Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2008 dwar il-baġit ta' l-2009: l-ewwel riflessjonijiet dwar l-Abbozz Preliminari tal-Baġit ta' l-2009 u l-mandat għall-konċiljazzjoni, Taqsima III - Kummissjoni (2008/2025(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Abbozz Preliminari tal-Baġit għas-sena finanzjarja 2009 li l-Kummissjoni adottat fis-6 ta' Mejju 2008,
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat Euratom,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-24 ta' April 2008 dwar l-Istrateġija tal-Politika Annwali għall-2009(2) tal-Kummissjoni u dwar il-qafas u l-prijoritajiet baġitarji għall-2009(3),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 69 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Biedja u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, (A6-0262/2008),
A. billi, fl-2009, it-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-trattar dwar l-unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (It-trattat ta' Lisbona), jekk jiġi rratifikat, fl-aħħar se jpoġġi lill-Parlament Ewropew fuq l-istess livell mal-Kunsill fil-qasam leġiżlattiv u baġitarju u jagħti kompetenzi ġodda lill-Unjoni Ewropea, li kollha se jkollhom impatt importanti fuq il-baġit ta' l-UE,
B. billi l-proċedura baġitarja annwali fis-sħuħija tagħha se jkollha tgħaddi minn bidliet fundamentali bħala konsegwenza tad-dispożizzjonijiet tat-trattat il-ġdid, u billi d-differenza bejn l-ispiża obbligatorja u dik mhux obbligatorja kif ukoll ir-rata (massima) taż-żieda għall-ispiża mhux obbligatorja se titneħħa,
C. billi fis-16 ta' April 2008 it-tliet istituzzjonijiet qablu f'dikjarazzjoni li, mill-aktar fis possibbli, iwettqu diskussjonijiet dwar l-arranġamenti meħtieġa dwar kwistjonijiet baġitarji relatati mat-Trattat ta' Lisbona, filwaqt li jitqies li l-2009 se ġġib magħha Parlament ġdid u Kummissjoni ġdida li jridu jkunu mħejjija bis-sħiħ għall-bidliet li se jġib miegħu it-Trattat il-ġdid, jekk dan jiġi rratifikat,
Abbozz Preliminari tal-Baġit 2009
1. Jinnota li t-total għall-abbozz preliminari tal-baġit (PDB) għall-2009 huwa ta' EUR 134 394,9 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 116 736,4 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, li jħalli marġni ta' EUR 2 638,1 miljun anqas mil-limitu f'impenji u ta' EUR 7 443,6 miljun f'pagamenti, bl-ispiża obbligatorja li tirrappreżenta 33% ta' l-impenji u 38% tal-pagamenti;
2. Jirrimarka li l-impenji fil-PDB 2009 jikkorrispondu għal 1.04% tal-GNI, li hija żieda ġenerali ta' 3.1% meta mqabbla mal-baġit għall-2008, bl-ispiża obligatorja tiżdied b'4.7%, minħabba d-dħul gradwali ta' għajnuniet diretti għall-Istati Membri l-ġodda, u l-ispiża mhux obligatorja tiżdied bi 2.4%;
3. Jinnota b'interess li l-pagamenti tal-PDB 2009 jikkorrispondu għal 0.9% tal-GNI, li huwa tnaqqis ta' 3.3% meta mqabbel mal-baġit għall-2008, bil-pagamenti għall-ispiża obligatorja jiżdiedu b'4.8% b'konformità ma' l-iżvilupp fl-impenji, filwaqt li dawk għall-ispiża mhux obligatorja naqsu b'7.6%;
4. Jieħu nota tal-prijoritajiet tal-PDB kif mfassla mill-Kummissjoni:
-
L-appoġġ għal tkabbir sostenibbli u t-tħeġġiġ ta' klima ekonomika li fiha l-ħolqien ta' l-impjiegi jista' jimxi 'l quddiem; l-appoġġ għall-innnovazzjoni;
-
It-tkomplija tal-politika ta' koeżjoni sabiex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni ta' l-Unjoni;
-
Il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-promozzjoni tar-riċerka f'enerġija nadifa u li tiġġedded; l-iżvilupp ta' politika ta' l-UE dwar l-enerġija kkaratterizzata mill-indipendenza u s-sigurtà;
-
L-iżvilupp ta' politika komuni ta' integrazzjoni u ħolqien ta' spazju komuni ta' ġustizzja;
-
L-appoġġ għall-proċess ta' paċi għal-Lvant Nofsani kif ukoll għall-istabilità fil-Kosovo u fir-reġjun wiesa' tal-Balkani;
-
Il-provvista ta' għajnuna f'ikel u t-tisħiħ ta' l-aspett ambjentali tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;
5. Ifakkar fil-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew kif mistqarra fir-riżoluzzjoni hawnfuq imsemmija ta' l-24 ta' April 2008 dwar l-iStrateġija ta' Politika Annwali tal-Kummissjoni għall-2009,
Riflessjonijiet ġenerali
6. Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-Unjoni Ewropea trid tkun mgħammra bil-livell ta' riżorsi meħtieġa sabiex timplimenta bis-sħiħ il-politiki u l-attivitajiet attwali tagħha u fl-istess ħin li jkollha biżżejjed flessibilità sabiex tilqa' l-isfidi ġodda ta' politika;
7. Jinnota li l-ikbar porzjon tal-marġni globali ta' l-EUR 2 638 miljun fil-PDB, jiġifieri ammont ta' EUR 2 027 miljun, joħroġ mill-marġni ta' l-ispiża u l-pagamenti diretti relatati mas-suq taħt l-intestatura 2 (l-ewwel pilastru tal-CAP);
8. Jinnota b'interess il-Konklużjonijiet fuq imsemmija tal-presidenza u l-implikazzjonijiet baġitarji li xi wħud minn dawn il-konklużjonijiet jistgħu jkollhom; iqis li dawn ir-rekwiżiti baġitarji jistgħu jiġu indirizzati biss billi jsir rikors għall-mezzi pprovduti f'IIA, b'mod partikulari l-Punti 21 u 23 tiegħu;
9. Jirrimarka li, b'riżultat tal-marġnijiet żgħar ħafna taħt il-limiti massimi l-oħra tal-qafas finanzjarju pluriennali (MFF), l-aktar l-intestaturi 1a, 3b u 4, il-kapaċità ta' l-Unjoni li tirreaġixxi għall-bidliet fil-politika f'termini baġitarji hija ferm limitata; jenfasizza fl-istess ħin, il-possibilità għal rikors għad-dispożizzjonijiet ta' l-IIA biex jingħelbu n-nuqqasijiet finanzjarji;
10. Iqis li hija responsabilità tiegħu, bħala l-awtorità baġitarja, li jiżgura li l-finanzi allokati għall-baġit ta' l-UE jintefqu b'mod li jużaw bl-aħjar mod ir-riżorsi limitati; għandu l-ħsieb li jaħdem favur baġit iktar ambizzjuż, ibbilanċjat u koerenti b'koperazzjoni mal-kumitati speċjalizzati, u b'konformità mat-talbiet tagħhom;
11. Ma jarax dejjem rabta ċara bejn il-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni, kif deskritt fl-Istrateġija tal-Politika Annwali (APS) u l-PDB, u ż-żidiet fil-linji tal-baġit u l-oqsma politiċi korrispondenti; għadu mhuwiex sodisfatt bl-isforzi tal-Kummissjoni biex tinkludi l-prijoritajiet tal-Parlament fil-PDB. mhuwiex konvint, pereżempju, li l-prijorità tal-bidla fil-klima hija verament riflessa fil-baġit kif propost mill-Kummissjoni; jixtieq jirċievi informazzjoni iżjed preċiża rigward il-metodoloġija użata biex intlaħqet il-konklużjoni li iżjed minn 10%, jew EUR 14-il biljun, tal-baġit ta' l-UE jintnefqu fuq miri ambjentali; jitlob għal preżentazzjoni komprensiva tal-bidliet klimatiċi kollha relatati ma' l-ispiża fil-baġit, inklużi l-iżvilupp rurali u l-fondi strutturali, biex ikun kapaċi jevalwa l-korrelazzjoni bejn il-prijoritajiet politiċi u baġitarji; jirrimarka dwar il-ħtieġa li programmi attwali jiġu rriveduti waqt ir-reviżjoni ta' nofs iż-żmien sabiex l-objettivi tal-bidla fil-klima jiġu integrati aħjar u jkun hemm koerenza politika mtejba;
12. Jixtieq li jniedi djalogu flimkien mal-Kunsill u mal-Kummissjoni dwar l-użu tal-mezzi previsti mill-IIA biex jissaħħaħ il-finanzjament għal miżuri li jiġġieldu l-bidla fil-klima bil-ħsieb li jkun hemm ftehima komprensiva wara l-2012 dwar il-bidla fil-klima;
13. Jiddikjara l-interess tiegħu biex jikkopera mill-qrib mal-Kunsill u l-Kummissjoni biex jinstab ftehim effettiv, kemm jista' jkun malajr, dwar il-pakkett ta' l-enerġija u l-bidla fil-klima, inkluż li-Qbid u l-Ħażna tal-Karbonju (CCS); jinnota li l-UE għandha bżonn tkompli turi li t-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku jistgħu jingħaqdu ma' ekonomija b'karbonju baxx; ifakkar lill-Kunsill bil-konklużjonijiet tal-Presidenza imsemmi hawn fuq;
14. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-fatt li bħalissa l-marġnijiet disponibbli qed ikunu dejjem aktar ta' spiss riżultat ta' "bbaġittjar kreattiv" bħall-'backloading' ta' programmi plurijennali eżistenti, esklużi l-ħtiġijiet baġitarji li diġà huma magħrufa sewwa u mistennija, u manuvri oħra simili; iqis li dawn il-prattiki jiksru l-prinċipju ta' bbaġittjar sod u, għal darb'oħra, jitlob għal PDB li jkun riflessjoni onesta tal-ħtiġijiet baġitarji li jkunu ġejjin fis-sena ta' wara; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkooperaw bil-għan li jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji biex jintlaħaq livell sodisfaċenti ta' l-approprjazzjonijiet għall-baġit ta' l-2009;
15. Jenfasizza l-importanza taċ-ċarezza, konsistenza u trasparenza fil-preżentazzjoni tal-baġit ta' l-UE, li hija ħtieġa assoluta anke fir-rigward tal-ħtieġa li ċ-ċittadini Ewropej ikunu mgħarrfa dwar kif jintefqu l-flus ta' l-UE; huwa mħasseb dwar il-fatt li qed isir dejjem aktar diffiċli li ssir distinzjoni bejn l-ispiża operattiva u amministrattiva tal-Kummissjoni u li ammont diġà sostanzjali ta' spiża ta' natura amministrattiva, li jekk wieħed irid ikun realistiku għandha tkun iffinanzjata taħt l-intestatura 5, hija ffinanzjata minn allokazzjonijiet operazzjonali;
16. Jiddeplora l-fatt li, fil-mument, m'hemm l-ebda indikazzjoni ċara tal-bidliet eżatti li saru fid-dokument dwar l-ipprogrammar finanzjarju li għadu kif ġie ppreżentat meta mqabbel ma' dak ta' qabel, lanqas dwar jekk jew kif qed jiġu kkompensati ż-żidiet f'sena partikolari jew kif qed jitwettqu l-'backloadings' u l-'frontloadings'; iqis li dan mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Punt 46 tal-Ftehima Interistituzzjonali u jappella lill-Kummissjoni sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha f'dan ir-rigward;
17. Jenfasizza li huwa ta' importanza partikulari li jsir segwitu ta' l-effetti tal-'frontloading' u l-'backloading' tal-programmi plurijennali fuq il-baġit kollu sabiex ikun żgurat li jkun hemm programmar koerenti ta' l-impenji f'kemm idum l-MFF, filwaqt li jkunu rrispettati l-prijoritajiet tal-Parlament kif murija fl-IIA;
18. Jinsab sorpriż dwar il-livell estremament baxx ta' l-approprjazzjonijiet tal-pagamenti (EUR 116 736 miljun) proposti mill-Kummissjoni fil-PDB tiegħu; jinnota li l-approprjazzjonijiet ta' l-impenn adottati fil-baġits ta' l-2007 u l-2008 kellhom total ta' EUR 126 500 miljun u EUR 129 100 miljun rispettivament;
19. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli l-eżerċizzju tagħha mibdi fl-2007 u sabiex tindika biċ-ċar informazzjoni ulterjuri dwar il-politika tar-riżorsi umani, l-applikazzjoni ta' l-istrateġija dwar ir-rijorganizzazzjoni u l-livell ta' esternalizzazzjoni tax-xogħlijiet għall-2009; jitlob għal rapport ta' segwitu sat-30 ta' April 2009 inklużi l-konklużjonijiet li se tfassal il-Kummissjoni fir-rigward ta' l-organizzazzjoni interna tagħħa; jieħu nota tar-rapport ta' segwitu ta' l-2008 tal-Kummissjoni dwar "L-Ippjanar u l-aħjar użu tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni biex jaqdu l-prijoritajiet ta' l-UE" li fih il-Kummissjoni tikkonferma l-impenn tagħha li ma titlobx postijiet ġodda sa l-2013, lil hinn mill-aħħar porzjon ta' postijiet relatati ma' tkabbir fl-2009;
20. Jinnota li hemm żieda konsiderevoli fl-investigazzjonijiet esterni ta' OLAF fis-settur ta' l-għajnuna esterna u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li OLAF ikollha r-riżorsi meħtieġa għad-dispożizzjoni tagħha; jitlob lill-Kunsill biex itejjeb il-kwalità tal-koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-ġlieda ta' l-UE kontra l-frodi; jitlob lill-Kunsill biex jiżgura li jkun hemm segwitu xieraq għall-investigazzjonijiet ta' l-Istati Membri kontra l-frodi, inkluża proċedura biex ikun hemm irkupru;
Dwar is-subintestatura 1a
21. Jinnota li l-impenji tal-PDB għall-Kompetittività għat-Tkabbir u għall-Impjiegi jammontaw għal EUR 11 690 miljun, li jħallu marġni ta' EUR 82 miljun; dan jirrappreżenta żieda ta' 5,5% meta mqabbel ma' l-2008; jinnota li l-pagamenti żiedu wkoll b'5.3% għal total ta' EUR 10 285,2 miljun;
22. Jilqa' l-ħsieb tal-Kummissjoni li twettaq azzjonijiet importanti fil-qasam tal-ħolqien ta' impjiegi u ta' l-appoġġ għall-innovazzjoni, għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs) u għar-riċerka; jenfasizza li inizjattivi preżenti f'dan il-qasam, bħal ma hu l-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u inizjattivi oħra dwar l-SMEs, iridu jiġu implimentati u mmoniterjati kif suppost;
23. Jilqa' l-prijorità li stabbiliet il-Kummissjoni għall-PDB favur il-promozzjoni tar-riċerka għal enerġija nadifa u effiċjenti u beħsiebu jiżgura li (minbarra s-Seba' Programm ta' Qafas) jkunu pprovduti r-riżorsi meħtieġa, għaliex l-effiċjenza ta' l-enerġija hija strateġija kruċjali biex tiffaċċja l-problema tal-bidla fil-klima;
24. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu provduti riżorsi baġitarji neċessarji għall-miżuri kollha li jiffaċilitaw il-promozzjoni u l-introduzzjoni ta' programmi ta' l-edukazzjoni fil-midja u teknoloġiji ġodda;
25. Jiddeplora l-marġni limitat disponibbli fis-subintestatura 1a, li jagħti x'wieħed jifhem li se jkun impossibbli li jiġu ffinanzjati prijoritajiet ġodda permezz ta' rilokazzjoni mingħajr ma jiddgħajfu serjament programmi importanti eżistenti, u għaldaqstant jirrakkomanda finanzjament ulterjuri jekk għandhom jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda;
26. Jemmen li, minħabba l-marġni limitat disponibbli fl-intestatura 1a, l-implimentazzjoni xierqa u l-evalwazzjoni ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji li għaddejjin bħalissa għandhom ikunu prijorità, iżda l-introduzzjoni ta' proġetti pilota ġodda u ta' azzjonijiet preparatorji ġodda għandhom ovvjament jibqgħu possibbli;
27. Iqis l-Att dwar in-Negozji Żgħar li huwa ppjanat bħala strateġija importanti għall-appoġġ ta' l-SMEs; qed jistenna bil-ħerqa proposti preċiżi għall-iffinanzjar ta' din l-għodda strateġika ġdida; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu użu ikbar għal din ir-raġuni wkoll tar-riżorsi disponibbli permezz tal-Fondi Strutturali f'dan il-kuntest; jinnota li, ladarba l-SMEs huma partikolarment milquta minn arretrati, l-Unjoni Ewropea trid tevita l-arretrati billi ssib skema ta' moniterjar effiċjenti u trasparenti biex jiġi żgurat li l-pagamenti jsiru f'perjodu speċifikat;
Dwar is-subintestatura 1b
28. Jinnota li l-impenji tal-PDB għall-Koeżjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi żdiedu bi 2.5% għal total ta' EUR 48 413,9 miljun, li jħallu biss marġni ta' EUR 14-il miljun għall-għajnuna teknika; jinnota li ż-żieda ġenerali ta' 2.5% hija riżultat taż-żieda sostanzjali fil-Fond ta' Koeżjoni (+14% meta mqabbel ma' l-2008) filwaqt li l-approprjazzjonijiet għall-Fondi Strutturali baqgħu fl-istess livell;
29. Jiddeplora t-tnaqqis qawwi fil-pagamenti li, meta mqabbla ma' l-2008, naqqsu bi 13.9% għal EUR 34 914,1 miljun; ma jinsabx konvint, b'mod partikulari, bir-raġunijiet għar-reviżjoni 'l isfel tat-tbassiriet tal-livell ta' pagamenti, jiġifieri, -30% għall-objettiv ta' konverġenza ta' l-ERDF, -13% għall-objettiv tal-kompetittività reġjonali u impjieg, -85% għall-objettiv ta' koperazzjoni territorjali ta' l-ERDF u -50% fil-Fond ta' Koeżjoni għall-programmi l-ġodda 2007-2013;
30. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tindika jekk dan it-tnaqqis qawwi huwa riżultat dirett, jew indirett, tal-Pjan ta' Azzjoni maħsub sabiex isaħħaħ il-kontroll u t-tmexxija maqsuma ta' azzjonijiet strutturali, speċjalment peress li jista' jfisser nuqqas ta' kontrolli inizjali fl-Istati Membri;
31. Għandu l-ħsieb li jiżgura li r-riżorsi meħtieġa għall-politiki ta' koeżjoni jibqgħu ggarantiti sabiex ikunu jistgħu jiġu ffaċċjati l-isfidi attwali u tal-ġejjieni għall-prinċipju tas-solidarjetà fl-Unjoni Ewropea;
Dwar l-intestatura 2
32. Jinnota li l-impenji għall-PDB għall-Preservazzjoni u l-Immaniġġjar tar-Riżorsi Naturali ġew stipulati għal EUR 57 525,7 miljun, li hija żieda ta' 3.5% meta mqabbla ma' l-2008, li tħalli marġni ta' EUR 2 113,3 miljun; il-pagamenti jiżdiedu b"3.0% sa EUR 54,834.9 miljun; il-parti ta' l-intestatura 2 maħsuba għall-ispiża relatata mas-suq u ma' l-għajnuniet diretti hija ta' EUR 42 860,3 miljun f'impenji u EUR 42 814,2 miljun f'pagamenti;
33. Jenfasizza li, minkejja l-miżuri ambjentali tal-programm għall-Iżvilupp Rurali u l-istandards ambjentali li fuqhom hi msejsa s-sistema ta' kundizzjonalità għall-pagamenti diretti, 0.5% biss ta' l-approprjazzjonijiet skond l-intestatura 2a jintużaw għall-prijoritajiet ambjentali, filwaqt li l-maġġoranza kbira tal-fondi huma allokati għall-għajnuniet diretti u man-nefqa relatata mas-suq;
34. Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda ta' EUR 20,9 miljun għal-LIFE+, iżda jinnota b'ċertu dispjaċir li parti biss minn din iż-żieda hija għal attività intensifikata fil-qasam tal-bidla fil-klima; iqis li l-prijorità baġitarja orizzontali tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima mhix riflessa kif xieraq f'dawn il-figuri;
35. Ifakkar li l-ewwel objettiv tal-Politika Agrikola Komuni hu li tiggarantixxi l-istabilizzazzjoni tas-suq, is-sigurtà tal-forniment tal-provvisti u ta' prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex fil-baġit tagħha għall-2009 tipprevedi l-mezzi neċessarji biex tissodisfa l-bżonnijiet ġodda li jirriżultaw mill-kriżi attwali ta" l-ikel, b'mod partikulari billi tiffaċilita l-aċċess għall-prodotti ta" l-ikel għall-popolazzjonijiet l-aktar imċaħħdin li huma l-aktar affettwati minn din il-kriżi;
36. Jilqa' t-tendenza ġenerali 'l isfel fir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti agrikoli bħala riżultat tal-kundizzjonijiet favorevoli tas-suq u ta' l-iffrankar li dawn iġibu magħhom;
37. Jinnota li l-impenji tal-PDB għall-iżvilupp rurali jibqgħu kważi stabbli b'EUR 13 401 miljun (inkluża l-modulazzjoni) f'impenji u EUR 10 926 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagamenti, li huwa tnaqqis ta' 4% meta mqabbel ma' l-2008;
38. Iqis dawn il-figuri bħala elementi indikattivi fil-qafas tal-"Kontroll tas-Saħħa tal-PAK" ippreżentat mill-Kummissjoni fl-20 ta' Mejju 2008;
39. Jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet kbar ta' l-implimentazzjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-iżvilupp Rurali (EAFRD); jiddispjaċih li EUR 2,830 miljun ta' approprjazzjonijiet baqgħu ma ntefqux fl-2007, li EUR 1,361 miljun ġew trasferiti għas-sena 2008, u li EUR 1,469 miljun ġew riprogrammati għas-snin 2008-2013 taħt il-Punt 48 tal-Ftehima Interistituzzjonali (IIA); juri t-tħassib tiegħu dwar ir-riprogrammar ta' ammonti kbar bħal dawn li se jwassal għal dewmien sinifikanti għad-disponibilità ta' fondi fir-reġjuni rurali;
Dwar is-subintestatura 3a
40. Jinnota li l-impenji tal-PDB għal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja jiżdiedu bi 15% għal EUR 839,1 miljun, li jirriżultaw f'marġni ta' EUR 32,9 miljun; il-pagamenti jiżdiedu b"11.7% sa EUR 596.7 miljun;
41. Jirrimarka li din iż-żieda konsiderevoli mqabbla ma' l-2008 hija l-aktar riżultat taż-ż-żieda sostanzjali fil-kapitoli "Solidarjetà - Fruntieri esterni, politika dwar viżi u l-moviment ħieles tal-persuni" (+ EUR 44,4 miljun jew + 15.6%), "Flussi migratorji - Politiki komuni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil" (+ EUR 43,3 miljun jew + 18,9%) u "Is-sigurtà u s-salvagwardja tal-libertajiet" (+ EUR 20,8 miljun jew + 27,1%);
42. Jieħu nota taż-żieda ta' 36.3% f'approprjazzjonijiet ta' impenji fil-programm speċifiku "Prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha" u se jeżamina r-raġunijiet għaliha;
43. Huwa mħasseb dwar il-finanzjament baxx għall-attività "Drittijiet fundamentali u ġustizzja" li se tiżdied biss b'0.2% f'impenji u fil-fatt se tonqos b'10% f'pagamenti meta mqabbla mal-baġit 2008;
44. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-PDB żżomm iż-żieda ta' l-approprjazzjonijiet ivvutati fl-2008 għall-Aġenzija għall-Immaniġġjar tal-Koperazzjoni Operazzjonali fuq il-Konfini Esterni (FRONTEX), iżda jinnota b'ċertu tħassib l-ibbilanċjar mill-ġdid tas-sussidju billi jiġu mċaqalqa EUR 5,7 miljun mill-ispiża operattiva għall-ispiża amministrattiva; jitlob li jkun hemm żieda fl-approprjazzjonijiet għall-FRONTEX għall-2009 sabiex tkun tista' żżomm l-impenji ta' missjonijiet permanenti mingħajr interruzzjonijiet, b'mod partikulari fuq il-fruntieri fin-Nofsinhar ta' l-Unjoni (Hera, Nautilus u Poseidon);
45. Jenfasizza li l-patt Ewropew dwar il-politika għall-immigrazzjoni għandu jinkludi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-immigrazzjoni illegali, l-immaniġġjar tal-migrazzjoni legali, l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u tisħiħ tal-protezzjoni tal-fruntieri, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni sħiħa għall-prinċipju tas-solidarjetà u għall-ogħla livell ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;
Dwar is-subintestatura 3b
46. Jinnota li l-impenji tal-PDB għaċ-Ċittadinanza jammontaw għal EUR 628,7 miljun li hija żieda ta' 1.0% jekk l-approprjazzjonijiet għall-2008 jitqiesu netti mill-approprjazzjonijiet tal-Fond ta' Solidarjetà u tal-Faċilità ta' Tranżizzjoni għall-Bulgarija u r-Rumanija; il-marġni li jifdal huwa ta' EUR 22 miljun, il-pagamenti jiżdiedu b"0.7% għal EUR 669 miljun;
47. Jiddispjaċih li l-marġni żgħir ta' EUR 22 miljun li jifdal taħt is-subintestatura jħalli spazju ferm limitat għal manuvrar ta' proġetti pilota u għall-azzjonijiet ta' tħejjija;
48. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza u t-titjieb il-koordinazzjoni fl-interventi ta' protezzjoni ċivili ta' l-Unjoni, inter alia bl-iżvilupp ta' metidoloġiji komuni għall-protezzjoni ċivili bejn l-Istati Membri, l-iżvilupp ta' sistemi ta' twissija minn kmieni u ta' prevenzjoni, u titjib fil-faċilitàjiet tat-trasport ta' assistenza ta' protezzjoni ċivili sabiex ikun hemm preparazzjoni aħjar għall-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej;
49. Jiddeplora l-fatt li ż-żieda proposta mill-Kummissjoni taħt din is-subintestatura, li tkopri politiki importanti b'impatt dirett fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini Ewropej, hija ferm aktar baxxa miż-żieda medja ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenji ta' 3.1%; jiddispjaċih, b'mod partikulari, li speċjalment dawk l-attivitajiet importanti għal 'Ewropa għaċ-ċittadin' irċevew iż-żieda l-aktar baxxa, jew saħansitra sofrew tnaqqis meta mqabbla ma' l-2008;
50. Juri t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis propost mill-Kummissjoni għal numru ta' linji baġitarji li taħthom l-attivitajiet ta' komunikazzjoni huma ffinanzjati, partikularment fil-kuntest tal-ħidmiet u ta' l-isfidi l-ġodda f'dan il-qasam li jridu jiġu ffaċċjati fl-2009 bħalma huma l-elezzjonijiet Ewropej jew il-possibilità tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona;
51. Iqis li l-aspett ta' qofol tal-politika ta' komunikazzjoni u ta' informazzjoni huwa li ċ-ċittadini ta' l-UE jiġu mgħarrfa dwar l-azzjonijiet u l-programmi mwettqa mill-UE u t-titjib iġġenerat matul l-aħħar snin;
52. Ifakkar li l-istituzzjonijiet kollha għandhom id-dritt li jimplimentaw il-politika tal-komunikazzjoni bħala parti mill-awtonomija istituzzjonali tagħhom, kif stabbilit mill-Artikolu 49 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Gunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej(4) (ir-Regolament Finanzjarju), fil-limiti ta" qafas komuni u b'ċerta grad ta" armonizzazzjoni fil-preżentazzjoni li għandha tippermetti l-iżvilupp ta" "trade mark ta' l-UE" li tintagħraf biex tintuża fil-miżuri tal-kommunikazzjoni kollha;
53. Jagħraf il-ħtieġa ta" koordinazzjoni tal-politiki ta" komunikazzjoni differenti implimentati mill-istituzzjonijiet fi ħdan il-Grupp Interistituzzjonali dwar l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni; ifakkar li l-komunikazzjoni ilha prijorità importanti tal-Parlament; iqis li l-irwol ewlieni tal-Parlament f'dan il-proċess huwa vitali u jiggarantixxi l-kontinwità u l-effiċjenza tal-politika, b'mod partikulari fil-kuntest ta" l-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin; rigward dan jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li informazzjoni pprovduta liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-liġi ta' l-UE għandha titjib;
Dwar l-intestatura 4
54. Jinnota li l-impenji għall-UE bħala Attur Globali jiżdiedu b"1.8% sa EUR 7 440,4 miljun b'marġini ta" EUR 243,6 miljun disponibbli; il-pagamenti jonqsu b"6.6% sa EUR 7 579,5 miljun;
55. Josserva li din iż-żieda ta" 1.8% hija taħt iż-żieda ġenerali medja ta' 3.1% għall-baġit ġenerali ta' l-UE; iqis li dan huwa sinjal ta" tħassib ħafna peress li l-intestatura 4 hija tradizzjonalment waħda mill-oqsma li l-iktar ikunu diffiċli fil-baġit ta" l-Unjoni;
56. Huwa mħasseb ħafna minħabba n-nuqqas ta" finanzjament fl-intestatura 4 u jikkundanna bil-qawwi l-approċċ vag ta" l-ibbaġittjar li għażlet il-Kummissjoni li ma jqis xejn il-ħtiġijiet realistiċi mistennija f'dan il-qasam; jinnota li, bħala konsegwenza, il-marġini kurrenti ta" EUR 243,6 miljun tidher figura arbitrarja mhux ħażin; jemmen li din il-problema tista" tiġi ttrattata biss permezz ta" reviżjoni komprensiva ta" l-MFF, li għandha twassal għal żidiet fil-limitu massimu ta" l-Intestatura 4 għall-perjodu 2009-2013;
57. Jiġbed l-attenzjoni li, qabel il-preżentazzjoni tal-PBD, il-Parlament kien talab fir-riżoluzzjoni tiegħu ta" l-24 ta" April 2008 msemmija qabel stampa realistika tal-ħtiġijiet baġitarji kollha, speċjalment fl-intestatura 4 ta" l-MFF; ma jqisx li l-PDB, f'din l-intestatura, isegwi l-prinċipju ta' l-immaniġġjar finanzjarju sod;
58. Għalhekk jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni diġà qalet, f'dan l-istadju bikri tal-proċedura baġitarja, li huwa ċar li approprjazzjonijiet għall-Kosovo, għal-Lvant Nofsani, għall-għajnuna fl-ikel u għall-assistenza makro-finanzjarja ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw l-impenji eżistenti ta" l-UE madwar id-dinja, aħseb u ara l-bżonnijiet supplementari mistennija: il-PDB jipproponi, pereżempju, EUR 161 miljun f'impenji u EUR 100 miljun f'pagamenti għall-assistenza lill-Palestina u lill-proċess ta" Paċi, għalkemm l-ammonti vvutati għall-Baġit ta" l-2008 kienu EUR 300 miljun u EUR 200 miljun, rispettivament; u wara għadd ta' trasferimenti, l-approprjazzjonijiet ta' ħlas sal-lum laħqu EUR 350 miljun; fir-rigward tal-Kosovo, l-approprjazzjonijiet għall-missjoni EULEX waqgħu b"15.7% taħt il-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (PBSK); iqis li dan mhux aċċettabbli u jitlob li jkun hemm approċċ ġdid għan-nefqa għall-Palestina u l-Kosovo; jemmen li minħabba d-deċiżjoni li jiżdied bil-kbir in-numru oriġinali ta' esperti li jaħdmu fil-Missjoni Tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPOL) fl-Afghanistan, nuqqasijiet finanzjarji diġà jistgħu jiġu antiċipati minn issa;
59. Jerġa' jafferma l-appoġġ tiegħu għall-implimentazzjoni ta' Politika Ewropea għall-Viċinanzi li tkun approfondita u differenzjata; jenfasizza l-bżonn li l-Istrument Ewropew ta' Viċinanza u Sħubija (ENPI) jkun ipprovdut b'pakkett finanzjarju adegwat li jirrifletti l-impenn ta' l-UE fir-rigward tal-ġirien tagħha fil-Lvant ta' l-Ewropa u fin-Nofsinhar; jinnota ż-żieda żgħira fl-approprjazzjonijiet previsti għall-2009, u jenfasizza li l-inizjattiva riċenti "Il-Proċess ta' Berċellona: Unjoni għall-Mediterran" la għandha tfixkel l-isforzi biex jiġu stabbilit bilanċ bejn approprjazzjonijiet ta' impenji għal ġirien ta' Lvant u tan-Nofsinhar ta' l-Ewropa u lanqas m'għandha fl-ebda każ iżżid it-tensjonijiet baġitarji fl-ENPI
60. Jiddeplora l-fatt li la soluzzjonijiet baġitarji u lanqas indikazzjonijiet għal dawn is-soluzzjonijiet ma ġew ippreżentati fl-iffinanzjar ta" dawn il-ħtiġijiet ulterjuri; għal darb'oħra jitlob b'urġenza għal kjarifika dwar il-ħtiġijiet totali fl-intestatura 4, inkluż il-kapitlu dwar is-CFSP;
61. Jirrepeti l-konvinzjoni tiegħu li la l-Istrument ta' Flessibbiltà u lanqas ir-Riserva għall-Għajnuna ta" Emerġenza (EUR 244 miljun) ma għandhom ikunu żvijati jew użati ħażin sabiex jiffinanzjaw politiki u attivitajiet ta" l-UE li jkunu ilhom ippjanati, u huwa deċiż bis-saħħa, waqt il-proċedura baġitarja, li jiddefendi din il-linja;
62. Jiġbed l-attenzjoni bi tħassib għall-kriżi dinjija ta' l-ikel li qed tikber u għall-effetti tal-bidla fil-klima u jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tkun tista' tirrispetta l-impenji tagħha rigward il-provista ta' għajnuna ta' ikel u biex tirreaġixxi għad-diżastri f'pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; Jinnota b'inkwiet serju li, fil-PDB 2009, l-għajnuna fl-ikel hija allokata biss żieda ta' EUR 6.8 miljun imqabbla ma" l-2008 (+3%) u li, digà fl-aħħar ta' April 2008, il-Kummissjoni talbet trasferiment ta' EUR 60 miljun biex tkopri spejjeż żejda fl-għajnuna fl-ikel fl-2008 (żieda ta' 26,88% f'approprjazzjonijiet ta' impenji); jitlob li jiġu pprovduti risorsi addizzjonali għal dan l-iskop fl-2009 bil-mezzi fiskali kollha disponibbli;
63. Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-approprjazzjonijiet previsti għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-komponent tal-bini ta' l-istituzzjonijiet ta' l-IPA, u b'mod partikolari l-ħsieb tal-Kummissjoni li żżid l-għoti ta' boroż ta' studju addizzjonali u li żżid il-finanzjament għad-djalogu fis-soċjetà ċivili; jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-Aġenda Soċjali għall-Balkani;
64. Jenfasizza li l-fondi l-ġodda ta' l-Aid for Trade għandhom ikunu addizzjonali ma' l-għajnuna attwali għall-iżvilupp u li kull wegħda ġdida ta' l-Aid for Trade m'għandhiex twassal biex jintmessu xi riżorsi diġà destinati għal inizjattivi oħrajn ta' żvilupp, jtenni t-talba tal-Kummissjoni li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-oriġini ta' EUR 1 000 miljun mwiegħda;
65. Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tniedi Alleanza Globali għall-Bidla fil-Klima u Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Enerġija u l-Enerġija li Tiġġedded bħala passi importanti biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikun appoġġjati fl-addattament għall-bidla fil-klima u t-tnaqqis tal-bidla fil-klima; madankollu jenfasizza li l-fondi allokati s'issa mhumiex xierqa; jappella sabiex ikun hemm iffinanzjar immedjat għal dawn l-inizjattivi fil-baġit ta' l-2009, barra mill-impenji maħsuba għall-iżivlupp; barra minn hekk, jenfasizza l-importanza li dawn l-inizjattivi jissaħħu billi jiġu assigurati aktar fondi fit-tul;
66. Jinnota li l-Fond ta" Garanzija għas-self huwa inkluż fil-PDB 2009 b'ammont ta" EUR 92.46 miljun għall-kuntrarju ta" l-ipproggrammar finanzjarju oriġinali previst ta" EUR 200 miljun għall-proviżjoni tiegħu; jiġbed l-attenzjoni li parti importanti tal-marġini disponibbli fil-PDB ta" l-2009, i.e. EUR 107.54 miljun ta" EUR 243.6 miljun, huwa artifiċjali sakemm huwa r-riżultat ta" din il-manuvra; jenfasizza bi tħassib qawwi li huwa probabbli ħafna li dan l-"iffrankar" fl-ibbaġittjar tal-Fond ta" Garanzija fl-2009 jkun irid jiġi kkumpensat minn infiq ogħla fis-snin ta" wara, u b'hekk jibqgħu marġini dejjem iżgħar minn dawk programmati issa fl-intestatura 4.
67. Jirrimarka li, ladarba l-organizzazzjoni istituzzjonali li tikkonċerna lir-Rappreżentant Għoli, il-President tal-Kunsill Ewropew u s-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna (EEAS) għadha mhix iddeterminata, l-approprjazzjonijiet baġitarji meħtieġa għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni gradwalment, hekk kif l-iskop u l-irwol ta' l-istruttura organizzattiva l-ġdida jkunu aktar ċari, Jenfasizza li la l-bidliet istituzzjonali u lanqas id-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar is-CSDP m'għandhom ikomplu jżidu l-pressjoni fuq il-livell attwali ta' l-approprjazzjonijiet ta' impenji taħt it-Titolu IV;
68. Jenfasizza l-importanza politika ta' proġetti pilota u ta' azzjonijiet preparatorji adottati mill-awtorità baġitarja skond l-Intestatura 4; jitlob li dawn jiġu implimentati fiż-żmien meħtieġ u b'mod proattiv mill-Kummissjoni bl-użu sħiħ ta' l-impenji allokati;
Dwar l-intestatura 5
69. Jinnota li n-Nefqa Amministrattiva globali proposta tiżdied b'5% meta mqabbla ma" l-2008 u issa tammonta għal total ta" EUR 7 647.9 miljun, meta mqabbla ma" EUR 7 281.5 miljun għall-2008, u li marġini iżgħar ħafna biss ta" EUR 129.1 miljun (li jikkorrispondi għal madwar 1.7% tal-volum ta" l-ispejjeż) tħallew taħt il-limitu tal-qafas finanzjarju;
70. Filwaqt li jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-postijiet il-ġodda mitluba mill-Kummissjoni jikkonċernaw biss il-kwota finali mħabbra qabel ta" 250 għall-"UE-2", jinnota li ż-żieda proposta fin-nefqa amministrattiv għadha aktar għolja minn dik tal-medja tal-baġit kollu kemm hu; rikonoxxi li dan jista" jkun marbut l-aktar ma" l-indiċi ta" l-ispejjeż ta" salarji u ta" pensjonijiet, u sa ċertu punt mal-politika dwar il-bini, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jistgħu jkunu meħtieġa modifiki oħrajn tul is-sena finanzjarja 2009 jekk jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona; rigward dan, jimpenja ruħu li jeżamina bir-reqqa n-nefqa amministrattiva fil-kuntest interistituzzjonali sabiex jinvestiga l-bżonnijiet ta' l-istituzzjonijiet għall-2009 u lilhinn;
71. Iqis li, minkejja ż-żieda fl-informazzjoni li titwassal, u l-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni li l-aġenziji eżekuttivi jtejbu l-kwalità tal-programmi ta" l-UE, diversi konsegwenzi finanzjarji/amministrattivi fl-intestatura 5 għad għandhom bżonn aktar kjarifika; pereżempju huwa mistagħġeb li l-ħolqien futur ta" l-ekwivalenti ta" 947 post ġdid fiż-żewġ aġenziji ta" riċerka (kif iddikkjarat fis-segwitu ta" l-ispezzjoni) iwassal biss għal-liberazzjoni ta" 117 post fid-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-istess perjodu;
72. Huwa mħasseb dwar il-fatt li, b'mod ġenerali, ix-xejriet ta" l-għoti ta" kuntratti "l barra mill-Kummissjoni, flimkien ma" l-aħħar bidliet fir-Regolamenti tal-Persunal, wasslu għal sitwazzjoni fejn numru li kull ma jmur qed jikber tal-persunal impjegat mill-UE la hu viżibbli fil-pjanijiet ta' stabbiliment ta' l-istituzzjonijiet kif adottati mill-awtorità baġitarja, u lanqas imħallsa skond l-intestatura 5 ta' l-MFF; jiddispjaċih ħafna ta" din in-nuqqas ta" trasparenza li tikkonċerna wkoll l-impjieg ta" esperti nazzjonali; jitlob għal diskussjoni pubblika u komprensiva fost il-partijiet interessati kollha dwar il-futur tal-governanza Ewropea;
73. Jilqa" b'sodisfazzjon is-segwitu tar-rapport ta" spezzjoni tal-persunal ta" l-2007 li waslet reċentement bħala risposta għall-emendi baġitarji tiegħu fil-baġit ta" l-2008; għandu l-intenzjoni li janalizza dan id-dokument bir-reqqa bl-għan li jinħarġu konklużjonijiet baġitarji għall-2009;
74. Isaqsi lill-Kummissjoni liem miżuri qed jittieħdu biex jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fl-UE b"25% sa l-2012, u biex tara jekk il-prinċipju taċ-ċentri li jservu għal kollox ("the principle of the one-stop-shop") jistax jintlaħaq fil-ġejjieni sabiex titnaqqas il-burokrazija;
75. Għandu l-intenzjoni li jeżamina l-approprjazzjonijiet amministrattivi u t-talbiet għall-persunal ta' l-istituzzjonijiet l-oħra bl-għan li jiżdied il-qligħ fl-effiċjenza, inkluż l-istazzjonar mill-ġdid tal-persunal skond prijoritajiet identifikati fejn possibbli; jinnota li ż-żieda tal-medja proposta għall-istituzzjonijiet l-oħra tammonta għal 4.8%, li jogħla minn EUR 2 673.8 miljun għal EUR 2 803.2 miljun, kemm kemm taħt ir-rata taż-żieda proposta għall-Kummissjoni;
Dwar l-intestatura 6
76. Jinnota li, fl-2009, l-aħħar sena ta" kumpens baġitarju għall-Bulgarija u għar-Rumanija, l-impenji u l-ħlasijiet huma stabbiliti għal EUR 209,1 miljun, li jirrappreżentaw żieda ta' 1.2% meta mqabbla ma' l-2008; dan iħalli marġini żgħir ta" EUR 0.9 miljun;
Dwar Proġetti Pilota u Azzjonijiet Preparatorji
77. Jiddispjaċih li, bħala prinċipju ġenerali, il-PDB tal-Kummissjoni ma jinkludi l-ebda impenn għall-proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji, u għalhekk dawn iridu jkunu ffinanzjati mill-marġini ta' l-intestaturi rilevanti ta" l-MFF; jesprimi l-istagħġib tiegħu li hemm xi ftit eċċezzjonijiet għal din ir-regola ġenerali minħabba li hemm numru żgħir ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji, li l-Kummissjoni tidher interessata fihom, li diġà huma maħsuba fil-PDB b'approprjazzjonijiet ta' impenn;
78. Ifakkar fl-obbligu tal-Kummissjoni, sond il-Punt 46a tal-IIA, biex tipprovdi, għall-azzjonijiet annwali, stimi pluriennali u l-marġini li tħallew taħt il-limiti awtorizzati;
79. Jenfasizza li l-IIA tippermetti ammont totali għall-proġetti pilota sa EUR 40 miljun fi kwalunkwe sena baġitarja u ta" ammont totali ta" azzjonijiet preparatorji sa EUR 100 miljun li minnhom EUR 50 miljun jistgħu jkunu allokati għal azzjonijiet preparatorji ġodda;
80. Jikkonferma d-determinazzjoni tiegħu, kif diġà stipulat fir-riżoluzzjoni msemmija qabel ta" l-24 ta" April 2008, li juża l-ammonti annwali kollha li jkunu provduti għall-proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji fil-IIA jekk in-numru u l-volum ta" dawn il-proġetti u azzjonijiet proposti jeħtieġu dan, minħabba li jikkunsidrahom għodda indispensabbli għall-Parlament li titwitta t-triq għal-politiki ġodda li huma fl-interess taċ-ċittadini Ewropej;
81. Ifakkar li, għas-sena baġitarja 2008, il-Parlament adotta proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji għall-ammont ta" EUR 107.32 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn; is-subintestatura 1a kienet tkopri proġetti u azzjonijiet li jammontaw għal EUR 38 miljun, l-intestatura 2 għal EUR 25,15 miljun, is-subintestatura 3a għal EUR 3 miljun, is-sub-intestatura 3b għal EUR 9,5 miljun u l-intestatura 4 għal EUR 31,67 miljun;
82. Jenfasizza li, kieku l-Parlament kellu jiddeċiedi favur livell simili ta' ffinanzjar għall-proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji fl-2009, kważi nofs il-marġini disponibbli fl-intestaturi 1a u 3b diġà jkunu ntużaw, għalkemm il-livell ta' nfiq ta' l-2008 fuq proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji lanqas biss laħqu l-ammonti massimi mogħtija mill-IIA;
83. Jiddikkjara r-rieda tiegħu li jissottometti l-ewwel lista provviżorja ta" l-intenzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni qabel il-btajjel tas-sajf fir-rigward ta" proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji għall-proċedura tal-baġit ta" l-2009, bi qbil ma" l-Anness II, Taqsima D, tal-IIA, sabiex ikun faċilitat l-istabbiliment ta' pakkett finali bbilanċjat u koerenti; jiġbed l-attenzjoni li din il-lista ma tipprekludix il-preżentazzjoni ta" kwalunkwe proposta jew emenda oħra dwar proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji minn Membri tal-Parlament Ewropew individwali, kumitati speċjalizzati u gruppi politiċi fl-Ewwel Qari fil-ħarifa; jinsisti li, għal dan l-eżerċizzju, l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tal-baġit għandhom ikollhom marġini suffiċjenti disponibbli;
84. Jixtieq li flimkien mal-Kummissjoni u mal-Kunsill jara kif l-appell tiegħu għal rappreżentant Ewropew għad-drittijiet tan-nisa jingħata widen u jidħol fis-seħħ;
Dwar l-aġenziji
85. Jinnota li l-allokazzjonijiet tal-PDB għall-aġenziji deċentralizzati jiżdiedu b"1.76% għal EUR 563.9 miljun f'impenji u jonqsu b'EUR 6 miljun f'pagamenti (-1%);
86. Jiġbed l-attenzjoni li, minkejja din iż-żieda minima f'impenji jekk l-aġenziji kollha jitqiesu flimkien, is-subgrupp ta" l-aġenziji ta" l-intestatura 1a inqatgħu b"3.29% jew EUR 8,9 miljun meta mqabbel mal-baġit 2008, f'konformità mad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità baġitarja fil-konċiljazzjoni ta" Novembru 2008 biex ikun implimentat tnaqqis lineari ta" EUR 50 miljun matul il-perjodu 2009 - 2013 sabiex ikun iffinanzjat Galileo;
87. Jieħu nota tal-fatt li dan it-tnaqqis għall-aġenziji fl-intestatura 1a ma kienetx "lineari" kif ifformulata fil-konlużjonijiet tal-konċiljazzjoni; għandu l-intenzjoni li jevalwa fid-dettal il-grad u d-distribuzzjoni tat-tnaqqisiet baġitarji; itenni li huwa f'idejn l-awtorità baġitarja li tiddeċiedi dwar dawn il-proposti tal-Kummissjoni;
88. Se jpoġġi enfasi partikulari fuq l-implimentazzjoni tal-baġit ta" l-aġenziji u se jeżamina bir-reqqa il-bilanċi favorevoli possibbli sabiex ikun assigurat li d-dħul assenjat jitqies fl-istabbiliment tal-baġits ta" l-aġenziji għall-2009;
89. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx lill-awtorità baġitarja d-dettalji ta" kif hija tipproponi li tiffinanzja ż-żewġ aġenziji ġodda li bħalissa qed ikunu diskussi, li waħda minnhom hija diġà inkluża fil-PDB għall-2009 b'entrata p.m., u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindika biċ-ċar informazzjoni ulterjuri dwar din il-kwistjoni malajr kemm jista" jkun; wasal għall-konklużjoni li, fis-sitwazzjoni tal-marġini kurrenti, għall-finanzjament ta" entitajiet ġodda, li jwettqu parzjalment ħidmiet amministrattivi, għandhom ikunu eżaminati l-possibilitajiet kollha mogħtija mill-IIA; ifakkar li hemm bżonn ta" ftehim minn qabel ta" l-awtorità baġitarja dwar l-iffinanzjar ta" kwalunkwe aġenzija ġdida li jkun b'konformità mal-Punt 47 ta" l-IIA;
90. Jenfasizza darb'oħra li l-livelli ta" finanzjament ta" l-aġenziji deċentralizzati kurrenti u futuri jaffettwaw direttament il-marġini disponibbli taħt l-intestaturi ta" l-MFF; jinnota li l-IIA tobbliga lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-implikazzjonijiet baġitarji għall-intestatura ta" l-infiq ikkonċernat meta tkun qed tfassal proposta għall-ħolqien ta" aġenzija deċentralizzata ġdida; tipprova tiżgura li l-iffunzjonar ta" l-aġenziji deċentralizzati tagħti valur miżjud u tkattar l-interessi taċ-ċittadini ta" l-UE;
91. Jilqa" b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li jkun stimulat djalogu interistituzzjonali dwar l-irwol ta" l-entitajiet kollha ddefiniti skond l-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju u l-post tagħhom fit-tmexxija Ewropea; itenni l-importanza li tkun żgurata fuq bażi sistematika, fuq livell interistituzzjonali, l-applikazzjoni tal-proċedura stipulata fil-Punt 47 tal-IIA;
Dwar l-aġenziji eżekuttivi u xejriet oħrajn ta" l-għoti ta" kuntratti "l barra
92. Jinnota li kwalunkwe espansjoni ulterjuri ta" aġenziji eżekuttivi u entitajiet simili ad-hoc tkun iffinanzjata mill-pakkett finanzjarju rilevanti; jesprimi t-tħassib tiegħu, għalhekk, li kull espansjoni f'aġenziji eżekuttivi u entitajiet oħra se tnaqqas il-fondi għall-operat disponibbli fil-pakketti tal-programm u ċċaqlaq l-ħidmiet amministrattivi mill-intestatura 5 ta" l-MFF sabiex ikunu ffinanzjati skond l-intestaturi ta" l-operat;
93. Hu mħasseb li l-ħolqien ta" aġenziji eżekuttivi u entitajiet oħra ad hoc jista" jwassal għal żieda mhux trasparenti fin-numru ta" uffiċjali ta" l-UE u ta" persunal kuntrattwali, b'mod speċjali jekk ma jitnaqqsux l-postijiet fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni u/jew stazzjonati mill-ġdid kif xieraq; iħeġġeġ li jitħarsu l-Arranġamenti tax-Xogħol għat-Twaqqif ta" Aġenziji Eżekuttivi (Kodiċi ta" Kondotta rivedut), b'mod partikulari fir-rigward ta" l-iskrutinju parlamentari ta" l-iffinanzjar u l-provvediment tal-persunal għall-aġenziji;
Konklużjonijiet u mandat għall-Konċiljazzjoni
94. Iqis il-punti li ġejjin huma ta" interess speċifiku għall-konċiljazzjoni tal-baġit li għandu jsir f'Lulju 2008:
-
livell adegwat ta" pagamenti;
-
konformità mal-prinċipju ta" bbaġitjar finanzjarju sod, b'mod partikulari fir-rigward ta" stampa realistika tal-ħtiġijiet fl-intestatura 4;
-
impenn mill-Kummissjoni sabiex tissotometti, f'dak li għandu x'jaqsam mal-Fond ta" Solidarjetà ta" l-UE u mal-Fond Ewropew ta" l-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-baġits ta" emenda li għandhom il-mobilizzazzjoni ta' dawn il-fondi bħala l-uniku għan tagħhom, sabiex ikun evitat kwalunkwe dewmien fil-forniment ta' għajnuna finanzjarja;
-
risposta xierqa għall-ħtiġijiet ta" l-għajnuna fl-ikel u tas-sigurtà ta" l-ikel;
-
l-għoti ta' informazzjoni kwantifikata mill-Kunsill dwar l-implikazzjonijiet tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew imsemmi hawn fuq, skond id-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament Finanzjarju, b'mod partikulari fl-Artikolu 28 tiegħu; huwa lest biex jidħol f'neguzjati, inkluż li jsir rikors għall-mezzi kollha li jipprovdi l-IIA;
-
is-sitwazzjoni attwali ta' l-implimentazzjoni tal-Punt 44 tal-IIA u tal-punt 5(N) tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas ta' Kontroll Intern Integrat (COM(2006)0009);
ċarezza tal-preżentazzjoni tal-baġit, b'mod speċjali fir-rigward ta" l-infiq amministrattiv u r-riżorsi umani inkluż l-għoti "l barra ta" kuntratti ta" ħidmiet;
-
dispożizzjoni baġitarja adegwata biex ikun permess rispons għall-prijoritajiet ta" l-UE "il-kompetittività għat-tkabbir u għall-impjiegi", "il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali u l-promozzjoni ta" Ewropa sostenibbli" u "sabiex il-Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni issir realtà";
-
impenn mill-Kunsill sabiex tittejjeb l-istrateġija ta' informazzjoni ta' l-UE b'mod professjonali u b'koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament u mal-Kummissjoni;
95. Jiddeplora bil-qawwi d-drawwa tal-Kunsill li jagħmel tnaqqis ġenerali fl-ewwel qari tiegħu tal-baġit ta' l-UE mingħajr ma jingħataw l-ebda raġunijiet preċiżi; jistieden lill-Kunsill biex meta jadotta l-Abbozz tal-Baġit jeżamina kull element tal-baġit filwaqt li juża l-kriterji ta' effiċjenza, ekonomija u l-valur miżjud Ewropew; jiġbed l-attenzjoni li l-istabbiliment tal-baġit ta" l-UE huwa att politiku fundamentali li hu aktar milli sempliċiment eżerċizju ta" kontabilità, u jistenna lill-Kunsill jagħmel arranġamenti għal djalogu politiku ġenwin mal-Parlament waqt din il-proċedura baġitarja;
o o o
96. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.