Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2007/2027(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0224/2008

Testi mressqa :

A6-0224/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2008 - 5.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0352

Testi adottati
PDF 397kWORD 81k
L-Erbgħa, 9 ta' Lulju 2008 - Strasburgu
L-irwol ta' l-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarju Ewropea
P6_TA(2008)0352A6-0224/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 dwar l-irwol ta' l-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarju Ewropea (2007/2027(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 61 tat-Trattat KE, li jipprovdi għat-twaqqif progressiv ta" zona ta" libertà, sigurtà u ġustizzja inklużi miżuri fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kriminali,

–   wara li kkunsidra l-Programm ta" l-Aja għat-tisħiħ tal-libertà, tas-sikurezza u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea(1), adottat mill-Kunsill Ewropew fi Brussell fil-5 ta" Novembru 2004, u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-10 ta' Mejju 2005 dwar "Il-Programm ta" L-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin" (COM(2005)0184),

–   wara li kkunsidra t-talba li saret fl-14-15 ta" Diċembru 2001 mill-Kunsill Ewropew ta' Laeken, għat-twaqqif mgħaġġel ta' netwerk Ewropew li jħeġġeġ it-taħriġ għall-ġudikatura, bl-għan li tiġi żviluppata fiduċja bejn dawk involuti fil-koperazzjoni ġudizzjarja,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta" l-10 ta" Settembru 1991 dwar l-istabbiliment ta" Akkademja tal-Liġi Ewropea(2) u ta" l-24 ta" Settembru 2002 dwar in-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju(3) *(EJTN),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta" Ġunju 2006 dwar it-taħriġ ġudizzjarju ta" l-Unjoni Ewropea (COM(2006)0356), tal-5 ta" Settembru 2007 dwar Ewropa li tikseb ir-riżultati: l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja (COM(2007)0502), u ta" l-4 ta" Frar 2008 dwar il-ħolqien ta" Forum għad-diskussjoni dwar il-politiki u l-prattika tal-ġustizzja ta" l-UE (COM(2008)0038),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/79/KE, Euratom ta" l-20 ta" Diċembru 2007 li temenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja(4), u l-modifiki sussegwenti tar-Regoli ta" Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li permezz tagħhom iddaħħlet proċedura ta' deċiżjoni preliminari urġenti,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 81(2)(h) u 69a(1)(c) tat-Trattat futur dwar l-Iffunzjonar ta" l-Unjoni, kif imdaħħla mit-Trattat ta" Liżbona, li se jipprovdu bażi legali għal miżuri li għandhom l-għan li jipprovdu appoġġ għat-taħriġ tal-ġudikatura u ta" l-istaff ġudizzjarju,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0224/2008),

A.   billi stħarriġ li sar għall-finijiet ta' din ir-riżoluzzjoni waqt it-tieni nofs ta" l-2007 ġibed l-attenzjoni għal:

   disparitajiet sinifikanti fl-għarfien tal-liġi Komunitarja(5) li għandhom l-imħallfin nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, b'attenzjoni li dan l-għarfien xi kultant huwa limitat ħafna,
   il-ħtieġa urġenti għat-titjib tal-kapaċitajiet ġenerali ta" lingwa barranija għall-imħallfin nazzjonali,
   id-diffikultajiet li l-imħallfin nazzjonali għaddew minnhom biex jaċċessaw informazzjoni speċifika u aġġornata dwar il-liġi Komunitarja,
   il-ħtieġa li jittejjeb u li jkun intensifikat it-taħriġ inizjali u tul il-ħajja ta" l-imħallfin nazzjonali fil-liġi Komunitarja,
   in-nuqqas relattiv min-naħa ta" l-imħallfin, tal-familjarità mal-proċedura ta' deċiżjoni preliminari u l-ħtieġa għall-infurzar tad-djalogu bejn l-imħallfin nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja,
   il-fatt li ħafna mħallfin jipperċepixxu l-liġi Komunitarja bħala waħda kumplessa u opaka żżejjed,
   il-ħtieġa li jkun żgurat li l-liġi Komunitarja ikollha valur ogħla fl-applikazzjoni tagħha mill-imħallfin nazzjonali,

B.   billi r-responsabilità primarja għat-taħriġ ġudizzjarju, inkluża d-dimensjoni Ewropea tiegħu, tibqa" f'idejn l-Istati Membri; billi l-programm ta' l-Aja msemmi hawn fuq fih dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew li tgħid li "komponent ta" l-UE għandu jiġi inkluż b'mod sistematiku fit-taħriġ ta" awtoritajiet ġudizzjarji"(6), u billi t-taħriġ tal-ġudikatura f'kull Stat Membru huwa madankollu kwistjoni ta" tħassib komuni għall-istituzzjonijiet ta" l-UE u għal kull Stat Membru,

C.   billi l-liġi Komunitarja m'għandhiex tkun perċepita bħala zona riżervata għal entità elitista ta" speċjalisti, u billi l-opportunitajiet ta" taħriġ f'dan il-qasam m'għandhomx ikunu limitati għal imħallfin ta' qrati ogħla, imma għandhom ikunu estiżi ugwalment għall-imħallfin fil-livelli kollha tas-sistema ġudizzjarja,

D.   billi ċertu entitajiet li għandhom appoġġ finanzjarju mill-Komunità dejjem qed ikollhom suċċess ikbar, u diġà qed iħarrġu numri kbar ta" mħallfin u ta" prosekuturi statali,

E.   billi l-għarfien ta" lingwi barranin huwa kruċjali sabiex tiġi żgurata koperazzjoni ġudizzjarja xierqa f'oqsma fejn isir kuntatt dirett bejn l-imħallfin, b'mod partikolari fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u biex ikun żgurat l-aċċess għall-programmi ta" skambju għall-imħallfin,

F.   billi d-dewmien medju attwali ta' proċedura ta' deċiżjoni preliminari, minkejja l-isforzi kostanti min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, jibqa" twil iżżejjed u jnaqqas b'mod konsiderevoli l-attrazzjoni ta" din il-proċedura għall-imħallfin nazzjonali,

G.   billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija r-responsabilità ta" l-Istat Membru li tiġi stabbilita sistema ta' soluzzjonijiet u proċeduri legali li jiżguraw ir-rispett għad-dritt ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta" drittijiet li joriġinaw mil-liġi Komunitarja(7),

H.   billi xejn minn din ir-riżoluzzjoni m'għandu jitqies li qed jaffetwa l-indipendenza ta" l-imħallfin u tas-sistemi legali nazzjonali, skond ir-Rakkomandazzjoni Nru R(94)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta" l-Ewropa u skond il-Karta Ewropea ta" l-1998 dwar l-istatut ta" l-imħallfin,

L-imħallef nazzjonali bħala l-ewwel imħallef tal-liġi Komunitarja

1.  Jinnota li l-Komunità Ewropea hi komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt(8); jinnota li l-liġi Komunitarja tibqa' ittra mejta jekk ma tiġix applikata kif suppost fl-Istati Membri, inkluża l-applikazzjoni mill-imħallfin nazzjonali, li għalhekk huma l-ġebla tax-xewka tas-sistema ġudizzjarja ta' l-Unjoni Ewropea u li għandhom irwol ċentrali u indispensabbli fit-twaqqif ta' ordni legali Ewropea waħdanija, mhux b'inqas fid-dawl tal-kisbiet reċenti mil-leġiżlatura Komunitarja(9) sabiex tinvolvihom b'mod aktar attiv, u tagħtihom aktar responsabilità, fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja;

2.  Jilqa" b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-Kummissjoni li l-imħallfin nazzjonali għandhom irwol essenzjali biex jiżguraw ir-rispett għal-liġi Komunitarja, pereżempju permezz tal-prinċipji tal-preminenza tal-liġi Komunitarja, ta" l-effett dirett, tal-konsistenza fl-interpretazzjoni u r-responsabilità ta' l-Istat meta jsir ksur tal-liġi Komunitarja; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli miexja bl-isforzi tagħha f'din id-direzzjoni flimkien ma' l-inizzjattivi settorjali li diġà jeżistu; aktar minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tipproċedi mingħajr dewmien bil-pubblikazzjoni ta" nota ta" informazzjoni dwar azzjoni għad-danni għall-ksur tal-liġi Komunitarja mill-awtoritajiet nazzjonali;

Kwistjonijiet relatati ma' lingwa

3.  Jikkunsidra li l-lingwa hija l-għodda ewlenija għal min jipprattika l-ġustizzja; iqis li l-livell attwali ta" taħriġ ta" lingwa barranija għall-imħallfin nazzjonali, flimkien mal-livell attwali ta' tagħrif tal-liġi Komunitarja, jillimita mhux biss il-possibilitajiet għall-koperazzjoni ġudizzjarja dwar strumenti speċifiċi, imma jillimita wkoll l-iżvilupp ta" fiduċja reċiproka, l-użu xieraq tad-duttrina acte clair, u l-parteċipazzjoni fi programmi ta' skambju; jistieden lil kull min hu involut fit-taħriġ ġudizzjarju sabiex jagħti attenzjoni speċifika lit-taħriġ ta" l-imħallfin fil-lingwi barranin;

4.  Jinnota li l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja mill-imħallfin nazzjonali hi sfida kumplessa għall-imħallfin nazzjonali, partikolarment għal dawk fl-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea f'Mejju 2004 u għalhekk, hemm il-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri li jippromovu t-taħriġ professjonali għall-imħallfin f'dawk l-Istati Membri;

5.  Aktar minn hekk, huwa ta" l-opinjoni li billi saru sensiela ta" regolamenti li fihom regoli ta" kunflitt tal-liġi, il-leġiżlatura Komunitarja għamlet għażla ta" politika li tinvolvi l-applikazzjoni ta" liġi barranija mill-imħallfin nazzjonali, li possibilment tkun tinvolvi wkoll approċċ komparattiv; jikkunsidra li dawn l-elementi, meħudin flimkien, isaħħu aktar il-każ biex jiżdied it-taħriġ f'lingwa barranija;

6.  Iqis li hu fl-interess tal-pubbliku li jitjiebu l-kapaċitajiet lingwistiċi tal-ġudikatura fl-Istati Membri; għalhekk jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li taħriġ bħal dan isir bla ħlas u jkun faċilment aċċessibbli, u sabiex iqisu l-possibilità li mħallfin ikunu jistgħu jistudjaw lingwa barranija fi Stat Membru fejn hi mitkellma, per eżempju flimkien ma' parteċipazzjoni ta' skambju ġudizzjarju;

7.  Iqis importanti l-aċċess għal-letteratura akkademika f'ilsien art twelid l-imħallef, sabiex il-liġi Komunitarja tkun tinftiehem aktar, u jinnota nuqqas li jidher li hemm ta" letteratura speċjalizzata dwar il-liġi Komunitarja f'ċerti lingwi uffiċjali ta" l-UE, pereżempju rigward kwistjonijiet ta" liġi internazzjonali privata, u jinnota l-konsegwenzi potenzjali gravi li dan għandu għall-bini ta" ordni legali komuni li tirrifletti diversità ta" tradizzjonijiet legali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp ta" letteratura ta' dan it-tip, b'mod partikulari fil-lingwi uffiċjali l-inqas mitkellma;

Aċċess għal sorsi tal-liġi relevanti

8.  Jinnota li informazzjoni sħiħa u aġġornata dwar il-liġi Komunitarja mhix disponibbli b'mod sistematiku u xieraq għal ħafna mħallfin nazzjonali u li l-liġi Komunitarja hija kultant rappreżentata b'mod fqir f'ġurnali uffiċjali, f'kodiċi, f'kummentarji, f'rivisti u fil-kotba ta' l-istudju fil-livell domestiku u bbażata fuq traduzzjonijiet li mhux dejjem ikunu ta' kwalità għolja; jistieden lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam;

9.  Huwa ta" l-opinjoni li zona ġudizzjarja Ewropea effettiva, fejn jista' jkun hemm koperazzjoni ġudizzjarja effikaċi, għandha bżonn mhux biss għarfien tal-liġi Ewropea, imma wkoll għarfien reċiproku ġenerali tas-sistemi legali ta' l-Istati Membri l-oħra; jenfasizza l-inkonsistenzi fit-trattament tal-liġi barranija madwar l-Unjoni Ewropea u jqis li din il-kwistjoni importanti għandha tiġi indirizzata fil-futur; f'dan ir-rigward, jieħu nota ta" l-istudju orizzontali li jmiss tal-Kummissjoni dwar it-trattament tal-liġi barranija fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u ta" l-istudji li għaddejjin fi ħdan il-qafas tal-Konferenza ta' L-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata;

10.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja d-disponibilità mtejba tal-bażijiet tad-dejta dwar sentenzi mill-qrati nazzjonali rigward il-liġi Komunitarja; iqis li dawn il-bażijiet tad-dejta għandhom ikunu sħaħ u kemm jista" jkun faċli biex jintużaw; aktar minn hekk, iqis li l-Konvenzjonijiet u r-Regolament dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta" sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali jkunu eżempju ċar għal bażi tad-dejta Ewropea, minħabba l-użu frekwenti mill-imħallfin nazzjonali;

11.Huwa ta" l-opinjoni li l-imħallfin kollha għandu jkollhom aċċess għal bażijiet tad-dejta li fihom referenzi sospiżi għal deċiżjonijiet preliminari mill-Istati Membri kollha; iqis daqstant ieħor importanti li tingħata pubbliċità ikbar lis-sentenzi ta" qrati ta" riferiment li jkunu applikaw deċiżjonijiet preliminari, kif diġà ssemma fin-nota ta' informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar riferimenti minn qrati nazzjonali għal deċiżjoni preliminari(10);
12.Iqis li, minħabba l-ammont kbir ta' informazzjoni disponibbli online dwar il-liġi Komunitarja, l-imħallfin għandhom jitħarrġu mhux biss fis-sustanza tal-liġi, imma wkoll kif wieħed għandu jkollu aċċess għal sorsi legali aġġornati b'mod effiċjenti;
13.Jilqa" b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tippubblika ġabriet fil-qosor ta" l-atti legali Komunitarji magħmula għaċ-ċittadini, u jqis li dawn il-ġabriet fil-qosor mhux legali jgħinu wkoll lil min jipprattika l-liġi biex ikollu aċċessa aktar malajr informazzjoni relevanti;
14.Iħeġġeġ l-iżvilupp ta" għodod online u ta" inizjattivi fil-qasam ta" l-e-learning li għalkemm m'humiex is-soluzzjoni sħiħa għat-taħriġ, għandhom jitqiesu bħala kumplimentari għall-kuntatt wiċċ'imb wiċċ bejn l-imħallfin u min qed iħarriġġhom (trainers);
Lejn qafas aktar strutturat għal taħriġ ġudizzjarju fl-Unjoni Ewropea

15.  Jappella sabiex, fit-taħriġ fil-livell nazzjonali tal-membri kollha tal-ġudikatura, ikun hemm id-dimensjoni Ewropea:

   li tkun inkorporata sistematikament fit-taħriġ u fl-eżamijiet għall-professjonijiet ġudizzjarji,
   li tkun imsaħħa aktar sa mill-ewwel stadju possibbli "l quddiem, b'konċentrazzjoni akbar fuq l-aspetti ta" prattika,
   li tkopri metodi ta" interpretazzjoni u prinċipji legali li jista" jkun li ma jkunux magħrufa fl-ordni legali domestika, imma li għandhom irwol importanti fil-liġi Komunitarja;

16.  Jieħu nota tas-suċċess li qed jikber tal-programm ta" skambju għal membri tal-ġudikatura; jinkoraġixxi l-EJTN sabiex jipprovdi aċċess għal kemm jista" jkun imħallfin, u sabiex tiġi żgurata inklużjoni adegwata ta" mħallfin mill-oqsma ċivili, kummerċjali u amministrattivi; jilqa" b'sodisfazzjon l-attivitajiet tan-Netwerk fil-qasam tat-taħriġ fil-lingwi u l-estensjoni tal-programm ta" skambju għall-Qorti tal-Ġustizzja, għall-Eurojust u għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

17.  Iqis id-disponibilità ta" l-imħallfin nazzjonali sabiex jipparteċipaw f'taħriġ bażiku u avvanzat bħala kwistjoni loġistika u finanzjarja għall-Istati Membri; fil-prinċipju, iqis li l-imħallfin m'għandhomx jagħmlu tajjeb għall-ebda spejjeż marbuta mat-taħriġ tagħhom fil-liġi Komunitarja; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lill-Parlament l-estimi ta" l-ispejjeż involuti għal kull Stat Membru, sabiex dawk l-imħallfin li jipparteċipaw fi programmi ta" skambju, ikun hemm min jieħu posthom għal żmien qasir;

18.  Filwaqt li jqis ir-rikonoxximent tal-Kummissjoni li l-EJTN igawdi monopolju de facto fit-tħaddim tal-Programm ta' Skambju għall-Awtoritajiet Ġudizzjarji, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-proċeduri li bihom l-EJTN japplika għall-fondi għal dan il-Programm ta' Skambju jkunu jirriflettu din is-sitwazzjoni ta' monopolju; b'mod partikulari jitlob li dawn il-proċeduri jiġu standardizzati sabiex l-EJTN ikun jista' jorganizza u jħaddem programm effiċjenti li jissodisfa l-aspettattivi ta' l-iskejjel nazzjonali li jkunu qed jipparteċipaw, ta' l-imħallfin u tal-prosekuturi u tal-korpi internazzjonali u li jżomm ukoll l-impenji li jkunu sarulhom; iqis li, jekk dan ma jkunx il-każ, il-kredibilità tal-Programm ta' Skambju tista' tiġi kompromessa, għad-detriment ta' l-imħallfin u l-prosekuturi nazzjonali interessati biex jipparteċipaw u għad-detriment tal-progress ta' fiduċja reċiproka madwar il-ġudikaturi Ewropej;

19.  Jieħu nota ta" l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-aktar għażla xierqa sabiex jiġi promoss it-taħriġ fil-qasam ġudizzjarju Ewropew bħalissa hija l-appoġġ finanzjarju ta" korpi varji permezz tal-Programm ta' Qafas għad-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja għas-snin 2007-2013, u li l-kwistjoni li l-istrutturi Ewropej ta" taħriġ ġudizzjarju jiġu żviluppati f'forom oħra tista' terġa' titqajjem meta dan il-programm ikun wasal biex jintemm;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' din ir-riżoluzzjoni, sabiex tifformula proposti ġodda għall-iżvilupp u d-diversifikazzjoni ta' miżuri li jippromovu t-taħriġ professjonali għall-imħallfin;

21.  Madankollu, jikkunsidra li wasal iż-żmien għal soluzzjoni istituzzjonali pragmatika għall-kwistjoni tat-taħriġ ġudizzjarju fil-livell ta" UE, li tagħmel użu sħiħ mill-istrutturi eżistenti filwaqt li tevita duplikazzjoni ta" programmi u ta' strutturi bla bżonn; jitlob, għalhekk, għat-twaqqif ta' l-EJTN magħmula minn Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju u l-Akkademja tal-Liġi Ewropea; jitlob li din is-soluzzjoni istituzzjonali tqis l-esperjenza relevanti li nkisbet fit-tħaddim tal-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija;

22.  Iqis li l-imħallfin nazzjonali ma jistgħux jadottaw attitudni passiva għal-liġi Komunitarja, kif jidher ċar fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kif il-qrati nazzjonali jqajmu kwistjonijiet ta" liġi Komunitarja minn jeddhom(11);

23.  Jitlob biex jissaħħaħ it-taħriġ għall-kandidati għal ħatra ġudizzjarja mill-bidu nett u b'analoġija mas-suġġerimenti u proposti dwar l-imħallfin nazzjonali;

Djalogu infurzat mill-ġdid bejn l-imħallfin nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja

24.  Iqis li l-proċedura ta' deċiżjoni preliminari hija garanzija essenzjali għall-koerenza ta" l-ordni legali tal-Komunità u għall-applikazzjoni uniformi tal-liġi Komunitarja;

25.  Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex inaqqsu aktar it-tul medju tal-proċedura ta' deċiżjoni preliminari, b'hekk din tkun opportunità kruċjali għad-djalogu aktar attraenti għall-imħallfin nazzjonali;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga jekk xi regoli proċedurali nazzjonali humiex ta" tfixkil proprju jew għandhom il-potenzjal li jfixklu l-possibilità li kwalunkwe qorti jew tribunal ta' Stat Membru jagħmel riferiment preliminari, kif provdut fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 234 tat-Trattat KE, u biex b'mod vigoruż jikkundannaw il-ksur li dan it-tfixkil jirrappreżenta;

27.  Iqis li l-limitazzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikulari dawk li jirrigwardaw it-Titolu IV tat-Trattat KE, jippreġudikaw bla bżonn l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Komunitarja u jintbagħat messaġġ negattiv lill-maġġoranza kbira ta' mħallfin li jiltaqgħu ma' kwistjonijiet bħal dawn, b'tali mod li jkun impossibbli għalihom li jagħmlu kuntatt dirett mal-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk jinħoloq dewmien bla bżonn;

28.  Jiddispjaċih li, skond l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji annessi mat-Trattat ta' Liżbona, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' atti fil-qasam ta' koperazzjoni tal-pulizija u koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat, għandhom jibqgħu l-istess għaliex qegħdin fit-Trattat ta' l-UE attwali għal perjodu tranżizzjonali ta' ħames snin; jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni magħmula mill-Konferenza Intergovernattiva dwar l-artikolu tal-Protokoll u dwar dan iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jingħaqdu mal-Parlament biex jadottaw mill-ġdid dawk l-atti, fil-qasam ta' koperazzjoni tal-pulizija u ta' koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, li kienu adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona;

29.  Jaqbel mal-Kunsill li, fid-dawl ta" din l-introduzzjoni tal-proċedura ta' deċiżjoni preliminari urġenti, huwa importanti għall-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi gwida li l-imħallfin nazzjonali jkunu jistgħu jirreferu għaliha meta jiddeċiedu jekk għandhomx jitolbu l-proċedura urġenti;

30.  Jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tqis it-titjib kollu possibbli għall-proċedura ta' deċiżjoni preliminari li tkun tinvolvi l-imħallef ta' riferiment aktar mill-qrib fil-proċeduri tiegħu, inkluż possibilitajiet imtejba għall-kjarifikazzjoni ta' riferiment u ta' parteċipazzjoni fil-proċeduri orali;

31.  Iqis li, f'ordni legali Komunitarja deċentralizzata u matura, l-imħallfin nazzjonali m'għandhomx jiġu marġinalizzati iżda għall-kuntrarju għandhom jingħataw iktar responsabilità u għandhom jiġu mħeġġa iżjed fl-irwol tagħhom bħala l-ewwel imħallfin tal-liġi Komunitarja; għalhekk iħeġġeġ il-konsiderazzjoni ta' sistema ta' awtorizzazzjoni ("green light") fejn l-imħallfin nazzjonali jkunu jistgħu jinkludu t-tweġibiet proposti tagħhom għall-mistoqsijiet li huma jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja, li mbagħad tkun tista' tiddeċiedi fi żmien speċifiku jekk taċċettax is-sentenza proposta jew jekk tiddeċidiex hija stess bħala qorti ta' l-appell;

Liġijiet imfassla aħjar għall-applikazzjoni mill-imħallfin nazzjonali

32.  Jinnota l-ħolqien ta' Forum biex jiġu diskussi l-politiki u l-prattika dwar il-ġustizzja ta' l-UE, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-Forum iwettaq id-deliberazzjonijiet b'manjiera trasparenti; jinnota l-impenn tal-Kummissjoni li tirrapporta fuq bażi regolari kemm lill-Parlament kif ukoll lill-Kunsill;

33.  Jinsisti fuq il-bżonn ta' lingwaġġ aktar ċar fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, u aktar koerenza terminoloġika bejn l-istrumenti legali; jappoġġja partikolarment l-użu ta' Qafas ta' Referenza Komuni ippjanat fil-liġi kuntrattwali Ewropea bħala strument għal tfassil aħjar tal-liġijiet;

34.  Jappoġġja bil-qawwa l-insistenza tal-Kummissjoni li l-Istati Membri sistematikament jipprovdu tabelli ta' korrelazzjoni li jistabbilixxu kif id-direttivi tal-Komunità qed jiġu applikati fir-regolamenti nazzjonali; jaqbel li dawn it-tabelli jipprovdu informazzjoni importanti bi spejjeż u piż minimi; barra minn hekk, iqis li t-tabelli ta' korrelazzjoni jżidu t-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja u jagħtu lill-imħallfin nazzjonali u lill-partijiet li jidhru quddiemhom l-opportunità realistika li jaraw jekk liġi Komunitarja hijiex fl-isfond ta' regola nazzjonali u jivverifikaw huma stess jekk u, meta jkun il-każ, kif traspożizzjoni tkun ġiet implimentata b'mod korrett;

o
o   o

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport dwar il-kumitat responsabbli lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Ombudsman Ewropew.

(1) ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.
(2) ĠU C 267, 14.10.1991, p. 33.
(3) ĠU C 273 E, 14.11.2003, p. 99.
(4) ĠU L 24, 29.1.2008, p. 42.
(5) Għall-finijiet ta" din ir-riżoluzzjoni, ir-referenzi għal-liġi Komunitarja għandhom ifissru li jinkludu wkoll il-liġi ta" l-Unjoni.
(6) ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1, fil-para. 12.
(7) Każ C-50/00 P UPA [2002] ECR I-6677, fil-para. 41.
(8) Każ 294/83 "Les Verts" v European Parliament [1986] ECR 1339, fil-para. 23.
(9) Ara per eżempju r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).
(10) ĠU C 143, 11.6.2005, p. 1, fil-para. 31.
(11) Każijiet C-312/93 Peterbroeck [1995] ECR I-4599, C-473/00 Cofidis [2002] ECR I-10875 u C-168/05 Mostaza Claro [2006] ECR I-10421.

Avviż legali - Politika tal-privatezza