Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Mobilità Aktar Sikura, Aktar Nadifa u Effiċjenti fl-Ewropa Kollha: L-Ewwel Rapport dwar il-Karozzi Intelliġenti (2007/2259(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Inizzjattiva Karozzi Intelliġenti - "It-Tqajjim ta" Għarfien dwar l-ICT għal Vetturi Aktar Intelliġenti, Aktar Sikuri u Aktar Nodfa" (COM(2006)0059) (Inizzjattiva Karozzi Intelliġenti),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Inġibu l-eCall Lura fi Triqitha - Pjan ta" Azzjoni (It-Tielet Komunikazzjoni dwar is-Sikurezza-e)" (COM(2006)0723),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew intitolata "Politika dwar l-enerġija għall-Ewropa" COM(2007)0001,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "i2010 - Rapport Annwali dwar is-Soċjetà ta" l-Informazzjoni għall-2007'' (COM(2007)0146),
- wara li kkunsidra l-Kumikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu " Lejn Mobilità aktar Sikura, aktar Nadifa u aktar Effiċjenti madwar l-Ewropa: L-Ewwel Rapport dwar il-Karozzi Intelliġenti" (COM(2007)0541)
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/78/KE tat-22 ta" Diċembru 2006, dwar sistemi ta" informazzjoni u komunikazzjoni sikuri u effiċjenti ta" ġewwa l-vetturi: aġġornament tad-Dikjarazzjoni Ewropea tal-Prinċipji dwar il-punt fejn il-bniedem u l-magna jiltaqgħu(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2003 dwar il-'White Paper' tal-Kummissjoni "Il-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: wasal iż-żmien li niddeċiedu"(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar is-Sikurezza fit-Toroq: inwasslu l-eCall liċ-ċittadini(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta" Jannar 2007 dwar il-Programm ta" Azzjoni Ewropew rigward is-Sikurezza fit-Toroq - Reviżjoni ta" nofs iż-żmien(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar li nibqgħu nżommu l-Ewropa miexja - mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-24 ta" Ottubru 2007 dwar l-Istrateġija Komunitarja biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri u mill-vetturi kummerċjali żgħar(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta" Jannar 2008 dwar CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi(7),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0169/2008),
A. billi l-ispejjeż ambjentali tat-trasport ġew stmati għal 1.1% tal-Prodott Gross Domestiku ta" l-Ewropa,
B. billi t-trasport huwa responsabbli għal 30% tal-konsum totali ta" l-enerġija fl-UE u t-trasport bit-triq jifforma 60% ta" din iċ-ċifra,
C. billi l-użu tal-karozzi jifforma bejn wieħed u ieħor 12% ta' l-emissjonijiet totali ta' CO2 ta" l-UE,
D. billi l-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta" Marzu 2007 stabbilixxa mira soda ta" tnaqqis ta" 20% fl-emisssjonijiet tal-gassijiet b'effett serra ta" l-UE sa l-2020,
E. billi l-objettiv tal-Kummissjoni hu li sa l-2012 tintlaħaq medja ta' emissjonijiet ta' CO2 ta' 120 g/km għall-karozzi tal-passiġġieri l-ġodda u għall-vetturi li jintużaw għal xogħol ħafif ,
F. billi l-UE għadha ma ssodisfatx il-"White Paper" imsemmija hawn fuq dwar l-għan tal-Politika Ewropea tat-Trasport li tnaqqas il-fatalitajiet ta' l-inċidenti tat-traffiku Ewropej b"50% sa l-2010 b'paragun mal-livell ta" l-2001,
G. billi l-Kummissjoni għamlet stima li l-eCall, is-sistema ta" ġewwa l-vetturi għal sejħiet ta' emerġenza madwar l-Ewropea kollha, tista" ssalva sa 2 500 ħajja kull sena fl-Unjoni Ewropea jekk tiġi użata b'mod sħiħ,
H. billi r-riċerka mwettqa mill-Università ta" Cologne uriet li tista" tiġi salvata 4 000 ħajja u jista" jiġi evitat 100 000 korriment fit-toroq ta" l-Ewropa kull sena jekk il-karozzi kollha jkun fihom il-kontroll ta" stabilità elettroniku,
I. billi s-suq għall-istrumenti tan-navigazzjoni li jinġarru kiber minn 3.8 miljuni ta' strumenti mibjugħin fl-2005 għal aktar minn 9 miljuni fl-2006,
J. billi s-sistemi teknoloġiċi ta' sikurezza ta' spiss jippromwovu sens akbar ta' sikurezza u jafu jwasslu sabiex is-sewwieqa jsuqu b'mod anqas responsabbli; għalhekk jeħtieġ li tiġi enfasizzata wkoll l-importanza primarja li s-sewwieqa jiġu mgħallma b'mod xieraq u jiġi promoss sewqan aktar intelliġenti,
1. Jilqa" b'sodisfazzjon l-Inizjattiva rigward il-Karozzi Intelliġenti u l-progress milħuq fit-tliet pilastri tagħha: il-koordinazzjoni tal-partijiet interessati relevanti, l-iżvilupp tar-riċerka u t-teknoloġija, u t-tqajjim tal-kuxjenza;
2. Jemmen li s-sistemi ta" vetturi intelliġenti jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-konġestjoni, it-tniġġis u kif ukoll in-numru u l-gravità ta" fatalitajiet ta" l-inċidenti tat-traffiku, iżda li r-rata li biha qed jippenetraw is-suq għadha baxxa wisq;
3. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jippromwovu inizjattivi dwar l-eSafety permezz ta' Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti u li għandhom jieħdu sehem aktar attiv fihom, u li għandhom jiġu previsti inċentivi oħra għall-investiment privat fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp.
4. Huwa mħeġġeġ mill-fatt li s'issa 13-il Stat Membru u tliet pajjiżi li m'humiex fl-UE ffirmaw il-Memorandum ta" Impenn ta" l-eCall, u jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal din il-miżura;
5. Jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu lill-istituzzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq sabiex jipprovdu taħriġ ta' simulazzjoni ta' inċidenti, minħabba li l-għadd ta' inċidenti fatali fit-toroq jista' jitnaqqas b'mod speċjali billi jiġu utilizzati b'mod attiv tekniki ta' prevenzjoni ta' inċidenti u l-għoti ta' l-ewwel għajnuna; jemmen li l-korpi ta' taħriġ għandhom jgħallmu l-imġiba korretta għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza;
6. Iħeġġeġ lill-bqija ta" l-Istati Membri biex jiffirmaw il-memorandum malajr kemm jista" jkun, preferibbilment qabel nofs l-2008 sabiex jitħeġġeġ id-dħul rapidu ta" dan l-l-aċċessorju li għandu l-potenzjal li jsalva l-ħajjiet u jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tkompli tiżviluppa l-qafas regolatorju għall-armonizzazzjoni sħiħa madwar l-UE tan-numru ta' l-emerġenza standard (112) u kif ukoll għas-sistema eCall (E112);
7. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-validità tal-metodi ta' trażmissjoni diġà użati mill-produtturi tal-karozzi għal dan l-aċċessorju;
8. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-programm Galileo u l-ħafna aspetti potenzjali tiegħu li jistgħu jiżguraw aktar affidabilità tat-tagħrif li jkollu x'jaqsam ma' dawn l-inizjattivi;
9. Ifakkar li l-għan iddikjarat tal-Kummissjoni hu li tinkiseb inklużjoni ta" 100% tal-kontroll ta" stabilità elettroniku għall-vetturi l-ġodda kollha mill-2012 "il quddiem;
10. Ifakkar li minkejja li l-ħruġ tad-CO2 jista' jitnaqqas permezz ta' miżuri li ilhom magħrufa għal żmien twil, bħal tnaqqis fil-piż tas-sedil jew tar-roti, apparat li jakkumula s-sħana tal-magna jew l-irkupru ta' l-enerġija tal-brejkijiet, bosta vetturi mhumiex mgħammra b'dawn l-aċċessorji; għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jinsistu rigward l-inkorporazzjoni ta' dawn il-miżuri teknikament aktar sempliċi f'kull karozza;
11. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jevalwaw l-importanza ta' l-iżvilupp ta' sistemi ġodda għall-prevenzjoni ta' inċidenti, inklużi materjal ġdid u interkonnessjoni awtomatika permezz ta' sensors attivi, kemm bejn vettura u oħra, u kif ukoll bejn il-vettura u t-triq;
12. Jenfasizza l-importanza li l-implimentazzjoni tas-suq tas-sistemi tal-vetturi intelliġenti ssir f'waqtha u tkun mifruxa ma" kullimkien, minħabba l-fatt li sistemi bħal dawn jispikkaw, inter alia, grazzi għall-kapaċità tagħhom li jinteraġixxu ma' infrastrutturi intelliġenti; ifakkar li s-sistemi elettroniċi jeħtieġu manutenzjoni teknika regolari;
13. Għalhekk jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw linji gwida sabiex jinkuraġġixxu lill-Istati Membri biex idaħħlu inċentivi kemm għal aċċessorji ekoloġiċi u kemm għal aċċessorji ta" sikurezza tal-vetturi;
14. Iħeġġeġ lill-partijiet interessati biex jieħdu miżuri xierqa li jiżguraw li dawn l-aċċessorji l-ġodda jkunu ta" prezz tajjeb għall-but ta" kulħadd, biex b'hekk tiżdied id-domanda tal-konsumaturi;
15. Jitlob ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex joħolqu inċentivi fiskali għax-xiri ta' vetturi adattati għall-ambjent u b'aċċessorji ta' sikurezza, fuq l-istess linji ta' l-inċentivi għax-xiri ta' vetturi li jniġġsu anqas;
16. Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-industrija tal-karozzi biex jipprovdu tagħrif fil-qosor, ċar u komprensiv bħala parti mill-kampanji ta" tqajjim ta" kuxjenza sabiex jilħqu l-akbar udjenza possibbli, inklużi n-negozji tal-karozzi u l-iskejjel tas-sewqan, u sabiex jgħarrfuha dwar is-sistemi tal-vetturi intelliġenti;
17. Jitlob li l-inċentivi introdotti jingħaqdu mal-miżuri ta' taħriġ ta' prevenzjoni u ta' sikurezza fit-toroq għas-sewwieqa;
18. Huwa tal-fehma li s-sikurezza fit-toroq tista' tibbenefika minn interazzjoni aħjar bejn aċċessorji intelliġenti fil-vetturi u strumenti integrati fl-infrastruttura li jistgħu jikkomunikaw magħhom;
19. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-Istati Membri fejn id-disponibilità ta" sistemi intelliġenti għadha baxxa ħafna;
20. Jinsab konxju mill-fatt li l-introduzzjoni ta" teknoloġiji ġodda għandha ssir b'mod progressiv;
21. Jenfasizza l-fatt li l-inizzjattiva "Karozzi intelliġenti" ma tistax tiġi rrealizzata b'mod sħiħ jekk tiġi separata mill-inizjattivi "Toroq Intelliġenti";
22. Għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tniedi, mill-2008 'l quddiem, programm biex jipprepara għall-infrastruttura tat-trasport għall-integrazzjoni ta' sistemi koperattivi, kif ukoll il-koperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Kumitat ta' l-Ispettru tar-Radju fl-allokazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-frekwenzi tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti għal sistemi koperattivi;
23. Jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġiji intersettorjali koerenti fil-livell ta' l-UE u kif ukoll il-bżonn li jissaħħu l-politika ta' qafas għall-industrija tal-vetturi, is-settur tat-telekomunikazzjoni, is-servizzi ta' emerġenza, is-sikurezza u s-sigurtà pubblika, ix-xogħlijiet pubbliċi u infrastrutturali, l-istituti ta' riċerka u l-universitajiet, li jistgħu jipprovdu inċentivi għal aktar żvilupp ta' applikazzjonijiet u teknoloġiji ta' sigurtà preventivi;
24. Iħeġġeġ lill-partijiet interessati biex joħolqu "ambjent intelliġenti" xieraq fit-toroq u fi ħdan l-infrastrutturi sabiex l-aċċessorji intelliġenti l-ġodda jkunu jistgħu jaħdmu kif suppost u jkunu jistgħu jiġu esplojtjati b'mod sħiħ, inklużi l-immaniġġjar aħjar tal-kapaċitajiet tat-toroq u s-sistemi intelliġenti ta' monitoraġġ tat-toroq (monitoraġġ f'ħin reali);
25. Iħeġġeġ lill-industrija tal-karozzi biex tikkunsidra aċċessorji friski ta" sikurezza tal-karozzi fit-tfassil ta' vetturi ġodda u kif ukoll biex taħseb għal aċċessorji ta' kejl u għal arloġġi li juru l-konsum ta' l-enerġija u dejta ambjentali bħal pereżempju l-emissjonijiet reali ta' CO2 u ta' trab fin;
26. Ifakkar li s-sistemi bbażati fuq it-teknoloġija ta" l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta" l-emissjonijiet li jniġġsu, permezz ta" ġestjoni aktar effiċjenti tat-traffiku, konsum imnaqqas tal-fjuwil u billi jiġi aġevolat is-sewqan ekoloġiku;
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa metodoloġija biex jitkejjel l-impatt ta' l-ICT fuq l-emissjonijiet tad-CO2, u biex jiġu kkordinati u kkomunikati r-riżultati eżistenti;
28. Jinnota li l-użu u d-disponibilità ta" sistemi ta' strumenti bbażati fuq l-ICT li jinġarru jew li huma nomadiċi żdiedu u li s-suq għal dawn l-istrumenti qed ikompli jikber b'rata kostanti;
29. Jistieden lill-partijiet interessati biex jaħdmu fuq miżuri sabiex ikun żgurat l-użu u l-installazzjoni sikuri ta" dawn l-istrumenti , u biex tiġi aġevolata l-interazzjoni bejn il-bniedem u l-magna;
30. Ifakkar li l-privatezza tad-dejta għandha tiġi indirizzata b'mod xieraq u jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni imminenti tal-kodiċi ta" prattika tal-privatezza tad-dejta tal-Forum tas-Sikurezza-e;
31. Jenfasizza l-bżonn ta' definizzjoni mill-Istitut ta' l-Istandards tat-Telekomunikazzjoni Ewropej ta' standard miftuħ għall-introduzzjoni ta' servizzi eCall fuq livell Ewropew;
32. Jilqa" b'sodisfazzjon in-negozjati dwar il-ftehima volontarja dwar l-inklużjoni ta" l-eCall bħala għażla standard fil-vetturi l-ġodda kollha mill-2010 "l quddiem;
33. Jilqa' b'sodisfazzjon in-negozjati dwar ftehim internazzjonali għal Regolament Tekniku Globali, li għandu jinkludi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-Kontroll Elettroniku ta' l-Istabbilità, u jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal rapport dwar is-sitwazzjoni tan-negozjati u l-miżuri miftiehma dwar din il-kwistjoni;
34. Jistenna bil-ħerqa r-rapporti ġejjiena fuq l-iżvilupp ta" l-Inizjattiva rigward Karozzi Aktar Sikuri, Aktar Nodfa u Aktar Intelliġenti;
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.