Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/0289(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0200/2008

Testi mressqa :

A6-0200/2008

Dibattiti :

PV 04/06/2008 - 22
CRE 04/06/2008 - 22

Votazzjonijiet :

PV 05/06/2008 - 6.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0252

Testi adottati
PDF 488kWORD 177k
Il-Ħamis, 5 ta' Ġunju 2008 - Brussell
Skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011*
P6_TA(2008)0252A6-0200/2008

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li tapplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u Nru 1100/2006 (COM(2007)0857 – C6-0051/2008 – 2007/0289(CNS))

(Proċedura ta' Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2007)0857),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tat-Trattat KE, skond liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0051/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0200/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament – att li jemenda
Premessa 1 a (ġdida)
(1a)  Minn meta ġiet maħluqat, is-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) saret waħda mill-istrumenti ewlenin tal-politika tal-kummerċ u l-iżvilupp ta' l-UE biex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw inaqqsu l-faqar billi jiġġeneraw dħul permezz ta' kummerċ internazzjonali u jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom billi jippromwovu l-iżvilupp industrijali u d-diversifikazzjoni ta' l-ekonomiji tagħhom.
Emenda 2
Proposta għal regolament – att li jemenda
Premessa 2 a (ġdida)
(2a)  L-għan ewlieni tal-politika ta' żvilupp ta' l-UE u, għaldaqstant, ta' l-iskema ta' l-SĠP, huwa li jsir kontribut - permezz ta' diversifikazzjoni akbar ta' l-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tas-sehem akbar tagħhom fil-kummerċ dinji - għall-ilħuq ta' l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju (MDGs), l-eradikazzjoni tal-faqar, il-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba f'pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Emenda 3
Proposta għal regolament – att li jemenda
Premessa 6 a (ġdida)
(6a)  Sabiex tiżdied ir-rata ta' utilizzazzjoni u l-effettività ta' l-SĠP u biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitħallew igawdu mill-benefiċċji tal-kummerċ internazzjonali u ta' l-arranġamenti preferenzjali, l-Unjoni Ewropea għandha tfittex li tipprovdi lil dawn il-pajjiżi, u b'mod partikolari lill-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs), b'għajnuna teknika adegwata.
Emenda 4
Proposta għal regolament – att li jemenda
Premessa 8 a (ġdida)
(8a)  Għandu jingħata appoġġ, f'sura ta' għajnuna teknika, għall-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet imsemmija fl-arranġament speċjali ta' inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u għall-governanza tajba.
Emenda 5
Proposta għal regolament – att li jemenda
Premessa 10 a (ġdida)
(10a)  Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibilità għall-arranġament speċjali ta' inċentivi favur l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba wara l-31 ta' Ottubru 2008 għandhom ikunu intitolati li jibbenefikaw mill-preferenzi tariffarji supplimentarji malli jissodisfaw dawn il-kriterji. Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar talbiet ġodda fuq bażi annwali.
Emenda 38
Proposta għal regolament – att li jemenda
Premessa 15
(15)  Dazji tat-tariffi fuq prodotti mhux sensittivi għandhom ikomplu jiġu sospiżi, filwaqt li dazji fuq prodotti sensittivi għandhom jibbenefikaw minn tnaqqis tat-tariffa, biex tkun żgurata
rata ta" utilizzazzjoni sodisfaċenti u fl-istess waqt
titqies is-sitwazzjoni ta" l-industriji Komunitarji rispettivi.
(15)  Dazji tat-tariffi fuq prodotti mhux sensittivi għandhom ikomplu jiġu sospiżi, filwaqt li dazji fuq prodotti sensittivi għandhom ikunu stabbiliti b'mod li tkun żgurata rata ta" utilizzazzjoni sodisfaċenti u fl-istess waqt titqies is-sitwazzjoni ta" l-industriji Komunitarji rispettivi.
Emenda 6
Proposta għal regolament – att li jemenda
Premessa 15 a (ġdida)
(15a)  Sabiex jiġi evitat it-tnaqqis tal-preferenzi, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra t-trasferiment ta' prodotti attwalment klassifikati bħala "sensittivi" għall-kategorija "mhux sensittivi'fir-regolament li jmiss.
Emenda 7
Proposta għal regolament – att li jemenda
Premessa 19
(19)  F'ġieh il-koerenza fil-politika kummerċjali tal-Komunità, pajjiż benefiċjarju ma għandux jibbenefika kemm mill-iskema tal-Komunità ta" preferenzi ġeneralizzati tat-tariffi kif ukoll minn ftehim ta" kummerċ ħieles, jekk dan il-ftehim ikopri ta" l-inqas il-preferenzi kollha previsti mill-iskema attwali għal dak il-pajjiż.
(19)  Għall-finijiet ta' koerenza fil-politika kummerċjali tal-Komunità, pajjiż benefiċjarju ma għandux jibbenefika kemm mill-iskema tal-Komunità ta" preferenzi ġeneralizzati tat-tariffi kif ukoll minn ftehim ta" kummerċ ħieles, jekk dan il-ftehim ikopri, effettivament jimplimenta u, jekk ikun il-każ, jikkonsolida ta" l-inqas il-preferenzi kollha previsti mill-iskema attwali għal dak il-pajjiż.
Emenda 8
Proposta għal regolament – att li jemenda
Premessa 21 a (ġdida)
(21a)  Ir-regoli ta' oriġini għandhom jiġu rriveduti sabiex titqies l-akkumulazzjoni inter-reġjonali u globali u l-possibilità li pajjiż jibbenefika minn trattament preferenzjali skond l-SĠP, l-SĠP+ u l-inizjattiva 'Kollox Ħlief Armi' (EBA), anke jekk ma jkunx il-pajjiż tad-destinazzjoni aħħarija ta' l-esportazzjoni, sakemm jingħata valur miżjud sostanzjali lill-prodotti fil-pajjiż ikkonċernat. Matul din ir-reviżjoni, il-ħtieġa ta' 'trasformazzjoni doppja' għal ċerti prodotti għandha tiġi eliminata wkoll.
Emenda 9
Proposta għal regolament– att li jemenda
Premessa 21 b (ġdida)
(21b)  Il-Kummissjoni għandha, bħala prijorità, tistinka fi ħdan l-Organizzazjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) sabiex jintlaħaq ftehim li jarmonizza r-regoli ta' oriġini, skond liema regoli l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-anqas pajjiżi żviluppati jirċievu trattament preferenzjali.
Emenda 37
Proposta għal regolament
Premessa 21 c (ġdida)
(21b)  Skond l-Artikolu 37(6) tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-EU, il-Kummissjoni impenjat ruħha li teżamina l-alternattivi kollha possibbli biex tgħin lill-pajjiżi l-anqas avvanzati u li ma kinux iffirmaw Ftehim ta' Sħubija Ekonomika jibbenefikaw minn qafas ta' kummerċ li joffri preferenzi kummerċjali għallinqas ekwivalenti għal dawk tal-Ftehim Cotonou.
Emenda 10
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 3 – paragrafu 1 a (ġdid)
1a.  Fuq il-bażi ta' l-aktar 'data' riċenti komparabbli u aġġustata disponibbli fil-mument ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi liema pajjiżi benefiċjarji jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-paragrafu 1.
Emenda 11
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 3 – paragrafu 1 b (ġdid)
1b.  Kull sena l-Kummissjoni għandha tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea fejn huma elenkati l-pajjiżi benefiċjarji li jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-paragrafu 1.
Emenda 12
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 3 – paragrafu 2
2.  Meta pajjiż benefiċjarju jibbenefika minn ftehim kummerċjali preferenzjali mal-Komunità li jkopri ta" l-anqas il-preferenzi kollha previsti minn din l-iskema għal dak il-pajjiż, għandu jitneħħa mil-lista tal-pajjiżi benefiċjarji.
2.  Meta pajjiż benefiċjarju jibbenefika minn ftehim kummerċjali preferenzjali mal-Komunità, l-applikazzjoni tal-ftehima kummerċjali għandha tieħu preċedenza fuq l-applikazzjoni ta' l-iskema sakemm il-ftehima effettivament timplimenta u, jekk ikun il-każ, tikkonsolida ta" l-anqas il-preferenzi kollha previsti minn din l-iskema għal dak il-pajjiż. Ftehim kummerċjali mal-Komunità ma jfixkilx l-eliġibilità għall-arranġament speċjali ta' inċentivi stipulat fl-Artikoli 7 sa 10.
Emenda 13
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 3 – paragrafu 3
3.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika pajjiż benefiċjarju bit-tneħħija tiegħu mil-lista ta" pajjiżi benefiċjarji.
3.  Meta pajjiż benefiċjarju jitneħħa mil-lista ta" pajjiżi benefiċjarji, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiż ikkonċernat u lill-Parlament Ewropew.
Emenda 14
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 3 – paragrafu 3 a (ġdid)
3a.  Sabiex jittejjeb l-impatt ta' l-iskema, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u speċjalment lill-LDCs b'għajnuna teknika adegwata għall-bini ta' kapaċità istituzzjonali u regolatorja meħtieġa biex jitgawdew il-benefiċċji tal-kummerċ internazzjonali u ta' l-SĠP.
Emenda 15
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 5 – paragrafu 2
2.  Għall-għanijiet ta" l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(2), ir-regoli ta' l-oriġini, li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett ta" prodotti oriġinanti, il-proċeduri u l-metodi ta" kooperazzjoni amministrattiva relatati magħhom, għandhom ikunu dawk stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93.
2.  Għall-għanijiet ta" l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(2), ir-regoli ta' l-oriġini, li jikkonċernaw id-definizzjoni tal-kunċett ta" prodotti oriġinanti, il-proċeduri u l-metodi ta" kooperazzjoni amministrattiva relatati magħhom, għandhom ikunu dawk stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Il-forma, is-sustanza u l-proċeduri tas-sistema tar-regoli ta' oriġini għandha tkun suġġetta għal reviżjoni regolari sabiex ikun evalwat l-effett tagħha fuq ir-rati ta' l-użu ta' l-SĠP u biex tikkontribwixxi aħjar għall-għan li jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku.
Emenda 16
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 5 – paragrafu 3 a (ġdid)
3a.  Il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità fi ħdan id-WTO għall-armonizzazzjoni tar-regoli ta' l-oriġini li jintroduċu trattament preferenzjali għall-pajjiżi li qed jiżvilupp u għall-LDCs.
Emenda 17
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 7 – paragrafu 3 a (ġdid)
3a.  Għandha tingħata wkoll għajnuna teknika biex pajjiżi eliġibbli li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jikkonformaw mar-ratifika u mar-rekwiżiti effettivi ta' implimentazzjoni ta' l-arranġament speċjali ġdid ta' inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba.
Emenda 18
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 8 – paragrafu 3
3.  Il-Kummissjoni għandha żżomm taħt reviżjoni l-istatus ta' ratifika u implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet elenkati fl-Anness III. Qabel tmiem il-perjodu ta" l-applikazzjoni ta" dan ir-Regolament u kmieni biżżejjed għad-diskussjoni tar-Regolament li jmiss, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, lill-Kunsill, dwar l-istatus tar-ratifika ta" dawn il-konvenzjonijiet, inklużi rakkomandazzjonijiet minn korpi ta' monitoraġġ.
3.  Il-Kummissjoni għandha żżomm taħt reviżjoni l-istatus ta' ratifika u implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet elenkati fl-Anness III. Qabel tmiem il-perjodu ta" l-applikazzjoni ta" dan ir-Regolament u kmieni biżżejjed għad-diskussjoni tar-Regolament li jmiss, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar l-istatus tar-ratifika u ta' l-implimentazzjoni ta" dawn il-konvenzjonijiet ta' kull pajjiż li jibbenefika mill-arranġament ta' inċentiv speċjali. Fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet minn korpi ta' monitoraġġ dwar jekk xi pajjiż partikulari għandux jieħu passi oħra biex jimplimenta konvenzjoni b'mod effettiv.
Fir-rapport tagħha l-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll l-effikaċja ta' l-arranġament speċjali ta' inċentivi biex jintlaħaq l-għan tiegħu u tirrakkomanda, fejn ikun xieraq, ir-reviżjoni ta' l-Anness III.
Emenda 19
***
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 9 − paragrafu 1 − punt a
a) pajjiż jew territorju elenkat fl-Anness I irid ikun għamel talba għal dan l-għan sal-31 ta' Ottubru 2008, u
a) pajjiż jew territorju elenkat fl-Anness I irid ikun għamel talba għal dan l-għan sal-31 ta' Ottubru 2008, jew, fil-każ ta' pajjiżi jew territorji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(1) u (2), wara dik id-data, ta' kull sena, u
Emenda 20
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 10 – paragrafu 1
1.  Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba akkumpanjata bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2). Waqt li tkun qed teżamina t-talba l-Kummissjoni għandha tikkunsidra s-sejbiet ta" l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali rilevanti. Hija tista" titlob lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba kwalunkwe mistoqsija li hija tqis rilevanti u tista" tivverifika l-informazzjoni li taslilha mal-pajjiż li qed jagħmel it-talba jew ma" kwalunkwe sors ieħor rilevanti.
1.  Il-Kummissjoni għandha teżamina t-talba akkumpanjata bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2). Waqt li tkun qed teżamina t-talba l-Kummissjoni għandha tikkunsidra s-sejbiet ta" l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali rilevanti. Hija tista" titlob lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba kwalunkwe mistoqsija li hija tqis rilevanti u għandha tivverifika l-informazzjoni li taslilha mal-pajjiż li qed jagħmel it-talba jew ma" kwalunkwe sors ieħor rilevanti, inkluż il-Parlament Ewropew u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, fosthom l-imsieħba soċjali.
Emenda 21
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 10 – paragrafu 3
3.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni meħuda skond il-paragrafu 2 lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba. Fejn pajjiż jingħata l-arranġament speċjali ta" inċentivi, dan għandu jiġi informat bid-data li fiha d-deċiżjoni tidħol fis-seħħ. Il-Kummissjoni għandha, sal-15 ta' Diċembru 2008, tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta" l-Unjoni Ewropea, li jelenka l-pajjiżi li qed jibbenefikaw mill-arranġament speċjali ta" inċentiv għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba.
3.  Il-Kummissjoni għandha tinnotifika d-deċiżjoni meħuda skond il-paragrafu 2 lill-pajjiż li qed jagħmel it-talba. Fejn pajjiż jingħata l-arranġament speċjali ta" inċentivi, dan għandu jiġi informat bid-data li fiha d-deċiżjoni tidħol fis-seħħ. Il-Kummissjoni għandha, sal-15 ta' Diċembru 2008, tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta" l-Unjoni Ewropea, li għandu jkun aġġornat kull sena, li jelenka l-pajjiżi li qed jibbenefikaw mill-arranġament speċjali ta" inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba.
Emenda 22
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 10 – paragrafu 4
4.  Fejn pajjiż li qed jagħmel it-talba ma jingħatax l-arranġament speċjali ta" inċentiv, il-Kummissjoni għandha tagħti r-raġunijiet, jekk dak il-pajjiż jitlobhom.
4.  Fejn pajjiż li qed jagħmel it-talba ma jingħatax l-arranġament speċjali ta" inċentivi, il-Kummissjoni għandha tagħti r-raġunijiet u tgħarraf lill-pajjiż li jagħmel it-talba, kif ukoll lill-Parlament Ewropew, dwar dan.
Emenda 23
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 17 – paragrafu -1 (ġdid)
-1.  Il-Kummissjoni għandha tiċċekkja regolarment li l-impenji tal-pajjiżi benefiċjarji qegħdin ikunu onorati u li ma tkun tapplika l-ebda raġuni minn dawk imsemmija fl-Artikolu 15(1) u (2) u fl-Artikolu 16(1) u (2) dwar l-irtirar temporanju ta' arranġamenti preferenzjali. Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport annwali dwar il-każijiet ta' rtirar temporanju u tibagħtu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.
Emenda 24
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 17 – paragrafu 1
1.  Fejn il-Kummissjoni jew Stat Membru jirċievi informazzjoni li tista" tiġġustifika l-irtirar temporanju u fejn il-Kummissjoni jew Stat Membru jikkunsidraw li hemm biżżejjed raġunijiet għal investigazzjoni, għandhom jinformaw lill-Kumitat u jitolbu konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fi żmien xahar.
1.  Fejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni jew Stat Membru jirċievu informazzjoni li tista" tiġġustifika l-irtirar temporanju u fejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni jew Stat Membru jikkunsidraw li hemm biżżejjed raġunijiet għal investigazzjoni, għandhom jinformaw lill-Kumitat u lill-Parlament Ewropew u jitolbu konsultazzjonijiet. Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fi żmien xahar.
Emenda 25
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 17 – paragrafu 2
2.  Wara l-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni tista" tiddeċiedi, fi żmien xahar u skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(5), li tagħti bidu għal investigazzjoni.
2.  Wara l-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni tista" tiddeċiedi, fi żmien xahar u skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(5), li tagħti bidu għal investigazzjoni. Fid-dawl tar-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 15(1)(a), il-Kummissjoni għandha tiftaħ inkjesta awtomatikament f'kull każ fejn il-Kumitat ta' l-ILO għall-Applikazzjonijiet ta' l-Istandards jiddedika "paragrafu speċjali" lil xi pajjiż benefiċjarju li ma jikkonformax ma' l-istandards fundamentali tax-xogħol.
Emenda 26
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 18 – paragrafu 3
3.  Il-Kummissjoni għandha tfittex l-informazzjoni kollha li tikkunsidra neċessarja inklużi l-valutazzjonijiet disponibbli, il-kummenti, id-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-korpi rilevanti ta" sorveljanza tan-NU, l-ILO u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti l-oħra. Dawn għandhom iservu bħala l-punt ta" tluq għall-investigazzjoni dwar jekk l-irtirar temporanju huwiex iġġustifikat għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a). Il-Kummissjoni tista" tivverifika l-informazzjoni li tkun irċeviet ma" operaturi ekonomiċi u l-pajjiż benefiċjarju kkonċernat.
3.  Il-Kummissjoni għandha tfittex l-informazzjoni kollha li tikkunsidra neċessarja, inklużi l-valutazzjonijiet disponibbli, il-kummenti, id-deċiżjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet ta' l-istituzzjonijiet l-oħra Ewropej u tal-korpi rilevanti ta" sorveljanza tan-NU, l-ILO u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti l-oħra. Dawn għandhom iservu bħala l-punt ta" tluq għall-investigazzjoni dwar jekk l-irtirar temporanju huwiex iġġustifikat għar-raġuni msemmija fl-Artikolu 15(1)(a). Il-Kummissjoni tista" tivverifika l-informazzjoni li tkun irċeviet ma" operaturi ekonomiċi, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili (fosthom l-imsieħba soċjali) u l-pajjiż benefiċjarju kkonċernat.
Emenda 27
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 19 – paragrafu 1
1.  Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kumitat.
1.  Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Kumitat u lill-Parlament Ewropew.
Emenda 28
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 19 – paragrafu 4
4.  Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li jeħtieġ irtirar temporanju, hija għandha tippreżenta proposta xierqa lill-Kunsill li għandu jiddeċiedi fi żmien xahrejn permezz ta' maġġoranza kwalifikata. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha fi tmiem il-perjodu msemmi f'dak il-paragrafu.
4.  Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li jeħtieġ irtirar temporanju, hija għandha tippreżenta - wara li tkun infurmat lill-Parlament Ewropew - proposta xierqa lill-Kunsill li għandu jiddeċiedi fi żmien xahrejn permezz ta' maġġoranza kwalifikata. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha fi tmiem il-perjodu msemmi f'dak il-paragrafu.
Emenda 29
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 20 – paragrafu 7
7.  Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali li jirrikjedu azzjoni immedjata jagħmlu investigazzjoni impossibbli, il-Kummissjoni tista", wara li tinforma lill-Kumitat, tieħu kwalunkwe miżura preventiva li hija strettament neċessarja.
7.  Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali li jirrikjedu azzjoni immedjata jagħmlu l-investigazzjoni impossibbli, il-Kummissjoni tista", wara li tinforma lill-Kumitat u lill-Parlament Ewropew, tieħu kwalunkwe miżura preventiva li hija strettament neċessarja.
Emenda 30
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 21
Fejn l-importazzjonijiet ta" prodotti inklużi fl-Anness I tat-Trattat jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, tfixkil serju għas-swieq Komunitarji, b'mod partikolari lil wieħed jew iżjed mir-reġjuni l-iktar imbiegħda, jew lill-mekkaniżmi regolatorji tagħhom, il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta" Stat Membru, tista" tissospendi l-arranġamenti preferenzjali fir-rigward tal-prodotti kkonċernati wara li tikkonsulta l-kumitat ta" ġestjoni għall-organizzazzjoni rilevanti tas-suq komuni.
Fejn l-importazzjonijiet ta" prodotti inklużi fl-Anness I tat-Trattat jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, tfixkil serju għas-swieq Komunitarji, b'mod partikolari lil wieħed jew iżjed mir-reġjuni l-iktar imbiegħda, jew lill-mekkaniżmi regolatorji tagħhom, il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta" Stat Membru jew tal-Parlament Ewropew, tista" tissospendi l-arranġamenti preferenzjali fir-rigward tal-prodotti kkonċernati wara li tikkonsulta l-kumitat ta" ġestjoni għall-organizzazzjoni rilevanti tas-suq komuni.
Emenda 31
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 22 – paragrafu 1
1.  Il-Kummissjoni għandha tinforma l-pajjiż benefiċjarju kkonċernat malajr kemm jista" jkun bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda skond l-Artikoli 20 jew 21 qabel ma din issir effettiva. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika wkoll il-Kunsill u l-Istati Membri dwar dan.
1.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiż benefiċjarju kkonċernat malajr kemm jista" jkun bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda skond l-Artikoli 20 jew 21 qabel ma din issir effettiva. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika wkoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri dwar dan.
Emenda 32
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 22 – paragrafu 2
2.  Kwalunkwe Stat Membru jista" jirreferi deċiżjoni li ttieħdet skond l-Artikoli 20 jew 21 lill-Kunsill fi żmien xahar. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista" jadotta deċiżjoni differenti fi żmien xahar.
2.  Kwalunkwe Stat Membru, jew il-Parlament Ewropew, jista" jirreferi deċiżjoni li ttieħdet skond l-Artikoli 20 jew 21 lill-Kunsill fi żmien xahar. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista" jadotta deċiżjoni differenti fi żmien xahar. Fejn ikun il-każ, il-Kunsill għandu jinforma bid-deċiżjoni tiegħu lill-pajjiż li jagħmel it-talba u lill-Parlament Ewropew.
Emenda 33
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 25 punt e
e) għat-twaqqif, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Diċembru 2008, tal-lista finali ta" pajjiżi benefiċjarji skond l-Artikolu 10.
e) għat-twaqqif, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Diċembru 2008, tal-lista finali ta" pajjiżi benefiċjarji li għandha tkun aġġornata kull sena skond l-Artikolu 10.
Emenda 34
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 26 a (ġdid)
Artikolu 26a
1.  Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat regolarment rigward:
(a) l-istatistika tal-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi li jibbenefikaw mill-SĠP;
(b) l-istatus tar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet inklużi fl-Anness III ta' kull pajjiż li qiegħed jibbenefika mill-arranġament speċjali għal inċentivi. Fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet dwar jekk xi pajjiż partikulari għandux jieħu passi oħra biex jimplimenta konvenzjoni b'mod effettiv;
(c) informazzjoni rilevanti dwar il-progress biex jitwettqu l-MDGs, b'mod speċjali fil-pajjiżi l-anqas żviluppati.
2.  Il-Kummissjoni għandha tħejji studju ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt ta' l-effetti ta' l-SĠP li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2006 sal-31 ta' Diċembru 2009. L-istudju għandu jintbagħat lill-Kumitat, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sa l-1 ta' Marzu 2010.
3.  Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Kumitat, għandha tħejji l-kontenut ta' l-istudju ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt imsemmi fil-paragrafu 2, li għandu jinkludi l-fehmiet tal-pajjiżi benefiċjarji u f'kull każ għandu jkun fih mill-inqas dawn l-elementi li ġejjin:
- analiżi statistika dettaljata tar-rati ta' l-utilizzazzjoni ta' l-SĠP għal kull pajjiż u taqsima li tkun tinkludi tqabbil mas-snin ta' qabel;
- evalwazzjoni ta' l-effetti soċjali u kummerċjali tal-gradazzjoni fuq il-pajjiżi ggradati;
- evalwazzjoni preliminari ta' l-effetti tal-gradazzjoni futura fuq il-pajjiżi li aktarx li jiġu ggradati skond ir-regolamentazzjoni li jmiss;
- analiżi ta' l-effetti potenzjali tat-twessigħ tas-sistema ta' preferenzi billi jiżdied il-marġni preferenzjali mogħti għall-prodotti sensittivi u/jew billi jkunu ttrasferiti prodotti "sensittivi" għall-kategorija ta' prodotti "mhux sensittivi";
- evalwazzjoni tal-kontribut ta' dan ir-Regolament sabiex jitwettqu l-MDGs, u b'mod partikulari rigward il-pajjiżi l-inqas żviluppati.
4.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport speċjali lill-Parlament Ewropew meta tkun konkluża l-Aġenda ta' l-Iżvilupp ta' Doha, liema rapport janalizza l-impatt tan-negozjati fuq l-iskema stabbilita f'dan ir-Regolament filwaqt li jitqiesu l-miżuri li għandhom jiġu adottati biex tiġi żgurata l-effikaċja ta' l-SĠP.
Emenda 39
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 27 – paragrafu 3
3.  Il-Kumitat għandu jeżamina l-effetti ta" l-iskema, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009. Dan ir-rapport għandu jkopri l-arranġamenti preferenzali kollha msemmija fl-Artikolu 1(2), u għandu jiġi ppreżentat kmieni biżżejjed għad-diskussjoni dwar ir-Regolament li jmiss.
3.  Il-Kumitat għandu jeżamina l-effetti ta" l-iskema, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni li jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2006. Dan ir-rapport għandu jinkludi studju ta' l-impatt ambjentali li jkopri għallinqas il-punti li ġejjin:
– studju komparattiv tar-rati ta' utilizzazzjoni tas-SĠP skond dan ir-Regolament u dak ta' qabel, sabiex jiġu identifikati x-xejriet pożittivi u negattivi,
– evalwazzjoni ta' l-effetti taż-żieda fl-indikaturi tal-faqar tal-pajjiżi affettwati,
– studju komparattiv tat-trattament preferenzjali li joffru l-SĠP u l-Ftehimiet tas-Sħubija Ekonomika.
Dan ir-rapport għandu jkopri l-arranġamenti preferenzali kollha msemmija fl-Artikolu 1(2), u għandu jiġi ppreżentat kmieni biżżejjed għad-diskussjoni dwar ir-Regolament li jmiss..
Emenda 36
Proposta għal regolament – att li jemenda
Artikolu 29 – paragrafu 2 a (ġdid)
2a.  Il-proposta għal regolament rivedut li tkopri l-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2012 u l-31 ta' Diċembru 2014 għandha tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sa l-1 ta' Ġunju 2010. Il-proposta l-ġdida għandha tqis b'mod xieraq ir-riżultati ta' l-istudju ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt imsemmi fl-Artikolu 26a(2).
Avviż legali - Politika tal-privatezza