Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 dwar fondi ta' investimenti sovrani
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ komuni Ewropew għal Fondi ta' Investimenti Sovraniv (COM(2008)0115),
– wara li kkunsidra l-ħidma li qed issir mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u, b'mod partikulari, mill-Grupp Internazzjonali ta' Ħidma dwar il-Fondi ta' Investimenti Sovrani,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Investiment ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) adottat fl-4 t'April 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 64 u 65 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (TFUE) (dawk li qabel kienu l-artikoli 57 u 58 tat-Ttrattat li Jistabilixxi l-Komunità Ewropea),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
A. billi l-fondi ta' investimenti sovrani ilhom attivi fis-swieq finanzjarji globali għal iktar minn 50 sena,
B. billi l-ebda diżordni fis-swieq finanzjarji ma tista' tkun attribwita għall-attivitajiet tal-fondi ta' investimenti sovrani,
C. billi l-istruttura tas-sjieda tal-fondi ta' investimenti sovrani tfisser li dawn ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament ta' l-EU tas-suq finanzjarju,
D. billi l-istrateġija ta' investiment tal-fondi ta' investimenti sovrani wriet preferenza għall-investimenti stabbli fuq perjodu ta' żmien twil,
E. billi hemm xi tħassib dwar in-nuqqas ta' trasparenza f'xi fondi ta' investimenti sovrani rigward l-assi, l-istrateġiji ta' investiment, il-profitti u l-istrutturi ta' tmexxija tagħhom,
F. wara li kkunsidra l-irwol li wettqu l-fondi ta' investimenti sovrani matul il-kriżi finanzjarja riċenti sabiex xi istituzzjonijiet finanzjarji kbar ikunu salvati mill-falliment,
G. wara li kkunsidra l-potenzjal għat-tkabbir tal-fondi ta' investimenti sovrani,
H. billi l-Unjoni Ewropea għandha tibqa' tibqa" żżomm sod l-impenn tagħha għall-politika ta' ftuħ għall-investimenti u moviment ħieles tal-kapital,
1. Iqis li l-fondi ta' investimenti sovrani ma kinux il-kawża ta' diżordni fis-swieq tal-kapital, iżda li l-istruttura, id-daqs u t-tkabbir mgħaġġel tagħhom jitolbu analiżi b'attenzjoni ta' l-irwol u l-influwenza tagħhom; jirrikonoxxi l-fatt li l-approċċ tal-fondi ta' investimenti sovrani lejn it-trasparenza u t-tmexxija ivarja;
2. Huwa mħasseb minħabba li n-nuqqas ta' trasparenza ta' ċerti fondi ta' investimenti sovrani tista' ma jippermettix fehim ċar ta' l-istrutturi u l-motivazzjonijiet tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi l-fatt li t-trasparenza u l-iżvelar ta' l-informazzjoni jikkostitwixxu l-prinċipju ewlieni biex ikunu stabbiliti kundizzjonijiet tassew indaqs u biex is-swieq b'mod ġenerali jaħdmu mingħajr problemi;
3. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar fondi ta' investimenti sovrani, li tafferma mill-ġdid l-importanza tas-swieq miftuħa u l-impenn tal-Kummissjoni għal soluzzjoni globali; jinnota l-inizjattivi varji jew f'livell nazzjonali jew fil-fora internazzjonali biex tissaħħaħ it-trasparenza u tittejjeb it-tmexxija, u jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib ma' l-IMF u l-OECD biex ikun stabbilit kodiċi ta' mġiba globali;
4. Iqis, madankollu, li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar fondi ta' investimenti sovrani għandha tkun meqjusa bħala l-ewwel pass, u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-attivitajiet tal-fondi ta' investimenti sovrani u biex twettaq l-irwol ta' koordinazzjoni tagħha sabiex tiżgura li inizjattivi nazzjonali ma jmorrux kontra l-impenn għall-ftuħ għall-investimenti u ma jqiegħdux fil-periklu l-pożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fis-swieq globali;
5. Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi ta' l-istrumenti għad-dispożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li jinsabu disponibbli taħt it-Trattati tal-KE jew taħt il-leġiżlazzjoni eżistenti - bħal obbligi ta' trasparenza, id-drittijiet tal-vot, id-drittijiet ta' dawk li għandhom ishma u l-ishma tad-deheb - li jippermettu xi reazzjoni f'każ ta' problemi ta' sjieda minħabba intervent tal-fondi ta' investimenti sovrani;
6. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jevalwaw il-marġni ta' manuvra li jibqa' għall-isitituzzjonijiet ta' l-UE skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 64 u 65 tat-TFUE, sabiex jivverifikaw l-għażliet rigward l-azzjoni kkoordinata fil-livell ta' UE, li hija essenzjali għall-interessi ta' l-UE u għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern; jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal lista ta' setturi li jistgħu jkunu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 65 rigward il-politika pubblika;
7. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu analiżi bir-reqqa tal-funzjonament tas-swieq finanzjarji globali u biex jiddefinixxu u jippromwovu viżjoni b'saħħitha ta' l-UE, filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi globali, ta' liema għandhom ikunu l-prinċipji u r-regoli li jiggwidaw il-funzjonament tagħhom; huwa tal-fehma li pożizzjoni komuni ta' dan it-tip issaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-UE fil-fora internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tapplika l-prinċipju tar-reċiproċità, fejn ikun xieraq;
8. Huwa mħasseb dwar il-prezzijiet taż-żejt u l-konsegwenzi tagħhom fuq ir-rata tal-kambju ta' l-euro/dollaru, minħabba li l-profitti miż-żejt ta' sikwit ikunu investiti mill-ġdid permezz tal-fondi ta' investimenti sovrani f'assi dominati mill-euro u swieq fiz-zona ta' l-euro b'mod ġenerali;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.