Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Lulju 2008 dwar il-piena tal-mewt, b'mod partikulari l-każ ta" Troy Davis
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-ħtieġa ta' moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijet f'dawk il-pajjiżi fejn il-piena tal-mewt hi imposta,
- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta" l-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/149 tat-18 ta" Diċembru 2007 dwar il-moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt fid-dinja,
- wara li kkunsidra l-verżjoni aġġornata u riveduta tal-Linji Gwida ta' l-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottata mill-Kunsill fis-16 ta" Ġunju 2008,
A. wara li kkunsidra l-każ ta" Troy Davis, li kien ikkundannat għall-mewt mill-Qorti ta" l-Istat ta" Georgia fl-1991 għall-qtil ta" pulizija u ppjanat ikun iġġustizzjat fl-aħħar ta" Lulju 2008,
B. billi, skond l-avukati tas-Sur Davis, hemm provi abbondanti ta" l-innoċenza tiegħu, qatt ma nstabet evidenza materjali kontra tiegħu u seba" xhieda għall-prosekuzzjoni irritrattaw id-dikjarazzjoni tagħhom,
C. billi fl-4 ta" Awissu 2007 il-Qorti Suprema ta' Georgia kienet qablet li tikkunsidra mill-ġdid l-elementi l-ġodda li jitfgħu dell fuq il-ħtija tas-Sur Davis,
D. billi fis-17 ta" Marzu 2008 il-Qorti Suprema ta" Georgia ċaħdet lis-Sur Troy Davis proċess ġdid, filwaqt li l-Prim Imħallef ta' opinjoni kontrarja għal din id-deċiżjoni,
E. billi mill-1975 aktar minn 120 ruħ inħelsu mill-piena tal-mewt fl-Istati Uniti peress li kienu innoċenti,
F. billi l-poter tal-maħfra fil-każijiet ta" sentenza kapitali fl-Istati Uniti jeżisti bħala sikurezza minn żbalji irriversibbli li l-qrati ma setgħux jew ma riedux jirranġaw,
G. billi New Jersey huwa l-ewwel stat ta" l-Istati Uniti li neħħa l-piena kapitali fil-leġiżlazzjoni minn meta l-piena tal-mewt reġgħet iddaħħlet fl-Istati Uniti fl-1972, fejn isemmi r-riskju inevitabbli li jkunu ġġustizzjati dawk ikkundannati inġustament,
1. Jistieden lil dawk il-pajjiżi fejn tiġi imposta l-piena tal-mewt sabiex jieħdu l-passi meħtieġa biex din tiġi abolita;
2. Jitlob biex għalhekk il-kundanna tal-mewt titneħħa u biex, fid-dawl ta" evidenza abbondanti li tista" tirrevoka s-sentenza tiegħu, il-qrati rilevanti jippermettu proċess ġdid lil Troy Davis;
3. Jappella b'mod urġenti lill-Bord ta" l-Istat ta" Georgia dwar il-maħfriet u l-ħelsien biex jibdel il-piena tal-mewt kontra Troy Davis f'waħda inqas ħarxa;
4. Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill u lid-Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-Istati Uniti biex tqajjem b'mod urġenti l-kwistjoni ma" l-awtoritajiet ta" l-Istati Uniti;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-Gvern ta" l-Istati Uniti, lill-Bord ta" l-Istat ta" Georgia dwar il-maħfriet u l-ħelsien u lill-Avukat Ġenerali ta" Georgia.