Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2111(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0265/2008

Testi mressqa :

A6-0265/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2008 - 5.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0339

Testi adottati
PDF 409kWORD 98k
L-Erbgħa, 9 ta' Lulju 2008 - Strasburgu
Il-prijoritajiet ta' l-UE għat-63 Sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti
P6_TA(2008)0339A6-0265/2008

Rakkomondazzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 lill-Kunsill dwar il-prijoritajiet ta' l-UE għat-63 Sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (2008/2111(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta ta' Alexander Lambsdorff u Annemie Neyts-Uyttebroeck f'isem il-Grupp ALDE għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill fit-63 sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) (B6-0176/2008),

–   wara li kkunsidra r-rapport ta' l-2005 tas-Segretarju tan-NU bit-titolu 'F'Libertá Akbar', ir-riżoluzzjoni sussegwenti 60/1 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-eżitu tal-Laqgħa Għolja Dinjija 2005 u r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-7 ta' Marzu 2006 bit-titolu 'Ninvestu fin-Nazzjonijiet Uniti: għal organizzazzjoni dinjija aktar b'saħħitha",

–   wara li kkunsidra l-Prijoritajiet ta' l-UE għat-62 Assemblea Ġenerali tan-NU,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-29 ta' Jannar 2004 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti(1) u tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti(2) u tad-29 ta' Settembru 2005 dwar l-eżitu tal-Laqgħa Għolja Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti ta' bejn l-14 u s-16 ta' Settembru 2005(3),

–   wara li kkunsidra l-lista preliminari ta' kwistjonijiet li għandhom jiġu nklużi fl- aġenda provviżorja tat-63 sessjoni regolari ta' l-Assemblea Ġenerali tal-11 ta' Frar 2008 u b'mod speċifiku għall-punti bit-titolu "Iż-Żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali", "L-iżvilupp ta' l-Afrika", "Il-Promozzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem" u l-"L-Immaniġġjar tar-Riforma",

–   wara li kkunsidra r-riżultati tad-Disa' Laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (COP 9), li saret mid-19 sat-30 ta' Mejju 2008 f'Bonn,

–   wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 90 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarjiet Barranin (A6-0265/2008),

A.   billi l-politika barranija ta' l-UE hi msejsa fuq appoġġ qawwi u ċar għal multilateraliżmu effettiv, kif inkorporat fil-Karta tan-NU,

B.   billi l-UE hi sieħbapolitika u finanzjarja ewlienija tan-Nazzjonijiet Uniti fil-ġlieda kontra l-faqar u fil-promozzjoni ta' l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, waqt li tipprovdi sigurtá kollettiva, inkluż il-ħarsien ta' l-għejxien ta' popolazzjonijiet fil-periklu, u tappoġġja d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha,

C.   billi l-aġenda ta' riforma tan-Nazzjonijiet Uniti, li tinkludi t-twaqqif ta' korpi ġodda, it-tiġdid radikali ta' oħrajn, ir-ristrutturazzjoni ta' l-immaniġġjar ta' l-operazzjonijiet fuq il-post, ir-rijorganizzazzjoni tat-twassil ta' l-assistenza kif ukoll ir-riforma fil-fond tas-Segretarjat tiegħu, hija estremament ambizzjuża u teħtieġ appoġġ politiku kontinwu, b'mod partikolari fi żmien meta, wara d-definizzjoni tal-qafas ta' politika ġdida, l-istadju ta' implimentazzjoni jkun beda,

D.   billi żewġ entitajiet ewlenin ġodda, il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni għat-Tkattir tal-Paċi (PBC), daħlu f'fażi kruċjali, li fiha urew l-abilità tagħhom li jiksbu l-għanijiet rispettivi stabbiliti għalihom mill-Istati Membri tan-NU,

E.   billi r-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li ilha mistennija, għandha trid tinkiseb, meta jiġi meħud kont tas-sensitivitajiet involuti kif ukoll it-tensjoni bejn responsabilità diretta akbar u żieda fil-bilanċ ġeopolitiku, min-naħa, u l-bżonn li tkun żgurata l-effiċjenza u l-effettività ta' din l-entità, min-naħa l-oħra,

F.   billi l-2008 hija sena importanti ħafna għall-isforzi biex jiġi eradikat il-faqar u biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs) sa l-2015, u billi l-Istati Membri ta' l-UE għandhom jipprovdu tmexxija globali qabel il-laqgħat ewlenin rilevanti li għandhom isiru fit-tieni nofs ta' din is-sena,

G.   billi, fir-rigward ta' l-ilħuq ta' l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs), l-isforzi ta' l-UE jservu bħala katalist importanti u bħala eżempju għal donaturi oħra, iżda madankollu, jekk it-tendenzi attwali ma jitreġġgħux lura, xorta se jkunu inqas, b'EUR 75 biljun sa l-2010, mill-impenji uffiċjali ta' l-UE fir-rigward ta' l-għajnuna għall-iżvilupp,

H.   billi fl-Afrika ta' taħt is-Sahara ħafna pajjiżi m'hu se jaslu biex jilħqu ebda MDG, u billi f'ħafna pajjiżi bi dħul medju wkoll hemm reġjuni u gruppi etniċi magħmula minn miljuni ta' persuni li qed jagħmlu progress li mhux sodisfaċenti sabiex jintlaħqu l-miri,

I.   billi ż-żieda qawwija fil-prezzijiet ta' l-ikel u t-tkabbir globali li qed iseħħ b'rata inqas mgħaġġla qed jheddu li jtawlu l-progress fir-rigward ta' l-MDGs b'madwar 7 snin sakemm ma jkunx hemm aktar investiment fis-settur agrikolu u fl-industrija agroalimentari fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw,

J.   billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU ddeċidiet li fl-4 u fil-5 ta' Ottubru 2007 jsir id-Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-koperazzjoni interreliġjuża u interkulturali għall-promozzjoni tat-tolleranza, tal-ftehim u tar-rispett universali fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' libertà tar-reliġjon u tat-twemmin u ta' diversità kulturali, b'koordinazzjoni ma' inizjattivi simili f'dan il-qasam,

K.   billi l-2008 hija s-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali,

L.   billi l-aġenda ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU għadha mhijiex iffukata u standardizzata biżżejjed, u li għandha bżonn tkun sabiex ix-xogħol ta' din l-entità jsir aktar konsistenti u biex tiffaċiltà s-segwitu tar-riżoluzzjonijiet tagħha,

M.   billi d-Dipartiment tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Operazzjonijiet għaż-Żamma tal-Paċi attwalment jimmaniġġja 20-il operazzjoni fil-post li jinvolvu 'l fuq minn 100 000 truppa, li minnhom nofs huma fl-Afrika,

N.   billi l-grad ta' koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE fi ħdan in-NUjvarja sew minn entitá għall-oħra u minn politika għall-oħra,

O.   billi din il-koordinazzjoni ma għandhiex tinkiseb bi ħsara għan-negozjati ma' pajjiżi minn blokk ġeopolitiku ieħor, li huma pre-rekwiżit essenzjali biex ikunu stabbiliti alleanzi meħtieġa fi ħdan in-NU,

P.   billi din il-koordinazzjoni titlob koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gruppi ta' ħidma relevanti tal-Kunsill ibbażati fi Brussell u l-uffiċċji ta' l-UE kif ukoll ir-Rappreżentanti Permanenti ta' l-Istati Membri ta'l-UE fi New York u f'Ġinevra,

Q.   billi t-Trattat ta' Liżbona jagħti personalitá ġuridika lill-UE, innovazzjoni li se jkollha riperkussjonijiet importanti ħafna għar-rappreżentazzjoni ta' l-UE fin-NU,

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

   L-UE fin-NU u r-ratifika tat-Trattat ta' Liżbona
   a) jitlob sabiex il-prijoritajiet politiċi ta' l-UE għas-sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU li jmiss, ikunu s-suġġett ta' dibattitu fil-fond u wiesa' bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni,
   b) jikkunsidra li din il-pożizzjoni formali tal-Kunsill rigward il-prioritajiet ta' l-Assemblea Ġenerali ta' l-NU għandha tkun meqjusa mir-Rappreżentanti Permanenti ta' l-Istati Membri fi New York bħala pjattaforma politika li torbot u li għandha tintuża bħala bażi għal negozjati ma' pajjiżi oħra,
   c) jemmen li l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE fi ħdan in-NU għandha b'mod ġenerali tibda fil-gruppi ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill, b'hekk ikun aktar faċli għad-diplomatiċi ta' New York li jiksbu pożizzjoni komuni dwar kwistjonijiet speċifiċi fl-entitajiet tan-NU u jkun hemm aktar żmien għall-konsultazzjonijiet u għan-negozjati ma' gruppi reġjonali oħra jew pajjiżi li jiffurmaw parti minn gruppi oħra bħal dawn,
   d) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw rijorganizzazzjoni u espansjoni ta' l-uffiċċji tagħhom fi New York u f'Ġinevra fid-dawl taż-żieda fis-setgħat u fir-responsabilitajiet li r-rappreżentanti ta' l-UE se jkunu mistennija li jeżerċitaw meta jkun ratifikat it-Trattat ta' Liżbona, filwaqt li jiggarantixxu koordinazzjoni u sinerġija ottimali bejn il-politiki, il-programmi u l-fondi Komunitarji kif ukoll l-istrumenti u l-missjonijiet inklużi fil-Politika Barranija u tas-Sigurtà Komuni ta' l-Unjoni,
   e) iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jistudjaw fil-fond l-implikazzjonijiet li t-Trattat ta' Liżbona għandu għar-rappreżentazzjoni futura ta' l-Unjoni fin-NU, u jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE sabiex jimpenjaw lilhom infushom b'mod ċar u sod sabiex jiżguraw li l-Unjoni tgawdi viżibilitá u awtoritá adegwata fl-entitajiet u l-fora tan-NU,
   f) jinkoraġġixxi lill-Kunsill biex jinnegozja u jiddefinixxi, kemm jista" jkun malajr. l-istatus operazzjonali ta' l-'osservaturi' ta' l-UE fin-NU malajr kemm jista' jkun,
   g) jitlob ugwalment lill-Istati Membri biex iwettqu reviżjoni ta' l-istruttura attwali tal-gruppi reġjonali fi ħdan in-NU sabiex jiżguraw li din tirrifletti s-sħubija ta' l-Unjoni Ewropea li tirriżulta mill-aħħar tkabbir,
   h) jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinfurmaw lill-Parlament fuq bażi regolari dwar l-implikazzjonijiet, inklużi dawk baġitarji, ta' kwalunkwe passi possibbli lejn ir-rijorganizzazzjoni tal-preżenza ta' l-UE fi ħdan bosta partijiet tal-komponenti tan-NU, inkluż is-Segretarjat kif ukoll il-fondi u l-programmi tagħha,
   Il-kontribuzzjoni ta' l-UE għar-riformi tan-NU
   i) jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu mill-ġdid ta' l-attivitajiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar ir-rivitalizzazzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU mogħtija d-dover li ssib modi kif issaħħaħ l-irwol, l-awtorità, l-effettività u l-effiċjenza ta' l-Assemblea, u jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu, f'dan il-kuntest, it-tisħiħ ta' l-irwol tal-President ta' l-Assemblea Ġenerali, u dan għandu jġib miegħu riżorsi finanzjarji, umani, u ta' infrastruttura adegwati, kif ukoll it-twaqqif ta' koperazzjoni aktar sistematika bejn l-Assemblea Ġenerali, is-Segretarju Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex tiżdied ir-responsabilità diretta u l-leġittimità,
   j) iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex ikomplu jirrikjedu li ssir reviżjoni li ilha mistennija tal-mandat, intiża biex issaħħaħ u taġġorna l-programm ta' ħidma tan-NU, sabiex twieġeb għar-rekwiżiti komtemporanji ta' l-Istati Membri, billi jirrevedu l-mandati kollha li ilhom aktar minn ħames snin li orġinaw mir-riżoluzzjonijiet ta' l-Assemblea Ġenerali u ta' entitajiet oħra,
   k) ifakkar lill-Istati Membri ta' l-UE fil-wegħdiet li saru fil-Laqgħa Għolja Dinjija 2005 biex in-NU tissaħħaħ permezz ta' għadd ta' riformi tas-segretarjat u ta' l-amministrazzjoni; jistieden lill-Kunsill biex jappoġġa dawn ir-riformi sabiex tiżdied ir-responsabilità diretta u l-previżjoni, jitjieb ir-rendiment u t-trasparenza ta' l-immaniġġjar, u tissaħħaħ l-etika, l-effiċjenza u l-kapaċità ta' organizzazzjoni billi, l-ewwel u qabel kollox, ikun hemm iffukar fuq ir-riformi ta' l-istruttura tas-Segretarjat,
   l) iħeġġeġ lill-Kunsill biex jiżgura li d-Dipartiment għall-Operazzjonijiet taż-Żamma tal-Paċi ta' l-NU u d-Dipartiment ta' l-Affarijiet Politiċi ta' l-NU jkollhom biżżejjed staff biex ilaħħqu mal-ħidmiet u r-responsabilitajiet tagħhom u biex jappoġġja l-isforzi mis-Segretarju Ġenerali f'dan ir-rigward,
   m) iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex jappoġġjaw l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fil-proċess ta' implimentazzjoni tal-kunċett tar-'responsabilità li tipproteġi', kif approvat waqt il-Laqgħa Għolja Dinjija ta' l-2005; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jipparteċipaw b'mod attiv f'dan il-proċess,
   n) jistieden lill-Kunsill biex jappoġġja bis-sħiħ it-tnedija mill-ġdid tan-negozjati mmirati biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta' Livell Għoli dwar il-Koerenza fis-Sistema kollha, u jirrakkomanda lill-Istati Membri ta' l-UE biex jikkoperaw b'mod attiv mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jirċievu għajnuna Ewropea jew nazzjonali u biex jeżerċitaw l-influwenza kollettiva ta" l-Unjoni u ta" l-Istati Membri individwali sabiex ikun żgurat l-appoġġ tagħhom għar-riforma tat-twassil ta' l-assistenza tan-NU u l-promozzjoni ta' koerenza akbar bejn il-politiki tan-NU fil-post,
   o) jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jaslu għal pożizzjoni aktar kumpatta dwar ir-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU – waħda li, waqt li ssostni l-objettiv prinċipali, fi ħdan NU riformata, ta' siġġu permanenti wieħed għall-Unjoni Ewropea, jimmira fl-istess ħin li jżid il-piż ta' l-UE b'mod li jaqbel mal-kontribuzzjoni ta' l-UE għall-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi tan-NU u ta' l-għajnuna għall-iżvilupp tan-NU,
   p) ifakkar lill-Istati Membri ta' l-UE f'dan ir-rigward li huwa importanti ħafna li jkun żgurat li l-Istati Membri ta' l-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jippreżentaw u jsostnu l-pożizzjonijiet uffiċjali ta' l-UE, jinfurmaw kif xieraq lill-Istati Membri l-oħra dwar id-diskussjonijiet li jseħħu fil-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll jikkoordinaw attivament il-pożizzjonijiet tagħhom mal-gruppi ta' ħidma rilevanti fil-Kunsill tal-Ministri ta' l-UE,
   q) jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jappoġġaw il-Forza ta' Ħidma (Task Force) tal-President ta' l-Assembleja Ġenerali tan-NU, Srgjan Kerim, dwar ir-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward il-momentum biex ikun irriformat il-Kunsill tas-Sigurtà maħluq bħala konsegwenza ta' l-inizjattiva msemmija bħala l-"Overarching Process" (il-Proċess Wiesa'); iħeġġeġ lill-Kunsill biex jippromwovi diskussjoni li tiffoka fuq punti ta' konverġenza bil-għan li jinkiseb progress tanġibbli f'dan ir-rigward,
   L-UE u l-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU
   r) iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE, speċjalment Franza u s-Slovakkja bħala membri li għadhom kif ġew eletti tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-operazzjoni ta' suċċess tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet universali; f'dan ir-rigward, jitlob għal aktar responsabilità diretta fil-proċedura għall-istabbiliment u t-tiġdid tal-Proċeduri Speċjali u għall-ħatra tad-dententuri tal-mandat, li għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' trasparenza u ta' kompetizzjoni reali,
   s) jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE li qed jieħdu sehem fil-ħidma tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex jintroduċu modi u strumenti effettivi li jippermettu lis-soċjetà ċivili tipparteċipa fil-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU sabiex jiġu mħarsa aħjar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja u jingħata kontribut b'mod pożittiv għat-trasparenza ta' l-istituzzjoni,
   t) jistieden lill-Kunsill biex isostni l-isforzi li għandhom l-għan li jżidu r-responsabilità ta' l-istati membri tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem billi jżid l-effiċjenza ta' l-Analiżi Perjodika Universali, l-aktar billi l-proċeduri jsiru aktar stretti sabiex jiġu evitati tfixkil intenzjonat jew tattiki ta' żvijar,
   u) huwa mħasseb dwar il-kritika riċenti rigward il-ħidma ta' l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jappoġġjaw l-Uffiċċju, b'mod speċjali fil-Ħames Kumitat ta" l-Assemblea Ġenerali, sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda interferenza ma' l-indipendenza ta' l-Uffiċċju u li l-Uffiċċju jingħata r-riżorsi finanzjarji kollha meħtieġa biex ikun jista' jwettaq il-mandat tiegħu; jistieden lill-Istati Membru ta' l-UE biex jissorveljaw mill-qrib il-proċedura attwali għall-ħatra tal-Kummissarju Għoli l-ġdid meta l-mandat tal-Kummissarju attwali, Louise Arbor, jiskadi f'Ġunju 2008,
   v) jistieden lill-Istati Membri kollha ta' l-UE biex jibqgħu involuti fit-tħejjijiet għall-Konferenza ta' Reviżjoni ta' Durban 2009 u jiżguraw li l-Konferenza tipprovdi l-opportunità għall-partijiet kollha kkonċernati biex iġeddu d-determinazzjoni u l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali u tal-kasti, il-ksenofobija u l-forom kollha l-oħra ta" intolleranza u biex jadottaw 'benchmarks' konkreti bil-għan li jinqered ir-razziżmu, fuq il-bażi u b'rispett sħiħ tad-Dikjarazzjoni ta' Durban u l-Programm ta' Azzjoni,
   w) jistieden lill-Kunsill biex jassigura li ma jkun hemm l-ebda ripetizzjoni ta' l-avvenimenti negattivi assoċjati mal-konferenza inizjali ta' Durban; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jiżguraw li s-soċjetà ċivili tieħu sehem fil-Konferenza ta' Reviżjoni ta' Durban 2009 f'Ġinevra, skond il-Karta tan-NU u r-Riżoluzzjoni 1996/31 tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU tal-25 ta' Lulju 1996,
   x) jistieden lill-Istati Membri kollha ta' l-UE biex jippromwovu u jħarsu d-drittijiet tat-tfal billi jappoġġjaw l-integrazzjoni (mainstreaming) tad-drittijiet tat-tfal fl-attivitajiet kollha fl-organi u fil-mekkaniżmi relevanti tas-sistema tan-NU,
   L-UE u l-PBC
   (y) Huwa tal-fehma li l-Istati Membri ta' l-UE għandhom jappoġġaw kollettivament it-tisħiħ ta' l-irwol tal-PBC fir-rigward tas-sistema tan-NU kif ukoll jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jitqiesu kif xieraq mill-entitajiet rilevanti tan-NU u jippromwovu iktar sinerġiji bejn il-PBC u l-aġenziji, il-fondi u l-programmi tan-NU; jenfasizza l-importanza ta' koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-PBC u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali involuti attivament f'pajjiżi li qed joħorġu minn kunflitt,
   z) jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri ta' l-UE biex jinkoraġġixxu l-kontribuzzjonijiet lill-Fond tan-NU għat-Tkattir tal-Paċi sabiex jiġi żgurat li jkollu biżżejjed riżorsi,
   (aa) Iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà biex jiffaċilitaw il-konsultazzjoni tal-PBC dwar ir-referenza ta' pajjiżi ġodda lill-PBC u dwar il-mandat ta' l-operazzjonijiet integrati tat-tkattir tal-paċi, b'mod partikolari sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr skossi, meta jasal iż-żmien, miż-żamma tal-paċi għat-tkattir tal-paċi; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward il-fatt li l-Uffiċċju għall-Appoġġ tat-Tkattir tal-Paċi huwa assoċjat mal-proċess ta' ppjanar tal-missjonijiet integrati,
   ab) jikkunsidra essenzjali li, apparti li ttejjeb il-koordinazzjoni bejn il-protagonisti, tiżgura finanzjament prevedibbli u tkabbar l-attenzjoni internazzjonali mogħtija lil dawk il-pajjiżi li jkunu għadhom kemm għaddew minn konflitt, il-PBC għandha tindirizza wkoll, flimkien mad-dipartimenti rilevanti tan-NU, il-bżonn li titjib il-kapaċità ta' apprendiment ta' l-organizzazzjoni fil-qasam tat-tkattir tal-paċi,
   ac) fid-dawl ta' dak imsemmi hawn fuq, jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat li r-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għall-PBC jkunu proporzjonati mal-ħidmiet u l-aspettattivi ta' l-entitajiet tan-NU u tal-pajjiżi benefiċarji, u jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex iqajmu din il-kwistjoni fil-kumitat rilevanti ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU,
   L-EU u l-MDGs
   ad) iħeġġeġ lill-Kunsill biex jappoġġja l-istediniet mill-President Barroso u l-Kummissarju Louis Michel lill-Istati Membri ta' l-UE biex ifasslu skedi ta' żmien u baġits nazzjonali ċari li jorbtu biex tiżdied l-għajnuna reali sabiex tiġi tintlaħaq il-mira kollettiva mwiegħda ta' 0.56% tad-dħul gross nazzjonali fl-2010 u 0.7% fl-2015,
   ae) ifakkar lill-Istati Membri ta' l-UE li l-ebda wegħdiet jew proċeduri ġodda ma huma meħtieġa bħalissa biex jintlaħqu l-MDGs, u li l-attenzjoni għandha tkun fuq ir-rispett tal-wegħdiet u ta' l-impenji li diġà saru u l-iżvilupp tal-proċeduri eżistenti,
   af) jinnota l-bżonn kontinwu li tiġi indirizzata l-kriżi fl-iffinanzjar pubbliku tas-servizzi tas-saħħa jekk it-tliet MDGs tas-saħħa għandhom jerġgħu jitqiegħdu fuq it-triq it-tajba, permezz ta' ffinanzjar rikorrenti adegwat u prevedibbli għar-riżorsi umani, aċċess għall-mediċini u mmaniġġjar iddeċentralizzat u parteċipatorju, u jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jagħmlu kull sforz biex issaħħu s-sistemi tas-saħħa universali u integrati li jirreaġixxu għall-bżonnijiet lokali, u biex gradwalment jinkludu l-integrazzjoni ta' programmi li jkunu speċifiċi għall-marda (MDG 6),
   ag) jikkunsidra li l-ugwaljanza bejn is-sessi (MDG 3) hija element essenzjali fl-isforzi biex jintlaħqu l-miri ta' l-MDGs, u jirrakkomanda li l-Istati Membri ta' l-UE jindirizzaw b'mod urġenti d-differenza finanzjarja globali għall-ilħuq ta' l-MDG 3; jinnota li, flimkien ma' l-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-kapaċità tan-nisa jikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għall-ilħuq ta' l-MDG 4 dwar ir-rata tal-mewt tat-tfal u l-MDG 5 dwar is-saħħa ta' l-ommijiet, li huma indikaturi kritiċi tal-progress ġenerali fl-iżvilupp,
   ah) jinnota li, minkejja l-progress sinifikanti lejn edukazzjoni primarja universali fl-aħħar snin, madwar 93 miljun tifel u tifla ta' l-età li fiha jkunu fl-iskola primarja kienu għadhom mhux qegħdin l-iskola fl-2006, u li l-maġġoranza tagħhom kienu bniet; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jindirizzaw iż-żieda fil-bżonnijiet finanzjarji biex tiġi appoġġjata l-edukazzjoni, inkluż fi stati fraġli affettwati mill-kunflitti,
   ai) filwaqt li jfakkar fl-impenji ta' l-UE li tippromwovi l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, jirrakkomanda li l-Kunsill u l-Istati Membri ta' l-UE jinkoraġġixxu diskussjoni fin-NU kollha dwar kif jiġi żgurat li l-isforzi u l-miri dwar il-bidla fil-klima jirrinfurzaw l-ilħuq ta' l-MDGs; jinnota li huma meħtieġa kontribuzzjonijiet ħafna akbar għall-fondi ta' adattament sabiex l-iżvilupp fl-iktar pajjiżi fqar ikun jista' jiġi mħares kontra l-bidla fil-klima,
   aj) iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar l-Implimentazzjoni ta' Sħubija Ġdida għall-I' żvilupp ta' l-Afrika (NEPAD) li għandha ssir fit-22 ta' Settembru 2008, u fil-Laqgħa ta' Livell Għoli tan-NU dwar l-MDGs li għandha ssir fil-25 ta' Settembru 2008 fi New York,
   ak) jirrakkomanda li l-Kunsill u l-Istati Membri ta' l-UE iġeddu d-diskussjonijiet dwar il-maħfra tad-dejn fil-livell tan-NU, bil-għan li jiġu definiti mill-ġdid il-kriterji tas-sostenibilità tad-dejn b'tali mod li jkun hemm il-promozzjoni ta' l-avvanz ta' l-għanijiet għall-iżvilupp minflok ir-rimborż tad-dejn,
   al) jikkunsidra li r-rata tal-mewt ta' l-ommijiet għadha għolja b'mod inaċċettabbli f'ħafna pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, b'iktar minn 500 000 mara tmut kull sena minħabba kumplikazzjonijiet trattabbli u li jistgħu jiġu evitati relatati mat-tqala u mal-ħlas; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex iżidu l-isforzi u l-iffinanzjar b'mod drammatiku sabiex jiġi żgurat aċċess universali għall-informazzjoni u s-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva li huma essenzjali għall-ilħuq ta' l-MDGs tas-saħħa, għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-ġlieda kontra l-faqar,
   am) fid-dawl tal-kriżi attwali ta' l-ikel, iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri ta' l-UE biex jieħdu passi sabiex inaqqsu d-distorsjoni tal-kummerċ,
   It-titjib tal-koperazzjoni fil-prattika bejn l-UE u n-NU
   an) iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw il-Fond tan-NU għad-Demokrazija, kemm f'termini poltiċi u kif ukoll finanzjarji,
   ao) jistieden lill-Kunsill, u b'mod partikolari lil dawk l-Istati Membri ta' l-UE li huma membri permanenti jew mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jippromwovu reviżjoni tas-sistema tas-sanzjonijiet tan-NU (il-'blacklists' tat-terroristi) sabiex din issir konformi ma' l-obbligi tal-Patt tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, b'mod partikolari permezz ta' l-istabbiliment ta' proċeduri xierqa ta' notifika u ta' appell; jilqa", f'dani ir-rigward, bħala l-ewwel pass fit-triq it-tajba, l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tar-Riżoluzzjoni 1730 (2006) li tistabbilixxi proċedura ta" tneħħija mir-reġistri u punt ċentrali għat-talbiet ta" tneħħija fi ħdan is-Segretarjat tan-NU,
   ap) jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex iniedu, fin-NU u qabel il-Konferenza ta'Reviżjoni msemmija hawn fuq, dibattitu dwar l-isfidi li għandha l-Qorti Kriminali Internazzjonali li jistgħu idgħajfu l-effikaċja tal-Qorti, bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar id-definizzjoni, li għadha ma ġietx deċiża, tad-delitt ta' l-aggressjoni u l-kundizzjonijiet li bihom il-Qorti tkun tista' teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha, kif previst fl-Artikolu 5(2) ta' l-Istatut ta' Ruma,
   aq) jemmen, fid-dawl ta" l-effetti evidenti tal-bidla fil-klima fuq l-għixien ta" miljuni ta" nies, li l-UE għandha tħeġġeġ b'mod attiv lill-partijiet tal-Qafas ta' Konvenzjoni dwar il-Bidliet Klimatiċi tan-NU biex jipparteċipaw b'mod attiv fin-negozjati bil-gġan li jikkonkludu ftehim internazzjonali dwar il-bidla fil-klima sa l-aħħar ta' l-2009, u jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex imexxu dawn in-negozjati globali komprensivi; barra minn dan, iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex jippromwovu, f'dan il-kuntest, l-użu ta" sorsi ta" enerġija rinnovabbli u newtrali fir-rigward tas-CO2; fl-aħħar, huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jirrakkomandaw il-ħolqien ta' unità għall-konsultazzjoni dwar id-diżastri fil-livell tan-NU, li għandu joffri pariri sistematiċi lill-gvernijiet dwar il-kapaċità effettiva ta' tħejjija għad-diżastri,
   ar) jistieden lill-protagonisti ta' l-UE u tan-NU biex jagħtu attenzjoni ġenerali lill-koperazzjoni bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana fl-istabbiliment tal-paċi u tas-sigurtà fil-kontinent Afrikan, b'iffukar speċifiku fuq il-modi li bihom in-NU tista' ttejjeb il-kwalità tal-missjonijiet tagħha billi tagħmel użu tal-kapaċitajiet kumplimentari ta' l-UE; jirrakkomanda li tingħata attenzjoni konsiderevoli għat-twaħħid tal-kapaċitajiet sabiex jinħolqu sinerġiji mhux biss fir-rigward tat-teknoloġija u t-tagħmir militari, iżda anki fir-rigward tal-leġittimità u l-aċċettazzjoni, kif ukoll l-effiċjenza ekonomika kif ukoll il-konvenjenza għall-mandat,
   as) jistieden lill-Kunsill biex ikompli jagħti prijorità għolja lill-bini ta' sħubijiet transreġjonali ta' suċċess, b'mod partikolari billi jaħdem ma' sħab fir-reġjuni kollha tad-dinja biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tar-Riżoluzzjoni 62/149 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU li titlob li jkun hemm moratorju madwar id-dinja kollha fuq l-eżekuzzjonijiet bil-għan li tiġi abolita l-piena tal-mewt,
   at) jieħu nota tal-fatt li s-Segretarju Ġenerali tan-NU ddeċieda li jikkonfigura mill-ġdid il-Missjoni tan-NU fil-Kosovo, biex b'hekk ippermetta li l-UE jkollha rwol operazzjonali fil-qasam ta' l-istat tad-dritt, u jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE, li ħaddnu unanimament it-tnedija tal-Missjoni Ewropea dwar l-Istat tad-Dritt (EULEX KOSOVO), biex jissorveljaw mill-qrib l-implimentazzjoni ta" din id-deċiżjoni fuq il-post,
   au) huwa mħasseb min-nuqqas ta' ċaqliq fin-negozjati marbuta mal-proċess ta' diżarm dwar kwistjonijiet bħal dik ta' trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjali fissili u protokoll ta' verifika għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u kif ukoll nuqqas ta' ċaqliq fir-ratifika tat-Trattat Komprensiv dwar il-Projbizzjoni ta' l-Ittestjar; madankollu jirrikonoxxi li s-63 sessjoni tan-NU toffri lill-UE opportunità tajba ħafna biex ikollha rwol ewlieni fil-promozzjoni tar-ratifikazzjoni u l-universalizzazzjoni tat-trattat li ġie maqbul dan l-aħħar li jipprojbixxi l-munizzjonijiet tat-tip 'cluster', u biex tibda n-negozjati bil-għan li jiġi konkluż Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ fl-Armi u Trattat Internazzjonali li jimponi projbizzjoni globali ta' l-armi li fihom l-uranju mdgħajjef; jistieden lill-UE u lin-NU biex ikomplu l-isforzi tagħhom biex jissaħħaħ il-Programm ta' Azzjoni tan-NU dwar il-Kummerċ Illegali ta' l-Armi ż-Żgħar u l-Armi l-Ħfief, u biex jiġi estiż l-ambitu tat-Trattat ta' Ottawa li jipprojbixxi l-mini ta' l-art,
   av) iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex jintlaħaq konsensus internazzjonali li jippermetti li jiġu konklużi n-negozjati dwar il-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali,
   aw) jistieden lill-Kunsill biex jinkoraġġixxi l-attivitajiet kollha li għandhom l-għan li jintegraw il-kwistjonijiet ta' ġeneru fl-aspetti kollha ta' l-attivitajiet tan-NU, u kif ukoll il-finanzjament xieraq tagħhom,
   ax) iħeġġeġ lill-Kunsill biex jappoġġja l-attivitajiet kollha li għandhom l-għan li tiġi miġġielda l-estinzjoni ta' l-ispeċje u li jiġi protett l-ambjent u kif ukoll biex jimmobilizza r-riżorsi finanzjarji meħtieġa;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 96 E, 21.4.2004, p. 79.
(2) ĠU C 124 E, 25.5.2006, p. 549.
(3) ĠU C 227 E, 21.9.2006, p. 582.

Avviż legali - Politika tal-privatezza