Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0277/2008

Dibattiti :

PV 04/06/2008 - 20
CRE 04/06/2008 - 20

Votazzjonijiet :

PV 05/06/2008 - 6.16
CRE 05/06/2008 - 6.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 351kWORD 108k
Il-Ħamis, 5 ta' Ġunju 2008 - Brussell
Laqgħa għolja UE-Stati Uniti
P6_TA(2008)0256RC-B6-0277/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-Laqgħa għolja bejn l-UE u l-Istati Uniti li se jsir fl-10 ta' Ġunju 2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi, b'mod partikolari ż-żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu ta" l-1 ta' Ġunju 2006 dwar it-titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qafas ta' Ftehim ta' Sħubija Tranżatlantika(1) u dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi Tranżatlantiċi(2) bejn l-UE u l-Istati Uniti, u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar relazzjonijiet tranżatlantiċi(3),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Tranżatlantika ta' l-1990 dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Aġenda Tranżatlantika l-Ġdida (NTA) ta' l-1995,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' l-UE -Stati Uniti tas-26 ta' Ġunju 2004 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u dwar t-tisħiħ tal-koperazzjoni reċiproka fir-rigward tan-nonproliferazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu ta' l-20 ta' Ġunju 2005,

–   wara li kkunsidra l-Laqgħa għolja bejn l-UE u l-Istati Uniti li se jsir fl-10 ta' Ġunju 2008 f'Brdo u l-eżitu tal-Laqgħa għolja bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-30 ta' April 2007 f'Washington D.C.,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti li ħarġu mit-63 Djalogu tal-Leġiżlaturi Transatlantiċi ta' Ottubru 2007 u mill-64 Djalogu tal-Leġiżlaturi Transatlantiċi ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-laqgħa tal-Kunsill ta' l-Atlantiku tat-Tramuntana li saret f'Bukarest fit-3 ta' April 2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta" Mejju 2008 dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku(4),

–   wara li kkunsidra r-Rapport bit-titlu "Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali" mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kunsill Ewropew (14 ta" Marzu 2008),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU (UNSC)1803 (2008), 1696 (2006), 1737/ (2006) u 1747/ (2007) dwar il-programm nukleari Iranjan,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta' Diċembru 2004, u b'mod partikulari t-taqsimiet bit-titolu 'Ordni internazzjonali bbażat fuq il-multilateraliżmu effettiv' u 'Il-Ħidma ma' Imsieħba',

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-bidla fil-klima, b'mod partikulari dawk tas-16 ta" Novembru 2005(5), tas-26 ta" Ottubru 2006(6), u ta" l-14 ta" Frar 2007(7),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi l-isħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti hija l-ġebla tax-xewka ta' l-azzjoni esterna ta' l-Unjoni u hija stabbilita fuq valuri komuni bħal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, hija bażi għall-ekonomiji u żvilupp sostenibbli,

B.   billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom irwoli ta' qofol fl-ekonomiji u fil-politiki dinjin u jaqsmu r-responsabilità fil-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazija u ta' l-istabilità fid-dinja u fl-indirizzar ta' sfidi ekonomiċi dinjin, b'mod partikulari l-kriżijiet fis-swieq finanzjarji, fl-iżbilanċi ta' kummerċ u ta' kambju u l-kriżijiet ta' dejn f'uħud mill-ifqar pajjiżi,

C.   billi l-effetti tal-bidla fil-klima, bħall-kunflitti territorjali dwar ir-riżorsi, il-prezzijiet ogħla ta" l-ikel u l-migrazzjoni, huma kwistjonijiet ta" tħassib kbir għall-popli u għall-mexxejja ta" l-UE; billi skond l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija, id-domanda dinjija għall-enerġija se tiżdied b'bejn 50% u 60% sa l-2030,

D.   billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti jistgħu u għandu jkollhom irwol internazzjonali ta' lider biex jindirizzaw il-bidla fil-klima,

E.   billi d-domanda dinjija għall-ikel qiegħda tikber aktar mill-provvista, l-aktar minħabba ż-żieda fid-domanda fl-ekonomiji emerġenti bħall-Indja u ċ-Ċina, b' mod partikolari għall-prodotti tal-laħam u tal-ħalib, u għalhekk għall-għalf ukoll; billi, skond l-Organiżżazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u għall-Iżvilupp (OECD), is-sussidji attwali ta" l-Istati Uniti sabiex jikkonvertu l-qamħirrun f'ethanol ikkontribwew għal żieda globali fil-prezzijiet ta" l-ikel, li jolqot l-aktar lill-ifqar pajjiżi tad-dinja,

F.   billi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, ħafna mill-miri ta' l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) mhumiex se jintlaħqu qabel l-iskadenza ta' l-2015,

G.   billi hemm kunsens fl-UE dwar it-tnedija mill-ġdid u t-tisħiħ tat-Trattat ta" Non-Proliferazzjoni (NPT) fil-perjodu li jwassal għall-Konferenza ta" Reviżjoni ta" l-NPT li jmiss fl-2010,

H.   billi f'Annapolis, il-mexxejja ta" l-Iżrael u tal-Palestina qablu li jimpenjaw ruħhom sabiex iġeddu n-negozzjati bil-għan li jiġi konkluż ftehim qabel tmiem l-2008; billi l-isforzi sabiex ikun hemm l-istabilità fil-Lvant Nofsani permezz tal-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandhom bżonn koperazzjoni qawwija bejn l-UE u l-Istati Uniti, inkluż fil-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, u mal-Lega tal-Istati Għarab,

I.   billi koperazzjoni mil-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-Kosovo hija kruċjali għall-istabbilità u għall-iżvilupp tal-Balkani tal-Punent; billi l-Istati Uniti fil-prinċipju impenjat ruħha li tipparteċipa f'din il-missjoni importanti ta" l-ESPD/Stat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX) b'madwar 80 pulizija, żewġ imħallfin u bejn 4 u 6 prosekuturi,

J.   billi, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, jinħtieġ li tkun enfasizzata l-importanza li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-liġi u t-trattati internazzjonali li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,

K.   billi f'votazzjoni storika fit-18 ta" Diċembru 2007, il-Plenarja ta" l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni sponsorjata minn alleanza transregjonali, inkluża l-UE, dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt; billi huwa mħasseb ħafna dwar l-eżistenza kontinwa tal-piena tal-mewt f'ħafna stati ta' l-Amerika,

L.   billi huwa fl-interess ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti li jkun hemm relazzjoni ekonomika transatlantika koperattiva, u billi hija meħtieġa tmexxija politika konsistenti biex jissaħħaħ is-suq transatlantiku; billi jappoġġja l-ħidma kontinwa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u jittama li jsir wieħed mill-pedamenti tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti,

M.   billi huwa neċessarju li l-libertà u d-demokrazija jiġu promossi fid-dinja u li jiġu indirizzati l-isfidi li dawn jinvolvu, bħas-sigurtà internazzjonali, l-eliminazzjoni tal-faqar, il-promozzjoni ta' l-iżvilupp, il-bżonn ta' sforzi ta' diżarmament madwar id-dinja kollha, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, l-azzjoni kontra r-riskji globali għas-saħħa, il-kwistjonijiet ambjentali, is-sigurtà ta' l-enerġija, il-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali u l-kriminalità organizzata, u n-nonproliferazzjoni ta' l-armi tal-qerda tal-massa; billi, bħal ma tagħmilha ċara l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà, is-Sħubija Transatlantika u n-NATO huma importanti ħafna għas-sigurtà kollettiva,

N.   billi huwa fl-interess taż-żewġ imsieħba li jindirizzaw flimkien it-theddid u l-isfidi komuni, fuq il-bażi tat-trattati internazzjonali eżistenti u tal-ħidma effettiva ta' l-istituzzjonijiet internazzjonali, u b'mod partikolari abbażi tas-sistema tan-NU skond il-Karta tan-NU,

O.   billi f'dawn l-aħħar snin ftehim imqanqal mill-ħtiġijiet ta' l-Istati Uniti u adottati mingħajr l-involviment tal-Parlament, b'mod partikulari l-ftehim PNR (rekords ta' l-ismijiet tal-passiġġieri), il-memorandum SWIFT u l-eżistenza tas-Sistema ta' Mira Awtomatizzata ta' l-Istati Uniti wasslu għal sitwazzjoni ta' inċertezza legali rigward il-garanziji transatlantiċi meħtieġa għall-protezzjoni tad-data fl-iskambju u t-trasferiment tad-data bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-iskopijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu,

Relazzjonijiet Transatlantiċi Ġenerali

1.  Jistenna bil-ħerqa, fid-dawl ta' l-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti li ġejja, li jaħdem mal-President Amerikan il-ġdid u jittama li jkun hemm impenn Amerikan imsaħħaħ favur il-multilateraliżmu, u favur il-paċi u d-demokrazija madwar id-dinja; jemmen li s-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet sensittivi bħall-isfidi globali tal-faqar u tal-bidla fil-klima hemm bżonn li jkunu infurzati; huwa konxju li fir-rigward ta' ċerti suġġetti, bħall-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), il-metodi applikati fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima, għad hemm differenzi ta' approċċ; jittama li l-President il-ġdid ta' l-Istati Uniti jimpenja l-Amministrazzjoni tiegħu għas-soluzzjoni ta' dawn il-problemi;

2.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jaħdmu aktar mill-qrib fuq sensiela wiesgħa ta' sfidi politiċi komuni, l-aktar fil-Lvant Nofsani, fl-Iran, fl-Iraq, fil-Kosovo u fil-Punent tal-Balkani, fl-Afganistan u fl-Afrika, u sabiex jaħdmu flimkien sabiex jistabilixxu ambjent internazzjonali li jwassal għal titjib fil-qagħda ta' sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi bħall-Burma, u ż-Żimbabwe, billi tinżamm l-attenzjoni fuq dawn il-kwistjonijiet fil-fora relevanti kollha, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; u jappella għal approċċ komuni għar-relazzjonijiet ma' atturi ġeopolitiċi ewlenin oħra;

Il-Bidla fil-Klima

3.  Jinkoraġġixxi ħafna liż-żewġ imsieħba biex jaqblu dwar approċċ komuni biex il-bidla fil-klima tkun limitata għal żieda fit-temperatura ta" mhux aktar minn 2°C fuq il-livelli preindustrijali permezz ta" kontribuzzjonijiet ġusti għall-isforzi ta" tnaqqis ta" l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mill-pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw, skond ir-responsabiltajiet differenti tagħhom u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom, jagħraf ir-responsabilità tal-pajjiżi żviluppati li jkunu ta' eżempju; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenji mill-kandidati presidenzjali ewlenin ta' l-Istati Uniti li jindirizzaw l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u biex jintlaħaq ftehim internazzjonali sa l-2009 sabiex tkun evitata bidla fil-klima perikoluża;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Uniti sabiex tagħmel li tista" biex titlesta l-ħidma fuq l-leġiżlazzjoni domestika tagħha dwar il-klima sal-konferenza tan-NU ta' Diċembru 2009 f'Kopenħagen; jistiden ukoll lill-Istati Uniti sabiex tippersisti fl-isforzi tagħha li tistabbilixxi sistema ta' kummerċ tal-karbonju li fil-futur tkun tista" tiġi marbuta ma" l-Iskema għall-Iskambju ta" Kwoti ta" Emissjonijiet ta" l-UE (UE ETS), peress li kemm l-ambjent kif ukoll l-industrija jaqblilhom b'mod ġenerali li dawn il-mekkaniżmi emerġenti tas-swieq tal-karbonju fid-dinja jkunu kompatibbli u interoperabbli; jilqa', għaldaqstant, id-dispożizzjoni fl-abbozzi ta' proposta l-aktar reċenti ta' l-UE ETS li jippermettu r-rabta ma' sistemi oħra ta' cap-and-trade, fosthom sistemi subnazzjonali; f'dan il-kuntest, huwa mħeġġeġ mill-emerġenza ta' sistemi reġjonali tal-kummerċ fil-karbonju fl-Istati Uniti;

5.  Jilqa" b'sodisfazzjon ir-rapport tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà tal-bidla fil-klima; jappella sabiex il-Laqgħa Għolja ta' bejn l-UE u l-Istati Uniti jindirizza din il-kwistjoni bħala kwistjoni prijoritarja, u tibni fuq il-bażi tas-suċċess tal-konferenza ta" Bali f'Dicembru 2007; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jaħdmu flimkien biex, fl-2009, jilħqu ftehim ambizzjuż għal wara l-2012, inklużi azzjonijiet ta' mitigazzjoni u ta" adattament fuq livell internazzjonali; jinnota wkoll b'interess il-proposti li qed jiġu diskussi fil-Kungress Amerikan dwar il-ħolqien ta' Fond Internazzjonali għat-Teknoloġiji Nodfa u jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tniedi djalogu dwar din il-kwistjoni ma' l-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti;

It-terroriżmu u d-drittijiet tal-bniedem

6.  Huwa mħasseb li l-eżistenza fiha nnifisha taċ-ċentru ta' detenzjoni tal-Bajja ta' Guantánamo u l-prattika ta' l-arresti u l-konsenji straordinarji jkomplu jibagħtu messaġġi negattivi dwar kif qiegħda ssir il-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Kunsill biex joħroġ dikjarazzjoni ċara u b'saħħitha li tistieden lill-Istati Uniti biex twaqqaf il-prattika ta' l-arresti arbitrarji u l-konsenji straordinarji u biex jitlob lill-Gvern ta' l-Istati Uniti biex jipproċedi jew inkella jeħles lid-detenuti li għad fadal u biex jgħinhom isibu sistemazzjoni ġdida u jagħtihom kumpens b'konformità sħiħa mal-liġi u l-istandards internazzjonali u biex jagħti kjarifika dwar l-eżistenza ta' ħabsijiet sigrieti barra t-territorju ta' l-Istati Uniti;

7.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni ta" l-amministrazzjoni ta" l-Istati Uniti li tibni kumpless ta" detenzjoni ġdid fl-Afganistan, li turi biċ-ċar li l-intenzjoni ta" l-Istati Uniti hi li x'aktarx tibqa" żżomm priġunieri barra mill-pajjiż għas-snin li ġejjin;

8.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex fl-aħħar jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom mill-Kumitat Temporanju tiegħu dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u għad-detenzjoni illegali ta' priġunieri (TDIP);

9.  Jistieden lill-Istati Uniti biex tneħħi minnufih ir-reġim tal-viżi u biex tittratta liċ-ċittadini kollha ta' l-Istati Membri ta' l-UE bl-istess mod, fuq il-bażi ta' reċiproċità sħiħa; f'dan il-kuntest, jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tat-taħditiet bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar sett ġdid ta' talbiet relatati mas-sigurtà li qiegħda tagħmel l-Istati Uniti biex tistabbilixxi reġim mingħajr il-viżi; huwa ta' l-opinjoni li n-negozjati għandhom ikunu trasparenti, ibbażati fuq il-prinċipju tar-reċiproċità u jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta" l-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

10.  Jilqa" b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent mill-Istati Uniti tal-kompetenza tal-Komunità Ewropea sabiex tinnegozja ftehim bħal dan u jinnota li kwistjonijiet li huma ta' kompetenza ta' l-UE, bħal dawk relatati mas-sigurtà (inkluż l-iskambju tad-data dwar il- PNR, l-estradizzjoni u l-assistenza legali reċiproka) għandhom jiġu negozjati mal-Kunsill u ma" l-Istati Membri biss sakemm dawn ikunu relatati maċ-ċittadini tagħhom stess;

11.  Jenfasizza li l-iskambju tad-data u l-informazzjoni jista' jkun għodda imprezzabbli fil-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu u r-reati marbuta miegħu, imma jenfasizza li l-iskambju tad-data personali għandu jsir f'qafas legali xieraq li jkollu regoli u kundizzjonijiet ċari, filwaqt li tkun żgurata l-protezzjoni tal-privatezza u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini individwali, u jkun jipprevedi mekkaniżmi għall-għoti ta' kumpens fejn ikun il-każ, u li skambju tad-data bħal dan għandu jkun ibbażat fuq ftehim internazzjonali li jorbot, bl-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kungress; jenfasizza li l-iskambju tad-data neċessarju għandu jkun konformi mal-ftehim eżistenti bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-estradizzjoni u l-assistenza legali reċiproka kif ukoll mal-leġiżlazzjoni tal-KE u l-UE dwar il-protezzjoni tad-data u għandu jkun akkumpanjat bil-koordinazzjoni bejn l-aġenziji ta' l-informazzjoni u ta' l-infurzar tal-liġi, fejn ikun il-każ fil-livell operattiv ukoll, u bil-koperazzjoni ġudizzjarja permezz tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-estradizzjoni u l-assistenza legali reċiproka;

12.  Jenfasizza l-importanza tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u għall-istat tad-dritt fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament bil-progress li jkun sar fin-negozjati dwar qafas ta' koperazzjoni Ewroatlantiku, b'mod partikulari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata; jitlob għalhekk għall-iżvilupp urġenti ta' l-istandards globali tal-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku, sabiex ikun iggarantit livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali kif ukoll ta' ċertezza legali għall-kumpaniji;

13.  Jistieden lill-gvernijiet ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti biex iniedu inizjattiva fi ħdan in-NU bil-għan li tiġi rriformata l-prattika attwali ta' listi ta' sanzjonijiet, inkluż it-twaqqif ta' proċeduri xierqa għal proċess ġust, għad-dikjarazzjoni tal-motivazzjonijiet u għal protezzjoni u rimedji ġudizzjarji effettivi;jisħaq fl-istess ħin dwar il-ħtieġa li jittejjbu l-proċeduri tal-"lista s-sewda" ta' l-UE;

Il-proliferazzjoni nukleari, id-difiża missilistika, il-kontroll ta' l-armamenti u n-NATO

14.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Iran adottati skond l-Artikolu 41, Kapitolu VII tal-Karta tan-NU u jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jaqblu dwar strateġija komuni li tikkonvinċi lil Teheran sabiex tosserva r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-kwistjoni nukleari Iranjana, li fit-3 ta' Marzu 2008 wasslet għall-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1803 (2008) mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU msemmija hawn fuq, li timponi sanzjonijiet ġodda fuq l-Iran; jistieden lill-Istati Uniti, wara s-suċċess diplomatiku tagħha fin-negozjati mal-Korea ta" Fuq, sabiex tipparteċipa b'mod dirett fin-negozjati ma" l-Iran flimkien ma" l-UE, peress li l-Istati Uniti tinsab f'pożizzjoni li toffri garanziji addizzjonali ta" sigurtà waqt li tieħu kont tat-tħassib ta' l-Iran dwar is-sigurtà; jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni ma" l-Istati Uniti, mar-Russja, maċ-Ċina u ma" pajjiżi mhux allineati sabiex jikkonsidraw idejat komplementari bil-għan li jintlaħaq ftehim komprensiv ma" l-Iran dwar il-faċilitajiet nukleari tiegħu u l-użu tagħhom;

16.  Jilqa' b'sodisafazzjon l-inizjattiva reċenti tal-pajjiżi membri fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Ġermanja (il-P5+1) sabiex ikun ippreżentat pakkett ġdid ta' inċentivi lill-Iran fi sforz li dan jiġi konvint li jwaqqaf il-programm tiegħu ta' arrikkiment ta' l-uranju; jistieden lill-Istati Uniti, fl-interess li tinstab soluzzjoni, biex tapprova bis-sħiħ in-negozjati ma' l-Iran fil-limiti tar-regoli u ta' l-obbligi tat-Trattat dwar l-NPT

17.  Jitlob għat-tisħiħ tas-sistema internazzjonali tat-trattati u r-reġimi kontra l-proliferazzjoni ta' l-armi tal-qerda tal-massa; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-proliferazjoni ta' l-armi tal-qerda tal-massa, b'konformità mal-liġi internazzjonali, u l-ħtieġa li ż-żewġ naħat jagħtu l-appoġġ tagħhom lis-sehem tan-NU f'dawn l-oqsma; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jiddiskuti ma" l-awtoritajiet ta" l-Istati Uniti dwar kif tinħoloq strateġija pożittiva għall-Kumitati Preparatorji futuri tat-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni (NPT PrepComs) bħala l-ewwel opportunità biex jissaħħaħ ir-reġim dinji tan-non-proliferazzjoni nukleari qabel tibda l-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-NPT fl-2010; jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-laqgħa għolja jiġu diskussi għadd ta" inizjattivi għad-diżarm nukleari bbażati fuq it-"13-il pass prattiku" li kien hemm qbil unanimu dwarhom fil-Konferenza ta" Reviżjoni ta" l-NPT ta" l-2000; jittama li f'dan il-laqgħa għolja l-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti tkun trid li tadotta strateġija komuni ma' l-UE bil-għan li jsir progress dwar id-diżarm kemm għall-armi tal-qerda tal-massa kif ukoll għall-armi konvenzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jevitaw il-vojt potenzjali fil-perjodu 2009-2010, meta l-ftehim il-prinċipali dwar id-diżarm jaslu għat-tiġdid; jittama li l-ftehim importanti ħafna li ntlaħaq fl-1999, fl-2000 u fl-2001 mar-Russja jinżammu; u jistieden lill-Istati Uniti sabiex tirratifika t-Trattat Komprensiv dwar il-Projbizzjoni tat-Testijiet Nukleari (CTBT) bħala pass siewi lejn it-tnaqqis tar-rilevanza operattiva ta" l-armi nukleari;

18.  Jistieden lill-Istati Membri ta" l-UE u lill-Istati Uniti sabiex jaħdmu flimkien fuq ideat ġodda għat-tnedija ta" sħubija bejn l-UE u n-NATO definita mill-ġdid u aktar b'saħħitha, li tmur lilhinn mill-Berlin-Plus, minħabba l-ħtieġa ta' aktar koperazzjoni fl-Afganistan; huwa ta" l-opinjoni li l-isforzi sabiex tiġi aġġustata u rfinata l-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea għandhom ikunu marbuta mal-fażi bikrija tad-diskussjonijiet dwar Kunċett Strateġiku ġdid tan-NATO; jenfasizza l-importanza tan-NATO, li tibqa' l-forum essenzjali għall-konsultazzjonijiet dwar is-sigurtà bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti, kif ukoll l-importanza tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni ta' l-UE fit-tisħiħ ta' l-abilità ta' l-UE li ntikkonfronta it-theddidiet eżistenti u emerġenti għas-sigurtà fis-seklu 21; jilqa' b'sodisfazzjon l-għarfien ta' l-Istati Uniti tal-Laqgħa għolja ta' Bucharest li biex tinbena alleanza tan-NATO b'saħħitha tinħtieġ l-effikaċja soda tad-difiża Ewropea; u jirrakkomanda l-iżvilupp tar-relazzjoni eżistenti bejn in-NATO u l-UE dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, filwaqt li tkun irrispettata n-natura indipendenti taż-żewġ organizzazzjonijiet;

19.  Huwa ta' l-opinjoni li l-pjan ta' l-Istati Uniti li tistabbilixxi sistema ta' kontra l-missili fl-Ewropa f'dan iż-żmien jista" jfixkel l-isforzi internazzjonali fir-rigward tad-diżarmament; juri tħassib dwar id-deċiżjoni tar-Russja li tissospendi l-osservanza ta' l-obbligi tagħha skond it-Trattat tal-Forzi Armati Konvenzjonali fl-Ewropa; jenfasizza li ż-żewġ kwistjonijiet jaffettwaw is-sigurtà tal-popli ta" l-Ewropa u għalhekk m'għandhomx ikunu suġġetti għal diskussjonijiet purament bilaterali bejn l-Istati Uniti u pajjiżi individwali Ewropej; jinnota, f'dan ir-rigward, id-Dikjarazzjoni tas-Samit ta" Bukarest maħruġa fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill ta" l-Atlantiku tat-Tramuntana fit-3 ta" April 2008, li tappella għal qafas komprensiv tad-difiża bil-missili li tkun testendi l-kopertura tagħha għat-territorju kollu alleat; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu qafas maħsub sabiex jinkludi l-Istati Membri kollha ta" l-UE u lin-NATO f'dibattitu dwar il-kwistjoni;

20.  Jistenna bil-ħerqa l-evalwazzjoni mill-ġdid tad-dimensjoni tas-sigurtà tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fid-dawl tar-riżultati tar-Reviżjoni Strateġika tan-NATO, l-aġġornament ta' l-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea u d-dħul ta' amministrazzjoni ġdida fl-Istati Uniti;

Il-koperazzjoni dwar l-iżvilupp u l-prezzijiet ta' l-ikel

21.  Jappella għaż-żieda fl-għajnuna ta" emerġenza sabiex tkun indirizzata t-theddida immedjata għall-ifqar nies tad-dinja minħabba l-prezzijiet aktar għoljin ta" l-ikel; madankollu, jirrikonoxxi li l-flus m'humiex biżżejjed u għalhekk jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kungress u lill-amministrazzjoni ta" l-Istati Uniti sabiex jindirizzaw il-problemi strutturali bħall-investiment baxx fl-agrikoltura; jappella għal strateġija globali kkoordinata bejn l-UE, l-Istati Uniti u l-organizzazzjonijiet multilaterali, li għandha tinkludi regoli tal-kummerċ aktar ġusti u aktar investiment fl-agrikoltura fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jkun iffukat fuq il-produtturi ż-żgħar u n-nisa; jistieden lid-donaturi sabiex jipprovdu appoġġ u jgħinu fl-iffinanzjar ta" miżuri ta' sikurezza għall-aktar nies vulnerabbli; jistieden lill-mexxejja ta" l-UE u ta" l-Istati Uniti sabiex jappoġġjaw u jipparteċipaw b'mod attiv fit-Task Force ta' Livell Għoli dwar il-Kriżi Globali ta" l-Ikel, imwaqqfa bit-tmexxija tas-Seġretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon;

22.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-inizjattiva ta" l-amministrazzjoni ta" l-Istati Uniti biex tagħti għajnuna alimentari bla rbit, u tara din l-inizjattiva bħala l-ewwel pass importanti fir-riforma tal-programm kollu ta" l-għajnuna alimentari sabiex titqies bis-sħiħ il-ħtieġa ta" appoġġ proattiv għas-sigurtà msaħħa ta" l-ikel reġjonali u lokali, li fl-imgħoddi sikwit kienet dgħajfa billi l-għajnuna alimentari ta' l-Istati Uniti kienet tingħata bi rbit;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqajjem il-kwistjoni tal-ħtieġa li parti kbira mill-baġit ta" l-UE u l-Istati Uniti għall-għajnuna għall-iżvilupp tiġi allokata għar-riċerka agrikola, għat-taħriġ tal-bdiewa u għall-iskambju ta" l-aħjar prattika, sabiex ikunu żviluppati sistemi effiċjenti u sostenibbli għall-uċuħ tar-raba", bħar-rotazzjoni u l-kultivazzjoni mħallta ta" l-uċuħ tar-raba", u tekniki parteċipattivi ta" tgħammir ta" annimali u ta" tlaqqim ta" pjanti, adattati lokalment u mhux modifikati ġenetikament, sabiex jinħolqu l-istabilità fil-provvista ta" l-ikel lokali kif ukoll sistemi tal-biedja tajbin b'input baxx ta" enerġija għall-ġejjieni;

24.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-gvern ta" l-Istati Uniti li jnaqqas l-appoġġ finanzjarju tiegħu għall-Fond tal-Popolazzjoni tan-NU (UNFPA); jiġbed l-attenzjoni għall-irwol importanti tal-UNFPA sabiex tilħaq tnaqqis volontarju fir-rati tal-fertilità fil-pajjiżi anqas żviluppati; jemmen li l-aċċess għall-kontraċettivi u għas-servizzi ta" riproduzzjoni, l-iżvilupp tal-kapaċità tal-bniet u tan-nisa, u l-promozzjoni tas-saħħa materna u dik tat-tfal huma strateġiji kruċjali sabiex it-tkabbir tal-popolazzjonijiet iseħħ aktar bil-mod u sabiex tinżamm is-sostenibilità tar-riżorsi; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-gvern ta" l-Istati Uniti sabiex iżid l-iffinanzjar tiegħu għall-UNFPA;

25.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex ipoġġu l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp tal-Millennju fiċ-ċentru tal-politika internazzjonali ta' l-iżvilupp; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Istati Uniti biex iżidu l-għajnuna tagħhom lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex iżommu l-kredibilità ta' l-impenji tagħhom biex iżidu l-għajnuna; jirrikonoxxi ż-żieda fl-impenn ta' l-Istati Uniti għall-għajnuna għall-iżvilupp b'mod ġenerali u għall-Afrika b'mod partikulari; iħeġġeġ lill-President ta' l-Istati Uniti biex juża l-aħħar sena tiegħu fil-kariga sabiex jimmira għal riżultati ambizzjużi fil-laqgħa tal-G8 fil-Ġappun fl-Lulju 2008 u fil-Laqgħa għolja tan-NU dwar l-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju li se jsir fi New York f'Settembru 2008; jistieden lill-UE sabiex iżżomm l-Għanijiet ta' l-Iżvilupp għall-Millennju u l-iskedi annwali li jwasslu għal 0.7% fl-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) bħala punt importanti fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew li se jsir bejn id-19 u l-20 ta' Ġunju 2008;

Relazzjonijiet internazzjonali

26.  Jenfasizza li s-soluzzjoni tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina hija kruċjali biex ikun hemm il-paċi u l-istabilità fil-Lvant Nofsani; ifakkar lill-partijiet konċernati fl-impenji li daħlu għalihom f'Annapolis biex isiru negozjati b'rieda tajba bil-ħsieb li jkun konkluż trattat ta' paċi sa tmiem l-2008, b'soluzzjoni għall-kwistjonijiet kollha li għadhom pendenti; jisħaq mill-ġdid fuq l-importanza ta' l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Uniti biex jiżguraw li jkun hemm l-involviment kostruttiv tas-sieħba Għarab; itenni l-appell lill-Iżrael biex iwaqqaf kull attività fil-villaġġi fl-artijiet okkupati, inkluż it-tkabbir naturali, u biex iżarma l-postijiet ta' osservazzjoni li twaqqfu minn Marzu ta' l-2001 'l hawn; itenni t-tħassib kbir tiegħu għall-kriżi umanitarja u politika fil-Medda ta' Gaża u għall-konsegwenzi gravi li din jista' jkollha; jappella biex jintemm minnufih l-isparar ta' rokits mill-milizzji Palestinjani mill-Medda ta' Gaża għal fuq it-territorju Iżraeljan; jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-isforzi ta' l-Eġittu biex ikun hemm waqfien tal-vjolenza u biex tinstab soluzzjoni li tippermetti l-ftuħ mill-ġdid tal-postijiet kollha ta' dħul u ħruġ;

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-aħbar li s-Sirja u l-Iżrael daħlu għal negozjati ta' paċi b'mod indirett taħt il-patroċinju tat-Turkija;

28.  Jilqa' b'sodisafzzjon l-elezzjoni ta' Michel Suleiman bħala President tal-Libanu; jisħaq fuq l-importanza ta' l-istabilità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Libanu; iħeġġeġ lill-partijiet konċernati biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim ta' Doha u jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-isforzi kollha li jsiru f'dan ir-rigward;

29.  Jenfasizza li s-sigurtà Ewroatlantika u internazzjonali f'sens aktar wiesa' hija marbuta mill-qrib mal-ġejjieni ta' l-Afganistan bħala stat paċifiku u demokratiku li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u li hu ħieles mit-theddida tat-terroriżmu; jilqa' b'sodisfazzjon, għaldaqstant, l-impenn sod u fit-tul tan-NATO fir-rigward ta' l-Afganistan, kif enfasizzat fil-'Viżjoni Strateġika Ġdida' tal- ISAF (Forza ta' l-Assistenza għas-Sigurtà Internazzjonali) kif ukoll l-istrateġija komprensiva tal-komunità internazzjonali, li tiġbor flimkien l-isforzi ċivili u militari, fosthom il-Missjoni tal-Pulizija ta' l-UE (EUPOL) li hija parti mill-impenn ġenerali ta' l-UE fl-Afganistan, u l-istrateġija koordinata ta' l-UE li tinkludi gwida politika lokali pprovduta mir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE u sforz ta' rikostruzzjoni mmexxi fost l-oħrajn mill-Kummissjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti sabiex jieħdu passi urġenti biex iżidu, itejbu u jikkoordinaw aħjar l-assistenza tagħhom għall-iżvilupp ta' l-Afganistan, fost l-oħrajn billi jgħaddu fondi kemm jista' jkun lill-istituzzjonijiet Afgani u lill-organiżżazzjonijiet mhux governattivi li għandhom l-esperjenza;

30.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jinvolvi ruħu fi djalogu ma" l-Istati Uniti dwar l-Iraq, jaqsam l-opinjonijiet ta" l-UE dwar is-sehem strateġiku tagħha fil-pajjiż, u jkompli jappoġġja l-multilateralizzazzjoni mtejba tas-sehem li għandha l-komunità internazzjonali fl-Iraq billi jsir użu sħiħ mis-sehem mifrux tan-NU skond ir-Riżoluzzjoni 1770 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2007);

31.  Jenfasizza l-impenn komuni li għadu għaddej fir-rigward tas-sigurtà u l-istabilità reġjonali fil-Balkani kollha; ifaħħar l-azzjoni immedjata, imparzjali u effettiva tal-Forza Internazzjonali ta' Sigurta' tan-NATO għall-Kosovo (KFOR) biex tieqaf il-vjolenza li faqqgħet dan l-aħħar fil-Kosovo, u jenfasizza l-ħtieġa li l-KFOR tibqa' fil-Kosovo fuq il-bażi tar-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (1999) biex jiġi żgurat ambjent sikur li jippermetti l-libertà tal-moviment għall-persuni u għall-preżenzi internazzjonali kollha fil-Kosovo; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-UE għandha rwol importanti fil-Kosovo, jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija tal-Missjoni EULEX fil-Kosovo u jinsisti li l-EULEX tkun preżenti fit-territorju kollu tal-Kosovo;

32.  Jemmen li l-UE u l-Istati Uniti jridu jsibu tarf b'mod urġenti kemm ta" l-isfidi immedjati għas-sigurtà kif ukoll ta' dawk fit-tul għall-iżvilupp tal-Kosovo, bil-għan li jintlaħaq objettiv komuni: stat li jiffunzjona, soċjetà multietnika b'istituzzjonijiet b'saħħithom u li jiffunzjonaw kif ukoll ir-rispett għall-istat tad-dritt; jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li għall-ewwel darba l-Missjoni għall-Istat tad-Dritt u l-Pulizija tal-Politika għas-Sigurtà u d-Difiża Ewropea għall-Kosovo se tinkludi uffiċjali tal-pulizija mill-Istati Uniti; jinnota li l-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti se tissekonda xi staff u kuntratturi mid-Dipartiment ta' l-Istat għall-operazzjoni fil-Kosovo u se tkopri 25 fil-mija ta' l-ispejjeż operattivi ta' l-Uffiċċju Ċivili Internazzjonali (ICO), u l-bqija tiġi mill-kontribuzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u minn stati oħra;

33.  Jitlob li jkun hemm azzjoni miftiehma vis-à-vis ċ-Ċina fir-rigward, b'mod partikulari, tal-ħtieġa li jinstabu b'mod urġenti modi kif tiġi promossa d-demokrazija f'dak il-pajjiż, kif titnaqqas it-tensjoni fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat ta' l-istrett, u kif jiġi ffaċilitat id-djalogu bejn l-awtoritajiet ta' Beijing u d-Dalai Lama sabiex ikun hemm progress konkret dwar il-kwistjoni tat-Tibet;

34.  Jistieden lill-Kunsill biex għal darb'oħra jqajjem il-kwistjoni tal- ICC ma' l-Istati Uniti bħala pilastru fundamentali tal-liġi internazzjonali; jistenna li l-Gvern li jmiss ta' l-Istati Uniti jkollu attitudni aktar kostruttiva biex jirratifika l-Istatuti tal-ICC u biex jimpenja ruħu b'mod attiv biex tintlaħaq ftehim dwar id-definizzjoni ta' reat ta' aggressjoni, li għadha pendenti, kif previst fl-Artikolu 5.2 ta' l-Istatuti ta' Ruma, bi tħejjija għall-konferenza ta' reviżjoni ta' l-ICC fl-2009;

35.  Jikkundanna mill-ġdid il-piena tal-mewt; jistieden lill-Gvern ta" l-Istati Uniti u lill-istati Amerikani kollha sabiex ineħħuha; jiddispjaċih għas-sentenza reċenti tal-Qorti Suprema ta" l-Istati Uniti li tat l-appoġġ tagħha għall-injezzjoni letali, u b'hekk fetħet it-triq biex ikomplu l-eżekuzzjonijiet;

36.  Jirrakkomanda li għandhom jittieħdu passi biex jissaħħu r-relazzjonijiet transatlantiċi ma' l-Istati Uniti permezz ta' Ftehim ta' Sħubija Transatlantika ġdida li tieħu post l-Aġenda Transatlantika Ġdida li hemm bħalissa; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward it-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' reviżjoni regolari għal Ftehim ta' Sħubija Transatlantika bħal din, li bih esperti mill-UE u mill-Istati Uniti jistinkaw kontinwament biex itejbu s-Sħubija Transatlantika sabiex ikun sfruttat il-potenzjal kollu tagħha; jenfasizza li xejn ħlief l-involviment aktar wiesa' fil-livelli kollha tal-Kungress ta' l-Istati Uniti, tal-Parlament u tal-parlamenti nazzjonali ma jista' tassew itejjeb il-proċess kollu u li l-iskambju interparlamentari eżistenti għandu bil-mod il-mod jinbidel f'Assemblea Transatlantika de facto;

o
o   o

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.

(1) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p.226.
(2) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p.235.
(3) ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 670.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2008)0192.
(5) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 120.
(6) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 439.
(7) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 344.

Avviż legali - Politika tal-privatezza