Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2008 dwar l-impatt ambjentali tas-sistema tal-pajpijiet tal-gass ippjanata fil-Baħar Baltiku biex tgħaqqad ir-Russja mal-Ġermanja (Petizzjonijiet 0614/2007u 0952/2006) ((2007/2118(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Petizzjoni 0614/2007, imressqa minn Radvile Morkunaite, u b'aktar minn 20,000 firma, il-Petizzjoni 0952/2006 mressqa minn Krzysztof Mączkowski u l-petizzjonijiet l-oħra mressqa lilu dwar il-kwistjoni koperta f'din ir-riżoluzzjoni,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta" Liżbona ffirmat mill-Istati Membri kollha fit-13 ta" Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent ta' l-Ibħra (COM(2005)0504),
– wara li kkunsidra s-Sitt Programm ta" Azzjoni għall-Ambjent tal-Komunità Ewropea(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta' Marzu 1997 li temenda d-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent(2), u d-Direttivi tal-Kunsill 92/43/KEE(3) u 79/409/KEE(4), żewġ direttivi li jiffurmaw il-pakkett leġiżlattiv Natura 2000,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006 dwar Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2006 dwar Strateġija tal-Baħar Baltiku għad-Dimensjoni tat-Tramuntana(6),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent tal-Baħar taz-Zona tal-Baħar Baltiku (Konvenzjoni ta' Ħelsinki),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Ħelsinki (HELCOM), u b'mod partikulari r-Rakkomandazzjoni 17/3 tat-12 ta' Marzu 1996 li tiddeskrivi l-obbligu li wieħed jagħmel evalwazzjoni ta' l-impatt fuq l-ambjent u li jikkonsulta ma' stati li jistgħu jsofru l-impatt negattiv tal-proġett propost,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istima ta' l-Impatt fuq l-Ambjent f'Kuntest li Jaqsam il-Fruntieri tal-25 ta' Frar 1991 (Konvenzjoni ta' Espoo),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tal-25 ta' Ġunju 1998 (Konvenzjoni ta' Århus),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS),
– wara li kkunsidra l-prinċipju ta' prekawzjoni, li huwa inkluż mill-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fost il-prinċipji ġenerali ta' l-acquis communautaire u li huwa wieħed mill-aspetti ta' l-iżvilupp sostenibbli skond il-liġi ta'l-UE u dik internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-prinċipju ta' governanza tajba, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tal-liġita' l-UE,
– wara li kkunsidra l-attivitajiet ta' l-Intergrupp ta' l-Ewropa tal-Baltiku tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposti li ħarġu mis-smigħ pubbliku tad-29 ta' Jannar 2008,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 li tistabbilixxi linji gwida għal networks ta' l-enerġija trans-Ewropej(7), li tirrikonoxxi in-Nord Stream bħala proġett ta' interess Ewropew ,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għall-Baħar Baltiku adottat fil-laqgħa tal-Ministri ta' l-Ambjent ta' l-Istati Baltiċi li saret fi Krakovja fil-15 ta' Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jimponi fuq l-Istati Membri dover ta' lealtà lejn il-Komunità Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 192(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0225/2008),
A. billi l-Baħar Baltiku huwa baċin li miegħu għandhom fruntiera xejn inqas minn tmien Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, u li 80% mill-linja tal-kosta tiegħu huwa territorju ta' l-Unjoni Ewropea, billi l-OAO Gazprom hi s-sid tal-maġġoranza ta" l-ishma tan-Nord Stream,
B. billi t-tħassib għall-ambjent tal-Baħar Baltiku huwa wieħed mill-aktar objettivi importanti tad-Dimensjoni tat-Tramuntana ta' l-Unjoni, kif ikkonfermat ripetutament mill-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament,
C. billi s-setturi tal-biedja u ta" l-industrija ta" l-Istati Membri li jmissu mal-Baħar Baltiku, flimkien mar-Russja huma l-aktar pajjiżi li jniġġsuh u li joħolqu l-akbar problemi għall-bilanċ ekoloġiku tiegħu,
D. billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata b'mod partikolari fil-ħarsien ta' l-ambjent, inkluż il-ħarsien ta' l-ambjent tal-baħar,
E. billi fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kkonfermat ripetutament il-ħarsien ta' l-ambjent bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Komunità, u l-Qorti rrikonoxxiet il-kompetenza tal-Komunità fil-qasam tal-ħarsien u l-konservazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar,
F. billi attwalment jeżistu pjanijiet għall-kostruzzjoni ta" diversi proġetti infrastrutturali fil-Baħar Baltiku (in-Nord Stream, farms għall-enerġija mir-riħ, l-iScanled Baltic Pipe, is-sistema ta' pajpijiet tal-gass bejn il-Finlandja u l-Estonja, il-kejbils ta" l-elettriku bejn l-Iżvezja u l-Litwanja, it-terminals ta" l-LNG fi Świnoujścje, eċċ.),
G. billi l-Ewropa jeħtieġ li ssib mezzi biex twieġeb għall-kwistjoni fundamentali dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija,
H. billi l-kontribut dejjem jikber tal-gass naturali għall-bilanċ ta" l-enerġija fl-Ewropa kien, b'mod speċjali mill-1990 'l hawn, il-mezz ewlieni tat-tnaqqis fl-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju (CO2),
I. billi l-prinċipju ta' prekawzjoni stipulat fl-Artikolu 174(2) tat-Trattat KE jitlob li l-partijiet interessati kollha jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jevalwaw l-impatt ambjentali li jista" jkollhom deċiżjonijiet ġodda jew il-bidu ta" xogħlijiet, u li jieħdu azzjoni preventiva xierqa fejn hemm probabilità raġonevoli ta' theddida għall-ambjent,
J. billi skond il-prinċipju li l-ħtiġijiet tal-protezzjoni ta" l-ambjent iridu jkunu integrati f'politiki speċifiċi għas-setturi, dawn il-ħtiġijiet għandhom jitqiesu kif jixraq fit-twettiq ta" l-attivitajiet kollha Komunitarji u fil-ħidma għall-ilħuq ta" l-għanijiet kollha tal-Komunità,
K. billi l-Artikolu 194 tat-Trattat futur dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kif imdaħħal mit-Trattat ta' Liżbona, jgħid b'mod espliċitu li l-politika enerġetika ta" l-UE għandha titwettaq fi spirtu ta" solidarjetà bejn l-Istati Membri u b'kunsiderazzjoni għall-ħtieġa tal-konservazzjoni u t-titjib ta" l-ambjent,
L. billi l-vulnerabilità partikulari tal-Baħar Baltiku għat-theddid ambjentali kienet ikkonfermata mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, li rrikonoxxietu bħala 'zona estremament vulnerabbli',
M. billi l-Baħar Baltiku llum huwa waħda mill-aktar zoni marittimi mniġġsa fid-dinja, u billi, b'mod partikulari, il-konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi kemm fl-ilmijiet tiegħu u kemm fl-organiżmi ħajjin tiegħu għadha għolja sa livell mhux naturali,
N. billi l-Baħar Baltiku huwa baħar ġewwwieni tipiku u mhux fond u, flimkien mal-Baħar l-Iswed, għandu l-itwal ċiklu ta' skambju ta' l-ilma ma' l-oċean globali, ta' madwar 30 sena,
O. billi pajp għat-trażmissjoni tal-gass huwa stmat li jservi għal 50 sena u li l-ammont tax-xogħol li tinvolvi d-dekommissjoni tas-sistema tal-pajpijiet ikun simili fl-iskala għal dak ta" l-istallazzjoni ppjanata; billi dan l-aspett għandu jitqies fil-konfront taż-żmien meħtieġ biex il-flora u l-fawna terġa' lura kompletament għall-istat oriġinali tagħha meta wieħed jikkunsidra l-impatt ambjentali u ekonomiku tal-proġett,
P. billi l-espożizzjoni għall-metalli tqal, sustanzi kontaminanti u sustanzi dannużi oħra joħloq riskji għas-saħħa u implikazzjoni għall-katina ta" l-ikel li jeħtieġ jiġu eżaminati,
Q. billi numru ta' fatturi, inklużi l-perjodi twal ta' preservazzjoni ta' l-ilma, il-kolonna ta' l-ilma stratifikata, iz-zona fejn jinġabar l-ilma estensiva li hi industrijalizzata u l-intensifikazzjoni partikulari tal-biedja fiz-zona tal-Baħar Baltiku jagħmlu l-Baħar Baltiku partikolarment vulnerabbli f'termini ambjentali,
R. billi x-xogħlijiet fil-kundizzjonijiet speċjali fil-Baħar Baltiku jistgħu jirriżultaw f'żieda f'salt fil-popolazzjoni ta" l-alki, li tista' toħloq riskju partikulari għall-Finlandja, l-Iżvezja u l-Ġermanja, u l-istati Baltiċi,
S. billi fattur sinifikanti ieħor ta' riskju ambjentali hija l-eżistenza ta' madwar 80 000 tunnellata ta' munizzjon mormija f'qiegħ il-Baħar Baltiku wara t-Tieni Gwerra Dinjija, li fihom sustanzi tossiċi bħall-gass tal-mustarda, l-iprit tal-kubrit, l-iprit tan-nitroġenu, il-lewisit, Clark I, Clark II u l-adamsit, li jirrappreżentaw periklu kemm għall-ambjent tal-baħar Baltiku u kemm għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem,
T. billi l-kontenituri tal-munizzjoni baqgħu jiġu mormija minn numru ta' stati mill-1945 sa lejn tmiem is-snin sittin,
U. billi, barra minn hekk, il-kontenituri tal-munizzjon qegħdin f'kundizzjoni kritika, bil-korrużjoni tagħhom stmata li hi ta' 80%, u billi l-post eżatt fejn qegħdin mhux dejjem jista' jkun iddeterminat,
V. billi, fl-istess ħin, il-Pjan ta' Azzjoni għall-Baħar Baltiku adottat fil-15 ta' Novembru 2007 fi Krakovja jirrikjedi li l-istati li għandhom fruntiera mal-Baħar Baltiku jiżguraw il-ħażna sikura ta' stokks qodma ta' sustanzi kimiċi u għodda li jkun fihom sustanzi perikolużi,
W. b'kunsiderazzjoni għall-impatt potenzjali tas-sistema tal-pajpijiet tal-gass fuq l-ambjent tal-baħar tal-Baltiku u fuq l-istati li jmissu mal-Baltiku,
X. wara li kkunsidra ż-żieda fit-traffiku f'termini ta" baħħara u tankers taż-żejt fil-Baħar Baltiku u r-riskju potenzjali ta' nirien fuq il-bastimenti, ir-riskju tat-telfien tal-kapaċità tal-bastimenti li jżommu f'wiċċ l-ilma u l-għarqien tagħhom minħabba ħsara fis-sistema ta' pajpijiet tal-gass waqt il-kostruzzjoni, l-istallazzjoni u l-operat tagħha, u l-impatt potenzjali uman, ekonomiku u ambjentali tagħha,
Y. billi n-Nord Stream qed tippjana li tibni kurritur taħt l-ilma twil 1 200 km u wiesa' madwar 2 km, li b'hekk se jkun l-ikbar kostruzzjoni taħt il-baħar fid-dinja,
Z. billi s-sajd, it-turiżmu u t-tbaħħir jistgħu jkunu affettwati ħażin mill-kostruzzjoni, l-istallazzjoni u l-operat tal-proġett, u dan probabbli se jkollu impatt negattiv fuq l-ekonomija tar-reġjuni tax-xatt,
AA. billi l-Artikolu 123 tal-UNCLOS, li huwa parti integrali mill-acquis communautaire, jirrikjedi li l-istati li jmissu ma' ibħra parzjalment magħluqa jikkoperaw bejniethom fl-eżerċizzju tad-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u li jikkoordinaw l-implimentazzjoni tad-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom rigward il-ħarsien u l-konservazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar,
AB. billi l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta' Espoo jitlob li l-istati kontraenti, individwalment jew flimkien, jieħdu l-miżuri xierqa u effettivi kollha biex jevitaw, inaqqsu u jikkontrollaw impatt ta' ħsara fuq l-ambjent transkonfinali sinifikanti mill-attivitajiet proposti,
AC. billi skond l-Artikolu 5(a) tal-Konvenzjoni ta' Espoo, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet esposti għall-effetti dannużi ta" proġetti transkonfinali jistgħu jkopru alternattivi possibbli għal proġett propost, inkluża l-possibilità li l-proġett jiġi abbandunat,
AD. billi l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta' Ħelsinki jitlob li l-Istati Kontraenti jieħdu l-miżuri kollha sabiex jevitaw it-tniġġis ta' l-ambjent tal-baħar fiz-zona tal-Baħar Baltiku li jirriżulta mill-esplorazzjoni jew l-isfruttament ta' qiegħ il-baħar jew minn kwalunkwe attività assoċjata,
AE. billi r-rotta proposta għas-sistema tal-pajpijiet tal-gass tal-gass tat-Tramuntana ta' l-Ewropa se taqsam zoni li huma inklużi fil-programm Natura 2000 u li d-Direttiva 92/43/KEE tikklassifika bħala żoni speċjali ta" konservazzjoni,
AF. billi l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE jirrikjedi li l-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw id-deterjorament tal-ħabitat naturali u l-ħabitat ta" l-ispeċi fiz-zoni speċjali ta" konservazzjoni,
AG. billi l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE jirrikjedi li l-Istati Membri jagħmlu evalwazzjoni xierqa ta" l-implikazzjonijiet ta' kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma" jew li mhux meħtieġ għat-tmexxija ta' sit ta' konservazzjoni iżda li x'aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, in vista ta" l-għanjiet ta" konservazzjoni tas-sit,
AH. billi skond l-Artikolu 6 (3) tad-Direttiva 92/43/KEE, fl-isfond tar-riżultati ta" l-evalwazzjoni ta" l-implikazzjonijiet għas-sit imsemmija hawn fuq, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat u, jekk ikun xieraq, wara li jkunu raw x'inhi l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali,
AI. billi s-sistema tal-pajpijiet tal-gass proposta se tkun l-itwal sistema tal-pajpijiet tal-gass taħt il-baħar b'żewġ tubi fid-dinja, minbarra li se tkun l-inqas waħda fil-fond, fatti li jagħmluha partikolarment vulnerabbli għall-ħsara potenzjali,
AJ. billi d-Deċiżjoni 1364/2006/KE tinkludi s-sistema tal-pajpijiet tal-gass tat-Tramuntana ta' l-Ewropa fost il-proġetti ta' prijorità ta' interess Ewropew,
AK. billi kull struttura ta' inġinerija fuq skala kbira mibnija fil-baħar trid, minħabba r-riskji assoċjati, tkun suġġetta għal analiżi partikolarment bir-reqqa u komprensiva u evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali kif preskritt mill-Konvenzjoni ta' Espoo, il-Konvenzjoni HELCOM u l-leġiżlazzjoni l-oħra kollha rilevanti Ewropea u nazzjonali,
AL. billi wara l-Konvenzjoni ta' Espoo, kull proġett ta' dan it-tip għandu jkun preċedut minn analiżi ta' l-alternattivi għalih, li tkopri b'mod partikolari l-ispejjeż ta' implimentazzjoni u s-sikurezza ambjentali, f'dan il-każ analiżi ta' rotot fuq l-art għas-sistema tal-pajpijiet tal-gass,
AM. billi partijiet mis-sistema ta' pajpijiet diġà ġew trasportati lejn il-belt ta' Kotka fil-Finlandja għall-ipproċessar,
AN. billi l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' Århus jirrikjedi li kull stat kontraenti jiggarantixxi d-drittijiet ta' l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali,
AO. billi r-rekwiżiti legali marbuta mat-tħejjija ta' evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali preċiża għandhom jieħdu kont tal-perikli msemmija hawn fuq,
AP. billi, barra minn hekk, hija meħtieġa l-analiżi tat-theddida terroristika u l-kapaċità ta' azzjoni effettiva kontriha,
1. Huwa tal-fehma li n-Nord Stream huwa proġett infrastrutturali b'dimensjoni politika u strateġika wiesgħa kemm għall-UE u kif ukoll għar-Russja; jifhem it-tħassib espress mill-Istati Membri ta' l-UE fir-rigward tal-bini u l-manutenzjoni tas-sistema ta' pajpijiet; jenfasizza li l-abilità ta' stati żgħar li jmissu mal-Baħar Baltiku li jipprovdu sigurtà fir-reġjun ta' dan il-baħar ma tistax titqies b'mod iżolat mill-abilità ta' l-UE li taġixxi bħala entità magħquda u li titkellem b'vuċi waħda dwar il-kwistjonijiet ta' l-enerġija, u jfakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar politika barranija Ewropea komuni għall-enerġija(8); jenfasizza li d-deċiżjoni 1364/2006/KE (li tinkorpora linji gwida għat-TEN-E) tirrikonoxxi n-Nord Stream bħala proġett ta' interess Ewropew li jista' jgħin biex jintlaħqu l-ħtiġijiet enerġetiċi ġejjiena ta" l-UE; jenfasizza li dan il-proġett u sistemi ta' pajpijiet tal-gass oħra kumplementari, bħall-Yamal II u l-Amber, għandhom ikunu ppjanati fl-ispirtu ta' politika barranija Ewropea komuni għall-enerġija u għandhom jikkunsidrau bis-sħiħ l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u fuq is-sigurtà ta' l-Istati Membri ta' l-UE;
2. Itenni l-opinjoni tiegħu li, filwaqt li tiġi kkunsidrata d-dipendenza dejjem tikber ta' l-UE fuq numru limitat ta' sorsi, fornituri u rotot ta' trasport ta' l-enerġija, huwa essenzjali li jiġu appoġġati inizjattivi mmirati lejn id-diversifikazzjoni tagħhom, kemm ġeografikament u kemm billi jkunu żviluppati alternattivi sostenibbli; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-bżonn ta' appoġġ għall-iżvilupp ta' l-infrastruttura tal-portijiet użati fl-immaniġġjar tal-fjuwils; ifakkar li n-Nord Stream huwa biss wieħed minn numru ikbar ta' proġetti ta' infrastruttura marbuta mal-gass, bħas-sistemi ta' pajpijiet u l-faċilitajiet ta" l-LNG, li se jkunu essenzjali biex ikunu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-konsum tal-gass naturali tal-Komunità li, skond diversi studji, se jikbru b'mod sinifikanti tul is-snin li ġejjin u li fl-istess ħin se jippermettu li jkunu sostitwiti fjuwils fossili li jagħmlu iktar ħsara lill-ambjent; jikkunsidra li hu meħtieġ li jkun evalwat l-impatt fuq l-ambjent fuq perjodu ta' żmien twil mill-infrastruttura l-ġdida tal-gass, b'kunsiderazzjoni għall-importanza tal-garanzija ta' provvista stabbli tal-gass;
3. Jappoġġa l-proposta, li hemm fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Novembru 2006, li l-istrateġija futura rigward il-baħar ta' l-UE trid tirriżulta f'obbligazzjonijiet supranazzjonali li jorbtu li jistgħu jinvolvu impenji komuni f'pajjiżi terzi;
4. Jenfasizza l-fatt li s-sigurtà ta' l-enerġija trid titqies bħala komponent essenzjali tas-sigurtà ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, u li, konsegwentement, id-definizzjoni tas-sigurtà ta' l-enerġija m'għandhiex tkun limitata għan-nuqqas ta' produzzjoni interna fl-UE iżda għandha tqis ukoll l-aspetti ġeopolitiċi tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet u r-riskji potenzjali li din iġġib magħha ta' interruzzjonijiet motivati politikament; jemmen li t-Tielet Pakkett ta' l-Enerġija se jnaqqas id-dipendenza enerġetika ta' kull Stat Membru peress li ebda stat ma jista" jinqata" minn fornitur minn pajjiż terz f'suq ta' l-enerġija liberalizzat u integrat għalkollox;
5. Iqis li minħabba l-isfida biex tiġi żgurata l-provvista ta' l-enerġija filwaqt li jkun irrispettat l-impenn għall-ħarsien ambjentali u l-iżvilupp sostenibbli, huwa importanti ħafna li tkun implimentata politika Ewropea koerenti u kkoordinata dwar il-provvista tal-gass naturali bbażata fuq evalwazzjoni bir-reqqa fil-livell Ewropew ta" l-aspetti ambjentali ta" soluzzjonijiet alternattivi kif ukoll fuq is-solidarjetà reċiproka bejn l-Istati Membri;
6. Jiddispjaċih dwar l-irwol marġinali li għandha l-UE f'dan il-proġett, b'mod partikulari l-Kummissjoni; jirrimarka li involviment akbar ta' l-UE inaqqas l-inċertezza li tinħass minn ħafna Stati Membri dwar il-proġett Nord Stream;
7. Jinnota l-oppożizzjoni espressa minn certi Stati Membri għall-proġett tas-sistema ta' pajpijiet ippjanat għaz-zona tal-Baħar Baltiku, li huwa patrimonju komuni ta' l-istati li jmissu mal-Baħar Baltiku, u mhux kwistjoni ta' relazzjonijiet bilaterali bejn l-istati; jikkunsidra, għaldaqstant, li l-proġett għandu jitwettaq b'koperazzjoni ma" kull wieħed mill-istati madwar il-Baħar Baltiku skond il-Konvenzjoni ta' Espoo, il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki u strumenti legali pertinenti oħra; jenfasizza l-importanza li r-Russja tlesti r-ratifika tagħha tal-Konvenzjoni ta' Espoo;
8. Jopponi, f'dan ir-rigward, it-twettiq ta' proġett fuq l-iskala proposta, mingħajr ma nkisbet qabel evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali pożittiva;
9. Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li proġetti dwar l-enerġija li jinvolvu lill-Istati Membri ta' l-UE u lil pajjiżi terzi għandhom ikunu suġġett ta' interess Ewropew u ta' tħassib komuni għall-Unjoni Ewropea kollha u għaċ-ċittadini tagħha;
10. Jirrikonoxxi li n-Nord Stream qiegħda twettaq l-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali li għandha titressaq quddiem il-partijiet ta' l-oriġini kif definiti fil-Konvenzjoni ta' Espoo (ir-Russja, il-Finlandja, l-Iżvezja, id-Danimarka u l-Ġermanja) għall-approvazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-kumpanija biex tressaq ir-riżultati ta' l-istudji u s-sett sħiħ tad-dejta tar-riċerka dwar is-sitwazzjoni ekoloġika tas-sit tal-proġett miġbura waqt l-istudji ambjentali, mhux biss quddiem dawk l-Istati, iżda wkoll quddiem il-HELCOM u l-Istati kollha ta' max-xtajta;
11. Jenfasizza li s-soluzzjoni sostenibbli fuq perjodu ta' żmien twil tirrikjedi trasparenza totali għall-partijiet kollha matul il-fażijiet kemm ta' kostruzzjoni u kemm ta' operazzjoni, u li l-fiduċja f'dan il-proġett kbir se tikber jekk l-istati li jmissu mal-Baħar Baltiku jkunu jistgħu jimmonitorjaw ix-xogħol;
12. Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex janalizzaw l-impatt ambjentali tal-kostruzzjoni tas-sistema tal-pajpijiet tal-gass tat-Tramuntana ta' l-Ewropa, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet li jinvolvu l-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġu opinjoni tal-Kummissjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43/KEE;
13. Jenfasizza li l-prinċipju tar-reċiproċità jrid ikun irrispettat għal kollox fir-rigward ta" l-investiment jekk l-interdipendenza bejn l-UE u r-Russja għandha tiżviluppa fi sħubija; jinnota li pajjiżi terzi jibbenefikaw ħafna mis-suq miftuħ ta" l-Ewropa, iżda jinnota wkoll li l-investituri Ewropej fir-Russja ma jingħatawx vantaġġi simili;
14. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset li taċċetta l-proposta inkluża fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2006 msemmija hawn fuq dwar il-preparazzjoni ta' evalwazzjonijiet ta' l-impatt fuq l-ambjent oġġettivi tal-proġetti proposti mill-Kummissjoni, waqt li jtenni s-sejħa tiegħu għall-preparazzjoni ta' evalwazzjoni bħal din minn korp indipendenti li għandu jinħatar billi jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet ta" l-istati kollha ta' max-xtajta;
15. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwettqu evalwazzjoni bir-reqqa dwar jekk l-implimentazzjoni tal-proġett hijiex konformi mal-liġi Komunitarja u internazzjonali;
16. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iskeda tal-proġett adottata min-Nord Stream, li l-implimentazzjoni tagħha se timpedixxi analiżi bir-reqqa tar-riżultati ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali minn stati interessati, organizzazzjonijiet mhux governattivi u esperti tal-HELCOM; jinnota li analiżi dettaljata tar-riżultati ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali teħtieġ skeda ta' żmien xierqa;
17. Jirrimarka li ħidma f'zona li tkopri sa 2 400 km² fil-Baħar Baltiku, li tirrikjedi l-użu ta' numru kbir ta' bastimenti u tagħmir ieħor, tista' tirrappreżenta theddida serja għall-bijodiversità u għan-numru ta' ħabitats, kif ukoll għas-sikurezza u l-operat bla xkiel tat-tbaħħir, fir-reġjun;
18. Jistenna li l-indħil possibbli mis-sistema ta' pajpijiet f'qiegħ il-baħar matul il-fażi tal-bini tkun parti mill-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali;;
19. Jistieden lill-iżviluppatur biex fl-abbozz tar-rapport dwar l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt Ambjentali jinkludi termini ta' referenza komprensivi billi jipprovdi deskrizzjoni ċara tal-kundizzjonijiet ambjentali attwali fis-sit u billi jipprovdi dejta dwar il-ġeomorfoloġija tas-sit f'forma tridimensjonali;
20. Jesprimi tħassib kbir fir-rigward tar-rapporti li, qabel iqiegħed għall-użu s-sistema tal-pajpijiet tal-gass, l-investitur bi ħsiebu juża prodott kompost tossiku ħafna magħruf bħala aldeide glutarika; jistieden lill-investitur biex ma jużax din is-sustanza;
21. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju ambjentali indipendenti u ta" min joqgħod fuqu li jeżamina l-emissjonijiet agrikoli u industrijali li qed iniġġsu l-Baħar Baltiku u biex tevalwa s-sitwazzjoni skond it-theddidiet ambjentali possibbli kkaġunati mis-sistema tal-pajpijiet tal-gass li attwalment għaddejja mill-Baħar Baltiku; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt addizzjonali fuq il-Baħar Baltiku kkaġunat mill-proġett Nord Stream;
22. Jistieden lill-iżviluppatur biex jiżgura li l-kostruzzjoni u l-operazzjoni tas-sistema tal-pajpijiet tal-gass ma jipperikolawx il-ħafna speċijiet ta' ħut u għasafar kif ukoll l-eżistenza ta' popolazzjoni ta' foċeni li hija biss ta' 600, u li huma speċi unika għal dan ir-reġjun ġeografiku;
23. Jikkunsidra li l-ħarsien ta" l-ambjent tal-Baħar Baltiku huwa parti mid-Dimensjoni tat-Tramuntana ta" l-UE u għandu jiġi kkunsidrat ukoll fil-qafas ta' l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku fil-każijiet li fihom dan ikun xieraq;
24. Jinnota li l-prosperità tar-reġjuni kostali u l-kompetittività ta" l-ekonomiji tagħhom huma suxxettibbli ħafna għal, u pperikolati ħafna minn, zoni kostali mħassra u d-deterjorament ta" l-ambjent tal-baħar; jiġbed l-attenzjoni li, minħabba l-fatt li r-reġjuni kostali huma affettwati ħafna minn attivitajiet u politiki marittimi, is-sostenibilità ambjentali fuq perjodu ta' żmien twil hija prekundizzjoni għall-ħarsien tal-prosperità ekonomika, soċjali u ambjentali tagħhom;
25. Jinnota l-assenza ta' kwalunkwe strateġija li tindirizza n-nuqqas strutturali u t-theddid estern għas-sikurezza tas-sistema tal-pajpijiet tal-gass; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu definiti b'mod ċar l-aspetti kollha relatati mas-sikurezza u r-reazzjoni f'każ ta' l-emerġenza, inklużi r-riżorsi finanzjarji, il-partijiet ikkonċernati, l-irwoli u l-proċeduri;
26. Jenfasizza li minħabba t-talba dejjem tikber għall-gass fl-UE, għandhom ikunu analizzati u promossi rotot alternattivi għas-sistema tal-pajpijiet tal-gass, b'mod li jitqiesu l-aspetti ambjentali u kemm dawk ekonomiċi, inkluża l-iskeda għal rotot bħal dawn; jinnota li hu possibbli jkun hemm rotot bħal dawn lejn il-fruntiera tar-Russja mill-art, u li jgħaddu biss minn Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea; jinnota li n-Nord Stream hija meħtieġa li tressaq evalwazzjoni ta' l-alternattivi għar-rotta magħżula fl-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali;
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi bħal din fi djalogu mal-pajjiżi littorali interessati, l-investitur u l-HELCOM, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet ta' l-NGOs;
28. Jenfasizza li l-kwistjoni ta' kumpens ekonomiku għal kwalunkwe falliment jew ħsara, għandha tkun perfettament ċara qabel ikun biss jista' jinbeda x-xogħol; jirrimarka li ħsara kbira fis-sistema ta' pajpijiet tal-gass tista' twassal għal kumplikazzjonijiet għall-istati li għandhom fruntiera mal-Baħar Baltiku u tista' tkun devastanti għall-ambjent tal-baħar; jikkunsidra li n-Nord Stream għandha tieħu r-responsabilità sħiħa għall-kumpens;
29. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu evalwazzjoni bir-reqqa ta' l-aspetti ekonomiċi, tal-baġit u dawk relatati mat-trasparenza fil-proġett tan-Nord Stream u tal-kumpaniji involuti fih;
30. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga l-possibilitajiet li, fi ħdan is-sħubija tad-Dimensjoni tat-Tramuntana, min-Nordstream jiġi meħtieġ ir-rekwiżit li hu l-ekwivalenti ta' 'gwadann ta' ppjanar' b'rabta mal-possibilità ta' proġetti ta' riġenerazzjoni fil-fruntiera bejn il-Finlandja u r-Russja fejn huwa propost li s-sistema ta' pajpijiet tinbeda jew fil-kuntest ta' l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku,
31. Jinnota d-deċiżjonijiet li ġejjin li ttieħdu mill-korpi ta' l-Istati Membri:
–
id-deċiżjoni tal-Gvern ta' l-Iżvezja tat-12 ta' Frar 2008 li titlob għal aktar dokumentazzjoni minn Nord Nord Stream AG biex tibni s-sistema ta' pajpijiet tal-gass minħabba nuqqasijiet proċedurali u sustantivi sinifikanti u, b'mod partikulari, in-nuqqas ta' analiżi ta' rotta alternattiva u tal-possibilità li jkun abbandunat il-bini tal-pajp tas-sistema ta' pajpijiet tal-gass;
–
il-pożizzjoni tal-Parlament tal-Litwanja tas-27 ta' Marzu 2007, li tiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li tkun sospiża l-implimentazzjoni ta' proġetti infrastrutturali fuq skala kbira fil-Baħar Baltiku sakemm titwettaq analiżi dettaljata ta' soluzzjonijiet alternattivi flimkien ma' evalwazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali indipendenti u komprensivi;
–
id-deċiżjoni tal-Gvern ta' l-Estonja tal-21 ta' Settembru 2007 li ma jagħtix permess li jsiru studji taħt il-baħar fiz-zona ekonomika esklussiva ta' l-Estonja, minħabba d-dubji dwar l-ambitu u l-kobor ta' dawn l-istudji;
32. Jiddispjaċih li l-Green Paper 'Lejn Politika Marittima ta' l-Unjoni għall-ġejjieni' ma tindirizzax il-problema ta' proġetti fuq skala kbira bħas-sistemi ta' pajpijiet taħt il-baħar. Jiddispjaċih li fi strumenti legali u komunikazzjonijiet dwar l-istrateġiji rigward il-baħar li tibda hi, il-Kummissjoni normalment tinjora l-problema ta' sistemi ta' pajpijiet taħt il-baħar, li hija kruċjali mill-perspettivi kemm tal-ħarsien ta' l-ambjent kif ukoll tas-sigurtà ta' l-enerġija ta' l-UE;
33. Jitlob li tkun ikkummissjunata evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali indipendenti, u li għandha tkun disponibbli għal konsultazzjoni approfondita ma' l-awtoritajiet relevanti u mal-pubbliku ġenerali ta' l-istati kollha ta' max-xtajta,
34. Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza li titwettaq strateġija ta' komunikazzjoni trasparenti dwar il-passi li jikkonċernaw ir-riżultati ta' l-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali, u li dawn ir-riżultati jiġu komunikati b'mod attiv lill-Istati Membri kollha ta' l-UE, speċjalment lill-istati Baltiċi li jmissu mal-baħar;
35. Itenni, għaldaqstant, is-sejħa li għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2006 msemmija hawn fuq għall-proposta ta' mekkaniżmu obbligatorju għan-negozjazzjoni bejn l-Istati Membri u l-insistenza tiegħu li l-Kunsill għandu jieħu azzjoni fil-livell internazzjonali biex ikunu żviluppati evalwazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali obbligatorji fir-relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi terzi;
36. Jinnota li l-assenjar ta' rotta għas-sistema tal-pajpijiet tal-gass tat-Tramuntana ta' l-Ewropa għandu jilħaq l-objettivi strateġiċi u ekonomiċi stipulati fid-Deċiżjoni 1364/2006/KE filwaqt li jevita li ssir kwalunkwe ħsara ambjentali;
37. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw illi l-bini tas-sistema tal-pajpijiet Nord Stream tkun kompletament konformi mal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar l-evalwazzjonijiet ta' l-impatt ambjentali u mal-konvenzjonijiet internazzjonali kollha;;
38. Jitlob, b'mod partikulari, lill-Kummissjoni biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dokumenti msemmija hawn fuq, l-UNCLOS, il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki, il-Konvenzjoni ta' Espoo, il-Konvenzjoni ta' Århus, id-Direttivi 85/337/KEE, 97/11/KE, 92/43/KEE u 79/409/KEE, kif ukoll l-Artikolu 10 tat-Trattat KE u l-prinċipju ta' prekawzjoni u l-prinċipju ta' l-iżvilupp sostenibbli, u biex tibda proċedimenti skond l-Artikolu 226 tat-Trattat KE f'każ ta' nuqqas ta' konformità ma' l-obbligi msemmija hawn fuq;
39. Iqis, fid-dawl tal-qagħda politika u l-ambizzjonijiet ġeopolitiċi attwali tar-Russja, li hu ta' importanza kbira li r-Russja turi rieda tajba fir-rigward tal-koperazzjoni fil-politika għall-enerġija Ewropea; jenfasizza l-importanza li r-Russja tirratifika t-Trattat dwar il-Karta għall-Enerġija, u l-Protokoll tiegħu dwar it-Tranżitu, peress li din ir-ratifika se tnaqqas il-potenzjal għal kunflitt dwar proġetti bħal Nord Stream;
40. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, tevalwa s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq riżultat tal-possibilità li titlesta s-sistema ta' pajpijiet tal-gass tan-Nord Stream, u jekk ikun meħtieġ, tieħu miżuri biex timpedixxi lill-Gazprom milli takkwista rwol dominanti fis-suq tal-gass ta' l-UE mingħajr ma tagħti garanzija reċiproka lill-kumpaniji ta' l-UE biex jidħlu fis-suq ta' l-enerġija Russu;
41. Jissuġġerixxi li tkun stabbilita sistema ta' superviżjoni komuni tas-sistema ta' pajpijiet tal-gass, li tinkludi l-pajjiżi kollha tar-reġjun tal-Baħar Baltiku; jissuġġerixxi wkoll li l-obbligu għall-ħlas ta' kumpens għal ħsara ambjentali għandha jkun biss tan-Nord Stream;
42. Jinnota n-nuqqas ta' strutturi istituzzjonali li jkunu jistgħu jirreaġixxu b'mod xieraq għall-kwistjonijiet tas-sigurtà ambjentali u ġeopolitika assoċjati ma' dan il-proġett; jissuġġerixxi, għaldaqstant, li l-Kummissjoni għandha toħloq kariga xierqa bir-responsabilità għall-proġetti attwali u futuri, li tkun taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Viċi-President tal-Kummissjoni;
43. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.
Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta" Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta" Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (ĠU L 242, 10.9.2002, p.1).