Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2006/2223(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0076/2008

Testi mressqa :

A6-0076/2008

Dibattiti :

PV 21/04/2008 - 20
CRE 21/04/2008 - 20

Votazzjonijiet :

PV 22/04/2008 - 5.5
CRE 22/04/2008 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 18/06/2008 - 6.8
CRE 18/06/2008 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0129
P6_TA(2008)0301

Testi adottati
PDF 297kWORD 63k
L-Erbgħa, 18 ta' Ġunju 2008 - Strasburgu
Statut ta' l-Ombudsman Ewropew
P6_TA(2008)0301A6-0076/2008
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman (2006/2223(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-11 ta' Lulju 2006 ta' l-Ombudsman Ewropew lill-President tal-Parlament,

–   wara li kkunsidra l-ittra tal-21 ta' Settembru 2006 tal-President tal-Parlament lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 195(4) tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 107d(4) tat-Trattat Euratom,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman(1), kif inkorporata fl-Anness X tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-abbozz ta" deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni tagħha 94/262/KEFA, KE, Euratom kif approvat fis-seduta tiegħu tat-22 ta" April 2008(2),

–   wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Kunsill ta" l-abbozz ta" deċiżjoni emendat li tirriżulta mill-votazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0076/2008),

1.  Jadotta d-deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni tieghħu Nru 94/262/KEFA, KE, Euratom;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex fit-testi adottati jippubblika l-verżjoni aħħarija tad-deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni tiegħu 94/262/KEFA, KE, Euratom kif tirriżulta mill-votazzjonijiet tat-22 ta" April u tat-18 ta" Ġunju 2008 u sabiex jgħaddiha flimkien ma" din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiżgura li d-Deċiżjoni tal-Parlament li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tiġi ppubblikata fi żmien xieraq fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

(1)1 ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2002/262/KE, KEFA, Euratom (ĠU L 92, 9.4.2002, p.13).
(2)2 Testi adottati, P6_TA(2008)0129.


Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet ta' l-Ombudsman

IL-PARLAMENT EWROPEW,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 195(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 107d(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni approvat mill-Parlament Ewropew fit-22 ta' April 2008(1) u r-riżoluzzjoni adottata u l-emendi approvati fit-18 ta' Ġunju 2008(2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni,

Bl-approvazzjoni tal-Kunsill(3),

Billi:

(1)  Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea tagħraf id-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

(2)  Il-fiduċja taċ-ċittadini fil-kapaċità ta' l-Ombudsman li jmexxi investigazzjonijiet bir-reqqa u imparzjali dwar każijiet allegati ta' amministrazzjoni ħażina hija fundamentali biex l-azzjoni ta' l-Ombudsman ikollha suċċess.

(3)  Huwa mixtieq li l-Istatut ta' l-Ombudsman jiġi adattat sabiex titneħħa kull inċertezza fil-kapaċità ta' l-Ombudsman li jmexxi investigazzjonijiet bir-reqqa u imparzjali fil-każijiet allegati ta' amministrazzjoni ħażina.

(4)  Huwa mixtieq li l-Istatut ta' l-Ombudsman jiġi adattat sabiex tkun tista' titqies kull evoluzzjoni tad-dispożizzjonijiet legali jew tal-ġurisprudenza għal dak li jirrigwarda l-intervent ta' entitajiet, uffiċċji u aġenziji ta' l-Unjoni Ewropea fil-każijiet li jidhru quddiem il-Qorti tal-Ġuistizzja.

(5)  Huwa mixtieq li l-Istatut ta' l-Ombudsman jiġi adattat sabiex jitqiesu t-tibdiliet li saru f'dawn l-aħħar snin għal dak li jirrigwarda l-irwol ta' l-istituzzjonijiet u ta' l-entitajiet ta' l-UE fil-ġlieda kontra l-frodi għad-detriment ta' l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni Ewropea, l-aktar il-ħolqien ta' l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), sabiex l-Ombudsman ikun jista' jinnotifika lil dawk l-istituzzjonijiet jew entitajiet bi kwalunkwe tagħrif li jaqa' taħt il-kompiti tagħhom.

(6)  Huwa mixtieq li jittieħdu passi sabiex l-Ombudsman jitħalla jiżviluppa l-koperazzjoni tiegħu ma' istituzzjonijiet simili fil-livell nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll ma' istituzzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali li jkopru firxa ta' attivitajiet usa' minn ta' l-Ombudsman Ewropew, bħall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, billi koperazzjoni bħal din tista' tagħti kontribut pożittiv biex titjieb l-effiċjenza ta' l-azzjoni ta' l-Ombudsman.

(7)  It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar skada fl-2002,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Emendi għad Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom

Id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom għandha tiġi emendata kif ġej:

1.  Fiċ-Ċitazzjoni 1, il-kliem ", l-Artikolu 20d(4) tat-Trattati li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar" għandu jitħassar;

2.  Il-Premessa 3 għandha tinbidel b'dan li ġej:"

Billi l-Ombudsman, li jista' wkoll jaġixxi fuq inizjattiva proprja tiegħu, għandu jkollu aċċess għall-elementi meħtieġa għat-twettiq ta' l-obbligi tiegħu; billi għalhekk l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji huma obbligati li jipprovdu lill-Ombudsman, fuq talba tiegħu, kwalunkwe tagħrif li jitlob mingħandhom, u mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' l-Ombudsman li ma jiżvelax din l-informazzzjoni; billi l-aċċess għal tagħrif jew dokumenti kklassifikati, l-aktar għal dokumenti sensittivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001(4), għandu jkun suġġett għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà ta' l-istituzzjoni jew l-entità Komunitarji kkonċernati; billi l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li jipprovdu tagħrif jew dokumenti kklassifikati kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2) għandhom jinfurmaw lill-Ombudsman b'din il-klassifikazzjoni; billi, biex ikun hemm l-implimentazzjoni tar-regoli previsti fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 3(2), irid ikun hemm qbil minn qabel bejn l-Ombudsman u l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernati dwar il-kundizzjonijiet għat-trattament ta' tagħrif jew dokumenti kklassifikati u tagħrif ieħor kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali; billi jekk l-Ombudsman isib li l-assistenza rikjesta mhix qed tiġi sodisfatta, hu għandu jinforma lill-Parlament Ewropew, li għandu jagħmel ir-rappreżentazzjonijiet xierqa;

"

3.  Fl-Artikolu 1(1), il-kliem ", l-Artikolu 20d(4) tat-Trattati li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar" għandu jitħassar;

4.  L-Artikolu 3(2) għandu jinbidel b'dan li ġej: "

2.  "2. L-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji huma obbligati li jipprovdu lill-Ombudsman bi kwalunkwe tagħrif mitlub minnu u jagħtuh l-aċċess għall-fajls konċernati. L-aċċess għal tagħrif jew dokumenti kklassifikati, l-aktar għal dokumenti sensittivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/20011, għandu jkun suġġett għall-konformità mar-regoli dwar is-sigurtà ta' l-istituzzjoni jew l-entità Komunitarji kkonċernati;

L-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li jipprovdu tagħrif jew dokumenti kklassifikati kif imsemmi fis-subparagrafu preċedenti għandhom jinfurmaw lill-Ombudsman b'din il-klassifikazzjoni.

Biex ikun hemm l-implimentazzjoni tar-regoli previsti fl-ewwel subparagrafu, għandu jkun hemm qbil minn qabel bejn l-Ombudsman u l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernati dwar il-kundizzjonijiet għat-trattament ta' tagħrif jew dokumenti kklassifikati u tagħrif ieħor kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

L-istituzzjonijiet jew l-entitajiet ikkonċernati għandhom biss jagħtu aċċess għal dokumenti li oriġinaw fi Stat Membru u ġew klassifikati bħala sigrieti permezz ta' liġi jew regolament biss fejn dak l-Istat Membru ikun ta l-kunsens tiegħu minn qabel.

Huma għandhom jagħtu aċċess għal dokumenti oħra li joriġinaw fl-Istati Membri wara li jkunu nfurmaw lill-Istat Membru kkonċernat.

Fiż-żewġ każijiet, f'konformità l-Artikolu 4, l-Ombudsman ma jistax jiżvela l-kontenut ta' dawn id-dokumenti.

Uffiċjali u impjegati oħra ta' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet Komunitarji għandhom jixhdu fuq talba ta' l-Ombudsman; għandhom jibqgħu jkunu marbuta bir-regoli rilevanti tar-Regolamenti ta' l-Istaff, b'mod partikolari d-dmir tagħhom ta' segretezza professjonali.

"

5.  L-Artikolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:"

Artikolu 4

1.  "1. L-Ombudsman u l-istaff tiegħu, li għalihom japplikaw l-Artikolu 287 tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 194 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, għandhom ikunu marbuta li ma jiżvelawx tagħrif jew dokumenti li jiksbu waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Huma għandhom, b'mod partikolari, jkunu obligati li ma jgħaddu l-ebda tagħrif jew dokumenti kklassifikati pprovduti lill-Ombudsman, b'mod partikulari dokumenti sensittivi skond it-tifsira ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, jew dokumenti li jaqgħu fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità rigward il-ħarsien tad-data personali, kif ukoll kull tagħrif li jista' jippreġudika lill-persuna li rreġistrat l-ilment jew kwalunkwe persuna oħra involuta, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2.

2.  Jekk, waqt xi inkjesti, jiskopri fatti li jaħseb li jistgħu ikollhom x'jaqsmu mal-liġi kriminali, l-Ombudsman għandu minnufih javża lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti permezz tar-Rappreżentazzjonijiet Permanenti ta' l-Istati Membri u l-Komunitajiet Ewropej u, sa fejn il-każ ikun jaqa' taħt is-setgħat tagħhom, lill-istituzzjoni, entità jew servizz kompetenti tal-Komunità inkarigat li jiġġieled il-frodi; jekk ikun il-każ, l-Ombudsman għandu javża ukoll lill-istituzzjoni jew entità Komunitarja li jkollha awtorità fuq l-uffiċjal jew impjegat ikkonċernat, li tista' tapplika it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 18 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej. L-Ombudsman jista' wkoll jgħarraf lill-istituzzjoni jew korp Komunitarju kkonċernati bil-fatti li jirrigwardaw l-imġiba ta' membru ta' l-istaff tagħhom minn aspett dixxiplinarju.

"

6.  Għandu jiżdied l-Artikolu 4a li ġej:"

Artikolu 4a

L-Ombudsman u l-istaff tiegħu għandhom jieħdu ħsieb tat-talbiet għall-aċċess mill-pubbliku għad-dokumenti, ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1), skond il-kundizzjonijiet u l-limiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

"

7.  L-Artikolu 5 għandu jinbidel b'dan li ġej:"

Artikolu 5

1.  "1. Sa fejn dan jista' jgħin biex jagħmel l-inkjesti iktar effiċjenti u biex ikunu salvagwardati aħjar id-drittijiet u l-interessi ta' persuni li rreġistraw ilmenti lilu, l-Ombudsman jista' jikkopera ma' awtoritajiet ta' l-istess xorta f'ċerti Stati Membri kemm-il darba jkun konformi mal-liġi nazzjonali applikabbli. L-Ombudsman ma jistax għalhekk jitlob li jara dokumenti li ma kienx ikollu aċċess għalihom skond l-Artikolu 3.

2.  Fl-ambitu tal-funzjonijiet tiegħu kif stipulati fl-Artikolu 195 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 107 d tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea ta" l-Enerġija Atomika u filwaqt li jevita kwalunkwe dublikazzjoni ta' l-attivitajiet ta" l-istituzzjonijiet u l-entitajiet l-oħra, l-Ombudsman jista, taħt l-istess kundizzjonijiet, jikkopera ma' l-istituzzjonijiet u l-entitajiet ta" l-Istati Membri responsabbli għall-promozzjoni u għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

"

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ erbgħatax-il jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

(1) Ġħadu mhux ippublikat fil-ĠU.
(2) Ġħadhom mhumiex ippublikati fil-ĠU.
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2008.
(4)* Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).";

Avviż legali - Politika tal-privatezza