Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2280(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0139/2008

Testi mressqa :

A6-0139/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/06/2008 - 3.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0292

Testi adottati
PDF 284kWORD 46k
L-Erbgħa, 18 ta' Ġunju 2008 - Strasburgu
Persuni Nieqsa f'Ċipru − Segwitu
P6_TA(2008)0292A6-0139/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar Persuni Nieqsa f'Ċipru − Segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2007 (2007/2280(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta" Marzu 2007 dwar persuni nieqsa f'Ċipru(1),

–   wara li kkunsidra r-rapporti rilevanti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(2), ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti(3) u l-inizjattivi internazzjonali meħuda biex jiġi investigat x'sar minnhom il-persuni nieqsa f'Ċipru(4),

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) ta' l-10 ta' Mejju 2001(5) u ta' l-10 ta' Jannar 2008(6) rigward persuni nieqsa f'Ċipru,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0139/2008),

A.   billi ż-żjara li għamlet ir-rapporteur tal-Parlament lill-Kumitat għal Persuni Nieqsa (CMP), lill-postijiet ta' eżumazzjoni, lil-laboratorju antropoloġiku taż-żewġ komunitajiet u lill-familji ta' persuni nieqsa f'Ċipru kienet maħsuba esklussivament biex teżamina l-problema umanitarja tal-persuni nieqsa (Griegi Ċiprijotti u Torok Ċiprijotti) li toħroġ mid-dritt tal-familjari tagħhom li jkunu jafu x'sar minnhom,

B.   billi l-agunija kbira u t-tbatija tal-familji tal-persuni nieqsa, li ilhom jistennew risposta għal deċenji dwar x'sar mill-maħbubin tagħhom, għadhom għaddejjin u billi għandhom għalhekk isiru l-isforzi kollha biex jitħaffu l-investigazzjonijiet meta l-persuni li setgħu raw xi ħaġa għadhom jistgħu jagħtu x-xhieda tagħhom,

C.   billi s-CMP f'Ċipru wettaq progress mill-2004 'l hawn bl-eżumazzjoni u l-identifikazzjoni ta' fdalijiet umani u wera determinazzjoni biex jimxi 'l quddiem bil-għan li jikseb riżultati li jistgħu jinkisbu biss jekk il-kapaċità tiżdied, b'mod partikolari fuq il-post,

D.   billi l-Proġett tas-CMP dwar l-Eżumazzjoni, l-Identifikazzjoni u r-Ritorn tal-Fdalijiet Umani ta' Persuni Nieqsa ilu sejjer minn Awwissu 2006 u sal-lum ġew eżumati 398 sett ta' fdalijiet umani, li 266 minnhom ġew analizzati fil-laboratorju antropoloġiku tas-CMP sabiex isiru identifikazzjonijiet preżuntivi,

E.   billi l-Laboratorju tal-Ġenetika Forensika ta' l-Istitut Ċiprijott tan-Newroloġija u l-Ġenetika ġie mogħti r-responsabilità sabiex jidentifika bl-użu ta' DNA l-fdalijiet ta' l-iskeletri eżumati, bl-ewwel kampjuni sottomessi fil-bidu ta' April 2007,

F.   billi l-ewwel identifikazzjonijiet pożittivi saru lejn tmiem Ġunju 2007 u billi sal-lum il-fdalijiet ta' 91 persuna li ġew eżumati fi ħdan il-qafas tal-Proġett tas-CMP ġew identifikati permezz ta' dan il-proċess,

G.   billi l-ikbar kontribuzzjoni għas-CMP, EUR 1,5 miljun, tkopri biss il-perjodu sa tmiem l-2008 u saret fi ħdan il-qafas ta' l-appoġġ finanzjarju ta' l-UE għall-Komunità Torka-Ċiprijota.

H.   billi għandha tiġi nnotata b'mod speċjali l-koperazzjoni kostruttiva bejn il-membri Griegi-Ċiprijotti u Torok-Ċiprijotti tas-CMP, kif ukoll il-koperazzjoni tajba bejn timijiet taż-żewġ komunitajiet Griegi Ċiprijotti u Torok Ċiprijotti, kemm fil-laboratorju kif ukoll fuq il-post,

1.  Jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex ikomplu fil-koperazzjoni sinċiera u onesta tagħhom bil-għan li jiġu finalizzati malajr l-investigazzjonijiet xierqa rigward id-destin tal-persuni kollha nieqsa f'Ċipru u biex jingħata effett sħiħ lis-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-10 ta' Mejju 2001;

2.  Jistieden lill-partijiet konċernati u lil dawk kollha li għandhom, jew huma fil-pożizzjoni li jkollhom, kwalunkwe tagħrif jew evidenza li tkun ġejja minn għarfien personali, minn arkivji, jew minn rapporti mill-kamp tal-battalja jew dokumentazzjoni ta' siti ta' detenzjoni sabiex jgħaddu din l-informazzjoni jew din l-evidenza lis-CMP biex ikun megħjun iħaffef xogħlu;

3.  Jappoġġja l-allokazzjoni ta' għajnuna finanzjarja ulterjuri għas-CMP għas-snin 2009 'il quddiem u jqis essenzjali li jkunu previsti EUR 2 miljun ulterjuri fil-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għall-2009;

4.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaqblu dwar din l-għajnuna finanzjarja ulterjuri għall-2009, mhux biss sabiex jitkompla x-xogħol, iżda anki biex tiżdied il-kapaċità, b'mod partikolari fuq il-post, sabiex jitqabbdu aktar xjentisti u jiġi ffinanzjat aktar tagħmir;

5.  Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jagħtu l-appoġġ li taw s'issa;

6.  Jitlob lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex ikompli jsegwi l-kwistjoni tal-persuni nieqsa f'Ċipru u jressaq rapport annwali;

7.  Jawtorizza lir-rapporteur tal-Parlament u lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jikkonvinċu lill-partijiet kollha kkonċernati biex jikkontribwixxu b'mod sinċier u attiv fl-attivitajiet ta' investigazzjoni li għandhom l-għan li jiskopri x'ġara minn kull persuna nieqsa;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' Ċipru, tat-Turkija, tal-Greċja u tar-Renju Unit kif ukoll lill-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru.

(1) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 243.
(2) Partikolarment l-aħħar wieħed dwar l-operazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ċipru (S/2008/353), Kapitolu IV.
(3) Partikolarment ir-riżoluzzjoni 1818 (2008) tat-13 ta' Ġunju 2008.
(4) Il-Kumitat għal Persuni Nieqsa f'Ċipru: http://www.cmp-cyprus.org
(5) Ċipru vs. it-Turkija (GC), nru. 25781/94, ECHR 2001-IV.
(6) Varnava u Oħrajn v. it-Turkija , numri16064/90, 16065/90,16066/90, 16068/90, 16069/90, 16070/90, 16071/90, 16072/90 u 16073/90; appell pendenti.

Avviż legali - Politika tal-privatezza