Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2194(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0182/2008

Testi mressqa :

A6-0182/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/06/2008 - 6.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0258

Testi adottati
PDF 261kWORD 100k
Il-Ħamis, 5 ta' Ġunju 2008 - Brussell
X'futur għal bdiewa żgħażagħ skond ir-riforma attwali tal-PAK
P6_TA(2008)0258A6-0182/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-futur tal-bdiewa żgħażagħ fil-kuntest tar-riforma attwali tal-PAK (2007/2194(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2001 dwar is-sitwazzjoni u l-perspettivi tal-bdiewa żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 tal-Kunsill, ta' l-20 ta' Settembru 2005, dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEASR)(2),

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta" Liżbona, li hija maħsuba biex tagħmel lill-UE l-iżjed ekonomika kompettittiva u l-iżjed waħda dinamika u bbażata fuq l-għarfien fid-dinja sa l-2010,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tas-sessjoni pubblika ta' smigħ tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0182/2008),

A.   billi l-Istrateġija ta" Gothenburg tistabbilixxi prijoritajiet rigward il-kompetittività u s-sostenibilità ta" l-ekonomija ta' l-UE, u l-bdiewa żgħażagħ jistgħu jkollhom irwol essenzjali fil-kisba ta' dawk l-objettivi,

B.   billi l-mudell multifunzjonali ta' l-agrikoltura ta' l-UE jista' jkun mezz li jwassal għall-iżvilupp sostenibbli f'zoni rurali, bis-saħħa tal-preżenza wiesgħa ta' intrapriżi agrikoli,

C.   billi l-progress fir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) fetaħ opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ fir-rigward ta' bosta aspetti tal-proċess li jwassalhom biex jwaqqfu u jiżviluppaw l-intrapriżi, iżda dawk l-opportunitajiet m'humiex mifruxa b'mod indaqs fl-UE kollha, u billi dan qed jagħmilha diffiċli biex ikun approċċ strateġiku Komunitarju,

D.   billi n-nuqqas ta" statistika sħiħa u riċenti dwar in-numru ta" bdiewa żgħażagħ u dwar il-pożizzjoni tagħhom fl-agrikoltura ta' l-UE hija lamentabbli, id-data ta' l-Eurostat mill-2003 tindika li l-persentaġġ ta" bdiewa fl-UE li huma taħt il-35 huwa biss ta" 7% u qiegħed ukoll jinżel, għalkemm fil-ġejjieni l-produzzjoni ta" l-ikel se tkompli togħla,

E.   billi r-reviżjoni li ġejja tal-PAK ('health check' tal-PAK) hija opportunità li m'għandhiex tintilef biex isir titjib fl-ikkanalizzar tal-bdiewa żgħażagħ,

F.   billi, bil-ħsieb li jintlaħqu l-isfidi tas-sigurtà ta" l-enerġija u s-sigurta' tal-provvista ta' l-ikel fl-UE, it-tkabbir u l-impjiegi fiz-zoni rurali kollha fl-UE u l-immaniġġjar sostenibbli għal tul ta" żmien ta" zoni rurali, il-bdiewa żgħażagħ jeħtieġu li jkollhom intrapriżi vijabbli f'ambjent li tista" tgħix fih,

G.   billi ġiet ikkunsidrata l-ħtieġa ta' approċċ multifunzjonali, u ta' l-opportunità li tiġi garantita, b'mod partikulari, politika ta' appoġġ favur il-bdiewa żgħażagħ,

H.   billi l-inklużjoni taż-żgħażagħ fis-sjieda ta' l-irziezat hija ta' importanza vitali għaz-zoni rurali, ladarba f'bosta zoni rurali l-attività ekonomika u t-tessut soċjali għadhom ibbażati fuq l-agrikoltura,

I.   billi strateġija Ewropea li tippromwovi t-taħriġ kummerċjali għall-bdiewa żgħażagħ tidher imperattiva,

J.   billi l-imprendituri żgħażagħ għandhom dinamika qawwija fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, huma lesti li jieħdu riskji, għandhom il-ħila jfittxu s-sinerġiji u l-komplimentarjetà, u li jimplimentaw għażliet ta' ppjanar ta" livell għoli li jmorru lil hinn mill-prattika agrikola normali,

K.   billi, minkejja l-politiki differenti favur l-imprendituri żgħażagħ qed jgħinu lill-agrikultura ta' l-UE, l-iskambju bejn il-ġenerazzjonijiet fis-settur tal-biedja għadu sfida għall-UE,

L.   billi l-bdiewa żgħażagħ jiffaċċjaw problemi addizzjonali fis-settur ta' l-agrikoltura, bħal spejjeż kbar ta' stallazzjoni, piż kbir ta" dejn, nuqqas ta' intrapriżi disponibbli u nuqqas ta' taħriġ speċifiku; billi, barra minn dan, il-politika agrikola qiegħda toħloq iżjed u iżjed responsabilitajiet għall-imprendituri fir-rigward tar-rekwiżiti tal-konformità reċiproka konnessi ma' kwistjonijiet bħall-ambjent, is-saħħa ta' l-annimali, il-benessri ta' l-annimali, is-sikurezza ta' l-ikel u l-ġestjoni tal-pajsaġġi,

M.   billi industrija agrikola żgħażugħa u dinamika hija meħtieġa bħala element essenzjali għall-kisba ta' l-objettivi stipulati mill-Istrateġija ta' Liżbona,

N.   billi, permezz tar-regolament il-ġdid dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rural, se jkun possibbli li tiġi effettwata programmazzjoni li tkopri perjodu ta' żmien sal-31 ta' Diċembru 2013,

O.   billi z-zoni rurali jgħoddu mat-92% tat-territorju ta" l-UE, filwaqt li 50% tal-popolazzjoni llum jgħixu f'zoni urbani u 50% f'zoni rurali,

P.   billi l-iskambju bejn il-ġenerazzjonijiet huwa meħtieġ biex fil-ġejjieni jinżammu livell għoli ta' kwalità ta' l-ikel u tal-provvista ta' l-ikel fl-UE kif ukoll l-awto-suffiċjenza ta" l-UE fil-ġejjieni,

1.  Iqis li wieħed mill-objettivi tal-PAK riformata għandu jkun li jiġi żgurat skambju aħjar bejn il-ġenerazzjonijiet fil-biedja u li, bil-ħsieb li dan jinkiseb, l-ewwel strument u t-tieni strument tal-pilastri li jappoġġjaw il-biedja sostenibbli u l-komunitajiet rurali żviluppati rispettivament huma kumplimentari b'mod partikolari;

2.  Isostni li t-teħid ta" azzjoni biex jitrawwem l-iskambju bejn il-ġenerazzjonijiet huwa essenzjali sabiex jiġu ttrattati l-isfidi alimentari, enerġetiċi u territorjali li qed tiffaċċja l-biedja ta' l-UE llum u fil-ġejjieni; iqis li jekk iridu jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tas-soċjetà, tali sfidi ma jistgħux jiġu ttrattati bla ma jkun hemm settur tal-biedja sod u numru kbir ta" bdiewa fl-Unjoni;

3.  Jirrimarka li t-tkabbir ta" l-UE biex iddaħħal magħha Stati Membri ġodda żied id-diversità kulturali u ppermetta li jkun hemm iżjed diversità fil-prodotti, u li dan jipprovdi opportunità ideali biex l-agrikoltura ta' l-UE ssir iżjed kompetittiva billi jiffoka fuq l-innovazzjoni kontinwa u l-kwalità ta' prodotti Komunitarji u billi juri l-kisbiet tal-produtturi fil-qasam importanti tas-sikurezza fl-ikel;

4.  Iqis li, fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta" miżuri ta" sostenn għall-bdiewa żgħażagħ, għandha titqies b'mod speċifiku s-sitwazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ fl-Istati l-Membri l-ġodda;

5.  Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għall-introduzzjoni ta" tikketta ta" kwalità ta' l-UE, li għandha tippermetti lill-konsumaturi li jidentifikaw b'mod faċli l-prodotti li jkunu nħadmu skond l-istandards stretti ta" l-UE fir-rigward tas-saħħa, il-benessri ta" l-annimali u s-sikurezza fl-ikel;

6.  Jinnota li, fil-kuntest tal-kwalità, id-diversità fil-produzzjoni u fil-prodotti għandha tkun objettiv;

7.  Jinnota li l-fattur ewlieni fit-tiġdid tal-profil ta" l-età ta" l-industrija agrikola huwa l-aċċess għall-art, minħabba l-prezz għoli tagħha;

8.  Huwa tal-fehma li, fil-ġejjieni, il-PAK għandha tipprova tneħħi l-barrieri li qed jiffaċċjaw bħalissa dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jaħdmu fil-biedja, billi l-iskambju ta" bejn il-ġenerazzjonijiet isir wieħed mill-prijoritajiet tagħha;

9.  Barra minn dan, jitlob biex isiru iżjed sforzi fit-tifsir lill-pubbliku tal-mudell agrikolu Ewropew, bl-istandards għoljin tiegħu fil-qasam ta" l-ambjent, tal-benessri ta" l-annimali u s-sikurezza ta" l-ikel;

10.  Iqis li t-twaqqif jew it-teħid ta" intrapriżi agrikoli minn żgħażagħ huwa rikkezza ewlenija għall-UE mkabbra;

11.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet kontinwi li jirriżultaw mill-ispejjeż tat-twaqqif ta" attività agrikola, inklużi l-prezzijiet tal-bejgħ jew il-kiri tal-proprjetà, u dwar il-ħtieġa li jsir investiment kontinwu fil-kapital tanġibbli u fil-potenzjal uman sabiex isiru progressi teknoloġiċi u loġistiċi, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-titjib teknoloġiku u loġistiku jinvolvi iżjed mix-xiri ta' apparat u ta" magni u li, sabiex isir progress, ir-riċerka u l-aċċess għas-sejbiet tar-riċerka huma essenzjali;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-Istati Membri billi toħloq bank ta' l-artijiet abbażi ta" art li tkun saret battala minħabba rtirar kmieni mix-xogħol; huwa tal-fehma li għandu jiġi provdut sostenn għall-kisba konġunta ta" makkinarju u apparat għoli li ma jkunx jintuża spiss minn kull bidwi individwali;

13.  Jitlob għal riviżjoni ta" l-appoġġ għat-twaqqif ta" intrapriżi, li minn mindu ddaħħal baqa" fuq l-istess livell u li ma jidhirx li għadu jissodisfa l-ħtiġijiet tal-bdiewa;

14.  Jenfasizza l-kontribut li taw il-prezzijiet ta" l-art għall-problemi taż-żgħażagħ li jridu jaħdmu fil-biedja, u jitlob lill-Kummissjoni biex tistħarreġ iż-żieda kunsiderevoli fil-prezzijiet ta' l-art, li fost affarijiet oħra, hi kaġun ta" pressjonijiet u spekulazzjonijiet urbani;

15.  Jirrakomanda l-introduzzjoni ta" strumenti li fir-rigward tat-trasferimenti ta" l-art agrikola jippermettu l-għoti ta" prijorità lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu jixtiequ jinvolvu ruħhom fin-negozji iżjed milli lil dawk il-bdiewa diġà attivi li jkunu jridu jkabbru d-daqs ta" l-intrapriżi tagħhom, inklużi mekkaniżmu ta" rtirar kmieni, għajnuna deferita għax-xiri, arranġamenti gradwali tat-twaqqif ta" l-attività u l-kiri ta" parti mill-art;

16.  Jinnota l-ħtieġa li l-politiki ta" sostenn għat-twaqqif ta" intrapriżi miż-żgħażagħ isiru iżjed effettivi kif ukoll l-importanza li jiġu stipulati iżjed kriterji għall-ikklassifikar tal-benefiċjarji skond il-prijorità, billi jitqiesu fatturi objettivi;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex fil-proposta leġiżlattiva tagħha dwar il-"health check", tipproponi li s-sostenn għall-bdiewa ż-żgħar previst fil-leġiżlazzjoni dwar l-iżvilupp rurali għandu jidher fost il-miżuri obligatorji inklużi fil-pjanijiet mfassla mill-Istati Membri, li għandhom ikunu akkumpanjati wkoll b'żieda fl-ammont ta' sostenn għat-twaqqif ta' attività agrikola;

18.  Iqis li l-miżuri ta" sostenn għall-bdiewa żgħażagħ għandhom jgħinu wkoll lill-bdiewa l-ġodda, għax dawn jistgħu jġeddu u joffru xi ħaġa ġdida ta" valur għall-biedja Ewropea; għalhekk jinnota li l-appoġġ għandu jkun ikkanaliżżat l-iżjed lejn l-imprendituri l-ġodda iżjed milli fuq dawk li jkunu qed iħallu l-biedja; jenfasizza li l-miżuri ta" sostenn għat-teħid ta' rziezet m'għandux ixekkel il-kompetizzjoni bejn il-bdiewa l-ġodda fuq naħa u l-ulied tal-bdiewa fuq l-oħra;

19.  Jinnota li huwa partikularment importanti li tiġi evitata d-deforestazzoni ta' zoni ta' biedja żvantaġġjati b'konformità ma' l-objettiv ta' koeżjoni territorjali ta' l-Unjoni, biex għall-bdiewa żgħażagħ tkun iżjed faċli li jwaqqfu negozju f'zoni b'xi nuqqas naturali permanenti, bħall-gżejjer u z-zoni muntanjużi, fejn l-ispejjeż għall-iżvilupp, il-bini u l-aċess huma ogħla u fejn spiss ikun meħtieġ li wieħed jiddiversifika sabiex jikseb livell suffiċjenti ta' vijabilità;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-effettività u l-valur miżjud tad-diversi miżuri nazzjonali u Ewropej li jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ, u biex tagħmel rapport dwar dan is-suġġett sal-1 ta' Lulju 2009;

21.  Jinnota li bosta bdiewa żgħażagħ iqisu s-sostenn għall-investiment u s-sussidji għall-imgħax bħala l-iżjed mezz effettiv biex jingħata kuraġġ għall-intrapriża tagħhom u biex titjieb il-qagħda kompettittiva tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni xierqa lis-sostenn u lis-sussidji;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel studju dwar l-effett li għandhom id-drittijiet tal-produzzjoni, id-drittijiet ta' pagament waħdieni u d-drittijiet tal-premjum fuq t-twaqqif ta' intrapriżi minn bdiewa żgħażagħ, minħabba li dawn l-istrumenti kollha huma kawża frekwenti tal-kunflitt bejn il-ġenerazzjonijiet, u jagħmluha iżjed diffiċli għaż-żgħażagħ li jixtiequ jaħdmu fil-biedja biex jiksbu aċċess għal dawk id-drittijiet stess; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiġbed il-konklużjonijiet meħtieġa fir-rigward tal-ġestjoni tal-PAK, biex iż-żgħażagħ jitpoġġew f'pożizzjoni aħjar biex iwaqqfu xi attività fis-settur tal-biedja;

23.  Jinnota li biex titqies aħjar iż-żieda fl-ispejjeż tat-teħid ta' rziezet u d-diffikultajiet involuti fl-isettiljar f'zoni agrikoli problematiċi, il-limitu ta" għajnuna Komunitarja għandu jitla" minn EUR 55 000, u l-iskadenza biex ikun hemm konformità mar-regoli għandha titwal minn tliet snin sa ħames snin wara l-issetiljar;

24.  Jinnota li fiz-zoni rurali l-biedja spiss hija l-aħħar attività li tibqa" ħajja, u li għalhekk għandhom jiddaħħlu inċentivi għaż-żgħażagħ biex jaħdmu f'dan il-qasam; jirrimarka, madankollu, apparti l-ħtieġa li l-intrapriżi jkunu vijabbli, li jeħtieġ li jsiru sforzi biex l-ambjent rurali jsir post fejn in-nies jixtiequ jgħixu, billi jitrawwem aċċess ugwali għas-servizzi pubbliċi (uffiċji tal-posta, l-iskejjel, it-trasport pubbliku, is-servizzi tas-saħħa, eċċ) u billi jinżamm provediment tas-servizz normali (ħwienet u snajja', faċilitajiet għall-kura tat-tfal u ta" l-anzjani, akkomodazzjoni soċjali, akkomodazzjoni bil-kera, eċċ) u kumditajiet soċjali oħrajn biex in-nies ma jħossuhomx iżolati (ħwienet tal-kafè, ċentri komunitarji, ċentri sportivi, eċċ);

25.  Jenfasizza li jeħtieġ jiddaħħlu l-arranġamenti li jippermettu lill-bdiewa żgħażagħ li jħallu l-intrapriżi tagħhom minħabba taħriġ, twelid, btajjel u l-bqija;

26.  Jilqa' d-dispożizzjoni magħmula għall-għoti ta' sostenn lill-bdiewa żgħażagħ għat-twaqqif sħiħ jew parzjali ta' impriżi, li tgħid li s-sostenn għandu jkun ikkundizzjonat, fuq bażi volontarja, fuq it-tressiq ta" pjan kummerċjali dwar l-irziezet il-ġodda tagħhom, bħala strument li maż-żmien għandu jippermetti l-iżvilupp ta' l-attivitajiet agrikoli u mhux agrikoli tagħhom;

27.  Jirrakomanda li, bħala parti mill-iskema ta" inċentivi għat-twaqqif inizjali, għandha ssir dispożizzjoni dwar inċentivi għal sidien li jikru l-irziezet lill-bdiewa żgħażagħ u/jew għas-sostenn fil-kera sa l-għaxar sena minn wara t-twaqqif;

28.  Jiġbed l-attenzjoni dwar id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom iż-żgħażagħ li jixtiequ jwaqqfu intrapriża agrikola meta jfittxu l-aċċess għall-finanzjament, u dwar l-irwol utli ta" l-arranġamenti għal self issusidjat biex il-bdiewa żgħażagħ iwaqqfu l-impriżi tagħhom u jibqgħu jaħdmu fil-biedja mingħajr ma jidħlu għal ammont eċċessiv ta' dejn;

29.  Jinnota li l-livell għoli ta" dejn u l-ispejjeż għolja ta' stallazzjoni jagħmluha diffiċli ħafna biex il-bdiewa żgħażagħ jistabbilixxu pożizzjoni kompetittiva tajba; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu soluzzjonijiet speċjali għal dawn il-problemi speċifiċi;

30.  Huwa tal-fehma li l-interprenditorija tal-bdiewa żgħażagħ għandha tiġi appoġġjata permezz ta" regoli trasparenti, eħfef u inqas ingombranti, u permezz ta" l-ispejjeż orħos li dan kollu jkun jinvolvi;

31.  Għalhekk, jemmen li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom jeżaminaw l-possibilitajiet li jdaħħlu jew itejbu skemi li jipprovdu kapital b'rati preferenzjali għall-bdiewa żgħażagħ biex ikunu jistgħu jibdew l-attività tagħhom;

32.  Jikkundanna l-influwenza, fl-istess waqt, ta' fatturi spekulattivi u strutturali li jfixklu l-qligħ ta" profitt xieraq mill-art, mix-xogħol u mill-kapital, bħas-sigurtà meħtieġa fuq is-self, rati ta' mgħax għoljin, l-ostakoli ta' natura legali u fiskali, l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali u l-ispejjeż amministrattivi, u jqis li hemm bżonn ta" miżuri politiċi adegwati biex jitnaqqsu l-eċċessi u t-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw miżuri (fiskali) ġodda biex jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ ikampaw ma" l-ispejjeż għoljin ta" l-interessi li jifaċċjaw wara li jiksbu l-irziezet tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti speċifiċi dwar dan fil-qafas tal-health check tal-PAK;

34.  Jitlob biex tali miżuri favur il-bdiewa żgħażagħ jsiru obbligatorji bħala parti mill-azzjoni maħsuba mill-Assi 1 fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 bil-ħsieb li jsir titjib fil-kompetittività tas-settur agrikolu;

35.  Jerġa" jafferma l-għażla tiegħu li l-miżuri għall-iżvilupp rurali għandhom ikunu maħsuba b'mod dirett għall-bdiewa;

36.  Iqis li l-Kummissjoni għandha teżamina finanzjament speċifiku għall-bdiewa żgħażagħ fl-Assi 2 u 3 tal-politika għall-iżvilupp rurali, pereżempju fir-rigward ta" l-infrastruttura soċjali u fit-titjib tar-rata ta" l-impjiegi fost il-bdiewa żgħażagħ f'zoni rurali;

37.  Jitlob biex jitwaqqaf sostenn għall-bdiewa li jagħmlu attivitajiet multifunzjonali (ta' biedja jew oħrajn) u biex dan jiġi estiż ħalli jippermetti l-aċċess għal sostenn bikri għat-twaqqif ta' l-intrapriżi mill-bdiewa żgħażagħ li jkunu involuti f'attivitajiet agrikoli biss, jew li jikkumplimentawhom b'attivitajiet oħrajn li jiġġeneraw id-dħul f'zoni rurali;

38.  Jitlob lill-Istati Membri biex iħallu aċċess għas-sostenn bikri għaż-żgħażagħ għat-twaqqif ta" impriżi, kemm irġiel u kemm nisa, li jkunu jinsabu f'sitwazzjoni prekarja fir-rigward tas-sjieda ta" proprjetà u li jkunu jeħtieġu sostenn bħal dan biex jirranġaw l-irziezet tagħhom, jew billi jagħmlu attivitajiet agrikoli jew billi jikkumplimentawhom b'attivitajiet oħrajn li jiġġeneraw id-dħul, ħalli jipprovdulhom għixien li jitkejjel f'termini ta' dħul u xogħol disponibbli;

39.  Jemmen li l-bdiewa żgħażagħ ta" l-UE għandhom ikunu kapaċi jikkompetu bl-istess kundizzjonijiet fi ħdan l-UE; jitlob, għalhekk, għal riviżjoni kawta u għall-implimentazzjoni sussegwenti, ta" l-Artikolu 69 kurrenti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003(3), sabiex jiġi evitat kwalunkwe tgħawwiġ fil-kompetizzjoni tas-suq intern ta' l-UE;

40.  Jitlob biex il-politiki għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali jsiru koerenti bis-sħiħ ma" l-objettivi li ffissat l-UE bħala parti mill-Istrateġija ta" Liżbona, sabiex il-bdiewa żgħażagħ ikunu jistgħu jaħdmu f'ambjent ekonomiku dinamiku;

41.  Huwa tal-fehma li, bħala parti mill-"health check" tal-PAK, għandha tittieħed azzjoni biex jitrawwem iżjed dħul sikur mill-irziezet – kundizzjoni fundamentali essenzjali għall-iskambju ta" bejn il-ġenerazzjonijiet fil-biedja – permezz ta" l-introduzzjoni fuq livell ta' l-UE ta" għodod tal-ġestjoni tar-riskju u tal-kriżijiet biex jiġu ttrattati ossilazzjonijiet tas-suq u żidiet fil-volatilità tal-prezzijiet;

42.  Jemmen li għandha tingħata prijorità biex jiġu żgurati s-simplifikazzjoni ġenwina u iżjed trasparenza fl-implimentazzjoni ta" strumenti u miżuri għal bdiewa żgħażagħ li jkunu involuti f'attivitajiet agrikoli, anke meta dawn ikunu kkumplimentati b'attivitajiet mhux agrikoli oħrajn konnessi maz-zoni rurali li jkunu meħtieġa għall-vijabilità tar-razzett;

43.  Jirrimarka li l-bdiewa li ma jkunux ikklassifikati iżjed bħala bdiewa żgħażagħ iżjed li se jibqgħu fil-biedja għal medda ta' żmien medju u li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi ġodda, m'għandhomx ikunu żvantaġġjati;

44.  Jirrimarka li, minħabba d-domandi kbar fuq 'il-maniġers t'għada', it-taħriġ kurrikulari għandu jiżdied b'mod gradwali sabiex ikun żgurat li trasferiment ġenwin t'għerf mir-riċerka agrarja sal-biedja;

45.  Huwa tal-fehma li ta' min wieħed jikkunsidra, b'riferiment għal wirt ereditarju, leġiżlazzjoni aħjar maħsuba biex tiġi preservata l-għaqda ta' l-ażjenda, bil-għan li jinkisbu kemm ekonomiji ta' skala kif ukoll ekonomiji ta' skop; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-arranġamenti ta" suċċessjoni li jinvolvu partijiet li ma jkunux membri tal-familja għandhom ikunu ffaċilitati sabiex jiġu ppriservati l-irziezet u biex l-imprendituri żgħażagħ b'edukazzjoni fil-biedja jkunu jistgħu jsiru bdiewa;

46.  Huwa tal-fehma li l-arranġamenti nazzjonali ta" l-irtirar kmieni għandhom japplikaw biss fejn l-intrapriża tal-bidwi li jkun se jirtira tittieħed minn bidwi żgħażagħ, jew, minflok dan, li meta jiġri dan il-bidwi li jkun se jirtira għandu jkun intitolat għal pensjoni aħjar;

47.  Huwa tal-fehma li l-pjanijiet ġenerali tat-twaqqif ta' l-impriża u ta' l-iżvilupp tagħha għandhom jinkludu miżuri speċjali konnessi mar-rikonoxximent statutorju tal-bdiewa żgħażagħ, biex b'hekk jiġi żgurat li jkun hemm drittijiet soċjali ugwali għan-nisa u l-irġiel; f'dan ir-rigward, iqis li huwa vitali li jinżammu ċerti servizzi essenzjali fiz-zoni rurali, bħall-iskejjel materni, kindergartens u l-għajnuniet għall-ommijiet; partikolarment jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, dwar l-importanza li tkun provduta informazzjoni rigward l-istejtus ta' dawk is-sieħba li jgħinu lill-bdiewa;;

48.  Jirrimarka li l-ispeċifiċità soċjali u kulturali u d-diversità huma fatturi ewlenin fil-politika tal-promozzjoni tal-prodotti, bħalma huma l-identifikazzjoni ta' zona ġeografika speċifika u l-eċċellenza fil-metodi ta' produzzjoni, kif muri mir-reputazzjoni u s-suċċess ta' prodotti agrikoli li għandhom marki protetti ta' l-oriġini jew huma ttikkettati;

49.  Jirrimarka li l-edukazzjoni alimentari, li tista" titwassal mill-bdiewa, trawwem drawwiet alimentari tajbin għall-benefiċċju tas-saħħa tan-nies u tas-soċjetà inġenerali, u jilqa' b'sodisfazzjon attivitajiet bħall-programm 'Tellus' tal-Kunsill Ewropew tal-Bdiewa Żgħażagħ (CEJA) u l-proġetti tal-mudell transnazzjonali bħas-'Schüler auf dem Bauernhof' ('Pupils on farms');

50.  Jenfasizza l-ħtieġa ta" informazzjoni minn esperti għall-istudji tax-xjenza alimentari u tad-dieta fil-forom kollha ta" l-edukazzjoni;

51.  Jemmen li għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi promossa l-professjoni tal-biedja u tas-servizzi tagħha fis-soċjetà, flimkien ma" l-attivitajiet produttivi tagħha, bil-ħsieb li iżjed żgħażagħ jinġibdu lejn din il-professjoni, b'mod speċjali dawk li ġejjin minn ambjent mhux agrikolu;

52.  Jemmen li l-promozzjoni tal-professjoni agrikola għandha tinvolvi wkoll komunikazzjoni mtejba mal-pubbliku inġenerali (il-konsumaturi) dwar il-kontenut tal-PAK, fir-rigward tas-saħħa, ir-rekwiżiti ta' l-ambjent u tal-benessri ta' l-annimali, il-kundizzjonijiet ta' l-għajnuna, il-multifunzjonalità, il-kwalità tal-prodott ta' l-UE, il-kontribut fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, l-awto-suffiċjenza alimentari u l-isfidi alimentari għall-popolazzjoni dinjija li hija stmata li sa l-2050 għandha tilħaq id-disa" biljun;

53.  Jitlob biex tiżdied il-preferenza Komunitarja sabiex il-konsumaturi Ewropej ikollhom garanziji fir-rigward ta" l-istandards sanitarji u ambjentali tal-prodotti li jixtru, u biex tipprovdi kumpens għall-bdiewa ta' l-UE li jiffaċċjaw kompetizzjoni minn pajjiżi terzi li ma jkollhomx l-istess standards sanitarji, ambjentali u soċjali;

54.  Huwa tal-fehma li l-bdiewa żgħażagħ għandhom jitqiegħdu fl-aħjar kundizzjonijiet biex jieħdu l-vantaġġi li ġejjin minn flessibbilità akbar fid-domanda għal prodotti u servizzi ta' l-attivita agrikola, kif ukoll għal ftuħ akbar ta' swieq emerġenti fuq livell internazzjonali, minħabba l-konklużjoni ta' negozjati multi-laterali; għalhekk iqis li huwa importanti li l-Kummissjoni tinnegozja ftehima mad-WTO li tagħti lill-bdiewa skop suffiċjenti biex ikunu jistgħu jkomplu jikkompetu ma' pajjiżi terzi u li tiggarantixxi futur għall-bdiewa żgħażagħ; iqis li f'dan is-sens l-inklużjoni ta' bżonnijiet li m'humiex relatati mal-kummerċ hija kruċjali;

55.  Jemmen li l-bdiewa żgħażagħ għandhom ikunu kapaċi jikkompetu ma" kompetituri barranin bl-istess kundizzjonijiet; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tingħata prijorità lir-rikonoxximent tal-bżonnijiet li m'humiex relatati mal-kummerċ (NTC) bħall-kriterji ta' l-importazzjoni fin-negozjati kummerċjali, kemm multilaterali u kemm bilaterali;

56.  Jinnota li, bħala parti mill-arranġamenti ta' l-iġġjanar għal żmien qasir jew żmien medju, il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' bdiewa qiegħda ġġorr ir-responsabilità fir-rigward tal-ġlieda fil-klima, qiegħda taħdem fi sħubija ma' l-ambjent u, billi tipprovdi sorsi ta' enerġija li jkunu favur l-ambjent, partikularment billi tipproduċi l-bijomassa u tħaddem l-impjanti tal-bijogass, qiegħda tagħi kontribut b'mod attiv għall-ħarsien ta' l-ambjent u għat-tnaqqis tas-CO2;

57.  Jinnota li l-bdiewa jiffaċċjaw l-isfida doppja li jimplimentaw miżuri biex itejbu l-prattiki tal-biedja u biex jagħmluwhom kemm sostenibbli u kemm vijabbli, filwaqt li fl-istess ħin iġibu lura l-irwol kruċjali ta" l-agrikoltura fil-ġestjoni ta" l-aspetti ambjentali u b'hekk qed isiru parteċipanti ewlenin fl-ittrattar tal-bidla fil-klima; jenfasizza li, għal dan il-għan, il-politiki u l-miżuri għandhom joffru lill-bdiewa żgħażagħ prospetti sostenibbli u għat-tul, u li għandu jingħatalhom appoġġ finanzjarju għall-isforzi tagħhom fil-ħarsien ta" l-ambjent;

58.  Jinnota li l-biedja u l-forestrija huma l-uniċi attivitajiet ekonomiċi li jiksbu d-dijossidu tal-karbonju permezz tal-fotosinteżi, u dan jagħmilha iżjed neċessarja li tinżamm l-attività tal-biedja;

59.  Jenfasizza l-importanza li l-attenzjoni tiddawwar fuq ir-riċerka agrikola b'mod konformi mar-riforma fil-PAK, billi ssir promozzjoni tat-trasferimenti tat-teknoloġija u billi jsir titjib fl-aċess tal-bdiewa għas-sejbiet tar-riċerka u fl-iżjed innovazzjonijiet riċenti konnessi ma" l-għodod u l-metodi tal-produzzjoni; iqis li jeħtieġ li l-bdiewa ta' l-UE jkollhom aċċess aħjar għar-riżultati tar-riċerka permezz tal-ħolqien ta' netwerks għall-iskambju tad-data li tkun inkisbet mir-riċerka, u li r-riċerka tkun ikkoordinata fuq il-livell nazzjonali u l-livell ta' l-UE;

60.  Jinnota li l-iskambju bejn ix-xjenza u dawk li japplikawha huwa essenzjali sabiex is-sejbiet tar-riċerka jitpoġġew fil-prattika u biex ir-riċerka tkun tista' tilħaq il-bżonnijiet tas-settur agrikolu;

61.  Jenfasizza li huwa fl-interess ta' l-UE, kemm f'sens ekonomiku u kemm f'sens ambjentali (l-aġġornament tal-prattiki "ħodor"), li jkun hemm iżjed sostenn għat-taħriġ tul il-ħajja kollha għall-bdiewa; jinkuraġġixxi, b'mod partikulari, programmi li jippromwovu l-mobilità fost il-bdiewa żgħażagħ fl-UEi (inkluż il-programm Leonardo); jenfasizza, b'mod iżjed speċjali, il-ħtieġa li jitfasslu strumenti li jippermettu lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu assenti mill-irziezat tagħhom sakemm idum it-taħriġ;

62.  Jipproponi li jitwaqqaf programm ta' skambju fl-aqwa prattiki agrikoli għall-bdiewa żgħażagħ;

63.  Iqis li huwa meħtieġ li jiġi stabbilit programm ta" skambju għall-bdiewa żgħażagħ biex titħaffef il-ġabra ta" l-aqwa prattiki, kif ukoll netwerk ta' taħriġ li fih l-informazzjoni dwar kwistjonijiet bħas-sostenibilitá, il-bijoenereġija, il-bidla fil-klima u l-kompetittivitá hi ċentrali; iqis li dan għandu jipprepara bdiewa żgħażagħ biex ikunu lesti li jiffaċċjaw l-isfidi ġodda fl-oqsma ta' l-agrikoltura u l-ikel;

64.Jitlob biex ikun elaborat proġett pilota li jiffaċilita programm ta' skambju bejn il-bdiewa żgħażagħ f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u bdiewa żgħażagħ fl-UE sabiex dan jippermettilhom jieħdu tagħrif minn ras il-għajn dwar it-tħaddim tas-swieq rispettivi tagħhom, ta' l-użu rispettiv tat-teknoloġija tagħhom u tal-mod kif jadattaw irwieħhom għall-kundizzjonijiet klimatiċi dominanti;

65.  Jissuġġerixxi l-konservazzjoni, it-titjib u t-tixrid tal-prattiki ta' produzzjoni marbuta ma' l-ispeċifiċità tat-territorju u ta' l-eredità kulturali tal-bdiewa ta' l-UE;

66.  Jemmen li s-suġġett taż-żamma tal-proprjetà agrikola hija marbuta mill-qrib ma" dik ta" l-arranġamenti ta" twaqqif ta" intrapriżi minn bdiewa żgħażagħ, u li għandha tiddaħħal ukoll politika li tiżgura li l-prijorità fl-allokazzjoni ta" l-art tingħata lill-bdiewa żgħażagħ li jkunu għadhom jibdew; jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tagħmel rapport dwar il-kwistjoni tal-proprjetà agrikola fir-rigward taż-żgħażagħ li jieħdu f'idejhom l-irziezet;

67.  Huwa tal-fehma li għandu jingħata sostenn iżjed effettiv għat-twaqqif ta' strutturi bbażati fuq il-kumpaniji billi jiddaħħlu miżuri speċifiċi għal dan it-tip ta' arranġament ta' twaqqif ta' intrapriżi li mhux biss inaqqsu l-isp'jjeż għaż-żgħażagħ involuti iżda wkoll jippermettulhom li jorganizzaw xogħlhom b'tali mod li jkabbru l-vijabilità ta" l-irziezet;

68.  Jirrakomanda li tiddaħħal iżjed flessibilità fit-twaqqif ta" l-irziezet u fil-proċeduri ta" trasferiment permezz ta" li ġej: twaqqif gradwali, kunsiderazzjoni ta' l-ivvalidar ta' l-esperjenza professjonali preċedenti meta l-persuna li tkun trid twaqqaf razzett ma jkollhiex il-kwalifiki meħtieġa, tneħħija tar-rekwiżit ta" l-età meta l-applikant iressaq proġett vijabbli ta' twaqqif, b'mod partikulari fiz-zoni agrikoli żvantaġġjati, eċċ;

69.  Iqis li għandhom jiġu adottati l-miżuri meħtieġa biex jappoġġjaw, jakkumpanjaw u jagħtu pariri lil bdiewa żgħażagħ taħt l-iskema inizjali ta" twaqqif bil-għan li tiżdied ir-rata ta" suċċess u fl-istess ħin li tnaqqas kemm jista' jkun jew itemm għal kollox sitwazzjonijiet fejn jaqtgħu qalbhom jew saħansitra jfallu;

70.  Jipproponi l-għażla ta" sena Ewropea għad-djalogu urban-rurali;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ wiesa" għal żgħażagħ li jkunu jridu jidħlu fil-qasam tal-biedja billi ssegwi politika affidabbli, billi tagħmel arranġamenti amministrattivi li jirriflettu l-kundizzjonijiet attwali u billi żżid kemm tista' l-appoġġ għall-immaniġġjar;

72.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq rapport intermedju dwar is-sitwazzjoni tal-bdiewa żgħażagħ, u biex fil-frattemp tikkonsulta ma' l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa żgħażagħ;

73.  Jenfasizza li l-bdiewa żgħażagħ għandhom jingħataw appoġġ fis-snin ta' wara t-twaqqif ta' l-attività tagħhom, u li għandu jiġi stabbilit fond ta" riżerva biex jgħinhom jittrattaw ċirkustanzi imprevedibbli waqt li jkunu għadhom qed jibdew, bħall-ħsarat fl-uċuħ tar-raba' kaġun ta' temp ħażin jew ta' xi żieda kbira fl-ispejjeż;

74.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja metodi ta' skambju ta' l-aqwa prattiki fit-tekniki tal-biedja innovattiva u fil-ġestjoni ta' l-irziezet fost il-bdiewa l-ġodda ma' l-UE kollha;

75.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 262, 18.9.2001, p. 153.
(2) GU L 277, 21.10.2005, p.1.
(3) ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza