Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta" Ġunju 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta" ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (COM(2005)0391 – C6-0266/2005 – 2005/0167(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2005)0391),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), u l-Artikolu 63(3)(b) tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0266/2005),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0339/2007),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din il-pożizzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' Ġunju 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta" ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2008/...KE.)
ANNESS
Stqarrijiet għall-Minuti tal-Kunsill waqt l-adozzjoni ta' l-Att
1.Il-Kunsill stqarr li l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhiex tkun użata fiha nnifisha bħala raġuni biex tiġġustifika l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet inqas favorevoli għal persuni li għalihom tapplika.
2.Il-Kummissjoni tiddikjara li r-reviżjoni tas-SIS II (prevista fil-klawsola ta' reviżjoni ta' l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006), ser tkun opportunità biex jiġi propost obbligu ta' reġistrazzjoni fis-SIS tal-projbizzjonijiet fuq id-dħul maħruġin taħt din id-Direttiva.
3.Il-Kummissjoni tikkommetti lilha nnifisha li tgħin lill-Istati Membri biex isibu possibilitajiet ħalli jtaffu l-piż finanzjarju li jirriżulta mill-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 13(4) (għajnuna legali bla ħlas) fl-Istati Membri fi spirtu ta' solidarjetà.
Il-Kummissjoni tenfasizza li jeżistu possibilitajiet permezz tal-Fond Ewropew għar-Ritorn (Deċiżjoni Nru 575/2007/KE) sabiex jikkofinanzjaw l-azzjoni nazzjonali li tippromovi l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 13(4) (għajnuna legali bla ħlas) fl-Istati Membri:
L-azzjonijiet relatati ma' l-objettiv speċifiku ta' "promozzjoni ta' applikazzjoni effettiva u uniformi ta' standards komuni dwar ritorn" (Artikolu 3 (c)) jistgħu jinkludu appoġġ għat-"tisħiħ tal-kapaċità ta' l-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu deċiżjonijiet li jkunu ta' kwalità għolja" (Artikolu 4(3)(a)). Il-preżenza ta' salvagwardji legali xierqa, inkluż il-prinċipju ta' armi ugwali, issaħħaħ il-potenzjal ta' deċiżjonijiet ta' kwalità għolja.
-Bi qbil mal-Prijorità 4 tal-linji gwida strateġiċi għall-Fond Ewropew għar-Ritorn (Deċiżjoni 2007/837/KE), il-kontribuzzjoni tal-Komunità tista' tiżdied sa 75% għal azzjonijiet li jiżguraw "standards komuni ta' implimentazzjoni li jkunu ġusti u effettivi" dwar ir-ritorn fi Stati Membri. Dan ifisser li miżuri dwar id-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 13(4) (għajnuna legali bla ħlas) tista' tkun kofinanzjata sa 75% permezz tal-Fond Ewropew għar-Ritorn.
Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex iqisu dan il-fatt meta jagħżlu l-prijoritajiet għall-programmi nazzjonali tagħhom u meta jipprogrammaw l-azzjonijiet skond il-prijorità 4 tal-linji gwida strateġiċi.
4.Il-Kummissjoni tiddikjara li fl-evalwazzjoni tagħha skond l-Artikolu 19(2) hi se tikkunsidra l-impatt addizzjonali fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri.