Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-ħidma ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE fl-2007 (2007/2180(INI))
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija ffirmata f'Cotonou fit-23 Ġunju 2000(1) bejn il-membri tal-grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP), min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (il-Ftehima ta' Kotonou),
- wara li kkunsidra r-Regolament ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE (JPA), adottata fit-3 ta' April 2003(2) , kif emendata l-aħħar f'Wiesbaden (il-Ġermanja) fit-28 ta' Ġunju 2007(3),
- wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp(4),
- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kigali għal Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPA) li jkunu favorevoli għall-iżvilupp(5), li ġiet adottata mill-JPA fit-22 ta' Novembru 2007 f'Kigali (id-Dikjarazzjoni ta' Kigali),
- wara li kkunsidra r-risoluzzjonijiet adottati mill-JPA fl-2007:
—
· dwar l-governanza tajba, it-trasparenza u r-responsabbiltà fl-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali fil-pajjiżi ta' l-ACP(6)
—
· dwar it-tnaqqis tal-faqar fost bdiewa żgħar fil-pajjiżi ta' l-ACP, b'mod partikulari fis-setturi tal-frott, il-ħxejjex u l-fjuri(7),
—
· dwar il-migrazzjoni ta' ħaddiema kwalifikati u l-effett ta' dan fuq l-iżvilupp nazzjonali(8),
· dwar l-elezzjonijiet u l-proċessi elettorali fil-pajjiżi ta' l-ACP u ta' l-Unjoni Ewropea(10),
—
· dwar l-impatt ta' l-Investimenti Barranin Diretti (FDI) fl-Istati ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku(11),
—
· dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-prodotti mediċinali, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam ma' mard traskurat(12),
—
· dwar il-katastrofi naturali fil-pajjiżi ta' l-ACP: finanzjament ta' l-Unjoni Ewropea għall-ippjanar minn qabel (Fondi ta' l-EDF) u għall-għajnuna (fondi ta' l-ECHO)(13),
-
· dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u b'mod partikulari fil-Lvant tal-pajjiż, u l-impatt ta' din fuq ir-reġjun(14),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tagħha,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0175/2008),
A. billi d-dibattiti li saru f'Ġunju f'Wiesbaden u f'Novembru 2007 f'Kigali dwar l-istat avvanzat tan-negozjati dwar l-EPAs li wasslu għall-adozzjoni tad-dikjarazzjoni ta' Kigali,
B. billi l-adozzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill tar-Regolament (KE) nru 1905/2006, li jistabbilixxi strument li jipprovdi programmi tematiċi applikabbli wkoll għall-pajjiżi ta' l-ACP, flimkien ma' programm ta' miżuri ta' akkumpanjament għall-pajjiżi tal-Protokoll dwar iz-Zokkor ta' l-ACP,
C. billi jinnota l-impenn li ħa l-Kummissarju għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja, fis-sessjoni msemmija tal-JPA li saret f'Wiesbaden, sabiex jissottometti d-Dokumenti Strateġiċi Nazzjonali u Reġjonali għall-Pajjiżi ta' l-ACP (għall-perjodu 2008-2013) għall-iskrutinju demokratiku tal-Parlamenti, u billi jilqa' l-fatt li l-implimentazzjoni ta' dan l-impenn bdiet isseħħ,
D. billi r-reviżjoni tal-Ftehima ta' Cotonou bdiet tistabbilixxi l-bażi għal koperazzjoni msaħħa u aktar effikaċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ta' l-ACP, waqt li madankollu l-proċedura ta' ratifika ta' din il-Ftehima għadha ma ġietx finalizzata,
E. billi qed tikber l-importanza fil-JPA ta' kwistjonijiet ta' importanza ta' interess komuni li jirrigwardaw id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, is-sitwazzjonijiet delikati, il-konsistenza politika u l-effikaċità ta' l-għajnuna,
F. billi s-sitwazzjoni fiz-Zimbabwe reġgħet marret għall-agħar fl-2007 u billi b'xorti ħażina ma kienx possibbli li tiġi adottata riżoluzzjonui rigward dan matul is-sessjoni tal-JPA f'Wiesbaden, fuq imsemmija, bħala għeluq għal dibatittu kostruttiv ħafna; billi n-nuqqas tad-delegazzjoni taż-Żimbabwe milli tieħu sehem f'din is-sessjoni hija ħaġa ta' min wieħed jisgħobbih ħafna minnha,
G. billi l-kunflitt fid-Darfur (Sudan) għadu sejjer, bi vjolazzjonijiet serji u ripetuti tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw minnu, b'mod partikulari r-riskji persistenti involuti għan-nisa u t-tfajliet ta' aggressjoni sesswali u ta' stupru, u billi jfakkar fil-ħtieġa li jkun hemm għajnuna umanitarja effettiva u appoġġ għall-vittmi ta' vjolenza sesswali,
H. billi kkunsidra x-xogħol tal-Parlament Pan-Afrikan u l-formalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament Pan-Afrikan; billi kkunsidra b'mod partikulari, id-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Pan-Afrikan u tal-Parlament Ewropew rigward il-Laqgħa Għolja UE-Afrika li sar f'Liżbona f'Diċembru 2007,
I. billi kkunsidra l-parteċipazzjoni li dejjem qed tikber ta' parteċipanti mhux governamentali għas-sessjonijiet ta' JPA u d-diffikultajiet finanzjarji li jilaqtgħu magħhom is-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi ta' l-ACP biex jattendu għal dawn il-laqgħat,
J. billi kkunsidra l-kontribuzzjoni eċċellenti tal-Presidenza Ġermaniża ta' l-Unjoni u tal-Gvern ta' Rwanda fis-sessjonijiet tal-JPA f'Wiesbaden u f'Kigali, fuq imsemmija,
K. billi kkunsidra l-missjonijiet għall-stħarriġ tal-fatti u l-missjonijiet ta' studju tal-Bureau tal-JPA fl-2007:
–
fis-Senegal, fil-Kosta ta' l-Avorju u fil-Gana
–
fil-Madagaskar;
1. Jilqa' l-fatt li fl-2007 l-JPA pprovdiet qafas għal djalogu miftuħ, demokratiku u fil-fond rigward negozjati ta' l-EPAs bejn l-UE u pajjiżi ta' l-ACP, kif turi l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni diġà msemmija ta' Kigali rigward EPAs;
2. Jenfasizza t-tħassib li wriet il-JPA dwar bosta punti tan-neguzjati, kemm rigward il-forma, kif ukoll is-sustanza tagħhom; ifakkar li d-dibatittu tkompla wkoll wara l-adozzjoni ta' l-EPAs mal-Karajbi u wara ftehimiet intermedjarji ma' ċerti pajjiżi jew reġjuni;
3. Jinsab imħasseb dwar l-istabbiliment ta' korp ġdid fil-kuntest ta' l-EPAs, jiġifieri l-kumitat parlamentari, mingħajr ma jkun hemm relazzjoni ċara bejn dan il-korp u l-JPA; jitlob li jiġu evitati l-konflitti ta' kompetenzi jew tensjonijiet bla bżonn f'dan is-settur; fl-istess waqt, jilqa' d-dimensjoni parlamentari mogħtija lill-EPA u jinsab konvint bis-sħiħ li l-JPA se jibda immedjatament biex jimplimenta dan id-djalogu fil-livell parlamentari fil-laqgħat reġjunali tiegħu;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn li ħa l-Kummissarju risponsabbli għall-Iżvilupp u l-Għajnuna Umanitarja fis-sessjoni ta' Kiġali, fuq imsemmija, li jissottometti d-Dokumenti Strateġiċi Nazzjonali u Reġjunali tal-pajjiżi ta' l-ACP (għall-perjodu 2008-2013) għall-iskrutinju demokratiku tal-parlamenti u jilqa' x-xogħol ta' eżami ta' dawn id-dokumenti li diġà sar minn ċerti parlamenti ta' l-ACP;
5. Rigward dan, jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa li jiġu involuti mill-qrib il-parlamenti mal-proċess demokratiku u ma' l-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp; jenfasizza l-irwol fundamentali li għandhom fl-implimentazzjoni, is-segwitu u l-kontroll tal-politiki għall-iżvilupp;
6. Jistieden lill-pajjiżi ta' l-ACP sabiex jeżiġu li l-gvern tagħhom u l-Kummissjoni jassoċjaw ruħhom mal-proċess ta' preparazzjoni u ta' implimentazzjoni tad-dokumenti strateġiċi nazzjonali fejn dawn jolqtu l-koperazzjoni bejn l-UE u pajjiżhom (għall-perjodu 2008-2003);
7. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha li hemm disponibbli lill-pajjiżi ta' l-ACP u sabiex tagħtihom l-għajnuna tagħha f'dan il-proċess ta' skrutinju demokratiku, b'mod partikulari permezz ta' appoġġ għall-kapaċitajiet tagħhom;
8. Jistieden lill-parlamenti ta' l-ACP sabiex jeżerċitaw skrutinju parlamentari strett rigward dak li jolqot il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF); jenfasizza l-pożizzjoni priveleġġjata tal-JPA f'dan id-dibattitu u jistiednu sabiex ikompli jinsisti mal-parlamenti li għadhom ma rratifikawx il-Ftehima ta' Cotonou, kif riveduta, biex jagħmlu dan għall-benefiċċju ta' l-EDF 10;
9. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi miżuri biex ipattu għad-defiċit finanzjarju bejn l-implimentazzjoni ta' l-EDF 9 u l-EDF 10;
10. Jerġa' jisħaq li hu jappoġġja t-talba ta' l-JPA, magħmula fid-9 sessjoni miżmuma f'April 2005, li persentaġġ xieraq ta' l-approprjazzjonijiet ta' l-EDF jingħataw għall-edukazzjoni u għat-taħriġ politiku ta' parlamentari u ta' diriġenti politiċi, ekonomiċi u soċjali fl-interess tat-tisħiħ sostenibbli ta' governanza tajba, ta' l-istat tad-dritt, ta' l-istrutturi demokratiċi u ta' l-interazzjoni bejn il-gvern u l-oppożizzjoni f'demokraziji pluralisti bbażati fuq elezzjonijiet ħielsa;
11. Jinnota b'sodisfazzjon in-natura aktar ma tmur aktar politika u għalhekk, aktar demokratika, tal-JPA, kif ukoll l-intensifikazzjoni ta' l-impenn tal-Membri tagħha u tal-kwalità tad-dibattiti tagħha li jikkontribwixxi b'mod deċiżiv għas-sħubija ACP-UE;
12. Iqis li r-riżoluzzjonijiet fuq imsemmija ta' l-JPA dwar is-sitwazzjoni fid-Darfur u dwar is-sitwazzjoni fid-DRC, huma eżempji sinifikattivi ta' dan id-djalogu msaħħaħ;
13. Iqis li l-JPA, li huwa forum għal dibattiti bejn Parlamentari ta' l-UE u dawk ta' l-ACP, għandha rwol pożittiv fid-djalogu politiku u fit-tfittxija ta' ftehim globali u inklużiv għall-paċi u għall-iżvilupp tal-poplu tad-Darfur;
14. Jistieden lill-JPA sabiex tikkontribwixxi għall-isforzi ta' sensibilizzazzjoni tal-komunità internazzjonali dwar il-konflitti li qed jolqtu lill-Kivu tat-Tramuntana u lil bosta reġjunijiet tal-Lvant tad-DRC sabiex tiġi promossa soluzzjoni politika negozjata għall-kriżi u sabiex tappoġġja kull attività li tista' tiġi ssuġġerita minn soluzzjoni negozjata bħal din;
15. Jistieden lill-JPA sabiex tkompli u twessa' d-djalogu mal-Parlament Pan-Afrikan u mal-parlamenti ta' organizzazzjonijiet reġjunali minħabba l-importanza li għandha l-integrazzjoni tar-reġjun għall-paċi u għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta' l-ACP;
16. Jilqa' d-dibattitu li sar dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja waqt is-sessjoni fuq imsemmija tal-JPA f'Kigali, li juri li l-JPA tista' sservi ta' forum biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet kumplessi; jiddeplora madankollu li ma kien hemm ebda titjib fis-sitwazzjoni fis-Somalja u din għadha "kriżi minsija";
17. Jiddeplora li l-JPA ma ġietx ikkonsultata biżżejjed waqt il-preparazzjoni ta' l-istrateġija konġunta UE-Afrika u jittama li l-JPA tkun involuta attivament fl-implimentazzjoni ta' dik l-istrateġija;
18. Jilqa' l-fatt li l-laqgħat reġjunali li jipprevedu l-Ftehima ta' Cotonou u r-Regoli ta' Proċedura tal-JPA jistgħu sa fl-aħħar jibdew isiru mis-sena 2008; jittama li dawn il-laqgħat jippermettu tabilħaqq li jkun hemm diskussjonijiet fuq l-isfidi reġjunali, inklużi l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, u li l-politika ta' l-EU tikkontribwixxi għall-intensifikazzjoni tal-koeżjoni reġjunali; jenfasizza li dawn il-laqgħat ġew f'mument tabilħaqq opportun għan-neguzjati, il-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta' l-EPAs u għandhom jingħataw prijorità; jappoġġja l-organizzazzjoni ta' l-ewwel laqgħa reġjonali f'April 2008 f'Windhoek fin-Namibja;
19. Iħeġġeġ lill-JPA sabiex isaħħaħ l-irwol tal-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi biex dan isir tabilħaqq forum għall-prevenzjoni tal-kunflitti fi ħdan is-sħubija ACP-UE u biex għal dan il-għan testendi d-dibattiti ġenerali fuq sitwazzjonijiet serji f'pajjiżi indikati; jilqa' x-xogħol li twettaq fil-qasam tal-governanza tajba, kif ukoll rigward l-elezzjonijiet u l-proċessi elettorali fil-pajjiżi ta' l-ACP u ta' l-Unjoni u jħeġġeġ li jkun hemm koordinazzjoni mill-qrib bejn l-attivitajiet tal-parlamentari ta' l-ACP u dawk ta' l-Unjoni bħala osservaturi elettorali fi ħdan missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali ta' l-Unjoni;
20. Jinnota b'sodisfazzjon ix-xewqa murija mill-Kumitat għall-Iżvilupp Ekonomiku, Finanzi u Kummerċ tal-JPA li jinkariga ruħu minn kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà ta' l-ikel, l-aktar fi żmien meta l-Programm Dinji għall-Ikel (WFP) qed iwissi dwar l-għoli tal-prezzijiet, il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u n-nuqqas tal-ħażna ta' ikel dinjija;
21. Jisħaq fuq l-importanza tar-rapport deċiż matul is-sessjoni fuq imsemmija ta' Kigali dwar l-effikaċità ta' l-għajnuna u jħeġġeġ lill-JPA sabiex torganizza dibattitu fil-fond dwar il-kunċett ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, dwar kwistjonijiet ta' bbaġitjar u dwar forom alternattivi ta' finanzjament għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp;
22. Jenfasizza l-irwol li għandu l-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali u għall-Ambjent tal-JPA rigward il-migrazzjoni ta' ħaddiema kwalifikati u mard traskurat u jappoġġja d-deċiżjoni tiegħu li jagħmel studju ta' l-impatt tal-programmi ta' aġġustament strutturali;
23. Jinnota b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni li dejjem qiegħda tikber ta' parteċipanti mhux governamentali fis-sessjonijiet ta' l-JPA, kif ukoll il-fatt li avvenimenti li jseħħu fil-marġni ta' dawn is-sessjonijiet issa qegħdin jagħtu l-appoġġ pożittiv tagħhom; jitlob lill-JPA, lill-UE kif ukoll lill-pajjiżi ta' l-ACP sabiex jinkuraġġixxu finanzjarjament u teknikament il-parteċipazzjoni tas-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi ta' l-ACP f'dawn ix-xogħlijiet; iqis bħala żvilupp kostruttiv it-talbiet u l-proposti immirati biex dan jintlaħaq li se jsiru lill-Bureau u lill-JPA f'Settembru 2008;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kunsill ta' l-ACP, lill-JPA, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-tal-pajjiżi ta' l-ACP u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika ta' l-Irwanda.