Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2598(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0373/2008

Testi mressqa :

B6-0373/2008

Dibattiti :

PV 02/09/2008 - 17
CRE 02/09/2008 - 17

Votazzjonijiet :

PV 03/09/2008 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0400

Testi adottati
PDF 203kWORD 37k
L-Erbgħa, 3 ta' Settembru 2008 - Brussell
Il-klonazzjoni tal-annimali biex jiġu forniti bħala ikel
P6_TA(2008)0400B6-0373/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Settembru 2008 dwar il-klonazzjoni tal-annimali biex jiġu forniti bħala ikel

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Protokoll dwar il-ħarsien u l-benessri tal-annimali jeħtieġ li l-Komunità u l-Istati Membri jikkunsidraw b'mod sħiħ ir-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali meta jifformulaw u jimplimentaw politiki ta' agrikoltura u riċerka,

B.   billi l-proċessi tal-klonazzjoni jindikaw rati baxxi ta' sopravivenza ta' embriji ttrasferiti u ta' annimali kklonati, b'għadd kbir ta' annimali kklonati jmutu fl-istadji bikrija tal-ħajja minn insuffiċjenza kardjovaskulari, immunodefiċjenzi, insuffiċjenza tal-fwied, problemi respiratorji, u anormalitajiet tal-kliewi u muskoloskeletriċi,

C.   billi l-Awtorita' Ewropea tas-Sikurezza ta' l-Ikel (EFSA) ikkonkludiet fl-opinjoni tagħha fl-2008 li l-livelli ta' mortalità u l-morbożità ta' l-annimali kklonati huma ogħla minn dawk f'annimali prodotti sesswalment waqt li l-korrimenti u l-mard lejn l-aħħar tat-tqala x'aktarx li jaffettwaw il-benessri tal-ommijiet surrogati,

D.   billi minħabba l-livelli attwali ta' tbatija u ta' problemi ta' saħħa tal-ommijiet surrogati u tal-annimali kklonati, il-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda (EGE) jesprimi dubji dwar kemm il-klonazzjoni tal-animali għall-ikel hija etikament ġustifikata, u ma jqisx li hemm argumenti konvinċenti li jiġġustifikaw il-produzzjoni ta' l-ikel mill-annimali kklonati u miż-żgħar tagħhom,

E.   billi d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien tal-annimali mrobbija għal skopijiet ta' biedja(1) tipprovdi li 'proċeduri ta' tnissil naturali jew artifiċjali li jikkawżaw, jew x'aktarx li jikkawżaw, tbatija jew korriment lil kwalunkwe annimal ikkonċernat m'għandhomx jiġu pprattikati' (Anness, paragrafu 20),

F.   billi l-klonazzjoni tnaqqas b'mod sinifikanti d-diversità ġenetika fil-popolazzjonijiet tal-bhejjem, u b'hekk iżżid il-possibilità li merħliet sħaħ jiġu eradikati b'mard li jkunu suxxettibbli għalih,

G.   billi l-EFSA fit-24 ta' Lulju 2008 ppubblikat opinjoni xjentifika dwar l-implikazzjonijiet tal-annimali kklonati għas-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u l-benessri tal-annimali u għall-ambjent, fejn ikkonkludiet li s-saħħa u l-benessri ta' proporzjoni sinifikanti ta' annimali kklonati huma affettwati b'mod negattiv, ħafna drabi b'mod sever u fatali,

H.   billi, waqt li l-għan ewlieni tal-klonazzjoni hu li jkunu prodotti kopji multipli ta' annimali b'rati għolja ta' tkabbir jew b'rendiment għoli, it-tnissil selettiv tradizzjonali diġà wassal għal problemi fis-saqajn u għal difetti kardjovaskulari fi qżieqeż li jikbru malajr, u li jkunu jzappu (lameness), il-mastite u l-qtil prematur ta' baqar li jrendu ħafna; u billi l-klonazzjoni ta' annimali li jikbru malajr u li jrendu ħafna se twassal għal livelli ogħla ta' problemi ta' saħħa u ta' benessri,

I.   billi, minbarra l-fatt li l-implikazzjonijiet tal-klonazzjoni tal-annimali biex jiġu forniti bħala ikel għadhom ma ġewx studjati biżżejjed, dan iqiegħed theddida serja għad-dehra u s-sustanza tal-mudell agrikolu Ewropew, li hu bbażat fuq il-kwalità tal-prodott, il-prinċipji favur l-ambjent u r-rispett sħiħ tal-benessri tal-annimali,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti li jipprojbixxu (i) il-klonazzjoni tal-annimali għal skopijiet ta' forniment tal-ikel, (ii) it-trobbija ta' annimali kklonati u taż-żgħar tagħhom, (iii) it-tqegħid fis-suq ta' laħam u prodotti tal-ħalib li ġejjin minn annimali kklonati jew miż-żgħar tagħhom u (iv) l-importazzjoni ta' annimali kklonati, iż-żgħar tagħhom, semen u embrijoni minn annimali kklonati jew iż-żgħar tagħhom, u laħam u prodotti tal-ħalib li ġejjin minn annimali kklonati jew miż-żgħar tagħhom, waqt li jkunu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet tal-EFSA u l-EGE;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23.

Avviż legali - Politika tal-privatezza