Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0314/2008

Dibattiti :

PV 19/06/2008 - 9.1
CRE 19/06/2008 - 9.1

Votazzjonijiet :

PV 19/06/2008 - 10.1

Testi adottati :


Testi adottati
PDF 215kWORD 49k
Il-Ħamis, 19 ta' Ġunju 2008 - Strasburgu
Burma
P6_TA(2008)0312RC-B6-0314/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar id-detenzjoni kontinwa ta' priġunieri politiċi fil-Burma

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma, b'mod partikulari dawk ta" l-24 ta" April 2008(1) u tas-27 ta" Settembru 2007(2),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta" April 2008 dwar il-Burma/Myanmar adottat matul il-Kunsill dwar l-Affarjiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Barranin u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/318/PESK tas-27 ta' April 2006 li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma/Myanmar(3),

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-3 ta" Ġunju 2008 mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) Tomás Ojea Quintana dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma, dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet S-5/1 u 6/33 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-bniediem tal-NU,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi Aung San Suu Kyi, is-Segretarju Ġenerali tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD), qattgħet tlettax-il sena mit-tmintax-il sena li għaddew bħala priġuniera politika f'darha stess; billi 1 900 individwu oħra intbagħtu l-ħabs f'kundizzjonijiet atroċi għas-sempliċi raġuni li fissru x-xewqa tagħhom li jkun hemm id-demokrazija fil-Burma jew għaliex ipprotestaw dwar ir-referendum kostituzzjonali, u billi għadu m'huwiex ċar x'sar mill-għexieren ta" parteċipanti fil-protesti mmexxija mill-patrijiet f'Settembru 2007 u li għadhom ma nstabux,

B.   billi jekk testendi l-arrest ta" Aung San Suu Kyi f'darha stess, il-ġunta tkun qed tikser il-liġi tagħha stess (il-Liġi dwar il-Protezzjoni ta" l-Istat ta" l-1975) li tgħid li ħadd ma jista" jinżamm mingħajr akkuża jew proċess għal aktar minn ħames snin, u billi r-reġim qed ikompli jirreżisti rikjesti internazzjonali għall-ħelsien ta" priġunieri politiċi li qed jinżammu inġustament fil-ħabsijiet tal-Burma,

C.   billi, mhux biss ma laqax it-talba mis-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-ħelsien tal-priġunieri, talli fl-10 ta" Ġunju 2008 r-reġim tal-Burma arresta 16-il individwu oħra, vittmi taċ-Ciklun Nargis, għar-reat li marru personalment fl-uffiċċji tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU biex jitolbu għajnuna umanitarja,

D.   billi fil-11 ta" Ġunju 2008 l-gazzetti uffiċjali tal-ġunta militari tal-Burma, inkluża l-gazzetta uffiċjali tar-reġim, The New Light of Myanmar, talbu li Aung San Suu Kyi tissawwat fil-pubbliku, u billi l-ġunta militari rrifjutat li ma tassoċjax ruħha ma" dan is-suġġeriment ta" għajb,

E.   billi fis-sigħat bikrin tat-3 ta" Mejju 2008, meta d-duħħan qajjem paniku fost il-ħabsin meta ċ-Ċiklun Nargis laqat il-ħabs ta" Insein f'Rangoon, is-suldati u l-pulizija ta" kontra l-irvellijiet sparaw fuq il-priġunieri illegalment u għalxejn filwaqt li qatlu madwar 36 ruħ u weġġgħu lil 70 ruħ oħra, ,

F.   billi l-espert tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Burma talab b'insistenza li l-ġunta li qed tiggverna tinvestiga rapporti li s-suldati tagħha qatlu għadd ta' ħabsin waqt iċ- Ċiklun Nargis , u billi r-reġim irrifjuta li japprova kull investigazzjoni ta' din ix-xorta,

G.   billi gruppi tad-drittijiet tal-bniedem jirrappurtaw li mill-20 ta" Mejju 2008 "l hawn l-awtoritajiet tal-Burma żiedu l-isforzi tagħhom biex ineħħu lis-sopravissuti taċ-ċiklun mix-xelters temporanji bħal skejjel u monasterji u biex jisfurzawhom jerġgħu lura lejn djarhom, anke jekk waqgħu,

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni ta" l-awtoritajiet tal-Burma li jestendu l-arrest ta" Aung San Suu Kyi f'darha stess;

2.  Jiddeplora wkoll id-detenzjoni tal-grupp ta" attivisti politiċi li talbu b'insistenza l-ħelsien ta" Aung San Suu Kyi u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burma biex jeħilsu l-priġunieri politiċi kollha bla aktar dewmien;

3.  Jiddenunzja l-possibiltà li Aung San Kuu Kyi tissawwat fil-pubbliku, bħala reat kontra l-umanità,

4.  Jitlob li ssir investigazzjoni ġudizzjarja taħt il-patroċinju tan-NU dwar rapporti li l-armata tal-Burma qatlet priġunieri politiċi wara ċ-Ċiklun Nargis;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-awtoritajiet tal-Burma għadhom qed jarrestaw il-vittmi taċ-Ċiklun Nargis li jippruvaw jitolbu l-għajnuna minn organizzazzjonijiet internazzjonali ta" l-għajnuna fil-Burma;

6.  Jiddispjaċih ħafna li l-ġunta tal-Burma għamlet referendum dwar il-kostituzzjoni ftit jiem biss wara li ċiklun devastanti laqat il-pajjiż, u jikkunsidra r-riżultati tar-referendum bħala mhux kredibbli;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Burma biex ineħħu r-restrizzjonijiet kollha fuq l-attivitajiet politiċi paċifiċi fil-pajjiż u biex jersqu lejn proċess inklussiv ta" rikonċiljazjzoni nazzjonali u li jwassal għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jistieden lir-reġim ukoll biex jagħti spjegazzjonijiet dwar in-nies li għadhom ma nstabux wara li twaqqfu l-protesti ta" Settembru 2007 mill-patrijiet Buddisti u minn attivisti għad-demokrazija;

9.  Jitlob lill-gvern militare tal-Burma biex jirrispetta l-ftehim li ntlaħaq mas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex ħaddiema u provvisti umanitarji internazzjonali ikollhom aċċess bla ostakli għaz-zoni milquta miċ-Ċiklun Narġis u biex jikkopera għalkollox mal-komunità internazzjonali fl-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet ta" għajnuna; jistieden lill-awtoritajiet tal-Burma biex iwaqqfu l-interferenza uffiċjali fil-forniment ta' għajnuna u biex jikkoperaw għalkollox ma' l-organizzazzjonijiet umanitarji;

10.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Burma biex jibdew djalogu mas-setturi kollha tas-soċjetà fil-Burma sabiex jaslu għal rikonċiljazzjoni nazzjonali ġenwina, għad-demokratizzazzjoni u għar-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u ta" l-istat tad-dritt;

11.  Japprezza r-rapport l-aktar reċenti mir-Rapporteur Speċjali tan-NU, li jiġbor evidenza importanti ta' vjolazzjonijiet kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jinnota bi preokkupazzjoni kbira l-konklużjoni tar-rapport li ma sar kważi ebda progress fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burma mis-26 ta' Marzu 2008 'l hawn;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burma biex jibdew djalogu mar-Rapporteur Speċjali tan-NU u biex jaċċettaw it-talba tiegħu biex iżur il-Burma;

13.  Jistieden lill-pajjiżi ta' l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet ta'l-Asja tax-Xlokk (ASEAN) li għandhom relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi tajbin mal-Burma, biex jagħmlu pressjoni kbira fuq l-awtoritajiet tal-Burma biex isseħħ bidla demokratika;

14.  Huwa tal-fehma li s-sanzjonijiet ta" l-UE definiti u mmirati b'mod ċar kontra l-ġunta tal-Burma, għalkemm żdiedu wara l-avvenimenti ta" Settembru 2007 permezz ta' embargo fuq setturi oħra ta' l-ekonomija, għad għandhom effett limitat biss fuq ir-reġim, u għalhekk mhux qed jilħqu l-objettivi tagħhom; itenni għalhekk, l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex jieħu aktar passi sabiex iwaqqaf b'mod effettiv l-aċċess tal-ġunta tal-Burma għas-sistema fondi ta" l-UE; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jimmoniterjaw mill-qrib is-sanzjonijiet immirati u biex jiżguraw li jiġu applikati b'mod effettiv;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali ta' l-UE għall-Burma, lill-Kunsill ta' l-Istat tal-Burma għall-Paċi u għall-Iżvilupp, lill-gvernijiet ta' l-istati membri ta' l-ASEAN u ta' l-istati membri tal-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM), lill-Caucus Interparlamentari ta' l-ASEAN dwar il-Myanmar, lil Aung San Suu Kyi, lill-NLD, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Burma.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0178.
(2) Testi adottati, P6_TA(2007)0420.
(3) ĠU L 116, 29.4.2006, p. 77.

Avviż legali - Politika tal-privatezza