Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2009(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0163/2008

Testi mressqa :

A6-0163/2008

Dibattiti :

PV 20/05/2008 - 7
CRE 20/05/2008 - 7

Votazzjonijiet :

PV 20/05/2008 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0213

Testi adottati
PDF 254kWORD 88k
It-Tlieta, 20 ta' Mejju 2008 - Strasburgu
Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea
P6_TA(2008)0213A6-0163/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Mejju 2008 dwar Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (2008/2009(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea" (COM(2007)0575 - SEC(2007)1283),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Konklużjonijiet mill-Konsultazzjoni dwar Politika Marittima Ewropea" (COM(2007)0574),

–   wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni għal dikjarazzjoni konġunta bejn tliet partijiet li tistabbilixxi "Jum Marittimu Ewropew" SEC(2007)1631,

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra" (COM(2006)0275) u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Lulju 2007(1),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8/9 ta' Marzu 2007 fir-rigward ta' l-adozzjoni tad-dokument "Pjan ta' azzjoni (2007–2009) tal-Kunsill Ewropew – Politika ta' l-enerġija għall-Ewropa" mill-Kunsill Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "20 20 sa l-2020 - L-opportunità dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa" (COM(2008)0030),

–   wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu 2006, adottata mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) fit-23 ta" Frar 2006, strument waħdieni li jħaddan u jadatta l-konvenzjonijiet dwar ix-xogħol marittimu adottati mill-ILO sa mill-1919,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Sajd (A6-0163/2008),

A.   billi l-oċeani u l-ibħra huma fatturi ekonomiċi u ambjentali essenzjali għall-UE; billi l-UE, permezz tar-reġjuni kostali u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, toffri 320,000 km ta' kosta li fiha jgħixu terz tal-popolazzjoni Ewropea,

B.   billi industriji u servizzi tal-baħar kif ukoll ir-reġjuni tal-kosta b'kollox jikkontribwixxu 40 % tal-GDP ta' l-UE,

C.   billi l-bidla fil-klima hija l-akbar sfida mill-politika kollha fis-seklu 21; billi ż-żieda fil-livell tal-baħar ikkawżata mill-bidla fil-klima hija theddida għar-reġjuni kostali, li tista" tkun fuq skala kbira ħafna, b'konsegwenzi drastiċi għar-residenti,

D.   billi r-reġjuni marittimi ta" l-UE, u b'mod partikulari r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha, jwettqu fuq naħa waħda rwol importanti ħafna fir-rigward tas-sigurtà kontra l-atti kriminali bħal ma huma l-immigrazzjoni illegali, it-terroriżmu u l-kuntrabandu u iżda fuq in-naħa l-oħra huma esposti għal diżastri ambjentali speċifiċi,

E.   billi matul is-sena li għaddiet żdiedu fl-għadd u fil-frekwenza l-attakki kriminali fuq bastimenti tas-sajd, tal-merkanzija u tal-passiġġieri tal-Komunità fl-ibħra internazzjonali qrib il-kosta ta' l-Afrika, b'riskju kbir għall-ħajja ta' l-ekwipaġġi u b'impatt negattiv importanti fuq il-kummerċ internazzjonali;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjoni l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-komunikazzjonijiet u l-Pjan ta' Azzjoni msemmija hawn fuq fid-dokumnet ta' ħidma ta' l-istaff imsemmi hawn fuq;

2.  Isostni r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni laqgħet parti sewwa mit-talbiet tal-Parlament, għall-inqas sa ċertu punt;

3.  Jenfasizza li d-dimensjoni marittima eċċezzjonali mogħtija lill-UE mix-xtut u r-reġjuni l-aktar imbiegħda tagħha toffri opportunitajiet uniċi fir-rigward ta" l-innovazzjoni, l-ambjent, u l-bijodiversità, li għandhom jiġu kkunsidrati fil-politika marittima integrata għall-UE, u li r-reġjuni l-aktar imbiegħda, barra minn hekk, jipprovdu bażijiet tal-komunikazzjoni eċċellenti għall-għanijiet ta" trasport u siġurtà fil-livell ta" l-UE u livell globali;

4.  Jenfasizza bil-qawwa l-idea tal-Kummissjoni li tisfrutta aħjar il-potenzjal tat-trasport marittimu u fuq mogħdijiet ta' l-ilma interni fuq distanza qasira bejn l-Istati Membri ta" l-Unjoni Ewropea u li tintegra dan is-settur malajr kemm jista" jkun fis-suq intern u jilqa" b'sodisfazzjoni il-ħsieb tal-Kummissjoni li tħaffef il-proposti tagħha dwar żona ta" trasport marittimu komuni bi strateġija komprensiva għat-trasport marittimu 2008-2018;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni bejniethom u mal-pajjiżi ġirien għall-użu adattat tat-TEN-T u mekkaniżmi ta" ffinanzjar Ewropew oħra (bħal Marco Polo) biex iwettqu l-proġetti tat-Toroq tal-Baħar u Netwerks ta" Trasport Marittimu fuq Distanza Qasira;

6.  Jilqa b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji Ewropej li jieħdu ħsieb il-kontroll tal-baħar b'enfażi fuq il-prevenzjoni ta" attivitajiet illegali (it-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi, l-immigrazzjoni illegali u t-theddidiet terroristiċi) b'enfasi speċjali fuq l-ibħra internazzjonali;

7.  Jilqa b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq netwerk Ewropew għas-sorveljanza marittima u tippromwovi koperazzjoni aħjar fost il-gwardji tal-kosta ta" l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ ir-riżultati ta" l-istudju dwar il-vijabilità ta" għassa tal-kosta Ewropea, li kellu jkun ippubblikat u ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill sa l-aħħar ta" l-2006;

8.  Huwa tal-fehma li l-gruppi marittimi qegħdin f'qagħda partikolarment tajba biex jagħmlu kontribuzzjoni għall-ksib ta" politika marittima integrata; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda bla telf ta" żmien il-proġett ta" netwerk Ewropew tal-gruppi marittimi;

9.  Jappoġġja l-proposta li jiġi stabbilit "Jum Marittimu Ewropew" annwali fl-20 ta' Mejju; huwa tal-fehma li jum ta" azzjoni bħal dan għandu jintuża biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-politika marittima barra l-ambjent speċjalizzat bil-parteċipazzjoni ta" ċittadini komuni, l-iskejjel, l-universitajiet u l-NGOs; ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-proposta tagħha li jingħata premju lir-reġjuni marittimi eżemplari bħala mezz biex tippromwovi l-aħjar prattika;

10.  Huwa tal-fehma ġenerali, madankollu, li l-pjan ta' azzjoni fih ftit wisq miżuri konkreti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-ġejjieni tuża l-istrumenti li għandha disponibbli skond it-Trattati b'aktar ambizzjoni;

11.  Jisgħobbih li l-Pjan ta' Azzjoni jindirizza l-isfidi tal-bidla fil-klima biss b'mod mhux obbligatorju; itenni l-fehma tiegħu li politika marittima Ewropea għandha tkun imħejjija għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u taddatta ruħha għalihom, u, b'urġenza, tistipula l-miżuri ta" aġġustament rekwiżiti, b'mod speċjali minħabba l-fatt li qed idubu l-glaċieri li jwassal għal żieda fil-livell tal-baħar u riskji akbar ta" għargħar fil-portijiet u fir-reġjuni kostali, u f'dan il-kuntest, jitlob il-kontribut tas-setturi relevanti kollha tal-politika, partikolarment dik tar-riċerka;

12.  Ifakkar fil-fatt li meta l-glaċieri idubu dan jikkaġuna mhux biss żieda fil-livell tal-baħar imma wkoll ħsara li ma tissewwiex lill-ħajja tal-bnedmin, ta" l-annimali u l-pjanti, u għaldaqstant jilqa" b'sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tressaq Inizjattiva Artika u jistieden lill-komunità xjentifika u lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet biex jesploraw aktar possibiltajiet għall-ħarsien taż-żoni tas-silġ polari;

13.  Isostni li l-ġestjoni tajba ta" l-ibħra tirrikjedi l-ġestjoni tajba taż-żoni tax-xtut u li proġetti ta" bini fuq ix-xtut ta" l-UE għandhom għaldaqstant jaħsbu f'kull każ għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u dak li ġġib magħha: ż-żieda fil-livell tal-baħar, l-erożjoni tar-ramel, u ż-żieda fil-frekwenza u l-qilla tal-maltemp;

14.  Jappoġġja l-objettivi tal-Kunsill Ewropew ta" Marzu 2007 li sa l-2050 l-emissjonijiet ta" gass b'effett ta' serra jonqsu bin-nofs u jinsisti fuq it-talba tiegħu li l-politika marittima tagħti kontribut importanti għat-tnaqqis ta' dawn l-emissjonijiet; dan għandu jinkludi l-inklużjoni tat-trasport bil-baħar fl-iskema ta' kummerċ ta' kwoti ta" emissjonijiet u t-tisħiħ ta" l-isforzi tar-riċerka kemm għall-użu ta" l-ibħra bħala sors ta" enerġija li tiġġedded kif ukoll bil-ħsieb li jkunu żviluppati teknoloġiji ġodda aktar nodfa ta" propulsjoni tal-vapuri; iqis li jekk l-Ewropa turi t-triq fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima dan jista" jsaħħaħ u jiżviluppa l-irwol ewlieni tagħha fit-teknoloġija u r-riċerka ambjentali;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tkun aktar ambizzjuża fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet tal-kubrit u ta' l-ossidu tan-nitroġenu, kif ukoll skart solidu mill-vapuri; f'dan il-kuntest, itenni l-ħtieġa ta" koperazzjoni aktar mill-qrib ma" l- Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u b'mod partikulari, jitlob:

   · għat-tfassil ta' normi dwar l-emissjonijiet ta' l-ossidu tan-nitroġenu għall-vapuri li joperaw fil-portijiet ta' l-UE;
   · għal dikjarazzjoni tal-Baħar Mediterran, tal-Baħar l-Iswed u tal-grigal ta" l-Atlantiku bħala reġjuni ta" sorveljanza għall-emissjonijiet ta" kubrit (SECA) skond il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (il-Konvenzjoni MARPOL);
   · għat-tnaqqis minn 1.5 % għal 0.5 % fil-kontenut massimu ta' kubrit permess fil-fjuwils tal-bastimenti tal-passiġġieri li joperaw fis-SECA;
   · għall-introduzzjoni ta" miżuri fiskali, bħal taxxi jew kontribuzzjonijiet għall-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu mill-bastimenti u l-identifikazzjoni ta" modi kif ikunu imposti miżuri u kontribuzzjonijiet bħal dawn fuq il-vapuri kollha, tkun xi tkun il-bandiera tagħhom, li jidħlu fil-portijiet Komunitarji jew li jbaħħru fl-ibħra ta" l-Istati Membri ta" l-UE;
   · għall-introduzzjoni ta' kontribuzzjonijiet tal-portijiet u l-ilmijiet navigabbli differenzjati li jiffavorixxu l-vapuri b'emissjonijiet baxxi tad-dijossidu tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu;
   · l-introduzzjoni b'mod gradwali ta" rekwiżit għall-vapuri fil-portijiet li jużaw l-elettriku minn fuq l-art
   · għal-proposta ta' direttiva ta' l-UE dwar il-kwalità ta' fjuwils tal-bastimenti;

16.  Jilqa' l-miżuri adottati f'dak li għandu x'jaqsam mas-sorveljanza permezz ta' satelliti tat-tixrid inkontrollat fil-baħar li jwettqu ċertu bastimenti; jitlob madankollu li l-bastimenti jiġu obbligati, permezz ta' regolamenti, biex jużaw apparat li ma jistax jitbagħbas (u reġistrat bi privattiva) li, skond il-mudell tal-kaxxi suwed ta' l-ajruplani, jippermettu li jiġu rikordjati f'intervalli qrib xulxin il-livelli u n-natura tal-likwidi li jidħlu fil-ġiebji u s-sentini jew li joħorġu minnhom; iqis li l-eżami ta' dawn ir-rekords jippermetti li wieħed ikun jaf jekk seħħx tixrid inkontrollat u illegali ta' reżidwi ta' idrokarburi li jniġġsu;

17.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri u l-Kummissjoni, minħabba t-tniġġis ta" l-arja li jaffettwa ħafna bliet u reġjuni portwali, biex jipprovdu inċentivi li huma aħjar b'mod sinifikanti għall-forniment ta" l-elettriku mill-art għall-vapuri fil-port; jitlob, għaldaqstant għal proposta ta" emenda għad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta" Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar it-tassazzjoni fuq prodotti ta" enerġija u elettriku(2), li permezz tagħha dawk l-Istati Membri li jieħdu vantaġġ mill-eżenzjoni tat-taxxa miż-żejt tal-banker skond l-Artikolu 14 ta" dik id-direttiva jkunu rekwiżiti li jeżentaw mit-taxxa l-elettriku mill-art għall-istess ammont; jinnota li t-trattament indaqs għall-finijiet tat-taxxa ta" l-elettriku u ż-żejt tal-banker ikun inċentiv kbir għall-portijiet u s-sidien tal-vapuri biex jgħinu fit-tnaqqis tat-tniġġis ta" l-arja fl-ibliet li huma portijiet billi jinvestu fil-forniment ta" l-elettriku għall-vapuri li jkunu fil-port;

18.  Jerġa' jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li t-tniġġis ta' l-ibħra mill-art għandu parti sostansjali mit-tniġġis ġenerali ta' l-ibħra u li l-Kummissjoni għadha ma bdietx tittratta dan is-suġġett; itenni, għaldaqstant, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta pjan ta' azzjoni għat-tnaqqis fit-tniġġis u jenfasizza t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw mingħajr dewmien l-atti legali relattivi bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma(3); jenfasizza li pjan ta' azzjoni għall-identifikazzjoni u t-tneħħija ta' tagħmir tal-gwerra tal-gwerer tal-passat fil-Baħar tat-Tramuntana u l-Baltiku jifforma parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ilma;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jniedu pjan għall-istudju u l-intraċċar ta" vapuri mgħarrqa u siti arkeoloġiċi mgħarrqa – minħabba li dawn jiffurmaw parti mill-wirt storiku u kulturali tal-Komunità – u b'hekk tħaffef l-għarfien u l-istudju ta" siti bħal dawn u tgħin biex tkun evitata l-ħsara li qed iġarrbu, biex ikunu jistgħu jitħarsu b'mod adattat;

20.  Iħeġġeġ l-istituzzjonijiet involuti biex jadottaw il-pakkett marittimu Erika III malajr kemm jista" jkun u jistieden lill-Istati Membri biex jibdew jimplimentaw il-pakkett mingħajr dewmien, bil-għan li jipprovdu l-mezzi legali meħtieġa biex ikunu evitati jew irrimedjati l-aċċidenti jew l-inċidenti b'konsegwenzi diżastrużi għall-iżvilupp tar-reġjuni marittimi, bl-inċidenti ta" l-Erika u l-Prestige ikunu żewġ eżempji ta" dan;

21.  Jikkunsidra li d-Direttiva Qafas dwar Strateġija għall-Ambjent ta" l-Ibħra(4) għandha tikkostitwixxi l-bażi ambjentali tal-politika marittima integrata għall-UE; jinnota li dik id-direttiva tiddikjara li r-reġjuni fejn l-istat tal-baħar huwa kruċjali għandhom ifasslu u jimplimentaw miżuri aktar mgħaġġla biex jiksbu status ambjentali tajjeb; jenfasizza li f'reġjuni bħal dawn huwa importanti b'mod partikulari li l-Kummissjoni tikkordina setturi, programmi u strateġiji differenti u tipprovdi appoġġ finanzjarju adattat; jinnota li biex tinkiseb politika marittima integrata bħal din, huwa meħtieġ li jkunu inklużi attivitajiet fuq l-art bħall-agrikoltura, l-immaniġġar tad-dranaġġ, it-trasport u l-produzzjoni ta" l-enerġija; jemmen li reġjuni bħal dawn jistgħu jikkostitwixxu żoni bi prova għal politika marittima integrata b'mod sħiħ;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li teskludi l-baħħara min numru ta' oqsma ta' normattivi Ewropej dwar il-ħarsien soċjali u l-protezzjoni tal-ħaddiema (p.e. id-Direttiva 98/59/KE(5) dwar redundancies kollettivi, id-Direttiva 2001/23/KE(6) dwar is-salvagwardja tad-drittijiet ta" l-impjegati fil-każ ta" trasferiment ta" impriżi, negozji jew partijiet ta" impriżi jew negozji, id-Direttiva 2002/14/KE(7) dwar tagħrif u konsultazzjoni għall-impjegati, kif ukoll id-Direttiva 96/71/KE(8) dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta" l-għoti ta" servizzi); jipproponi r-reviżjoni ta' dawn id-direttivi b'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba soċjali;

23.  Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux hekk, biex jirratifikaw, kemm jista" jkun malajr, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, ta" l-2006, adottata bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet ta" l-għajxien u tax-xogħol tal-baħħara u biex tkun evitata l-kompetizzjoni inġusta fl-industrija tal-vapuri billi jkun aġġornat u kkodifikat il-korp kollu ta" standards internazzjonali dwar ix-xogħol li huma fis-seħħ;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taġġorna d-Direttiva 1999/95/KE(9) dwar is-sigħat tax-xogħol tal-baħħara, u l-leġiżlazzjoni dwar kwistjonijiet li huma taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni imma m'humiex koperti, jew huma koperti biss b'mod parzjali, fil-livell Komunitarju, per eżempju r-regoli li jirregolaw l-aġenziji tar-reklutaġġ temporanju jew id-dritt ta" ħaddiem li jkollu kuntratt ta" l-impjieg iffirmat;

25.  Iqis li l-involviment ta' msieħba reġjonali u lokali huwa essenzjali sabiex il-politika marittima tkun ta' suċċess; isostni, għalhekk, li għandu jkun hemm koperazzjoni aktar mill-qrib u rabta akbar bejn ir-reġjuni kostali Ewropej, u li dan jista' jinkiseb bil-promozzjoni ta' strateġiji koordinati li jkattru l-iżvilupp u l-kompetittività u billi jkun hemm rabta aktar effettiva bejn il-livelli differenti ta' governanza;

26.  Iġedded it-talba tiegħu biex fil-futur jiġi segwit approċċ integrat tal-politika marittima għall-UE u jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-qafas politiku tagħha kif ukoll il-koeżjoni territorjali, soċjali, u ekonomika li tipprovdi r-rabta ma" l-intern ta" l-Ewropa u l-politika kostitwenti tagħha; jipproponi li jiġi pubblikat rapport dwar il-politika marittima Ewropea kull sentejn kif ukoll li jkun hemm skambju pubbliku ta" opinjonijiet b'mod regolari li jieħdu sehem fih dawk kollha interessati; jitlob il-presidenzi futuri tal-Kunsill biex fil-qafas tal-programmi ta" ħidma tagħhom jittrattaw il-politika marittima; jitlob, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kull sena tindika b'mod ċar il-proġetti kollha relatati mal-baħar, li jgawdu l-għajnuna ta" fondi ta" l-UE;

27.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippromwovi negozjati għal ġestjoni aħjar ta" l-iskambji marittimi ma" pajjiżi terzi u jappoġġja b'mod qawwi koperazzjoni akbar ma" pajjiżi ġirien għall-ħarsien ta" l-ibħra lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu l-appoġġ attiv tagħhom, fil-qafas tan-NU u ta' l-IMO, għall-inizjattiva promossa minn għadd ta' Stati Membri, biex id-dritt ta' insegwiment bil-baħar u bl-ajru jkun estiż għall-ibħra territorjali ta' l-Istati li għandhom kosta, sakemm il-pajjiżi kkonċernati jaqblu wkoll li jiżviluppaw mekkaniżmu ta' assistenza reċiproka fil-każijiet ta' piraterija marittima;

29.  Jitlob lill-Kummissjoni li twaqqaf, fil-qafas tal-Politika Marittima Integrata l-ġdida, sistema Komunitarja għall-koordinazzjoni u l-assistenza reċiproka, li tippermetti li bastimenti navali li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru u li jkunu f'ibħra internazzjonali jħarsu bastimenti tas-sajd u tal-merkanzija minn Stati Membri oħra, ma' l-ewwel opportunità;

30.  Jikkunsidra li Strateġija komprensiva Ewropea għar-riċerka dwar il-Baħar u r-riċerka Marittima hija ta" importanza kbira u għandha tkun iffinanzjata b'mod adattat, anki fis-7 programm qafas tar-riċerka u fi programmi tal-ġejjieni;

31.  Jesprimi ruħu favur il-kunsiderazzjoni xierqa tal-politika marittima fil-baġit ta" l-UE u l-istrumenti wara l-2013 u jistieden li dan ikun rifless fis-sommarji fir-rapporti li jsiru b'mod regolari dwar il-politika marittima Ewropea;

32.  Jilqa' wkoll b'sodisfazzjon ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007 bil-għan li l-politika marittima tkun adattata għal fatturi speċifiċi varji ta' l-Istati Membri u r-reġjuni marittimi, inklużi r-reġjuni ta' mal-kosta, il-gżejjer, u r-reġjuni l-iktar imbiegħda;

33.  Filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-kompetenza ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam, jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta' pjan ta' azzjoni biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta' ppjanar ta' l-ispazji marittimi mill-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jinżamm bilanċ xieraq bejn il-konsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, territorjali u ambjentali;

34.  Jinnota li d-dimensjoni marittima eċċezzjonali li r-reġjuni tax-xtut, il-gżejjer u r-reġjuni l-iktar imbiegħda jagħtu lill-UE toffri opportunitajiet uniċi fir-rigward ta' l-innovazzjoni, ir-riċerka, l-ambjent, il-bijodiversità, u oqsma oħra, u li l-politika marittima Ewropea integrata trid tikkapitalizza fuq dawn; jirrikonoxxi x-xewqa li jinħolqu ċentri ta' eċċellenza u jirrakkomanda li ċ-ċentri universitarji ta' riċerka li diġà huma preżenti fiż-żoni kostali jingħataw inkoraġġiment u appoġġ;

35.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tal-qawwa tal-mewġ bħala sors nadif ta' enerġija alternattiva u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis din il-forma ta' enerġija fil-pjanijiet ta' azzjoni futuri;

36.  Iqis li l-objettiv essenzjali tal-"Politika Marittima Integrata Ewropea " (IEMP) fil-qasam tas-sajd għandu jinkoraġġixxi l-immodernizzar u l-iżvilupp sostenibbli, ibbilanċjat u ekwitabbli tal-qasam fl-Unjoni Ewropea kollha, filwaqt li jiżgura il-vijabilità soċjo-ekonomika tiegħu u s-sostenibilità tar-riżorsi u jiggarantixxi s-sovranità u s-sigurtà ta" l-ikel, il-provvista tal-ħut, il-preservazzjoni ta' l-impjieg u t-titjib tal-kundizzjonijiet ta' l-għejxien tas-sajjieda;

37.  Iqis li, sa issa, la s-sostenibbiltàli tar-riżorsi tal-baħar u lanqas il-vijabilità ekonomika tal-flotot tas-sajd u tal-komunitajiet ta' max-xtut ta" l-Ewropa ma ġew moqdija kif xieraq mill-politika komuni għas-sajd (CFP,) u li għalhekk jaqbel li tiġi żviluppata politika Ewropea integrata ta" l-UE dwar il-baħar b'mod li jiġi evitat li fil-politika komuni għas-sajd jitfaċċaw nuqqasijiet bħaċ-ċentralizzazzjoni żejda u l-inkapaċità li titqies id-diversità reġjonali ta" l-ibħra ta" l-Unjoni Ewropea;

38.  Huwa ta' l-opinjoni li żieda fl-att u fil-kwalità ta' l-impjiegi "marbuta mal-baħar, speċjalment ma" l-industrija tas-sajd" tiddependi wkoll fuq garanzija ta' dħul ġust u xieraq u fuq kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti (speċjalment mill-perspettiva tas-saħħa u s-sigurtà) u fuq aċċess għat-taħriġ għas-sajjieda professjonali;

39.  Jitlob li jkun hemm għarfien reċiproku mill-Istati Membri tad-diplomi ta" livell intermedju għall-impjiegi ta" kaptani u mekkaniċi għall-bastimenti tas-sajd;

40.  Ifakkar fil-bżonn ta' mekkaniżmi għal għotjiet ta' għajnuna jew ta' kumpens għas-sajjieda milquta mill-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tal-miżuri adottati għar-rikostruzzjoni ta' stokks tal-ħut jew għall-ħarsien ta' ekosistemi, b'mod partikolari fir-reġjuni u fil-komunitajiet l-iktar żvantaġġjati u fir-reġjuni l-aktar imbiegħda;

41.  Jikkonferma l-ħtieġa li tissaħħaħ l-għajnuna għar-riċerka xjentifika dwar is-sajd fl-Istati Membri differenti, b'mod partikulari fi ħdan is-seba' programm qafas għar-riċerka;

42.  Jitlob li tingħata għajnuna Komunitarja għall-adozzjoni ta" miżuri effettivi meħtieġa biex jiżguraw mezzi adegwati ta" evakwazzjoni, ta" assistenza u ta" salvataġġ għall-ekwipaġġi;

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1) Testi adottati, P6_TA(2007)0343.
(2) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(3) ĠU L 327, 22.12. 2000, p. 1.
(4) Testi adottati, 11 ta' Diċembru 2007, P6_TA(2007)0595.
(5) ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.
(6) ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.
(7) ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.
(8) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(9) ĠU L 14, 20.1.2000, p. 29.

Avviż legali - Politika tal-privatezza