Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2008 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-VAT 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (COM(2007)0677 – C6-0433/2007 – 2007/0238(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2007)0677),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 93 tat-Trattat KE, skond liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C6-0433/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0232/2008),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;
3. Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda 1 Proposta għal direttiva – att li jemenda Premessa 2
(2) Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet marbuta ma' l-importazzjoni u l-post fejn huma taxxabbli l-konsenji tal-gass naturali u ta' l-elettriku, l-iskema speċjali li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/92/KE tas-7 ta' Ottubru 2003 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE rigward ir-regoli dwar il-post tal-provvista tal-gass u l-elettriku ma tapplikax għall-importazzjonijiet u għall-konsenji tal-gass naturali, imwettqa permezz ta' sistemi ta' pajpijiet tal-gass li mhumiex parti min-netwerk tad-distribuzzjoni, b'mod partikolari għas-sistemi tal-pajpijiet tal-gass tan-netwerk tat-trasport li permezz tagħhom jitwettqu kważi l-operazzjonijiet kollha transkonfinali tal-gass. Għalhekk huwa xieraq li jiġu inklużi fl-ambitu ta' l-iskema speċjali l-konsenji u l-importazzjonijiet ta' gass naturali li jsiru permezz tas-sistemi kollha fissi tat-trasport tal-gass.
(2) Ir-regoli attwali jassiguraw diġà, għall-gass naturali u għall-elettriku, li l-VAT jitħallas fil-post fejn fil-fatt dawn jiġu kkunsmati mix-xerrej. Dawk ir-regoli jevitaw kull tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet marbuta ma' l-importazzjoni u l-post fejn huma taxxabbli l-konsenji tal-gass naturali u ta' l-elettriku, l-iskema speċjali li tirriżulta mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/92/KE tas-7 ta' Ottubru 2003 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE rigward ir-regoli dwar il-post tal-provvista tal-gass u l-elettriku ma tapplikax għall-importazzjonijiet u għall-konsenji tal-gass naturali, imwettqa permezz ta' sistemi ta' pajpijiet tal-gass li mhumiex parti min-netwerk tad-distribuzzjoni, b'mod partikolari għas-sistemi tal-pajpijiet tal-gass tan-netwerk tat-trasport li permezz tagħhom jitwettqu kważi l-operazzjonijiet kollha transkonfinali tal-gass. L-ambitu ta' l-iskema speċjali hija limitata bla bżonn, ma taqbilx mar-realtà ekonomika u għalhekk huwa xieraq li jiġu inklużi l-konsenji u l-importazzjonijiet ta' gass naturali li jsiru permezz tas-sistemi kollha fissi tat-trasport tal-gass. Hemm bżonn ta' aktar ċarezza, barra minn hekk, sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni konsistenti tad-Direttiva 2006/112/KE fil-Komunità kollha, bi qbil mad-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali1, li jispjegaw xi jfissru t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni ta' gass bil-pajpijiet. __________ 1ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57.
Emenda 2 Proposta għal direttiva – att li jemenda Premessa 3
(3) Din l-iskema speċjali attwalment m'għadhiex applikabbli għall-importazzjonijiet u għall-konsenji tal-gass naturali li jsiru permezz tal-bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali meta dan il-gass huwa, f'dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tiegħu, identiku għal dak impurtat jew ikkonsenjat permezz ta' sistemi tal-pajpijiet u li huwa maħsub, wara l-gassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu, biex jiġi ttrasportat fis-sistemi tal-pajpijiet tal-gass. Għalhekk huwa xieraq li jiġu inklużi fl-ambitu ta' l-iskema speċjali l-konsenji u l-importazzjonijiet ta' gass naturali li jseħħu permezz tal-bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali.
(3) Din l-iskema speċjali attwalment lanqas tapplika għall-importazzjonijiet u għall-konsenji tal-gass naturali li jsiru permezz tal-bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali, minkejja l-fatt li dan il-gass huwa, f'dak li jirrigwarda l-karatteristiċi tiegħu, identiku għal dak impurtat jew ikkonsenjat permezz ta' sistemi tal-pajpijiet u huwa maħsub, wara l-gassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu, biex jiġi ttrasportat fis-sistemi tal-pajpijiet tal-gass. Għalhekk huwa xieraq li jiġu inklużi fl-ambitu ta' l-iskema speċjali l-konsenji u l-importazzjonijiet ta' gass naturali li jseħħu permezz tal-bastimenti li jittrasportaw il-gass naturali bejn sistema ta' pajpijiet u oħra.
Emenda 3 Proposta għal direttiva – att li jemenda Premessa 4
(4) L-ewwel netwerks tas-sħana u tal-kesħa transkonfinali diġà ddaħħlu fis-servizz. Il-problemi li jirrigwardawil-konsenja jew l-importazzjoni tas-sħana jew tal-kesħa, huma fuq l-istess binarju bħal dawk tal-konsenja jew l-importazzjoni tal-gass naturali jew ta' l-elettriku. Ir-regoli attwali jassiguraw diġà, għall-gass naturali u għall-elettriku, li l-VAT titħallas fil-post fejn fil-fatt dawn jiġu kkunsmati mix-xerrej. Huma jevitaw għalhekk kull tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Huwa għalhekk xieraq li għas-sħana u l-kesħa jiġi applikat l-istess reġim bħal dak li japplika għall-gass naturali u għall-elettriku.
(4) L-ewwel netwerks tas-sħana u tal-kesħa transkonfinali diġà ddaħħlu fis-servizz. Il-problemi li jinqalgħu fir-rigwardtal-konsenja jew l-importazzjoni tas-sħana jew tal-kesħa, huma fuq l-istess binarju bħal dawk tal-konsenja jew l-importazzjoni tal-gass naturali jew ta' l-elettriku. Huwa għalhekk xieraq li għas-sħana u l-kesħa jiġi applikat l-istess reġim bħal dak li japplika għall-gass naturali u għall-elettriku.
Emenda 4 Proposta għal direttiva – att li jemenda Premessa 6
(6) L-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni riċenti tal-proċedura attwalment fis-seħħ, li biha l-Kummissjoni hija inkarigata biex tiddeċiedi jekk jeżistix riskju ta' tagħwiġ għall-kompetizzjoni minħabba l-applikazzjoni ta' livell imnaqqas ta' VAT għall-gass naturali, għall-elettriku u għat-tisħin urban, uriet li dan il-mekkaniżmu għadda żmienu u issa huwa żejjed. Fil-fatt, ir-regoli għad-determinar tal-post fejn tkun applikabbli l-VAT jassiguraw li l-VAT titħallas fil-post fejn il-gass naturali, l-elettriku, is-sħana u l-kesħa fil-fatt jiġu kkunsmati mix-xerrej. Dawn ir-regoli għalhekk jevitaw kull tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Madankollu, minħabba n-natura sensittiva ferm ta' dan is-settur, huwa importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu infurmati sewwa dwar l-introduzzjoni effettiva ta' kwalunkwe taxxa mnaqqsa minn Stat Membru ieħor. B'konsegwenza, hija meħtieġa proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel mal-Kumitat tal-VAT.
(6) L-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni riċenti tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 102 tad-Direttiva 2006/112/KE, li biha l-Kummissjoni hija inkarigata biex tiddeċiedi jekk jeżistix riskju ta' tagħwiġ għall-kompetizzjoni minħabba l-applikazzjoni ta' livell imnaqqas ta' VAT għall-gass naturali, l-elettriku u t-tisħin urban uriet li dan il-mekkaniżmu għadda żmienu u issa huwa żejjed. Fil-fatt, ir-regoli għad-determinar tal-post fejn tkun applikabbli l-VAT jassiguraw li l-VAT titħallas fil-post fejn il-gass naturali, l-elettriku, is-sħana u l-kesħa fil-fatt jiġu kkunsmati mix-xerrej, li tagħmel ir-rata tal-VAT newtrali. Dawn ir-regoli għalhekk jevitaw kull tagħwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Madankollu, minħabba n-natura sensittiva ferm ta' dan is-settur, huwa importanti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu infurmati sewwa dwar l-introduzzjoni effettiva ta' kwalunkwe taxxa mnaqqsa minn Stat Membru ieħor. B'konsegwenza, hija meħtieġa proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel mal-Kumitat tal-VAT.
Emenda 5 Proposta għal direttiva – att li jemenda Premessa 7
(7) L-impriżi komuni u strutturi oħra maħluqa fil-kuntest ta' l-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE huma inkarigati li jdaħħlu fis-seħħ il-politiki Komunitarji. Sabiex jiġi evitat l-impatt ta' tassazzjoni li tkun ta' vantaġġ għall-Istati Membru fejn tkun dovuta t-taxxa, imma li tkun ta' detriment għall-Istati Membri l-oħra u għall-Komunitajiet Ewropej, huwa meħtieġ li l-impriżi komuni maħluqa mill-Komunitajiet, li għandhom personalità ġuridika u li effettivament jirċievu sussidji fil-baġit ġenerali tagħhom fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej, ikunu eżentati mill-VAT fuq ix-xiri li jagħmlu.
(7) L-impriżi komuni u strutturi oħra maħluqa fil-kuntest ta' l-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE huma inkarigati li jdaħħlu fis-seħħ il-politiki Komunitarji. Sabiex jiġi evitat l-impatt ta' tassazzjoni li tkun ta' vantaġġ għall-Istat Membru fejn tkun dovuta t-taxxa, imma li tkun ta' detriment għall-Istati Membri l-oħra u għall-Komunitajiet Ewropej, huwa meħtieġ li l-impriżi komuni maħluqa mill-Komunitajiet, li għandhom personalità ġuridika u li effettivament jirċievu sussidji fil-baġit ġenerali tagħhom fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, ikunu eżentati mill-VAT fuq ix-xiri li jagħmlu, sakemm dawn ma jeżerċitawx attività ekonomika skond it-tifsira tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE.
Emenda 6 Proposta għal direttiva – att li jemenda Premessa 10
(10) F'dan il-kuntest, huwa xieraq li din ir-regola tkun applikata għall-proprjetà immobbli li tiġi kkonsenjata lill-persuna taxxabbli u għas-servizzi kbar ipprovduti lilha fir-rigward ta' din il-proprjetà. Fil-fatt, dawn is-sitwazzjonijiet jirrappreżentaw l-aktar każijiet sinifikanti, b'kunsiderazzjoni għall-valur u għat-tul tal-ħajja ekonomika ta' din il-proprjetà, u min-naħa l-oħra għall-fatt li l-użu mħallat ta' dan it-tip ta' oġġetti huwa prattika komuni.
(10) F'dan il-kuntest, huwa xieraq li din ir-regola tkun applikata għall-proprjetà immobbli li tiġi kkonsenjata lill-persuna taxxabbli u għas-servizzi kbar ipprovduti lilha fir-rigward ta' din il-proprjetà, li minħabba l-valur ekonomiku tagħhom, jistgħu jiġu assimilati ma' l-akkwist tal-proprjetà immobbli. Fil-fatt, dawn is-sitwazzjonijiet jirrappreżentaw l-aktar każijiet sinifikanti, b'kunsiderazzjoni għall-valur u għat-tul tal-ħajja ekonomika ta' din il-proprjetà, u min-naħa l-oħra għall-fatt li l-użu mħallat ta' dan it-tip ta' oġġetti huwa prattika komuni. Bil-maqlub, tiswijiet jew titjib minuri li jkunu ta' sinifikat ekonomiku limitat għandhom ikunu esklużi mill-ambitu ta' din id-Direttiva.
Emenda 7 Proposta għal direttiva – att li jemenda Artikolu 1 – punt 3 a (ġdid) Direttiva 2006/112/KE Titolu V – Kapitolu 1 – Taqsima 4 – titolu
(3a)Fit-Titolu V, Kapitolu 1, Taqsima 4, it-titolu għandu jinbidel b'dan li ġej:
"Il-provvista ta" oġġetti permezz ta' netwerks ta' trażmissjoni jew ta' distribuzzjoni".
Emenda 8 Proposta għal direttiva – att li jemenda Artikolu 1 – punt 4 Direttiva 2006/112/KE Artikolu 38 – paragrafu 1
1. Fil-każ ta' konsenji ta' gass naturali permezz ta' sistema ta' pajpijiet ta' distribuzzjoni tal-gass naturali, ta' l-elettriku, is-sħana jew il-kesħa permezz tan-netwerks tas-sħana jew tal-kesħa, lil negozjant taxxabbli, il-post tal-konsenja jitqies bħala l-post fejn in-negozjant taxxabbli jkun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss minn fejn jissupplixxi l-prodott, jew, fl-assenza ta' tali post ta' negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu għandu l-indirizz permanenti jew fejn is-soltu joqgħod.
1. Fil-każ ta' konsenji ta' gass naturali permezz ta' sistema ta' pajpijiet jew permezz ta' bastiment għad-distribuzzjoni tal-gass naturali bejn pajp tal-gass u ieħor, ta' l-elettriku, jew tas-sħana jew tal-kesħa permezz tan-netwerks tas-sħana jew tal-kesħa, lil negozjant taxxabbli, il-post tal-konsenja jitqies bħala l-post fejn in-negozjant taxxabbli jkun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li l-prodotti qed jiġu forniti għalih, jew, fl-assenza ta' tali post ta' negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu għandu l-indirizz permanenti jew fejn is-soltu joqgħod.
Emenda 9 Proposta għal direttiva – att li jemenda Artikolu 1 – punt 4 Direttiva 2006/112/KE Artikolu 39 – paragrafu 1
Fil-każ ta' provvisti ta' gass naturali permezz ta' sistema ta' distribuzzjoni tal-gass naturali, jew ta' provvisti ta' l-elettriku, tas-sħana jew tal-kesħa, mhux koperti bl-Artikolu 38, il-post ta' din il-provvista għandu jitqies bħala l-post fejn ix-xerrej effettivament juża u jikkonsmahom.
Fil-każ ta' provvisti ta' gass naturali permezz ta' sistema ta' pajpijiet jew permezz ta' bastiment għad-distribuzzjoni tal-gass naturali bejn pajp tal-gass u ieħor, jew ta' provvisti ta' l-elettriku, tas-sħana jew tal-kesħa, mhux koperti bl-Artikolu 38, il-post ta' din il-provvista għandu jitqies bħala l-post fejn ix-xerrej effettivament jużahom u jikkonsmahom.
Emenda 10 Proposta għal direttiva – att li jemenda Artikolu 1 – punt 11 Direttiva 2006/112/KE Artikolu 168 a – paragrafu 1
Fil-każ tax-xiri, tal-bini, tar-renovazzjoni jew tat-trasformazzjoni sostanzjali ta' proprjetà immobbli, l-eżerċizzju inizjali għad-dritt tat-tnaqqis, li jirriżulta mill-mument li fih it-taxxa ssir applikabbli, huwa limitat għall-proporzjon ta' l-użu tiegħu effettiv għall-operazzjonijiet li jwasslu għad-dritt tat-tnaqqis.
Fil-każ tax-xiri, tal-bini, tar-renovazzjoni jew tat-trasformazzjoni sostanzjali ta' proprjetà immobbli, l-eżerċizzju inizjali tad-dritt tat-tnaqqis, li jirriżulta mill-mument li fih it-taxxa ssir applikabbli, huwa limitat għall-proporzjon ta' l-użu effettiv tal-proprjetà għat-tranżazzjonijiet li jwasslu għad-dritt tat-tnaqqis. Tiswijiet jew titjib minuri għandhom jiġu esklużi mill-ambitu ta' din id-dispożizzjoni.