt tat-tkabbir fuq il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u l-effetti reġjonali differenti tal-globalizzazzjoni, inkluż id-distakk dejjem ikbar bejn ir-reġjuni sinjuri u dawk inqas sinjuri, kif ukoll l-iżvilupp mhux indaqs taz-zoni urbani u rurali magħqud mal-bidliet strutturali;
D. billi l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda Territorjali huma l-iżvilupp ta' sistema urbana poliċentrika u bbilanċjata u l-ħolqien ta' relazzjoni urbana-rurali ġdida; il-formazzjoni ta' raggruppamenti reġjonali innovattivi, li jiżguraw aċċess ugwali għall-infrastruttura u l-konoxxenza, il-promozzjoni ta' immaniġġjar ta' riskju trans-Ewropew, l-iżvilupp sostenibbli, l-immaniġġjar li jħares 'il quddiem u l-konservazzjoni tal-wirt naturali u kulturali,
E. billi l-objettivi stipulati fil-Karta ta' Leipzig qed jużaw iktar approċċi tal-politika integrata ta' żvilupp urban permezz tal-ħolqien u l-garanzija ta' spazji pubbliċi ta' kwalità għolja, l-immodernizzar tan-networks ta' l-infrastruttura u t-titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija, il-promozzjoni proattiva ta' l-innovazzjoni u l-politiki edukattivi u – partikolarment fiz-zoni fejn jgħixu persuni fil-bżonn – il-promozzjoni ta' trasport urban sostenibbli, effiċjenti u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kullħadd, l-użu ta' strateġiji biex l-ambjent fiżiku jittejjeb, it-tisħiħ ta' l-ekonomija lokali u l-politika lokali tas-suq tax-xogħol, u politiki proattivi għall-edukazzjoni u t-taħriġ għat-tfal u ż-żgħażagħ,
F. billi l-ippjanar ġeografiku huwa l-istrument xieraq biex jiggwida l-użu ta'l-art u l-istruttura taċ-ċentri ta' abitazzjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni u l-bliet tagħhom, u biex jiġu ddeterminati l-kwalità tal-ħajja u l-opportunitajiet ta' żvilupp fil-post,
G. billi, flimkien mal-politika ta' koeżjoni bħala strument ta' tmexxija strateġika, miżuri oħra huma neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig, b'mod partikolari l-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' l-użu ta' l-ispazju, l-approċċ integrat u l-osservazzjoni ta' l-ippjanar ġeografiku,
H. billi, flimkien mal-politika ta' koeżjoni, il-politika ta' l-iżvilupp rurali għandha impatt sinifikanti fuq l-ispazju; billi m'hemmx integrazzjoni biżżejjed bejn dawn iż-żewġ oqsma ta' politika u għalhekk hemm bżonn ta' sinerġiji mtejba li joħorġu potenzjal veru għall-iżvilupp u jagħtu spinta biex zoni rurali jsiru iktar attraenti u kompettitivi, ħaġa li tgħin biex tkun miġġielda d-depopolazzjoni rurali;
I. billi l-kwalità ta' l-ispazju pubbliku u ta' l-ambjent naturali, kulturali u arkitettoniku għandha rwol importanti fil-kwalità ta' ħajja tal-persuni li jgħixu f'zoni urbani u rurali u huma fatturi ta' lokazzjoni 'soft' kruċjali,
J. billi l-kreattività u l-innovazzjoni huma riżorsi deċiżivi fit-tranżizzjoni għal soċjetà globalizzata bbażata fuq l-għerf; billi, għalhekk, is-suċċess ta' l-iżvilupp tal-potenzjal tal-kreattività fil-post huwa essenzjali għas-suċċess ta' ppjanar ġeografiku u urban sostenibbli,
K. billi l-'Baukultur' (il-kultura ta' ambjent mibni ta' kwalità għolja), jiġifieri s-somma ta' l-aspetti kulturali, ekonomiċi, tekonoloġiċi u ambjentali li jinfluwenzaw il-kwalità u l-proċess ta' l-ippjanar u l-bini, huwa element essenzjali ta' l-iżvilupp urban integrat,
L. billi l-approċċ integrat jimplika li l-proġetti żviluppati għandhom jikkostitwixxu pjan koerenti fit-tul li jinkorpora d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali u li jinvolvi b'mod sħiħ lill-imsieħba prinċipali fl-ippjanar, fl-eżekuzzjoni u fl-evalwazzjoni tal-programmi ta' żvilupp urban;
M. billi approċċ integrat lejn id-dimensjoni territorjali ta' koeżjoni ma jikkonsistix biss fl-ippjanar ta' l-art u f' azzjonijiet u politiki ta' żvilupp urban, għaliex l-għan aħħari hu li jiġi żgurat bilanċ bejn iċ-ċittadini ta'l-Unjoni kull fejn jgħixu, għan li ma jistax jintlaħaq biss permezz ta' l-ippjanar ta' l-art,
1. Huwa tal-fehma li l-objettivi ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig jistgħu jintlaħqu biss billi tiġi segwita strateġija ta' żvilupp komprensiva, trans-settorjali u olistika biex tqiegħed fil-prattika l-approċċ integrat;
2. Jipproponi, fil-kuntest ta' l-evalwazjoni ta' nofs iż-żmien tal-politika ta' koeżjoni, u in vista tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013 li l-implimentazzjoni ta' approċċ integrat għandha tkun rekwiżit obbligatorju għall-ippjanar ta' programmi u l-għażla ta' proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali; għal dak il-għan, jitlob lil min jiddeċiedi biex jimpenja ruħu volontarjament li jimplimenta metodi ġodda ta' koperazzjoni;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-ministri ta' l-UE responsabbli mill-iżvilupp urban, fil-laqgħa informali tagħhom f'Leipzig fl-24 u l-25 ta' Mejju 2007, sabiex iwaqqfu grupp ta' ħidma intergovernamentali, ippresedut mill-Ġermanja, biex jidentifika u jitfa' dawl fuq kwistjonijiet varji li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' l-inizjattiva JESSICA;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' grupp ta' servizzi interni tal-Kummissjoni biex jittratta s-suġġerimenti dwar l-implimentazzjoni ta' l-approċċ integrat u jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem f'koperazzjoni sħiħa ma' l-imsieħba soċjali, ambjentali u ekonomiċi kollha u biex tiżgura l-involviment tagħhom fid-deċiżjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu mal-koeżjoni territorjali; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar il-pogress ta' din il-ħidma;
5. Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari, fit-tfassil tal-politika ta' koeżjoni għal wara l-2013, lill-karatteristiċi u l-bżonnijiet ġeografiċi u għal trattament speċifiku għar-reġjun ibbażat fuq dawn il-fatturi; jirrakkomanda l-użu ta' għodda ta' ppjanar orjentati lejn l-implimentazzjoni, kif imsemmi fil-Kapitlu ta' Leipzig, ibbażat fuq ir-riċerka u l-monitoraġġ permanenti;
6. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs iż-żmien tal-politika ta' koeżjoni, biex jagħmlu użu aħjar mis-sinerġiji mal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) għall-iżvilupp tat-territorju kollu; jirrakkomanda, in vista tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013, koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politika ta' koeżjoni u dik ta' l-iżvilupp rurali, sabiex ikun hemm opportunajiet aħjar għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiz-zoni rurali;
7. Jinnota li mhux ir-reġjuni metropolitani biss għandhom potenzjal ta' innovazzjoni, u li numru ta' zoni relattivament remoti u rurali qegħdin fuq quddiem fil-kisba ta' l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'urġenza tħares iktar mill-qrib lejn il-fatturi ta' suċċess ta' dawn iz-zoni bil-ħsieb tal-ħolqien ta' mudell ta' żvilupp għall-bliet żgħar u ta' daqs medju f'zoni rurali;
8. Jenfasizza l-importanza ta' ftehim ta' sħubija u tal-qsim tal-funzjonijiet bejn iz-zoni urbani u rurali biex ikun hemm żvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-territorju kollu kemm hu; jitlob lill-awtoritajiet urbani u rurali f'koperazzjoni mal-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha biex jidentifikaw l-assi komuni u jipproduċu strateġiji konġunti reġjonali u sub-reġjonali għall-iżvilupp sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ta' l-għajxien u kwalità tal-ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni; jitlob lill-presidenzi futuri biex jagħmlu laqgħat informali tal-Ministri responsabbli mill-ippjanar tat-territorju u l-iżvilupp urban biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet;
9. Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jikkunsidraw l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig fir-reviżjoni tagħhom tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, u biex jagħmlu aġġustamenti ta' kwalità sabiex il-miri ta' koeżjoni territorjali jiġu inkorporati b'mod aktar effettiv fil-politiki ta' l-UE; jikkunsidra li hemm bżonn li jittieħdu miżuri leġiżlattivi fis-snin li ġejjin sabiex dan isir;
10. Jitlob lill-Kunsill, fir-reviżjoni ta' l-istrateġiji ta' Liżbona u Göteborg (l-istrateġija ta' żvilupp sostenibbli) fil-laqgħa għolja tar-Rebbiegħa 2008, biex jiddefinixxi l-interessi tal-politika territorjali u urbana bħala għanijiet;
11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni malajr ħalli jintlaħqu l-għanijiet ta' l-Aġenda Territorjali u tiġi implimentata l-Karta ta' Leipzig;
12. Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri, fi spirtu ta' governanza fuq diversi livelli vera li tieħu kont tad-diversità territorjali ta' l-Unjoni Ewropea u wkoll tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex jinvolvu bis-sħiħ il-gvernijiet lokali u reġjonali, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi transkonfinali, u, fir-rispett tal-prinċipju tas-sħubija, biex jinvolvu l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti u partijiet interessati privati fil-programmi ta' azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig, u jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għal dawn l-isforzi; jenfasizza li dan il-bżonn ta' ħidma flimkien għandu jkun meqjus f'dawl pożittiv mill-parteċipanti kollha nvoluti, minħabba li kien ippruvat li l-kollaborazzjoni koerenti hija effettiva;
13. Ifakkar fl-irwol ewlieni li l-aċċess għat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni għandhom fil-prospettivi futuri ta' żvilupp tar-reġjuni, u għalhekk jirrakkomanda, kif imsemmi fl-Aġenda Territorjali, li tkun integrata infrastruttura bħalma huma l-cables tal-broadband, fi programmi ġodda tat-trasport u tal-komunikazzjoni;
14. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi sistematika ta' l-impatt territorjali tal-politiki rilevanti ta' l-UE, kif miftehma mill-Istati Membri skond il-linja ta' azzjoni 2 ta' l-Ewwel Programm ta" Azzjoni, u tagħmel ukoll evalwazzjoni ta' l-impatt territorjali tal-leġiżlazzjoni rilevanti ġdida; jinnota, f'dan il-kuntest, il-potenzjal tal-metodi ta' evalwazzjoni żviluppati minn ESPON;
15. Jirrikonoxxi li edukazzjoni ta' kwalità għolja kemm qabel kif ukoll waqt żmien l-iskola, it-tagħlim tul il-ħajja, l-universitajiet u istituti oħra ta' riċerka, huma fundamentali għall-iżvilupp futur tal-bliet u tar-reġjuni;
16. Ifakkar li Natura 2000 hi strument importanti għall-iżvilupp territorjali Ewropew; jinsisti li r-rekwiżiti ta' Natura 2000 jiġu implimentati b'mod sħiħ u li jinħolqu kuriduri ta' pajsaġġ (landscape corridors) u netwerks ta' spazji miftuħa bejn zoni protetti sabiex il-flora tkun tista titferrex u l-fawna tkun tista' tiċċaqlaq liberament minn post għall-ieħor u b'hekk tiġi ppreservata l-bijodiversità;
17. Jitlob li politika dwar oqsma ekonomiċi kreattivi tkun inkorporata fl-iżvilupp ġeografiku u urban bl-għan li jinħoloq qafas, bl-użu ta' l-istrumenti disponibbli (il-politika ta' koeżjoni, l-ippjanar ġeografiku u urban) u kunsiderazzjoni għall-kwalità ta' l-ispazju, għat-titjib ta' opportunitajiet għall-azzjoni kreattiva u innovattiva;
18. Jikkunsidra neċessarju, fid-dawl tat-tendenzi demografiċi, li titjieb l-adattabilità tal-bliet u r-reġjuni, filwaqt li l-mira tkun fuq l-iżvilupp indipendenti u l-promozzjoni tal-ħidma volontarja;
19. Jenfasizza li t-tendenzi demografiċi jwasslu għal sfidi ġodda fis-suq tax-xogħol, fl-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa u għad-djar fl-ippjanar b'mod ġenerali; jirrimarka li wieħed jista' jikkunsidra t-tixjiħ tal-popolazzjoni bħala opportunità għall-ħolqien ta' xogħlijiet ġodda f'suq li qed jikber u prodotti u servizzi ġodda li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta' persuni ta' età ikbar; jenfasizza li l-iżvilupp ta' l-hekk imsejħa 'ekonomija tal-fidda' hu importanti fuq livell lokali u reġjonali;
20. Jitlob lill-Istati Membri biex jiggarantixxu bħala kwistjoni ta' prinċipju madwar it-territorju tagħhom id-disponibilità, id-dritt ta' l-aċċess u l-aċċessibilità ta' servizzi ta' interess ġenerali, sabiex persuni f'reġjuni differenti jkunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet u l-potenzjali speċifiċi tar-reġjun tagħhom; jitlob li jitqiesu b'mod partikulari il-bżonnijiet ta' gruppi żvantaġġati bħalma huma l-persuni b'diżabilità, l-immigranti, il-minoranzi etniċi, persuni bla xogħol għal tul ta' żmien u persuni li għandhom ftit kwalifiki u l-bżonnijiet partikulari tan-nisa; jitlob lill-Kummissjoni, fil-linji gwida tagħha għall-applikazzjoni tar-regolament ta' qafas dwar is-servizzi ta' interess ġenerali u l-għoti ta' kuntratti pubbliċi, biex tippermetti lill-awtoritajiet lokali li jikkunsidraw iktar il-bżonnijiet lokali u l-atturi lokali u biex ittejjeb l-adattabilità tagħhom;
21. Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-kompetenzi ġodda tal-Komunità għall-ippjanar ġeografiku skond it-Trattat ta' Liżbona, biex tfassal komunikazzjoni li toħloq qafas ta' l-UE għall-evalwazzjoni ta' l-impatt territorjali fil-livell ta' proġetti, li jikkunsidra l-ħidma ta' l-ESPON;
22. Jinnota li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejnu u l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżdiedu fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni ta' l-Ewwel Programm ta' Azzjoni;
23. Jilqa' b'sodisfazzjon partikulari l-fatt li t-Trattat ta" Liżbona jiddikjara l-koeżjoni territorjali, flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali, bħala għan tat-Trattat u jipprovdi għal kompetenza leġiżlattiva maqsuma għall-UE u l-Istati Membri f'dan il-qasam; jinnota li t-Trattat ta' Liżbona jirrikonoxxi l-fatt li l-isfidi territorjali li jaffettwaw lill-gżejjer, lill-muntanji, lir-reġjuni tal-fruntieri u liz-zoni mbiegħda ħafna u bi ftit popolazzjoni għandhom jiġu ttrattati, minħabba li dawn għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività ġenerali ta' l-ekonomija ta' l-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkumplementa l-Ewwel Programm ta' Azzjoni bi proposti speċifiċi għal miżuri u inizjattivi ta' l-UE;
24. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s'issa m'hemmx definizjoni miftiehma bejn kullħadd ta' koeżjoni territorjali; u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-koeżjoni territorjali b'mod ċar u biex tagħmel lista ta' l-objettvi ta' l-iżvilupp territorjali fl-Unjoni Ewropea fil-Green Paper li se toħroġ dalwaqt dwar il-koeżjoni territorjali; jistenna li tingħata l-ogħla prijorità lill-objettiv li jiżgura li ċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni, jgħixu fejn jgħixu fl-UE, jiġu offruti żvilupp u opportunitajiet indaqs ta' żvilupp u aċċess;
25. Jirrakkomanda aktar żvilupp ta' l-Perspettiva Ewropea għall-Iżvilupp Ġeografiku u jħeġġeġ l-involviment sħiħ ta' l-Istati Membri l-ġodda f'dan il-qafas ta' politika;
26. Jikkunsidra li hu importanti li jsiru evalwazzjonijiet regolari tal-progress fl-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali; jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lil partijiet interessati kollha biex jevalwaw mhux biss il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' miżuri individwali ta' l-Ewwel Programm ta' Azzjoni, iżda wkoll l-impatt ta' dawn il-miżuri u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-iżvilupp ġeografiku sostenibbli fl-Unjoni Ewropea;
27. Jitlob lill-Kunsill biex jiftiehem kemm jista' jkun malajr fuq indikaturi sempliċi u kwantifikabbli għall-osservazzjoni ta' l-iżvilupp ġeografiku fl-EU; jitlob li l-iżvilupp annwali ta' l-art jkun stabbilit bħala wieħed mill-indikaturi ta' l-iżvilupp ġeografiku;
28. Jinnota li dawn l-indikaturi jistgħu jintużaw bħala miri għall-gwida ta' l-iżvilupp ġeografiku; jipproponi li l-Kunsill u l-Kummissjoni jużaw dawn l-indikaturi għall-benchmarking bejn l-Istati Membri, u sabiex jibnu bażi tad-data ta' l-aħjar prattiki;
29. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kunsill li joħroġ rapport konġunt dwar l-implimentazzjoni ta' l-Ewwel Programm ta' Azzjoni għal kull laqgħa informali tal-Kunsill; jipproponi li l-Kunsill jikkunsidra Programm ta' Tagħlim Reċiproku (MLP) għall-iżvilupp ġeografiku Ewropew dwar skambju ta' esperjenza u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;
30. Jenfasizza l-importanza li titjieb il-koordinazzjoni bejn l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig; jiddispjaċih f'dan ir-rigward li l-Kunsill għadu m'adottax programm ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-miri tal-Karta ta' Leipzig, u jitlob lill-presidenzi tal-ġejjieni biex jirrimedjaw dan in-nuqqas, u b'hekk jiżguraw segwitu sistematiku għall-Karta ta' Leipzig;
31. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Presidenza Slovena biex tipprepara u tippromwovi miżuri li jippruvaw isaħħu l-koordinazzjoni bejn l-iżvilupp territorjali u urban bil-ħsieb li jkunu aktar interkonnessi l-objettivi ta' l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig;
32. Jirreferi għall-konklużjonijiet tar-Raba" Rapport ta" Koeżjoni li fih il-bliet u z-zoni urbani qed jitqiesu bħala ċ-ċentri tal-popolazzjoni, saħħa ekonomika u innovazzjoni; jilqa' l-proposti għall-ħolqien ta' raggruppamenti reġjonali u urbani innovattivi li jaqsmu l-fruntieri kemm interni u kemm esterni ta' l-UE;
33. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, b'kunsiderazzjoni partikolari għall-ħidma tal-Verifika Urbana, biex jiġu stabbiliti indikaturi għall-benchmarking tas-sostenibilità tal-bliet kif stipulat fil-Karta ta' Leipzig, bħal pereżempju l-konsum ta' l-enerġija per capita, l-użu tat-trasport pubbliku lokali bħala proporzjon tal-volum tat-trasport totali, u l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra per capita;
34. Jenfasizza l-irwol prinċipali li l-bliet għandhom għar-realizzazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona u għalhekk isejjaħ għal strateġija ta' żvilupp urban olistika u kkoordinata sew appoġġjata mil-livelli kollha tal-gvern kif ukoll tas-settur privat;
35. Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu interess ikbar fil-kwistjoni tat-tifrix tal-bliet; jitlob lill-Istati Membri, fid-dawl tal-problema tal-frammentazzjoni tal-kampanja u t-telf kontinwu ta' art favur it-tkabbir urban fl-Istati Membri, biex jadottaw miżuri u strateġiji effettivi biex jirrestrinġu l-iżviupp ta' l-art;
36. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-iżvilupp urban intern fuq l-iżvilupp estern, jiġifieri li jagħtu prijorità lill-użu mill-ġdid, jew użu għal skopijiet oħra, ta' bini diġà eżistenti, l-aktar permezz ta' mmaniġġjar sostenibbli ta' l-art, qabel jibnu fuq art ġdida;
37. Jilqa' l-enfasi li qed issir fuq l-interkonnessjoni ta' modi ta' trasport mill-Karta ta' Leipzig; jenfasizza l-importanza ta' sistema ta' trasport integrata u sostenibbli u l-irwol sinifikanti li l-infrastruttura mtejba għaċ-ċiklisti u għall-persuni bil-mixi jista' jkollha, b'mod partikulari fil-bliet iktar kbar; jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora mekkaniżmi iktar effettivi biex tapppoġġja l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp ta' strateġiji għal networks integrati tat-trasport, b'mod partikulari f'reġjuni inqas żviluppati;
38. Iqis li sabiex tinsab soluzzjoni effikaċi għall-ħtiġijiet dejjem jikbru għall-kwalità għolja ta' ħajja fl-ibliet huwa indispensabbli li l-awtoritajiet jieħdu ħsieb li t-tagħmir tekniku tagħhom ikun konformi ma' l-istandards Ewropej; b'mod partikulari jikkunsidra li l-forniment ta' ilma għax-xorb (pereżempju billi tittejjeb id-distribuzzjoni u l-kwalità ta' l-ilma) id-dikontaminazzjoni ta' l-ilma skartat (pereżempju billi jinqerdu l-komunikazzjonijiet jew billi jinħolqu komunikazzjonijiet ġodda) u kull tagħmir simili ieħor għandu jiġi adattat fl-iqsar żmien possibbli għad-dispożizzjonijiet ġodda tar-regolamenti;
39. Jiddispjaċih li d-differenzi qed jiżdiedu, b'mod partikulari fir-reġjuni u l-bliet metropolitani fl-UE, imma wkoll fiz-zoni rurali; u jitlob lill-Istati Membri biex jittrattaw din il-problema b'aktar enerġija u biex jikkunsidrawha aktar meta jippjanaw il-programmi bil-ħsieb ta' l-għoti ta' approprjazzjonijiet mill-fondi strutturali;
40. Huwa tal-fehma li l-bliet għandhom responsabilità partikolari biex jilħqu l-objettivi ta' l-UE rigward il-klima għaliex qegħdin f'pożizzjoni unika li jagħtu soluzzjonijiet potenzjali biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet globali tal-gass b'effett ta' serra; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinkorporaw il-ħarsien tal-klima bħala għan orizzontali fl-iżvilupp urban;
41. Jenfasizza l-fatt li l-investiment f'teknoloġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, bħall-miżuri ta' prevenzjoni innovattiva, ta' mitigazzjoni u ta' adattament, fl-aħħarnett joffri opportunitajiet sinifikanti ta' kummerċ fuq perjodu twil ta' żmien;
42. Jinnota li z-zoni urbani jħossu ferm aktar l-effetti tal-bidla fil-klima meta n-nuqqas ta' kurituri ta' arja friska jwasslu għal temperatura aktar sħuna u għal konċentrazzjonijiet ta' tniġġis ogħla;
43. Jinsisti li għandhom jiżdiedu l-isforzi sabiex jitjiebu l-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali u territorjali, b'mod partikolari billi jingħelbu d-difetti fl-ambjent mibni, u billi jittejbu l-kundizzjonijiet ambjentali, waqt li tiġi segwita politika ta' żvilupp bilanċjat għaz-zoni urbani, jiġifieri billi jiġu stabilizzati z-zoni problematiċi u jinħolqu zoni attraenti għall-għajxien, ix-xogħol u l-mistrieħ;
44. Jitlob integrazzjoni aħjar ta' kwartieri mċaħħda; jitlob lill-awtoritajiet komptenti ta' l-Istati Membri biex jidentifikaw is-sinjali ta' twissija li juru li ċerti zoni sejrin lura u biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw politika ta' integrazzjoni soċjali biex inaqqsu l-inugwaljanzi u jevitaw l-esklużjoni soċjali; jenfasizza l-irwol importanti li l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għandhom fir-rigward ta' l-iżvilupp ekonomiku u l-kompettività territorjali, mhux biss fi kwartieri mċaħħda, imma fiz-zoni urbani kollha;
45. Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' programmi futuri ta' ffinanzjar inkluż is-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp tekonoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni, biex iżżid l-appoġġ tagħha għall-proġetti li jippromwovu l-iżvilupp u l-iskambju ta' esperjenzi dwar l-immaniġġjar urban sostenibbi, il-promozzjoni ta' prattiki u ta' teknoloġiji li huma effiċjenti fir-rigward ta' l-enerġija, is-soluzzjoni ta' problemi ambjentali urbani u l-kontribuzzjoni tal-bliet fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;
46. Huwa tal-fehma li tisħiħ ta' l-identità urbana u impenn attiv taċ-ċittadini fil-bliet jistgħu jikkontribwixxu sabiex l-implimentazzjoni tal-Karta ta' Leipzig tkun suċċess; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iniedu djalogu territorjali ħalli jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-ippjanar biex tingħata ħajja ġdida u għall-iżvilupp taz-zoni urbani;
47. Jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni u l-bliet tagħhom biex jagħtu aktar attenzjoni lill-ħolqien ta' kultura ta' ambjent mibni ta' kwalità għolja (Baukultur) kif ukoll lid-disponibilità ta' djar deċenti bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu minn kullħadd bħala fatturi kruċjali għall-inklużjoni soċjali u għall-kwalità tal-ħajja fil-bliet fil-kuntest ta' żvilupp urban sostenibbli, waqt li jagħtu attenzjoni partikulari lill-kwalità ta' l-ispazju pubbliku, b'mod partikulari permezz tad-disinn ta' l-arkitettura, bħala mezz li jtejjeb il-benesseri għaċ-ċittadini Ewropej;
48. Jistieden lill-Kunsill, u partikolarment lill-Presidenzi tas-Slovenja u ta' Franza, sabiex jibnu fuq il-progress li sar taħt il-Presidenzi tal-Ġermanja u tal-Portugal fir-rigward tal-koeżjoni territorjali u jkomplu jadottaw proposti f'dan ir-rigward; hu tal-fehma li, minħabba li l-enfasi attwalment kienet fuq il-bliet, ir-relazzjoni bejn il-belt u l-kampanja, u l-ippjanar ta' l-art, l-inizjattivi tal-ġejjieni għandhom jikkunsidraw aktar il-bżonnijiet ta' reġjuni li għandhom żvantaġġi territorjali, bħalma huma l-gżejjer, il-muntanji, iz-zoni tal-fruntieri u zoni li huma mbiegħda ħafna jew bi ftit popolazzjoni;
49. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kumitat tar-Reġjuni.
Timor Leste
219k
59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar Timor Leste
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Timor-Leste,
– wara li kkunsidra il-laqgħa ta' informazzjoni għall-Kunsill tas-Sigurtà (il-5,432 laqgħa) mogħtija mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU),
– wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni tiegħu biex josserva l-elezzjonijiet leġislattivi fir-Repubblika Demokratika tat-Timor-Leste mis-27 ta' Ġunju sat-2 ta' Lulju 2007, immexxija minn Ana Gomes,
– wara li kkunsidra l-istqarrija mill-Presidenza Portugiża f'isem l-Unjoni Ewropea tal-5 ta' Lulju 2007 dwar l-elezzjonijiet leġiżlattivi fit-Timor-Leste,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kunsill tas-Sigurta' tan-NU tal-11 ta' Frar 2008 li jikkundanna l-attakk fuq il-President Jose Ramos-Horta tat-Timor-Leste,
– wara li kkunsidra l-istqarrija ta' Javier Solana, ir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE għall-Politika Barranija u ta' Sigurta' Komuni, tal-11 ta' Frar 2008, li jikkundanna l-attentati ta' qtil fit-Timor-Leste,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tkeċċija, f'April 2006, ta' kważi 600 suldat fit-Timor-Leste, bħala reazzjoni għall-ilmenti tagħhom, wasslet għal kriżi tas-sigurtà serja ħafna fil-pajjiż, ikkaratterizzata minn konfrontazzjoni armata (bejn il-forzi armati u t-truppi mkeċċija u anki mal-forzi tal-pulizija), diżgwid tal-pulizija, rewwixti u vjolenza mifruxa ta' gruppi, li wasslu għall qtil ta' bosta nies, u għal ħafna iżjed midruba u 150,000 persuna ħarbu minn djarhom, u nofshom għadhom spostati f'kampijiet,
B. billi din il-kriżi tas-sigurtà inkludit ukoll il-waqa' tal-gvern immexxi mill-Prim Ministru Mari Alkatiri f'Ġunju 2006, u l-ħatra ta' gvern ta' tranżizzjoni mmexxi minn José Ramos Horta,
C. billi l-eks-Prim Ministru u rebbieħ tal-Premju Nobel, José Ramos Horta, ġie elett President tat-Timor-Leste fid-9 ta' Mejju 2007 u, wara l-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' Ġunju 2007, l-eks-President Kay Rala Xanana Gusmão sar Prim Ministru tal-Pajjiż fis-6 ta' Awwissu 2007, filwaqt li għolew it-tamiet għall-istabilizzazzjoni definittiva tal-pajjiż u r-rispett xieraq għall-istituzzjonijiet demokratiċi,
D. billi kompliet l-instabilità politika fit-Timor-Leste, minkejja l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ħielsa u paċifiċi u minkejja involviment iktar b'saħħtu mill-komunità internazzjonali taħt l-awspiċi tan-NU, bħala reazzjoni għall-appelli mill-awtoritajiet tat-Timor-Leste,
E. billi ħafna minn din l-instabilità kienet konsegwenza tan-nuqqas ta' rispett għall-istat tad-dritt maħluqa mit-tmexxija tas-suldati li ma kienux affetwati li ħa f'idejh l-eks-Sindku Alfredo Reinado, li kien ħarab mill-ħabs fl-2006 u li serva bħala ispirazzjoni għal gruppi ta' żgħażagħ vjolenti fil-kapitali,
F. billi, fil-11 ta' Frar 2008, dawn il-gruppi ribelli sparaw u darbu b'mod serju lill-President Ramos Horta, li jinsab f'qagħda kritika fi sptar Awstraljan, u fetħu n-nar fuq il-Prim Ministru Xanana Gusmão f'attakki separati iżda kkoordinati kontra t-tmexxija tal-pajjiż u l-istituzzjonijiet ta' l-Istat,
G. billi l-parlament tat-Timor-Leste ddikjara stat ta' emerġenza li għadu fis-seħħ; billi l-gvern talab rinforzi għall-1,600 gwardjan tal-paċi diġà involuti fit-Timor-Leste,
H. billi dawn l-attakki vjolenti kontra l-ogħla istituzzjonijiet statali u l-mexxejja eletti demokratikament tat-Timor-Leste huma konsegwenza tal-kriżi ta' April 2006, u dan jagħmilha evidenti li, minkejja l-isforzi ta' l-awtoritajiet nazzjonali, tal-Missjoni Integrata tan-NU fit-Timor-Leste (UNMIT) u tal-forzi internazzjonali, is-sigurtà nazzjonali effettiva u l-istat tad-dritt fit-Timor-Leste għadhom mhux qed jiffunzjonaw,
I. billi osservaturi kkwalifikati ġibdu l-attenzjoni għan-nuqqas ta' reazzjoni f'waqtha u adegwata mill-Pulizija Internazzjonali tan-NU jew minn forzi internazzjonali oħra għall-attakki tal-11 ta' Frar 2008, bl-eċċezzjoni ta' l-intervent effettiv tal-Gwardja Nazzjonali Repubblikana Portugiża, meta ntalbet tintervjeni,
J. billi l-attakki seħħew wara li l-President Ramos Horta involva ruħu personalment fl-isforzi biex tinstab soluzzjoni negozjata mar-ribelli; billi s-sekwenza eżatta ta' l-avvenimenti għadha m'hix ċara, u l-irwoli tal-forzi tas-sigurtà nazzjonali u internazzjonali jħalli ħafna mistoqsijiet li għad iridu jingħataw risposta,
K. billi l-ekonomija tat-Timor-Leste tinsab f'qagħda ħażina, minkejja d-dħul miż-żejt tal-pajjiż, b'40% tal-popolazzjoni li tgħix taħt il-livell tal-faqar u 60% tal-popolazzjoni ta' tmintax-il sena u iżgħar, qgħad kbir, li qiegħed madwar 80%, u rati ta' illiteriżmu għolja, qed toħloq kundizzjonijiet soċjali instabbli ħafna u qed iżżid il-potenzjal għal inkwiet ċivili,
L. billi kemm l-UE u kif ukoll in-NU huma pubblikament impenjati li jappoġġjaw l-indipendenza, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fit-Timor-Leste, u dan jirrikjedi l-konsolidazzjoni ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Istat, governanza tajba, l-użu tajjeb tal-fondi statali biex tiġi indirizzata l-ġlieda kontra l-faqar u l-qgħad u biex jiġu promossi l-iżvilupp u l-ġustizzja soċjali, u jirrikjedi wkoll imġiba eżemplari min-naħa tal-ġirien tat-Timor-Leste,
M. billi t-Timor-Leste huwa membru sħiħ tal-grupp ta' Stati ta' l-AKP u għalhekk l-Unjoni Ewropea għandha responsabilita' partikulari biex tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-governanza demokratika tiegħu, billi tgħin lill-istituzzjonijiet tat-Timor-Leste fl-isforz ewlieni meħtieġ għall-bini ta" kapacitajiet;
N. billi għandu jittieħed kont tad-drittijiet sovrani inaljenabbli tal-poplu tat-Timor-Leste, b'mod partikulari fuq ir-riżorsi naturali tagħhom,
1. Jikkundanna bil-qawwa l-attentat ta' qtil tal-President Ramos Horta u jawguralu fejqan sħiħ u ritorn rapidu għat-tmexxija tal-pajjiż;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-attakk simultanju kontra l-Prim Ministru Xanana Gusmão, li furtunatament ħelisha ħafif, u jispera li l-Gvern Timoriż, flimkien mal-President u l-Parlament tat-Timor-Leste, jirnexxielhom jegħlbu dan it-theddid serju għall-istabilità tat-Timor-Leste u jikkoperaw biex jiġi żgurat ir-rispett għal-liġi u l-ordni u t-tħaddim normali ta' istituzzjonijiet demokratiċi, skond il-Kostituzzjoni;
3. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fit-Timor-Leste biex ma jwettqux vjolenza, jinvolvu ruħhom fi djalogu u jipparteċipaw fil-proċess demokratiku fi ħdan il-qafas legali u kostituzzjonali, biex b'hekk jikkontribwixxu sabiex terġa' titrawwem stabilità soċjali u politika;
4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-messaġġ ta' impunità u disrispett għall-istat tad-dritt li seta' twassal, fi sforz biex tiġi promossa rikonċiljazzjoni nazzjonali, mill-attitudni ambigwa ta' l-awtoritajiet Timoriżi, il-UNMIT u l-forzi tas-sigurtà internazzjonali lejn dawk il-persuni msejħa jiffaċjaw il-ġustizzja;
5. Jikkundanni lil kwalunkwe persuna fit-Timor-Leste li tipprova tieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni fraġli ta' wara l-attakki tal-11 ta' Frar 2008 u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jirrispettaw u jikkoperaw bis-sħiħ mal-korpi politiċi li rriżultaw mill-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ta' l-2007;
6. Jitlob inkjesta bir-reqqa fi ħdan il-qafas legali u kostituzzjonali tar-Repubblika Demokratika tat-Timor-Leste, bil-koperazzjoni u l-appoġġ internazzjonali meħtieġa, bil-għan li jiġi ċċarat kull dettal ta' l-attentat apparenti ta' kolp ta' stat u n-nuqqas min-naħa tas-sistema tas-sigurtà tal-pajjiż, li dawk responsabbli għal dawn l-attakki jitressqu quddiem il-ġustizzja; jilqa' b'sodisfazzjon il-ftuħ ta' investigazzjoni konġunta dwar l-attakki min-Nazzjonijiet Uniti u mill-pulizija tat-Timor-Leste;
7. Iħeġġeġ lill-forzi politiċi ewlenin fit-Timor-Leste, kemm dawk fil-poter u kif ukoll dawk fl-oppożizzjoni, biex jinvolvu ruħhom fi sforz li jinkludi l-partiti kollha biex jintlaħaq fehim nazzjonali b'urġenza dwar kwistjonijiet fundamentali dwar l-iffunzjonar ta' l-Istat, bħall-irwol tal-forzi armati, il-pulizija u t-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja; joffri l-appoġġ tiegħu għal sforzi ta' dan it-tip fost il-partiti parlamentari tat-Timor-Leste;
8. Ifakkar li l-irwol tal-komunità internazzjonali, u b'mod partikulari tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tas-Sigurtà tagħhom, huwa ta' importanza vitali għall-proċess ta' konsolidazzjoni ta' l-istat tat-Timor-Leste u ta' l-indipendenza u s-sovranità tiegħu, u kif ukoll għat-tisħiħ tad-demokrazija f'dan in-nazzjon żagħżugħ;
9. Jenfasizza l-importanza ta' l-imġieba tal-pajjiżi ġirien tat-Timor-Leste fir-rispett u l-ivvantaġġjar ta' l-istabilità tas-soċjetà tat-Timor-Leste u l-konsolidazzjoni ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi nazzjonali tagħha; jirrikonoxxi l-attitudni pożittiva ta' l-Indoneżja minn meta ġiet rikonoxxuta l-indipendenza tat-Timor-Leste u d-deċiżjonijiet ta' l-Awstralja u oħrajn li jgħinu;
10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu lill-awtoritajiet tat-Timor-Leste u l-UNMIT biex jipprojbixxu, jiżbandaw u jiddiżarmaw il-gruppi paramilitari, il-gruppi armati u ċ-ċivili armati kollha, u biex iqajmu t-tħassib ta' l-Ewropa dwar kapaċità ta' sigurtà u rispett għall-istat tad-dritt bin-Nazzjonijiet Uniti u l-Gvern ta' Timor-Lest fil-laqgħat uffiċċjali kollha, u fl-ogħla livell;
11. Jistieden lill-istituzzjonijiet internazzjonali biex jipprovdu appoġġ usa' biex jintlaħaq il-bżonn tat-Timor-Leste għal riforma tas-settur ta' sigurtà fraġli u politiċizzat tagħha, kif inhu essenzjali għal Stat demokratiku u sikur li jiffunzjona kompletament, permezz ta' proċess wiesa' ta' konsultazzjoni u approċċ sistematiku u komprensiv, kif rakkomandat mir-Riżoluzzjoni 1704(2006) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u r-rapporti sussegwenti tan-NU; jistieden lill-Gvern tat-Timor-Leste biex jagħti prijorità għolja lil dak il-kompitu; jistiednu biex jieħu vantaġġ tal-kompetenza fl-Unità għall-Appoġġ tas-Settur tas-Sigurtà tan-NU biex iwettaq konsultazzjonijiet nazzjonali dwar riforma tas-settur tas-sigurtà; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lil donaturi internazzjonali oħra biex jistabbilixxu mekkaniżmu biex titjieb il-koordinazzjoni ta' l-assistenza lis-settur tas-sigurtà; jistieden lill-UNMIT biex tagħti lill-Unità għall-Appoġġ tas-Settur tas-Sigurtà r-riżorsi u l-istaff biex jassistu l-proċess ta' konsultazzjoni u r-reviżjoni komprensiva;
12. Jirrakkomanda li d-deċiżjonijiet u l-ordnijiet tat-tribunali jiġu rispettati immedjatament u infurzati kompletament mill-awtoritajiet tat-Timor-Leste, bl-appoġġ, kull meta jkun meħtieġ, tal-forzi internazzjonali fil-pajjiż;
13. Jistieden lill-istituzzjonijiet ta' l-Istat tat-Timor-Leste u lill-UNMIT biex jiddefendu l-istat tad-dritt, jiġġieldu l-impunità ta' reati u jiżguraw konformità ma' l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem minn kulħadd fit-Timor-Leste, b'mod speċjali l-pulizija u l-forzi armati;
14. Itenni r-rikonoxximent tiegħu tal-bżonn tat-Timor-Leste għal appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju fil-bini ta' l-infrastruttura u l-istrutturi amministrattivi li huma essenzjali biex terġa' tibda l-implimentazzjoni tal-pjan ta' żvilupp tagħha, u fit-tisħiħ ta' l-ekonomija tat-Timor-Leste u l-promozzjoni ta' l-impjiegi; jitlob it-tkomplija ta' l-appoġġ mill-komunità internazzjonali biex jittaffa' l-faqar fit-Timor-Leste u tiġi provduta assistenza biex jerġgħu jinbnew l-istrutturi fiżiċi u amministrattiva meħtieġa għall-iżvilupp ekonomiku tat-Timor-Leste;
15. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikulari lill-pajjiżi ġirien u ta' l-ASEAN, biex iżommu u jżidu l-appoġġ meħtieġ għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija u ta' kultura demokratika fit-Timor-Leste, b'attenzjoni fuq kultura ta' diversi partiti, il-libertà tal-kelma u l-bini ta' l-istituzzjonijiet - speċifikament il-parlament, il-gvern, il-ġudikatura, l-aġenziji tas-sigurtà, tad-difiżi u ta' l-infurzar tal-liġi - u biex jassistu fl-estensjoni urġenti tal-kopertura medjatika għall-pajjiż sħiħ, u kif ukoll fit-tisħiħ tan-netwerks għall-edukazzjoni u s-saħħa u ta' l-infrastruttura tad-djar, tas-sanità u tal-provvista ta' l-ilma;
16. Jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef u tikkonkludi l-installazzjoni ta' delegazzjoni li tiffunzjona kompletament f'Dili;
17. Jirrakkomanda li tinbagħat delegazzjoni parlamentari ad hoc fit-Timor-Leste biex terġa' tevalwa l-qagħda politika, tesprimi solidarjetà mal-forzi u l-istituzzjonijiet demokratiċi u ġġedded l-offerta ta' assistenza mill-Parlament Ewropew għall-iffunzjonar demokratiku tal-Parlament tat-Timor-Leste;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Timor-Leste, lir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE għall-Politika Barranija u s-Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet tal-pajjiżi ta' l-AKP, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Gvernijiet ta' l-Awstralja u ta' l-Indoneżja, lis-Segretarju Ġenerali u s-Segretarjat ta' l-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għat-Timor-Leste u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
Il-Belarus
209k
49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-Belarus
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-qagħda fil-Belarus, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Marzu 2006(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda min-naħa ta' l-Unjoni Ewropea biex iġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP),
– wara li kkunsidra l-Premju Sakharov għal-libertà tal-ħsieb, li ngħata lill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Belarus fl-14 ta' Diċembru 2004 u lil Aleksander Milinkevich fit-13 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi huwa ikkundanna bosta drabi l-falliment ta' l-elezzjonijiet presidenzjali, parlamentari u politiċi fil-Belarus,
B. billi l-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iressqu proposti biex jagħmlu pressjoni ulterjuri fuq ir-reġim ta' Lukashenko f'organizzazzjonijiet internazzjonali u talab li jitressaq pakkett sħiħ ta' sanzjonijiet speċifiċi u mmirati - li jikkastigaw serjament lil dawk li qed iwettqu l-oppressjoni mingħajr ma jżidu aktar tbatija liċ-ċittadini tal-Belarus,
C. billi huwa ikkundanna b'mod partikolari l-fatt li d-demokrazija lokali, li hija fundamentali f'kull treġija demokratika u li tesprimi r-rieda ta' persuni ordinarji li jiksbu t-tamiet u l-aspettattivi ġenwini tagħhom, ma kinitx ikkunsidrata u anzi kienet injorata fil-Belarus,
D. billi l-pressjoni politika u amministrattiva kontinwa fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-Belarus qed thedded l-eżistenza tagħhom u ddgħajfilhom l-indipendenza,
E. billi f'Jannar 2008 kien hemm serje ta' protesti ta' imprendituri f'Minsk, u l-mexxejja ta' dawn id-dimostrazzjonijiet ġew miżmuma u bosta drabi msawta,
F. billi dan l-aħħar seħħew żviluppi pożittivi dwar il-ħolqien tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni f'Minsk,
1. Jiddispjaċih ħafna li s-sitwazzjoni tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' l-istat tad-dritt mhijiex titjieb fil-Belarus; jinnota li arresti arbitrarji kontinwi ta' membri tas-soċjetà ċivili u attivisti ta' l-oppożizzjoni, b'mod partikolari ż-żamma temporanja ta' Aleksander Milinkevich, u s-sikkatura fuq il-media indipendenti, tmur kontra r-retorika tal-Gvern tal-Belarus rigward ix-xewqa tiegħu li jtejjeb ir-relazzjonijiet ma' l-Unjoni Ewropea;
2. Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar is-sentenza ta' tliet snin ħabs għall-ġurnalist Aliaksandr Zdvizhkov, u jqis li l-kastig huwa aħrax wisq, kif ukoll jistieden lill-Gvern tal-Belarus biex jerġa' jikkunsidra din id-deċiżjoni;
3. Jieħu nota tal-ħelsien riċenti ta' bosta attivisti ta' l-oppożizzjoni demokratika inklużi l-mexxejja taż-Żgħażagħ tal-Front Popolari tal-Belarus u l-Front Żagħżugħ (Malady Front), fl-istess ħin jikkundanna l-arresti ta' dawn l-attivisti, li ġew miżmuma għal 15-il-jum fil-ħabs u kienu se jitkeċċew mill-università, wara d-dimostrazzjonijiet paċifiċi tas-16 ta' Jannar 2008 f'Minsk biex jiġi ċċelebrat il-jum ta' solidarjetà u jitfakkru l-attivisti ta' l-oppożizzjoni tal-Belarus li ġew arrestati u l-familji ta' persuni prominenti fil-Belarus li sfaw nieqsa;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jilliberaw immedjatament u mingħajr kondizzjonijiet il-priġunier politiku li fadal, Alyaksandr Kazulin, u jieqfu jużaw l-intimidazzjoni, il-fastidju, l-arresti mmirati u l-prosekuzzjonijiet motivati politikament kontra l-attivisti ta' l-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà ċivili fil-Belarus;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżviluppi riċenti dwar il-ftehimiet biex tiġi stabbilita d-delegazzjoni tal-Kummissjoni f'Minsk bħala pass pożittiv lejn it-tiġdid tad-djalogu ma' l-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża l-potenzjal sħiħ derivat mill-ftuħ tad-delegazzjoni;
6. Ifakkar li fil-21 ta' Novembru 2006 l-Unjoni Ewropea ddikjarat li lesta ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-ENP hekk kif il-Gvern tal-Belarus juri rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu tal-Belarus;
7. Jenfasizza li sabiex jinvolvi ruħu fi kwalunkwe djalogu sostanzjali ma' l-UE, il-Belarus jeħtieġ jimplimenta l-kondizzjonijiet li fadal, stipulati fin-'non-paper' bit-titlu X'tista' tagħti l-UE lill-Belarus, li tinkludi l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha, it-tneħħija tal-pieni tal-mewt, l-assigurazzjoni ta' midja ħielsa u l-libertà ta' espressjoni, l-indipendenza tal-ġudikatura kif ukoll ir-rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu tal-Belarus;
8. Jinkundanna l-fatt li l-Belarus huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt, li tmur kontra l-valuri Ewropej;
9. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jirrevokaw id-Digriet Nru 70 tat-8 ta' Frar 2008, li d-dispożizzjonijiet tiegħu jiksru d-dritt ta' l-edukazzjoni taċ-ċittadini tal-Belarus billi joħolqu xkiel meta jippruvaw jidħlu fl-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni ogħla;
10. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jimplimentaw l-istandards ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) fl-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin maħsuba għat-28 ta' Settembru 2008; jistieden lill-Gvern biex jagħti aċċess lir-rappreżentanti ta' l-oppożizzjoni demokratika għall-kummissjonijiet ta' l-elezzjoni distrettwali, jagħti r-reġistrazzjoni lill-kandidati parlamentari kollha u l-osservaturi tagħhom, u ma joħloqx xkiel biex il-missjoni ta' osservazzjoni ta' l-elezzjonijiet tkun kompluta u sħiħa;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ulterjuri lejn il-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża għaċ-ċittadini tal-Belarus, għaliex dan biss jista' jgħin biex jitwettaq l-għan ewlieni tal-politika ta' l-UE lejn il-Belarus, jiġifieri li jiġu ffaċilitati u intensifikati l-kuntatti bejn il-popli u biex il-pajjiż ikollu d-demokrazija; iħeġġiġhom f'dan il-kuntest biex iqisu l-possibilitajiet li jneħħu l-ispiża tal-viża għaċ-ċittadini tal-Belarus li jkunu deħlin fiż-żona ta' Schengen, li huwa l-uniku mod kif jiġi evitat li l-Belarus u ċ-ċittadini tiegħu jkunu aktar iżolati;
12. Jistieden lill-Istati Membri fiż-żona ta' Schengen biex jużaw l-għodda kollha disponibbli (l-ispejjeż tal-viża nazzjonali) biex jiffaċilitaw il-moviment taċ-ċittadini tal-Belarus fi ħdan it-territorju ta' kull Stat Membru;
13. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-komunità internazzjonali bħala entità sħiħa biex jagħtu aktar appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Belarus u, b'mod partikolari, biex tiżdied l-għajnuna finanzjarja lill-media indipendenti, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-istudenti tal-Belarus li jistudjaw barra l-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Kummissjoni lill-Università ta' l-istudji Umanistiċi ta' l-Ewropa f'Vilnius (il-Litwanja); jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu l-għoti ta' appoġġ finanzjarju għall-proġett eżistenti mmirat lejn il-ħolqien ta' l-istazzjon tat-televiżjoni indipendenti 'Belsat' fil-Belarus;
14. Jesprimi s-solidarjetà ma' l-oppożizzjoni demokratika magħquda tal-Belarus u l-mexxejja tal-moviment demokratiku, Aleksander Milinkevich, u ċ-ċittadini kollha tal-Belarus li qed jirsistu għal Belarus indipendenti, miftuħ u demokratiku bbażat fuq l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-mexxejja ta' l-oppożizzjoni biex juri għaqda u determinazzjoni bejniethom fl-elezzjonijiet parlamentari li ġejjin;
15. Jiddeplora d-deċiżjoni ta' l-awtoritajiet tal-Belarus li ripetutament ċaħdu viżi ta' dħul lill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari nazzjonali f'dawn l-aħħar sentejn; jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex ma joħolqux xkiel ulterjuri, għad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Belarus, biex iżuru l-pajjiż u jiksbu esperjenza u jagħmlu osservazzjonijiet diretti fil-Belarus;
16. Jikkundanna r-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tal-Belarus fuq membri tal-kleru barranin bil-għan li jillimitaw l-aċċess tagħhom għall-pajjiż ħalli jaqdu organizzazzjonijiet reliġjużi, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex iwaqqfu dawn ir-restrizzjonijiet;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblei Parlamentari ta' l-OSCE u tal-Kunsill ta' l-Ewropea, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Belarus.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta" Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra(1), u wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta" l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE tat-22 ta" Novembru 2007 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikulari fil-Lvant tal-pajjiż, u l-impatt fuq ir-reġjun,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-15 ta" Novembru 2007 dwar ir-rispons ta" l-UE għas-sitwazzjonijiet fraġli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(2),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Lejn reazzjoni ta" l-UE għal sitwazzjonijiet ta" fraġilità- l-involviment f'ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u l-paċi (COM(2007)0643) u d-dokument ta" ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li huwa mehmuż mal-Komunikazzjoni (SEC(2007)1417),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/1 ta' l-24 ta' Ottubru 2005 ta" l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-riżultati tas-Samit Dinji ta' l-2005, u b'mod partikulari, il-paragrafi 138 sa 140 tiegħu dwar ir-responsabiltà tal-protezzjoni tal-popolazzjonijiet,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, mill-1998, il-kunflitt li qed jolqot l-RDK qatel 5 400 000 persuna, u billi ikompli jkun il-kawża, b'mod dirett jew indirett, tal-mewt ta' 1500 persuna kuljum,
B. billi l-ġlied bejn l-armata Kongoliża, it-truppi ribelli tal-Ġeneral megħlub Laurent Nkunda u l-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-liberazzjoni ta" l-Irwanda (FDLR, imsejħa wkoll Interhamwes) ilhom xhur twal jikkawżaw tbatija enormi għall-popolazzjoni ċivili tar-reġjun ta" Kivu tat-Tramuntana,
C. billi f'dawn l-aħħar 18-il xahar twettqu massakri, stupri ta" tfajliet, ta" ommijiet u ta" nanniet, kien hemm reklutaġġ sfurzat ta" persuni ċivili u ta" suldati tfal kif ukoll għadd kbir ta' atti vjolenti u ta" abbużi gravi oħra tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, kemm mit-truppi ribelli ta" Laurent Nkunda kif ukoll mill-ġellieda ta" l-FDLR u l-armata Kongoliża nnifisha,
D. billi l-MONUC (Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo) għandha mandat, taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jawtorizzaha biex tuża l-mezzi kollha meħtieġa biex ixxekkel kull attentat ta' l-użu tal-forza li jhedded il-proċess politiku min-naħa ta" kwalunkwe grupp armat, Kongoliż jew barrani, b'mod partikulari mill-ex-FAR (Forzi Armati ta' l-Irwanda) u l-ġellieda Interhamwes, u biex jiġu protetti l-persuni ċivili li qed jiffaċċjaw it-theddida imminenti tal-vjolenza fiżika,
E. billi fil-25 ta' Jannar 2008 r-rappreżentant speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo ħabbar li se jintbagħtu osservaturi biex jissorveljaw il-waqfien mill-ġlied fit-territorji kollha li qabel kienu okkupati mill-gruppi armati, u li l-istaff militari u ċivili fl-uffiċċju ta" l-MONUC ġewwa Goma se jissaħħaħ,
F. billi impenji dwar id-demobilizzazzjoni progressiva u dwar l-introduzzjoni ta" waqfien mill-ġlied, magħmula fit-23 ta' Jannar 2008 fil-Konferenza għall-Paċi, għas-Sigurtà u għall-Iżvilupp li saret f'Goma, liema wegħdiet kienu jinkludu waqfien mill-ġlied mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, id-diżarm tal-forzi kollha mhux governattivi, ir-ritorn u l-installazzjoni mill-ġdid tal-persuni kollha spustjati fil-Lvant tar-RDK, kif ukoll it-twaqqif ta" mekkaniżmu temporarju għall-kontroll tal-waqfien mill-ġlied,
G. billi d-dettalji prattiċi ta" din id-demobilizzazzjoni għadhom ma ġewx iċċarati mill-Kummissjoni teknika konġunta għall-paċi u għas-sigurtà, taħt il-ko-presidenza tal-gvern ta' l-RDK u tal-medjatur internazzjonali dwar dan l-impenn,
H. billi l-FDLR, li l-ġellieda tagħhom kienu ħadu rifuġju fir-reġjun, huma involuti fil-ġlied,
I. wara li kkunsidra li l-armata Kongoliża m'għandhiex ir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex twettaq il-ħidma tagħha fil-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana, u li din hija r-raġuni ewlenija għaliex l-armata tirrappreżenta theddida għall-popolazzjoni, minflok forza li taħdem għas-servizz tal-popolazzjoni u favur il-paċi,
J. billi huwa neċessarju li tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi tal-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana, biex jiġu konsolidati l-paċi u d-demokrazija, biex ikun hemm promozzjoni ta" l-istabilità u ta" l-iżvilupp fir-reġjun, għall-benessri tal-popli kollha tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar,
K. billi saret laqgħa fil-Kinshasa fit-3 ta' Settembru 2007 bejn Mbusa Nyamwisi u Charles Murigande, il-Ministri ta" l-Affarijiet Barranin tal-Kongo u ta" l-Irwanda rispettivament, bħala parti mill-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt fil-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana,
L. billi saret laqgħa f'Beni bejn it-28 u t-30 ta" Jannar 2008, taħt il-ko-presidenza ta" Chikez Diemu u ta" Crispus Kiyonga, il-Ministri tad-Difiża tar-RDK u ta" l-Uganda rispettivament,
M. wara li kkunsidra li, mill-aħħar ta" l-2006, il-kunflitt li qed jolqot lir-RDK wassal ukoll biex madwar 400,000 persuni jkunu sfurzati jaħarbu minn djarhom, u billi bħalissa hemm total ta' 800,000 persuna spustjata fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana,
N. billi l-gwerra ċivili, li ilha għaddejja għal tliet snin, kienet karatterizzata mis-sakkeġġ sistematiku tar-rikkezzi tal-pajjiż mill-alleati u mill-għedewwa tal-Gvern Kongoliż,
O. billi, sabiex ikun hemm titjib sinifikanti fil-qasam tas-saħħa u tnaqqis fir-rata tal-mortalità fir-RDK b'mod ġenerali u fil-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana b'mod partikulari, se jkunu meħtieġa bosta snin ta" impenn sod u investiment finanzjarju sostanzjali, kemm min-naħa tal-Gvern Kongoliż kif ukoll min-naħa tal-komunità internazzjonali,
P. billi fit-3 ta' Frar 2008, terremot ta" forza 6 fuq l-iskala Richter affettwa r-reġjun tal-Lagi l-Kbar u, b'mod partikulari, il-bliet ta" Bukavu u ta" Goma, kif ukoll l-inħawi tagħhom, li diġà kienu milquta b'mod qawwi mill-kunflitti, u dan wassal għal imwiet, persuni midruba u ħsarat materjali importanti,
Q. billi bosta organizzazzjonijiet umanitarji kellhom jissospendu l-attivitajiet tagħhom wara l-ostilitajiet fl-aħħar ta" l-2007, filwaqt li ċ-ċentri tas-saħħa m'għandhomx provvisti jew ġew abbandunati mill-istaff mediku tagħhom,
R. billi l-organizzazzjoni Médecins Sans Frontières (MSF) irrappurtat li fil-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana, il-popolazzjonijiet lokali u spustjati qed isiru dejjem aktar dgħajfa, u li l-ġlied li għadu għaddej mhux qed iħalli lis-servizzi ta' l-għajnuna jkollhom aċċess għal ċerti żoni li jeħtieġu l-ikel u l-għajnuna medika b'mod urġenti,
S. billi bħalissa n-nutriment fqir huwa aspett ieħor tal-vulnerabiltà estrema tal-popolazzjoni tal-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana, u billi d-data meħuda mill-programmi ta' l-għajnuna medika tal-MSF tagħti indikazzjoni allarmanti tal-livell tan-nuqqas ta" ikel f'Kivu tat-Tramuntana, fattur li jnissel biża" dwar dawk il-familji li ma jistgħux jintlaħqu mill-għajnuna,
1. Jesprimi l-istmerrija qawwija tiegħu rigward il-massakri u r-reati kontra l-umanità li ilhom jitwettqu għal snin twal wisq fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, u jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali u internazzjonali kompetenti kollha sabiex, b'mod sistematiku, ifittxu lill-persuni ħatja u jressquhom quddiem il-Qorti, huma min huma, u jitlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex, b'mod urġenti, jieħu l-miżuri kollha possibbli sabiex b'mod ġenwin ma jitħallewx isiru aktar attakki fuq il-popolazzjonijiet ċivili tal-provinċja ta" Kivu tat-Tramuntana;
2. Jinnota li, minkejja l-mandat wiesa" tagħha, il-MONUC ma kellhiex riżorsi biżżejjed biex tkun tista" tipprevjeni dawn il-massakri, l-istupri, is-sakkeġġ, ir-reklutaġġ sfurzat tal-persuni ċivili u tas-suldati tfal u għadd enormi ta" atti oħra ta" vjolenza u ta" ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li t-tisħiħ reċenti tal-MONUC iwassal għal titjib sinifikanti fis-sigurtà tal-popolazzjonijiet tal-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, u jekk dan ma jkunx il-każ, sabiex iħeġġu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jagħti lill-MONUC il-mezzi biex twettaq il-missjoni tagħha, l-ewwelnett il-ħarsien effettiv u dejjiemi tal-popolazzjoni ċivili tar-reġjun;
3. Jitlob li ma jkun hemm l-ebda tolleranza tal-vjolenza sesswali fir-rigward tal-bniet u tan-nisa, aġir li jintuża bħala arma tal-gwerra, u jitlob kastigi ħorox kontra l-persuni ħatja minn dawn ir-reati; ifakkar fl-importanza ta" l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa riproduttiva f'sitwazzjonijiet ta" kunflitt u fil-kampijiet tar-rifuġjati;
4. Jilqa' bi pjaċir, wara li qies il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt li qed jolqot lill-Lvant tar-RDK, il-fatt li qed issir il-Konferenza għall-Paċi f'Goma; jenfasizza, madankollu, minbarra n-nuqqas notevoli ta' rappreżentanti ta' Interhamwes (FDLR), il-fraġilità tal-wegħdiet ta' demobilizzazzjoni u ta' l-impenn għall-waqfien mill-ġlied li saru fit-23 ta' Jannar 2008 fit-tmiem ta' din il-Konferenza, u jkompli għalhekk iħeġġeġ lill-atturi kollha f'dan il-konflitt biex jaħdmu bla waqfien għall-paċi u biex jitwaqqfu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-rispett tal-liġi internazzjonali umanitarja, biex iwaqqfu kull attakk dirett fuq persuni ċivili u biex jippermettu li l-organizzazzjonijiet umanitarji jkunu jistgħu jgħinu lill-popolazzjoni ċivili;
5. Ifakkar li d-dettalji prattiċi ta' din id-demobilizzazzjoni għad iridu jiġu preċiżati fil-qafas tal-kummissjoni teknika konġunta għall-paċi u s-sigurtà taħt il-kopresidenza tal-Gvern tar-RDK u tal-faċilitazzjoni internazzjonali ta' dan l-impenn, u jitlob għalhekk li din il-Kummissjoni tiġi kostitwita kemm jista' jkun malajr biex jiġu finalizzati l-kwistjonijiet ta' demobilizzazzjoni;
6. Jilqa' bi pjaċir il-laqgħa li saret bejn il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Kongo u ta' l-Irwanda f'Settembru 2007 u jitlob lill-awtoritajiet Irwandiżi biex jinolvu ruħhom konkretament fid-diversi tentattivi ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, partikolarment fir-rigward tal-prosekuzzjonijiet legali, tad-diżarm, tad-demobilizzazzjoni u tar-ripatrijazzjoni ta' l-Interhamwes preżenti fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana;
7. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrilaxxaw il-fondi ta' emerġenza, minħabba s-serjetà estrema tal-qagħda umanitarja li jridu jiffaċċjaw il-popolazzjonijiet tal-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana mhux biss minħabba l-kunflitti li għadhom qed jolqtu lir-reġjun tagħhom imma anke minħabba t-terremot tat-3 ta' Frar 2008 li għadda, u biex jgħassu li l-ħaddiema umanitarji jkunu jistgħu iwettqu l-missjoni tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli;
8. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, b'effett immedjat, jimplimentaw programmi ta' għajnuna medika fuq skala kbira għall-popolazzjonijiet ċivili tal-Lvant tar-RDK, sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet immedjati tal-popolazzjoni kif ukoll tiġi antiċipata r-rikostruzzjoni tar-reġjun li ser tkun meħtieġa;
9. Jitlob li jiġu implimentati b'mod effettiv mekkaniżmi ta' kontroll, bħall-proċess ta' Kimberley, f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċertifkazzjoni ta' l-oriġini tar-riżorsi naturali importati fis-suq ta' l-Unjoni;
10. Jitlob lill-Kunsill kif ukoll lil kull Stat Membru biex jagħtu għajnuna speċifika intenzjonata għall-popolazzjonijiet tal-Lvant tar-RDK;
11. Jitlob lill-missjoni ta' l-Unjoni Ewropea fil-provinċja ta' Kivu tat-Tramuntana, prevista għax-xahar ta' Marzu 2008, biex tirraporta lura lilu;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet ta" l-Unjoni Afrikana, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta" l-Istati Membri, lis-segretarju ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, lill-President kif ukoll lill-parlament u lill-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lill-President kif ukoll lill-parlament u lill-gvern tar-Repubblika ta' l-Irwanda.