Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-Kompetizzjoni: Indaġni tas-Settur rigward l-operazzjonijiet bankarji ġenerali (2007/2201(INI))
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Indaġni Settorjali skond l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar l-operazzjonijiet bankarji ġenerali (Rapport Finali) (COM(2007)0033),
- wara li kkunsidra r-rapport proviżorju I tal-Kummissjoni tat-12 ta" April 2006 dwar il-karti ta" pagament u r-rapport proviżorju II tas-17 ta" Lulju 2006 dwar il-kontijiet kurrenti u servizzi relatati,
- wara li kkunsidra l-Green Paper dwar is-servizzi finanzjarji ġenerali fis-Suq Waħdieni (COM(2007)0226),
- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Suq Waħdieni għall-Ewropa tas-Seklu 21" (COM(2007)0724),
- wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni COMP/ 345.79 tad-19 ta' Diċembru 2007 dwar id-drittijiet ta" interskambju multilaterali intra-EEA tal-Mastercard,
- wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta" l-14 ta" Ġunju 2006 rigward il-ftuħ u l-eżeċitar tan-negozju ta" istituzzjonijiet ta" kreditu (tfassil mill-ġdid)(1) (Id-Direttiva dwar ir-Requiżiti tal-Kapital) u d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' Ġunju 2006 dwar is-suffiċjenza tal-kapital tad-ditti ta' investiment u ta' l-istituzzjonijiet ta' kreditu (tfassil mill-ġdid)(2) (Direttiva dwar is-Suffiċjenza tal-Kapital),
- wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta" Novembru 2007 dwar is-servizzi ta" pagament fis-suq intern(3) (Direttiva dwar is-Servizzi ta" Pagament),
- wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari tas-16 ta" Jannar 2008 dwar il- pożizzjoni komuni adottata mill-Kunsill bil-għan li tiġi adottata direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ftehim ta" kreditu għall-konsumaturi u li tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE(4) (Abbozz ta" Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur),
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta" Lulju 2007 dwar il-White Paper dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji 2005 - 2010(5),
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-4 ta" Lulju 2006 dwar iżjed klonsolidazzjoni fl-industrija Ewropea tas-servizzi finanzjarji(6),
- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0185/2008),
A. billi suq finanzjarju integrat li jiffunzjona tajjeb huwa prekundizzjoni meħtieġa biex tiġi rrealizzata l-aġenda ta" Liżbona sabiex l-Unjoni Ewropea tkun ipprovduta bl-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq l-għarfien li hawn fid-dinja, li jkollha l-kapaċità ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli b'impjiegi aktar u aħjar,
B. billi l-banek ġenerali għandhom l-irwol essenzjali li jgħaddu, skond kif xieraq, il-kundizzjonijiet tal-politika monetarja lis-suq, partikolarment lill-intrapriżi ż-żgħar u ta" daqs medju (SMEs) u lill-konsumaturi,
C. billi sabiex twettaq sa l-aħħar il-Pjan ta" Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji u twassal il-benefiċċji kollha tiegħu lill-konsumaturi u lill-bejjiegħa bl-imnut, jeħtieġ li s-servizzi finanzjarji ġenerali jittejbu,
D. billi l-aċċess għas-servizzi bankarji bażiċi, bħal m'hu l-ftuħ ta" kont bankarju, huwa dritt ta" kull ċittadin,
E. billi s-settur ta" l-operazzjonijiet bankarji ġenerali huwa importanti għall-ekonomija ta" l-UE f'dak li jirrigwarda t-tkabbir u l-impjiegi u l-importanza tiegħu għall-konsumaturi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta" daqs medju (SMEs),
F. billi jippersistu d-diffikultajiet marbuta ma' l-armonizzazzjoni tal-politika tal-konsumatur fl-Unjoni Ewropea u l-kumplessità inerenti tal-prodotti finanzjarji,
G. billi l-politika ta" l-UE tal-kompetizzjoni hija -importanti biex jitlesta għal kollox is-suq intern u l-funzjonament tajjeb ta" kundizzjonijiet ġenwinament ugwali għall-atturi kollha,
H. billi d-diversità tal-mudelli legali u ta' l-objettivi tan-negozji ta' l-entitajiet finanzjarji fil-qasam ta' l-operazzjonijiet bankarji ġenerali (banek, banek tat-tifdil, koperattivi, eċċ.) hija kwalità fundamentali għall-ekonomija ta" l-UE li tarrikkixxi l-qasam, tikkorrispondi għall-istruttura pluralista tas-suq u tgħin biex tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq intern,
I. billi hemm il-ħtieġa li jiġi bbilanċjat grad għoli ta" ħarsien tal-konsumatur mal-funzjonament xieraq tas-suq intern,
Ġenerali
1. Jappoġġja l-approċċ integrat tal-Kummissjoni li jinkludi l-appoġġ ta" politiki tas-suq intern b'indaġnijiet settorjali mmirati tajjeb; jiddispjaċih, madanakollu, minħabba ż-żmien li ntgħażel biex fih issir din l-indaġni settorjali u minħabba l-fatt li ma sar l-ebda studju dwar kif il-kundizzjonijiet tal-politika monetarja jiġu mgħoddija lis-suq bl-imnut; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tibqa" ssegwi x-xogħol tagħha ladarba d-Direttiva dwar is-Suffiċjenza tal-Kapital, id-Direttiva dwar iz-Zona Waħdanija Euro ta" Pagament (Single European Payment Area (SEPA)), id-Direttiva dwar is-Servizzi ta" Pagament u d-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur ikunu wrew l-effetti tagħhom fil-prattika;
2. Jiddispjaċih li l-indaġni settorjali dwar l-operazzjonijiet bankarji ġenerali ma tikkunsidrax biżżejjed l-ispeċifiċitajiet tas-settur bankarju li hu strettament irregolat u l-importanza tal-kultura, id-drawwiet u l-lingwi fl-għażliet tal-konsumatur u l-protezzjoni disponibbli fir-rigward tal-prodotti finanzjarji; jikkunsidra li n-nuqqas ta" mobilità tal-konsumatur fl-Unjoni Ewropea ħafna drabi hija ddettata mir-relazzjoni ta' fiduċja fuq medda twila ta' żmien li spiss tkun stabbilita bejn il-bank u l-konsumatur; jinsab imħasseb li l-evalwazzjoni ta" l-integrazzjoni tas-suq li għamlet il-Kummissjoni hija msejsa fuq għadd żgħir wisq ta" indikaturi ekonomiċi u konsegwentement tista" tonqos milli tirrifletti b'mod xieraq il-karatteristiċi ta s-settur ta' operazzjonijiet bankarji ġenerali;
3. Ifakkar li l-politika tal-kompetizzjoni hija għodda qawwija biex jitlesta għal kollox is-suq intern imma li l-fatt li wieħed jimmira għal aktar kompetizzjoni la għandu jwassal biex fis-settur bankarju l-mod li bih wieħed jilqa" għar-riskju jiġi mdgħajjef u l-anqas ma għandu jqiegħed fil-periklu l-istabilità ta" settur partikularment kruċjali u strateġiku ta" l-ekonomija dinjija; jenfasizza li l-fiduċja tas-suq u tal-konsumatur it-tnejn huma essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tas-servizzi finanzjarji, u li l-promozzjoni ta' l-informazzjoni għall-konsumaturi rigward is-servizzi finanzjarji hija meħtieġa biex jissaħħaħ l-irwol tal-konsumaturi bħala parteċipanti tas-suq;
4. Jirrimarka li qafas regolatorju li jkun frammentat ħafna huwa impediment għall-iżvilupp tal-forniment transkonfinali ta' servizzi bankarji; għalhekk, jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex terġa' tibda tiġi evalwata d-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna l-promozzjoni minn distanza ta' servizzi finanzjarji għall-konsumaturi(7), li għandha tinvolvi wkoll l-eżami mill-ġdid tad-direttivi dwar il-kummerċ elettroniku(8) u l-firem elettroniċi(9) sabiex dawn ikunu jistgħu jilħqu l-għanijiet iddikjarati tagħhom b'mod effettiv;
5. Huwa tal-fehma li anke l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus tista' tikkostitwixxi ostaklu għall-mobilità tal-konsumatur f'dak li jirrigwarda, pereżempju, il-ftuħ ta' kontijiet kurrenti transkonfinali, minħabba rekwiżiti differenti marbuta ma" l-identifikazzjoni u l-ivverifikar li l-banek iridu jissodisfaw; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt li għandhom fuq il-mobilità tal-konsumatur ir-regoli stipulati fil-leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus;
Mobilità tal-konsumatur
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem ħalli tiffaċilita l-mobilità tal-konsumatur u biex timmoniterja l-progress li jagħmlu l-Istati Membri fil-prattika li biha jippermettu lill-konsumatur li jibdel il-fornitur, u b'hekk ikunu qed isaħħu kompetizzjoni ħajja u b'saħħitha bejn il-fornituri; jixtieq jara, kemm jista" jkun possibbli, li ma jsir l-ebda tħarbit tas-servizz anke meta jkun qed jingħalaq kont kurrenti jew meta jkun qed jiġi mibdul il-fornitur u li jiġi evitat kull irduppjar ta" servizzi li jkun jiswa ħafna;
7. Iħeġġeġ li s-simplifikazzjoni tar-regoli tas-servizzi finanzjarji u t-tneħħija ta' l-ostakli għall-mobilità tal-konsumatur m'għandhomx iwasslu biex jitbaxxew l-istandards għall-ħarsien tal-konsumatur fl-Istati Membri;
8. Jirrakkomanda li jkunu permessi biss tariffi li jkunu ġġustifikati għal kollox biex jingħalqu l-kontijiet, jekk ikun hemm, sabiex jiġu inkuraġġiti l-mobilità u l-kompetizzjoni; jinkuraġġixxi lill-industrija bankarja biex tiżviluppa l-aħjar prattiki dwar proċeduri ħfief u effiċjenti biex kont jinqaleb f'kont ieħor, filwaqt li jittieħed kont kemm tad-dewma tal-proċedura kif ukoll ta' l-ispejjeż li hemm marbuta magħha; huwa tal-fehma li meta wieħed jaqleb minn kont kurrenti għal ieħor m'għandha jkun ikkawżat l-ebda dannu lill-konsumatur; jopponi kull kundizzjoni kuntrattwali bla ħtieġa li timpedixxi l-mobilità tal-konsumatur;
9. Jenfasizza li, fir-rigward tal-prodotti assoċjati flimkien, trid issir distinzjoni ċara bejn, minn naħa, il-kombinazzjonijiet ta' prodotti liema kombinazzjonijiet ikunu favorevoli kemm għall-klijent kif ukoll għall-bank u li jkunu komuni għall-fergħat kollha ta' l-ekonomija, u min-naħa l-oħra, l-prattiki li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta;
10. Jidhirlu li l-aċċess għas-servizzi finanzjarji bażiċi, bħal m'huwa l-ftuħ ta" kont bankarju, huwa dritt u jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika l-ostakoli li hemm għall-eżerċitar ta" dak id-dritt u l-aħjar prattiki ta' operaturi segwiti fis-settur finanzjarju ġenerali f'dak ir-rigward;
Tagħrif u trasparenza
11. Hu tal-fehma li t-tagħrif għall-konsumaturi huwa element fundamentali biex tkun żgurata l-kompetizzjoni fost il-banek; jitlob tagħrif li jkun ta" kwalità aħjar, li jkun jista" jinqara aħjar u għaldaqstant ikun aċċessibbli għall-konsumaturi; huwa tal-fehma li, għal issa, hija ħaġa li wisq drabi taħli ħafna ħin u li hija tqila wisq biex il-konsumaturi jakkwistaw tagħrif bħal dan;
12. Jirrikonoxxi li hemm tensjoni bejn li ma jkunx hemm burbardamenti ta" tagħrif u li tipprovdi tagħrif suffiċjenti lill-konsumatur; jiffavorixxi l-kwalità ta' l-informazzjoni fuq il-kwantità; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni sabiex tistieden lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jiddefinixxu liema tagħrif essenzjali jikkunsidraw li huwa meħtieġ sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet xierqa;
13. Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem biex tiżgura li l-industrija, bħala suppliment għal dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti, tipprovdi lill-konsumaturi, qabel ma jiftħu xi kont, ġabra fil-qosor u ċara fejn jingħataw id-dettalji dwar l-ispejjeż kollha, inklużi l-ispejjeż biex jingħalaq kont, jekk ikun hemm, b'manjiera li tkun koparabbli madwar l-Unjoni Ewropea kollha; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni xierqa fil-każ li l-industrija tonqos milli tirrispetta l-impenn tagħha;
14. Jilqa" b'sodisfazzjon l-istudju tal-Kummissjoni tax-xenarju regulatorju għall-prodotti ta" investiment ġenerali u jittama li dan se jwassal għal żvelar aħjar ta" l-ispejjeż, ir-riskji u l-kundizzjonijiet, u b'hekk jipprovdi paraguni transkonfinali siewja;
15. Jirrakkomanda li jinħoloq standard waħdieni ta'l-UE għall-forniment ta" tagħrif lill-klijenti mill-fornituri dwar il-prodotti bażiċi tagħhom, l-ispejjeż u l-kundizzjonijiet relatati sabiex jippermetti li jsir paragun faċli u trasparenti fejn fil-preżent il-prodotti marbuta ma jippermettux; jitlob li meta ssir talba jiġu żvelati l-ispejjeż tal-katina tal-valur ta" prodotti finanzjarji ġenerali sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni; jissuġġerixxi lill-industrija li taħdem fuq il-fattibilità tal-ħolqien ta' mutur tat-tiftix (search engine) li jkun mifrux mal- UE kollha biex jippermetti li jsir paragun transkonfinali faċli u mingħajr ħlas;
L-edukazzjoni tal-konsumatur rigward l-operazzjonijiet bankarji ġenerali
16. Jitlob li jiġu żviluppati programmi ta" edukazzjoni finanzjarja bil-għan li tikber il-kuxjenza tal-konsumaturi dwar l-għażliet tagħhom ta' mmaniġġar ta" flus;
17. Jappoġġa l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u mill-industrija tas-servizzi finanzjarji sabiex jiżdied il-livell ta" għarfien tal-konsumaturi dwar il-prodotti tas-servizzi finanzjarji u sabiex isiru programmi edukattivi f'dak il-qasam, minħabba li t-tagħrif li jipprovdu l-fornituri ta" prodotti tas-servizzi finanzjarji jrid jiġi mifhum u użat mill-konsumatur;
18. Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata edukazzjoni finanzjarja li tkun tikkumplementa l-ħarsien adegwat tal-konsumatur, b'mod speċjali fil-qasam ta" l-operazzjonijiet bankarji ġenerali (pereżempju f'dak li jirrigwarda s-self, l-ipoteki, it-tfaddil u l-investimenti diversifikati u sikuri); jistieden lill-Istati Membri u lis-settur bankarju sabiex jieħdu u jikkoordinaw miżuri biex iżidu l-għarfien finanzjarju fost iċ-ċittadini, inklużi t-tfal, iż-żgħażagħ, l-impjegati u l-persuni rtirati, bil-għan li jedukaw u jkabbru l-ħiliet tal-konsumaturi sabiex ikunu jistgħu jfittxu prodotti u servizzi aqwa, orħos u aktar xierqa u sabiex irawmu l-kompetizzjoni, il-kwalità u l-innovazzjoni fi ħdan l-industrija bankarja; ifakkar li investituri kunfidenti jistgħu jipprovdu likwidità addizzjonali għas-swieq tal-kapital;
19. Jitlob lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw il-possibilità li jistabbilixxu istituzzjoni ta" ombudsmen nazzjonali indipendenti li jkunu responsabbli għas-servizzi finanzjarji;
Krediti - reġistri u intermedjarji
20. Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm data ta" min jorbot fuqha dwar il-kreditu u l-frodi għall-banek u fornituri oħra ta" kreditu, liema data tkun aċċessibbli fuq bażi ġusta u trasparenti; jinsisti, madanakollu, fuq il-ħtieġa li tiġi mħarsa d-data personali tal-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni biex tidentifika l-ostakoli li jkun hemm fil-kondiviżjoni tad-data u biex tagħmel proposti għall-interoperabilità tar-reġistri tad-data filwaqt li tiġi rrispettata l-ħajja privata tal-konsumaturi u d-drittijiet tagħhom ta" aċċess u ta" rettifika; jidhirlu li l-konsumaturi għandhom ikunu mgħarrfa fil-każ li jsir xi stħarriġ transkonfinali rigward data fuq kreditu li jkun jikkonċernahom; jilqa" bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi grupp ta" esperti dwar l-istorja tal-krediti sabiex jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija tal-miżurif' dak ir-igward;
21. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika x-xogħol tagħha fuq l-intermedjarji tal-kreditu (aġenti jew sensara) sabiex ikun żgurat il-ħarsien tal-konsumatur u jkunu evitati l-prattiki ta" bejgħ li ma jkunux trasparenti biżżejjed u li huma partikularment ta" ħsara għall-gruppi ta" konsumaturi li huma aktar vulnerabbli; jilqa" b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, li tippubblika studju li janalizza s-suq ta" l-intermedjazzjoni tal-kreditu ta'l-UE, li jeżamina mill-ġdid il-qafas regolatorju tiegħu u li jeżamina jekk hemmx xi dispożizzjonijiet li huma ta' detriment għall-konsumaturi;
22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkjarifika u tarmonizza d-dmirijiet u r-responsabilitajiet ta" l-intermedjarji tal-kreditu skond il-prinċipju ta" 'l-istess negozju, l-istess riskji, l-istess regoli', peress li sikwit jitfaċċaw il-problemi fil-bejgħ, l-amministrazzjoni u l-infurzar tal-ftehim tas-servizzi finanzjarji; jirrimarka li approċċ li ma jkunx iddivrenzjat fejn "daqs wieħed jiġi lil kulħadd" ikun jaffettwa d-diversità tal-prodotti b'mod avvers; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn id-differenza li hemm bejn tagħrif li jrid ikun ċar, konċiż, li jista' jinqara u mingħajr spejjeż fuq n-naħa 'l waħda, u servizzi konsultattivi mfassla apposta għall-klijent fqu l-oħra;
Kooperazzjon bejn il-banek
23. Jilqa" b'sodisfazzjon l-eżami ulterjuri li wettqet lil-Kummissjoni tal-kooperazzjoni bejn il-banek sabiex tevalwa jekk kooperazzjoni bħal din tistax tirriżulta f'benefiċċji ekonomiċi u f'benefiċċji għall-konsumatur u jekk tistax twassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni; jissottolinja, madankollu, li l-koperazzjoni ta" bejn il-banek, pereżempju l-istituzzjonijiet tal-kreditu li joperaw f'networks deċentralizzati, tista" tirriżulta f'benefiċċji għall-ekonomija u f'benefiċċji għall-konsumatur u li, għalhekk, huma meħtieġa analiżi bir-reqqa u approċċ li ma jkun ixaqleb lejn l-ebda naħa;
24. Huwa tal-fehma li l-banek tat-tfaddil u l-banek kooperattivi, kif ukoll istituzzjonijiet tal- kreditu oħra, jagħtu kontribut sostanzjali għall-finanzjament ta" l-ekonomija lokali u għall-iżvilupp tal-potenzjal indiġenu tar-reġjuni u jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi kollha; jisħaq li l-pluraliżmu tas-swieq bankarji u d-diversità tal-fornituri huma prekundizzjonijiet għall-kompetizzjoni fis-suq bankarju kollu ta'l-UE kemm-il darba ma jkunx hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u jkunu ggarantiti l-istess kundizzjonijiet għall-parteċipanti tas-suq kollha skond il-prinċipju, "l-istess negozju, l-istess riskji, l-istess regoli";
25. Isostni li l-kooperazzjoni non-diskriminatorja ta" bejn entitajiet ta" kreditu indipendenti, li, peress li għadhom jikkompetu bejniethom, hija aktar effiċjenti u tiżgura interoperabilità akbar u varjetà ta" servizzi għall-konsumatur aħħari, tista" tgħin lis-settur jiffunzjoni u jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivimsemmija hawn fuq;
Sistemi ta" pagament
26. Jinsab fiduċjuż li s-SEPA u d-Direttiva dwar is-Servizzi ta" Pagament għandhom jipprovdu soluzzjonijiet għall-frammentazzjoni u n-nuqqas ta" kompetizzjoni identifikati mill-indaġni settorjali rigward l-infrastrutturi ta" pagament; ifakkar li l-ewwel fażi tas-SEPA daħlet fis-seħħ fit-28 ta" Jannar 2008 u tirrikjedi pjattaformi integrati ta" approvazzjoni u ta" saldu, filwaqt li topera fuq il-bażi ta" l-istess regoli u standards tekniċi; jenfasizza li l-kriterji ta' l-aċċess għas-SEPA għandhom ikunu ġusti u miftuħa, u li l-governanza għandha tikkunsidra lill-partijiet kollha li għandhom interess fis-sistema, mhux sempliċement l-istituzzjonijiet finanzjarji; ifakkar ukoll li d-Direttiva dwar is-Servizzi ta" Pagament tipprovdi li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni dwar l-aċċess għas-sistemi ta" pagament ħlief dik li hi meħtieġa biex issir salvagwardja kontra r-riskju u biex tkun imħarsa l-istabilità finanzjarja u operazzjonali; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li skond il-prinċipju tan-newtralità tal-politiki Komunitarji, m'għandu jiġi ffavorit l-ebda metodu waħdieni ta" pagament fuq metodu ieħor, u l-ispejjeż marbuta ma" l-użu tas-sistemi ta" pagament differenti għandhom ikunu trasparenti sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu l-metodu ta' ħlas tagħhom bl-għarfien sħiħ tal-fatti;
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta" Pagament hijiex qiegħda tnaqqas il-għadd ta" fornituri tas-servizzi ta" pagamenti ta" saldu u biex minnufih tieħu l-passi jekk fornituri ewlenin jiżviluppaw pożizzjoni ta" monopolju li tkun tista" tnaqqas il-kompetizzjoni;
28. Jinnota li l-Kummissjoni u bosta awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni f'għadd kbir ta" okkażjonijiet iddikjaraw li d-drittijiet ta" interskambju multilaterali (multilateral interchange fees - MIFs) m'humiex ipprojbiti per se skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE; madankollu jinnota li l-Kummissjoni dan l-aħħar kienet iffokat fuq il-kompatibilità ta" sistema ta" MIFs mal-liġi Komunitarja tal-kompetizzjoni; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipproponi linji gwida u indikazzjonijiet ċari biex jiġu msewwija l-imperfezzjonijiet tas-suq; ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza taċ-ċertezza legali biex il-parteċipanti tas-swieq kif ukoll dawk li għadhom deħlin ġodda fis-swieq jiżviluppaw is-servizzi tagħhom u jagħmluhom innovattivi;
29. Jemmen fi ħtieġa qawwija li ssir kjarifika aħjar rigward il-metodoloġija u r-regoli għall-ġestjoni tal-MIFs għall-pagamenti li jsiru bil-karta u għall-mekkaniżmu biex jiġu kkalkulati t-tariffi interbankarji għall-magni awtomatizzati tal-ġbid tal-flus (ATMs) u għall-pagamenti li ma jsirux bil-karta; ifakkar li l-iskemi ta" trasferiment dirett ta" debitu u ta" kreditu, bħal m'huma dawk skond is-SEPA, jagħtu appoġġ lil servizzi li huma offruti b'mod konġunt minn żewġ fornituri ta" servizzi ta" pagament u li jkunu mitluba b'mod konġunt minn żewġ konsumaturi, u b'hekk ikunu qed joħolqu benefiċċji ekonomiċi grazzi għall-hekk imsejħa effetti tan-networks; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tistabbilixxi u tikkomunika lill-partijiet interessati kollha l-kriterji għad-definizzjoni min-naħa ta" l-operaturi tal-metodoloġija li għandha tintuża biex jiġu kkalkulatil-MIFs kollha, li tagħhom, għalhekk, il-Kummissjonigħandha tieħu kont, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ġenwinament indaqs għal kulħadd u biex jiġi żgurat ukoll l-infurzar tar-regoli kollha tal-kompetizzjoni;
30. Ifakkar lill-Kummissjoni li huwa importanti li wieħed jiffoka fuq it-tariffi u il-prezzijiet, daqs kemm huwa importanti li wieħed jasal għal trasparenza akbar ta' l-industrija meta wieħed ikun qed jgħarraf lill-konsumaturi dwar il-karatteristiċi tal-prodotti u s-servizzi ta" pagament u dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala utenti, u b'hekk tiġi mqanqla aktar kompetizzjoni fis-suq;
o o o
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll lill-Kumitat tal-Kontrolluri Bankarji Ewropej.
Id-Direttiva Nru 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).
Id-Direttiva Nru 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar qafas tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).