Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2066(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0327/2008

Testi mressqa :

A6-0327/2008

Dibattiti :

PV 22/09/2008 - 28
CRE 22/09/2008 - 28

Votazzjonijiet :

PV 23/09/2008 - 5.25
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0438

Testi adottati
PDF 265kWORD 109k
It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2008 - Brussell
L-agrikoltura fuq l-għoljiet u fuq il-muntanji
P6_TA(2008)0438A6-0327/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Settembru 2008 dwar is-sitwazzjoni u l-prospettivi ta' l-agrikoltura fir-reġjuni ta' l-għoljiet u tal-muntanji (2008/2066(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta" Settembru 2001 dwar l-applikazzjoni matul 25 sena tal-leġiżlazzjoni Komunitarja għall-biedja fir-reġjuni tal-għoljiet u tal-muntanji(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-16 ta' Frar 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' strateġija tal-foresti tal-Unjoni Ewropea(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2008 dwar "il-Kontroll tas-Saħħa" tal-Politika Agrarja Komuni(3),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fuq l-inizjattiva tiegħu stess, bit-titolu "Għal Green Paper - Lejn politika tal-Unjoni Ewropea għar-reġjuni muntanjużi: viżjoni Ewropea għar-reġjuni muntanjużi"(4),

–   wara li kkonsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0327/2008),

A.   billi l-inħawi muntanjużi jiffurmaw 40 % tal-art ta' l-Ewropa u huma d-dar għal 19 % tal-popolazzjoni Ewropea(5),

B.   billi z-zoni muntanjużi jkopru aktar minn 50% tat-territorju f'xi Stati Membri, fosthom il-Greċja, Spanja, l-Italja, l-Awstrija u l-Portugal, u l-komunità tal-bdiewa għadha element sinifikanti f'dawk z-zoni,

C.   billi l-inħawi muntanjużi (speċjalment il-muntanji għoljin u dawk medji) huma art ta' kultura u jirriflettu interazzjoni armonjuża bejn il-bniedem u l-bijosistema u huma parti mill-wirt naturali,

D.   billi z-zoni muntanjużi jbatu ferm mill-effetti tal-bidla fil-klima u minn fenomeni estremi tat-temp, bħan-nixfa u n-nirien,

E.   billi l-pajsaġġ tal-inħawi muntanjużi mhuwiex omoġenju iżda huwa magħmul minn forom diversi ħafna ta" muntanji u ta" altitudnijiet differenti (muntanji għoljin, inħawi ta'għoli medju, glaċieri, inħawi mhux produttivi),

F.   billi l-inħawi muntanjużi għandhom karatteristiċi speċifiċi (il-pendil, l-altitudni varjata, l-inaċċessibilità, it-tkabbir, l-istaġuni ta" kultivazzjoni iqsar, l-ikklassifikar baxx tal-ħamrija, il-kundizzjonijiet tat-temp u tal-klima) li jagħmluhom differenti minn pajsaġġi oħra fl-Unjoni Ewropea u minn ħafna aspetti huma "żvantaġġati", minħabba nuqqasijiet naturali permanenti, u billi f'xi nħawi muntanjużi dan iwassal għad-deżertifikazzjoni gradwali tagħhom u għal tnaqqis fl-produzzjoni agrikola,

G.   billi l-inħawi muntanjużi (b'mod speċjali l-muntanji għolja u l-inħawi ta" għoli medju) għandhom potenzjal u jservu ta' mudell għall-prodotti ta' kwalità, għas-servizzi ta' livell għoli u għall-ispazji ta' mistrieħ, li jista' jkun żviluppat b'mod sostenibbli biss bl-użu integrat ta' riżorsi u tradizzjonijiet fuq perjodu ta' żmien,

H.   billi l-prodotti ta" stockfarming ta" kwalità partikulari huma prodotti f'inħawi muntanjużi u billi l-proċess tal-produzzjoni tagħhom jagħmel użu integrat u sostenibbli mir-riżorsi naturali, il-mergħat u l-varjetajiet ta" uċuħ għar-regħi li huma adattati speċifikament kif ukoll mit-teknoloġija tradizzjonali,

I.   billi l-muntanji (b'mod partikulari l-muntanji għoljin u l-inħawi ta" għoli medju) huma ambjenti naturali "multifunzjonali", fejn l-ekonomija (agrikola) hija marbuta mill-qrib ma" kwistjonijiet soċjali, kulturali u ekoloġiċi, u billi inħawi ta" dan it-tip għalhekk għandhom jingħataw appoġġ f'forma ta" ffinanzjar xieraq,

J.   billi l-ekonomija tal-inħawi muntanjużi hija partikolarment sensittiva għal bidliet fiċ-ċiklu ekonomiku, minħabba nuqqasijiet strutturali permanenti u, fuq żmien twil, hija dipendenti fuq id-diversifikazzjoni u l-ispeċjalizzazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni,

K.   billi diġà jeżistu konvenzjonijiet Ewropej għall-ħarsien ta" ċertu reġjuni muntanjużi - il-Konvenzjoni għal Protezzjoni tal-Alpi tas-7 ta' Novembru 1991 (Konvenzjoni Alpina) u l-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Protezzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Karpazji tat-22 ta' Mejju 2003 (Konvenzjoni tal-Karpazji) - li huma strumenti importanti għal politika integrata dwar l-inħawi muntanjużi, għalkemm dawn ma ġewx ratifikati u implimentati b'mod sħiħ,

L.   billi l-ekonomiji agrarji-silvanji-pastorali tal-inħawi muntanjużi, li spiss jinkludu attivitajiet multipli, huma eżempju tal-bilanċ ambjentali li m'għandux jiġi injorat,

M.   billi l-parti l-kbira tal-irziezet f'inħawi muntanjużi huma irziezet tal-familja b'riskju finanzjarju għoli,

1.  Jinnota li l-isforzi ta' l-Istati Membri rigward ir-reġjuni muntanjużi (b'mod partikulari l-muntanji għoljin u l-inħawi ta" għoli medju) jvarjaw ħafna minn stat għal ieħor u ma jimmirawx lejn żvilupp globali iżda lejn żvilupp purament settorjali, u li ma jeżistix qafas integrat fil-livell tal-UE (kif jeżisti fil-każ taz-zoni marittimi; (COM(2007)0574);

2.  Jenfasizza li l-Artikolu 158 tat-Trattat KE, emendat mit-Trattat ta' Liżbona, dwar il-politika ta' koeżjoni jidentifika r-reġjuni muntanjużi bħala li jbatu minn żvantaġġi serji u dejjiema, filwaqt li jirrikonoxxi d-diversità tagħhom, u jitlob li tingħatalhom attenzjoni partikulari; jiddispjaċiħ madankollu li l-Kummissjoni għad ma rnexxilhiex tfassal strateġija komprensiva għall-appoġġ effettiv tar-reġjuni muntanjużi u ta' reġjuni oħra li jbatu minn żvantaġġi naturali u dejjiema, minkejja l-bosta talbiet min-naħa tal-Parlament Ewropew sabiex hija tagħmel dan;

3.  Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm koordinazzjoni tajba tal-bosta linji politiċi Komunitarji bil-għan li jiġi żgurat żvilupp armonjuż, b'mod partikolari għar-reġjuni, bħall-inħawi muntanjużi, li jbatu minn żvantaġġi naturali dejjiema; huwa mħasseb f'dan ir-rigward dwar l-utilità tas-separazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tal-Komunità mill-iżvilupp rurali, fil-perjodu ta' ipprogrammar attwali 2007-2013 li tirriżulta mill-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fil-Politika Agrikola Komuni (PAK); iqis li dan l-approċċ ġdid għandu jiġi sorveljat mill-qrib sabiex jiġi evalwat l-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp reġjonali;

4.  Jirrimarka li l-inħawi muntanjużi jbatu minn żvantaġġi li permezz tagħhom huwa inqas faċli li l-agrikoltura tadatta ruħha għal kundizzjonijiet kompetittivi u li jġibu magħhom spejjeż żejda, biex b'hekk ma jkunx jista' jkun hemm prodotti kompetittivi ħafna bi prezz baxx;

5.  Jipproponi li, fil-kuntest tal-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali li se tiġi adottata fil-ħarifa tal-2008, u b'konformità mal-għanijiet tal-aġenda territorjali u l-Perspettiva Ewropea għall-Iżvilipp ta' l-Ispazji, il-Kummissjoni għandha, b'koperazzjoni mal-Istati Membri, tadotta approċċ territorjali biex tindirizza l-problemi f'tipi differenti ta" nħawi muntanjużi u tipprovdi għal miżuri fi ħdan il-pakkett leġiżlattiv tal-Fondi Strutturali;

6.  Jixtieq li l-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea integrata tassew favur l-inħawi muntanjużi u jqis il-pubblikazzjoni ta' Green Paper dwarhom bħala l-ewwel pass importanti f'din id-direzzjoni; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tniedi konsultazzjoni pubblika wiesgħa li timplika lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, lill-protagonisti soċjo-ekonomiċi u ambjentali, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet reġjonali fl-inħawi muntanjużi, sabiex tiġi identifikata aħjar is-sitwazzjoni f'dawn ir-reġjuni;

7.  Jilqa" l-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali bħala metodu biex jiġu indirizzati nħawi differenti tal-Unjoni Ewropea u jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm PAK li tinkludi l-ewwel u t-tieni pilastru sabiex fl-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-isfidi internazzjonali, l-ambjent ekonomiku jkun jista" jiġi influwenzat b'mod effettiv, bil-għan li l-biedja multifunzjonali fl-inħawi muntanjużi u fl-għoljiet issir vijabbli, għan li sabiex jinkiseb hemm bżonn ta' strumenti marbuta mal-produzzjoni, fosthom rigward it-trasport tal-ħalib;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fil-qafas tal-kompetenzi tagħha tfassal strateġija integrata tal-UE għall-iżvilupp u l-użu sostenibbli tar-riżorsi fl-inħawi muntanjużi (strateġija tal-UE għall-inħawi muntanjużi) fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta" din ir-riżoluzzjoni; jitlob ukoll li jitfasslu programmi ta" azzjoni nazzjonali li jinkludu miżuri speċifiċi ta" implimentazzjoni fuq din il-bażi, b'arranġament mal-awtoritajiet reġjonali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili li huma familjari mal-interessi u l-bżonnijiet lokali fil-post, u li jiddefenduhom (pereżempju rigward it-tipi differenti ta" żoni muntanjużi), filwaqt li jitqiesu inizjattivi reġjonali eżistenti kif xieraq;

9.  Jenfasizza l-importanza tad-demarkazzjoni tal-inħawi muntanjużi bħala rekwiżit għall-miżuri mmirati, pereżempju għall-biedja fil-muntanji u fl-għoljiet b'mod partikulari, u l-ħtieġa li dawk l-inħawi jiġu kklassifikati kif xieraq skont il-grad ta" żvantaġġ naturali, li għandu jiġi monitorjat l-aktar mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-mappa attwali taz-zoni eliġibbli;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrpoduċi sommarju tal-programmi u proġetti ffinanzjati dwar temi li huma relevanti għar-reġjuni muntanjużi, bl-iskop tat-trasferiment tal-għarfien u l-promozzjoni tal-innovazzjoni;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-programm ta' ħidma tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar tal-Ispazji (ESPON), tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tar-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali u dejjiema, bħar-reġjuni muntanjużi; iqis li għarfien tajjeb u fil-fond tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-inħawi muntanjużi huwa essenzjali sabiex wieħed ikun jista' jfassal miżuri differenzjati li jindirizzaw aħjar il-problemi ta' dawn ir-reġjuni;

12.  Jenfasizza l-irwol tal-biedja fil-muntanji u fl-għoljiet fil-produzzjoni, il-manutenzjoni u l-użu tal-kampanja b'mod trasversali, kif ukoll bħala bażi plurifunzjonali għal setturi ekonomiċi oħra u bħala element karatteristiku tal-pajsaġġi kulturali tradizzjonali u ta' l-istruttura soċjali;

13.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li ħafna nħawi muntanjużi jkollhom jiffaċċjaw il-pressjoni urbana minħabba li huma jattiraw it-turisti u, fl-istess waqt, iridu jħarsu l-pajsaġġ tradizzjonali li qed isir inqas agrarju u qed jitlef is-sbuħija tiegħu kif ukoll il-kwalitajiet ta' importanza kbira għall-ekosistema;

14.  Jinnota li l-biedja fl-inħawi tal-muntanji (b'mod partikulari f'inħawi fil-għoli u f'inħawi b'muntanji għoljin) tinvolvi sforz akbar (bħal intensità għolja ta" xogħol u l-ħtieġa tax-xogħol manwali) u spejjeż akbar (inkluża l-ħtieġa ta" makkinarju speċjali u l-ispejjeż għoljin għat-trasport) minħabba l-kundizzjonijiet u r-riskji naturali;

15.  Jitlob li titqies aktar u b'mod aktar speċifiku l-multifunzjonalità tal-biedja fl-inħawi tal-muntanji u l-għoljiet fir-riformi tal-CAP tal-ġejjieni, billi d-direttivi ta" qafas u l-programmi nazzjonali għall-iżvilupp rurali jsiru konformi mal-irwol tal-bdiewa fil-muntanji u fl-għoljiet mhux biss bħala produtturi iżda wkoll bħala pijunieri ekonomiċi għal setturi oħra u li jinħoloq ambitu għall-kollaborazzjoni sinerġetika (inkluż l-iffinanzjar ta" programmi ta" ekoturiżmu u t-tqegħid fis-suq ta" prodotti ta" kwalità għolja); jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikulari, dwar il-ħtieġa li jingħata kumpens finanzjarju għall-prestazzjoni ekoloġika tal-biedja fl-inħawi muntanjużi;

16.  Jagħti ġieħ lix-xoħol li jwettqu l-bdiewa tal-muntanji; jinnota li l-kundizzjonijiet għall-biedja fl-inħawi muntanjużi (speċjalment fir-rigward tal-qligħ ta" dħul supplimentari, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u l-ħila li wieħed jibda familja) m'għandhomx jiġu kkumplikati permezz tal-burokrazija iżda għandhom jittejbu permezz tal-għaqda ta" politiki settorjali; jitlob lill-Kummissjoni u lill-kumitati (tal-komitoloġija) kompetenti biex jirrevedu regoli eżistenti u prospettivi (fuq kollox dwar ir-reġistri obbligatorji) b'konformità mal-inizjattiva ta" "regolamentazzjoni aħjar" u/jew biex jagħmluhom inqas ikkumplikati sabiex il-proċeduri amministrattivi jiġu ssimplifikati b'mod komprensiv;

17.  Jenfasizza li, fil-ġejjieni, il-pagamenti obbligatorji għall-inħawi muntanjużi (b'mod partikulari f'inħawi fil-għoli u f'inħawi b'muntanji għoljin) għandhom jibqgħu ikunu mmirati esklussivament biex ipattu għall-iżvantaġġi naturali dejjiema u għall-ispejjeż addizzjonali minħabba d-diffikultajiet tal-biedja, li pagamenti ta" dan it-tip huma ġustifikati fuq żmien twil minħabba n-nuqqas ta" produzzjoni alternattiva u li d-diżakkoppjar sħiħ iwassal għal tnaqqis sistematiku fl-attività, li jaffettwa s-setturi kollha; jenfasizza li l-ħtiġijiet tal-inħawi muntanjużi ma jistgħux jiġu sodisfatti esklussivament permezz tal-iffinanzjar għall-iżvilupp rurali;

18.  Jitlob għal aktar għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ u għal opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel (b'mod partikulari permezz ta" miżuri li jiffavorixxu lill-familja, regolamentazzjoni tax-xogħol part-time u full-time, mudelli ta' salajri kombinati, mudelli ta' xogħlijiet supplimentari, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u l-ħila li wieħed jibda familja) bħala fatturi essenzjali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tfassal approċċi, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet involuti, bħala parti mid-diskussjonijiet u l-proġetti dwar il-flessigurtà;

19.  Jitlob li jinżamm bilanċ demografiku f'dawk l-oqsma li spiss jiffaċċjaw problemi minħabba l-migrazzjoni urbana;

20.  Hu konvint mill-prijorità li tinżamm densità suffiċjenti tal-popolazzjoni fl-inħawi muntanjużi, kif ukoll mill-ħtieġa ta' miżuri għall-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u sabiex jinġibdu nies ġodda;

21.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat livell għoli ta" servizzi ta" interess ekonomiku ġenerali, li jittejbu l-aċċessibilità u l-interkonnessjoni tal-inħawi muntanjużi u li tiġi pprovduta l-infrastruttura meħtieġa, b'mod partikulari rigward it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, l-edukazzjoni, l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien u n-netwerks tal-komunikazzjoni (fosthom l-aċċess broadband) sabiex jiġu faċilitati l-konnessjonijiet mas-swieq "upland" u maz-zoni urbani; jitlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jippromwovu sħubijiet pubbliċi-privati għal dawn l-għanijiet;

22.  Jenfasizza li l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi, il-koperattivi tal-biedja, l-inizjattivi kollettivi tal-bdiewa għat-tqegħid fis-suq u s-sħubijiet inter-settorjali li joħolqu valur miżjud fi ħdan ir-reġjuni permezz ta" approċċ integrat għall-iżvilupp (bħall-gruppi Leader) u b'konformità mal-istrateġiji dwar il-biedja sostenibbli, jagħtu kontribut importanti għall-istabilità tal-pożizzjonar tad-dħul u s-sigurtà tal-produzzjoni agrikola fis-swieq u li għalhekk għandhom jingħataw appoġġ akbar;

23.  Jitlob għajnuna finanzjarja speċjali għas-settur tal-ħalib (il-bdiewa u dawk involuti fl-ipproċessar) li għandu rwol ewlieni fl-inħawi muntanjużi (b'mod partikulari f'inħawi fil-għoli u f'inħawi b'muntanji għoljin) minħabba n-nuqqas ta" produzzjoni alternattiva; jitlob li tiġi adottata strateġija ta" "soft landing'għall-inħawi muntanjużi waqt ir-riforma tal-kwota tal-ħalib, u miżuri ta" akkumpanjament (pagamenti speċjali) biex inaqqsu l-effetti negattivi, li jagħti ċ-ċans li jiġu introdotti proċessi ta" aġġustament u jippreserva l-bażi tal-biedja; jitlob li jkun hemm fondi addizzjonali disponibbli mill-ewwel pilastru, b'mod partikulari forma ta" primjum għall-baqar tal-ħalib;

24.  Jitlob lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu, b'enfasi fuq appoġġ għall-biedja sostenibbli u adattata fl-inħawi muntanjużi, pagamenti addizzjonali għal kull ettaru għall-biedja organika u għar-regħi estensiv kif ukoll appoġġ għal investimenti f'faċilitajiet tat-trobbija tal-bhejjem xierqa għall-ispeċi;

25.  Ifakkar li fir-reġjuni muntanjużi l-intrapriżi jipproduċu prodotti ta' kwalità billi mill-ġdid jużaw għarfien u proċeduri tradizzjonali tal-manifattura, u għandhom rwol ewlieni fil-qasam tax-xogħol u li għaldaqstant għandhom jiġu kkunsidrati fis-sistemi ta' għajnuna ta' l-UE;

26.  Jitlob li jittieħdu miżuri ta" għajnuna speċjali bħala riżultat tal-ispejjeż u l-isforzi akbar meħtieġa, b'mod partikulari biex jitwasslu l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fil-widien; jitlob li jiddaħħal primjum għall-baqar tal-ħalib għall-inħawi muntanjużi;

27.  Jenfasizza l-importanza trasversali ta' prodotti tipiċi reġjonali u tradizzjonali (ta' kwalità); jitlob li l-istrateġija tal-UE għall-inħawi muntanjużi tinkludi miżuri biex iħarsu u jippromwovu dawk il-prodotti jew il-proċeduri ta" manifattura u ċ-ċertifikazzjoni tagħhom (pereżempju kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 tal-20 ta" Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti(6) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta" Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel(7)) u biex jiġu mħarsa mill-imitazzjonijiet; jitlob li jsiru dispożizzjonijiet speċjali fi ħdan il-programmi ta" promozzjoni tal-UE għal ikel ta" kwalità għolja (pereżempju dak mill-mergħat tal-muntanji u mill-produtturi tal-ġobon fl-irziezet kif ukoll laħam ta" kwalità għolja);

28.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw il-gruppi tal-bdiewa u l-komunitajiet lokali biex jistabbilixxu tikketti ta' kwalità reġjonali kif imsemmi fil-paragrafu 27; jissuġġerixxi li jingħata appoġġ permezz ta" informazzjoni mtejba u taħriġ xieraq għall-bdiewa u għal dawk li jipproċessaw l-ikel kif ukoll permezz ta" appoġġ finanzjarju għat-twaqqif ta" faċilitajiet lokali ta" pproċessar kif ukoll kampanji ta" promozzjoni inizjali;

29.  Jitlob li jitwaqqaf fond għar-reġjuni żvantaġġjati, inklużi l-inħawi muntanjużi li jinklujdi, pereżempju, fondi tat-tieni pilastru li ma ġewx użati minħabba nuqqas ta' kofinanzjament nazzjonali;

30.  Jitlob għal għajnuna finanzjarja mmirata speċjali garantita, b'konformità mal-Artikolu 69 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta' Settembru 2003 li jwaqqaf regoli komuni għal skemi ta" appoġġ dirett taħt il-CAP u jistabbilixxi ċerti skemi ta" appoġġ għall-bdiewa(8), aċċess speċifiku għal din l-għajnuna b'burokrazija minima, u biex il-limitu massimu tar-riżorsi skond l-Artikolu 69 jittella" għal 20%;

31.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-inħawi muntanjużi jistgħu jipprovdu prodotti tal-biedja ta" kwalità għolja u jistgħu jżidu mad-diversità tal-prodotti tal-biedja fis-suq Ewropew, jippreservaw ċerti speċijiet ta" annimali u ta" ħaxix, jippreservaw it-tradizzjonijiet u jippromwovu attivitajiet turistiċi u industrijali kif ukoll jiġġieldu kontra l-bidla fil-klima billi jħarsu l-bijodiversità u jaqbdu d-CO2 permezz ta" mergħat u foresti dejjiema u li l-industrija sostenibbli tal-foresta tagħti ċ-ċans li tiġi prodotta l-enerġija bl-użu tal-fdalijiet tal-injam;

32.  Jitlob biex fid-dispożizzjonijiet dwar is-saħħa, il-ħarsien u t-trobbija tal-annimali jitqiesu l-interessi immedjati tal-bdiewa li jrabbu l-annimali, b'mod partikulari razez indeġeni fl-inħawi muntanjużi, fid-dawl tar-riskji u l-pressjoni attwali li huma qed jiffaċċjaw, bħal pereżempju programmi ta" trobbija, iż-żamma ta" kotba tal-merħliet u kontrolli tal-konformità;

33.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni, fil-qafas tal-politika tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ internazzjonali, għandhom konsegwenzi fuq l-iżvilupp tal-inħawi muntanjużi; jitlob lill-Kummissjoni biex, f'dan il-kuntest, tindirizza l-ħtiġijiet ta' dawn is-setturi b'mod iktar immirat meta jsiru adattamenti fil-ġejjieni, b'mod partikulari fin-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u rigward il-flessibilità tar-regoli dwar l-għajnuna statali u meta s-servizzi ta" interess ġenerali jiġu inkorporati fil-liġi dwar il-kompetizzjoni;

34.  Jitlob li tingħata attenzjoni partikulari lill-bdiewa li jrabbu l-annimali f'inħawi muntanjużi milquta min-nirien, billi l-mergħat f'dawn l-inħawi jeħtieġu użu limitat u b'attenzjoni matul il-ħames snin li ġejjin;

35.  Jitlob li fil-qafas ta' l-"istrateġija" jiġu kkunsidrati t-tipi differenti ta' pajsaġġi tal-inħawi muntanjużi (mergħat għoljin, foresti protetti, muntanji għoljin u nħawi ta" għoli medju, mergħat, inħawi ta" sbuħija partikulari) u li għall-mergħat għoljin, l-ispazji bil-ħaxix, il-foresti u l-ispazji żvantaġġati sensittivi oħra jkunu previsti inċentivi għall-ħarsien tagħhom kif ukoll kunċetti għall-użu sostenibbli biex jiġu reġenerati u jerġa" jikber il-ħaxix fuqhom, biex jitħarsu mill-erożjoni, biex ikun hemm promozzjoni tal-immaniġġjar razzjonali tar-riżorsi tal-ilma u biex wieħed jikkunbatti l-fenomeni mhux mixtieqa, pereżempju li l-bhejjem ma jibqgħux jirgħu fuq l-art, li mbagħad tmur lura għall-istat salvaġġ tagħha, jew ir-regħi żejjed;

36.  Jirrimarka, fir-rigward tal-preservazzjoni tad-diversità tal-ispeċijiet, dwar il-ħtieġa li jitwaqqfu ħażniet ta" materjal ġenetiku indiġenu mill-ispeċijiet tal-annimali u tal-pjanti, b'mod partikulari annimali tal-biedja u flora tal-muntanji indiġeni; jitlob lill-Kummissjoni sabiex teżamina jekk u kif tista" tniedi inizjattiva għal pjan ta" azzjoni internazzjonali;

37.  Jenfasizza li f'xi nħawi muntanjużi tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari fl-Istati Membri l-aktar ġodda, hemm riskju dejjem akbar li tonqos il-popolazzjoni u li tiftaqar il-ħajja soċjali tal-komunitajiet lokali , li qed jiffaċċjaw ukoll it-theddida li titnaqqas jew saħansitra li tieqaf il-biedja, u li probabbli jwassal għal bidliet fil-pajsaġġ u fl-ekosistema;

38.  Jenfasizza li l-primjums tal-ħaxix huma meħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-biedja fl-inħawi muntanjużi u li għalhekk għandhom jinżammu;

39.  Jenfasizza l-importanza ta' strateġija għall-foresti fuq perjodu twil li tqis il-konegwenzi tal-bidla fil-klima, iċ-ċiklu naturali u l-kompożizzjoni naturali ta' l-ekosistema tal-foresti, u li toħloq mekkaniżmi ta' kumpens għal sitwazzjonijiet ta' kriżi (pereżempju l-maltemp qawwi u nirien fil-foresti) kif ukoll inċentivi għal ġestjoni integrata tal-foresti; jiġbed l-attenzjoni għall-possibilitajiet ta" trasformazzjoni u esplojtazzjoni sostenibbli tal-injam u tal-prodotti tal-injam mill-inħawi muntanjużi fuq livell lokali (bħala prodotti ta" kwalità għolja bi spejjeż baxxi għat-trasport u li b'hekk inaqqsu is-CO2, bħala materjal tal-bini u bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni);

40.  Jisħaq fuq l-importanza tal-kwistjoni tal-ġestjoni ta' l-ilma fl-inħawi muntanjużi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħajjar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżviluppaw sens ta" solidarjetà bejn l-utenti downstream u dawk upstream, fosthom permezz ta' finanzjament adegwat għall-appoġġ ta' użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma f'dawn l-inħawi;

41.  Jenfasizza li l-inħawi muntanjużi huma partikolarment vulnerabbli għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u jitlob lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti biex jippromwovu l-implimentazzjoni immedjata ta' miżuri għall-protezzjoni kontra diżastri naturali, b'mod partikolari nirien fil-foresti, f'dawn ir-inħawi;

42.  Ifakkar li l-inħawi muntanjużi jeħtieġu mezzi ġodda għall-ħarsien tat-territorju tagħhom kontra l-għargħar (b'enfasi fuq il-prevenzjoni tal-għargħar), filwaqt li l-bdiewa u l-ħaddiema fl-industrija tal-foresti jistgħu jappoġġjaw miżuri kontra l-għargħar permezz tal- ħlas dirett relatat maz-zoni li huma jirċievu taħt il-Politika Agrarja Komuni;

43.  Ifakkar li għandha tiġi pprovduta protezzjoni intensiva u komprensiva kontra l-erożjoni tal-ħamrija, tal-bini u l-konservazzjoni tal-ilma tal-pjan, bħala parti kostitwenti mill-prattika tal-biedja u tal-forestrija, sabiex jonqsu kemm jista' jkun ir-riskji ta' għargħar u ta' erożjoni tal-ħamrija u għall-prevenzjoni kontra n-nixfa u n-nirien fil-foresti, kif ukoll għaż-żieda fil-provvista ta' ilma ta" taħt l-art u tal-wiċċ fil-kampanja;

44.  Jenfasizza li l-foresti b'siġar li jwaqqgħu l-weraq u foresti koniferi, bħala settur ekonomiku, bħala zoni ta' mistrieħ u ambjent naturali, jeħtieġu kura partikolari u li l-użu mhux sostenibbli tal-foresti jwassal għal problemi ekoloġiċi u ta' sikurezza (blat li jaqa', mases ta' tajn) li jeħtieġu miżuri biex jiġu kkumbattuti;

45.  Ifakkar is-suġġeriment fil-paragrafu 15 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2006 li jsiru sforzi biex il-foresti u l-mergħat, fl-inħawi muntanjużi, jiġu separarti u biex jiġi introdott ir-rekwiżit li jintużaw il-mogħdijiet (mhux l-inqas għal raġunijiet ta' sikurezza ġenerali);

46.  Ifakkar li l-muntanji jiffurmaw ostakli naturali, u f'ħafna każijiet huma wkoll fruntieri nazzjonali, ħaġa li tagħmel essenzjali l-koperazzjoni transkonfinal, transnazzjonali u interreġjonali, u l-promozzjoni tagħhom, essenzjali, minħabba l-problemi komuni (pereżempju l-bidla fil-klima, l-epidemiji ta' l-annimali, it-telf tal-bijodiversità);

47.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi favur it-turiżmu sostenibbli u biex isir użu effiċjenti tan-natura bħala 'vantaġġ ekonomiku' permezz ta' attivitajiet ta' mistrieħ u attivitajiet sportivi sostenibbli li jqisu l-karatteristiċi lokali; jenfasizza l-irwol tal-persuni li "jużaw" in-natura għall-benefiċċju tagħhom stess filwaqt li jirrispettaw lin-natura;

48.  Iħeġġeġ sabiex ikun hemm iktar koordinazzjoni tal-iżvilupp rurali u l-appoġġ strutturali u l-iżvilupp ta' programmi komuni;

49.  Jissuġġerixxi li l-iżvilupp rurali u l-assisstenza strutturali jingħaqdu u jiġu żviluppati l-programmi integrati;

50.  Jisħaq fuq is-sinifikat li jiġi introdott approċċ integrat għall-proċeduri amminsitrattivi u ta' teħid ta' deċiżjonijiet bħall-ippjanar reġjonali, il-liċenzjar ta' proġetti ta' kostruzzjoni u t-titjib ta' postijiet għall-għixien permezz ta' prattiki ambjentali, ta' patrimonju u ta' ippjanar tal-ibliet, biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli fir-reġjuni tal-muntanji; jirrakkomanda li l-potenzjal tal-inħawi tal-muntanji għandu jiġi sfruttat sabiex jiġi promoss żvilupp komprensiv tat-turiżmu u l-użu tal-innovazzjoni fl-iżvilupp tal-art, u jħeġġeġ għal dan l-iskop l-inizjattivi lokali u deċentralizzati kif ukoll il-koperazzjoni bejn l-inħawi tal-muntanji;

51.  Jenfasizza li art li mhix tajba għall-kultivazzjoni u l-produzzjoni għandha tintuża l-aħjar biex tmantni l-foresti, il-kaċċa sostenibbli u s-sajd, eċċ, biex ma tmurx lura għall-istat salvaġġ tagħha u biex ikun evitat il-periklu ta' nirien, l-erożjoni u t-tnaqqis tal-bijodiversità;

52.  Jenfasizza l-importanza taz-zoni tal-muntanji (speċjalment l-inħawi għoljin u dawk medji) fil-ħarsien tan-natura, il-bijodiversità u l-preservazzjoni tal-ambjent naturali imma jenfasizza b'mod partikulari l-ħtieġa li tinżamm il-biedja u l-forestrija fiz-zoni tan-"Natura 2000" u r-riservi naturali u jappella sabiex ikun hemm aktar rabtiet bejn dawn iz-zoni billi jiġi introdott porzjon minimu ta' art ekoloġika li tikkumpensa fiz-zoni tal-biedja (possibiliment 5%);

53.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti l-appoġġ kollu tagħha għan-nominazzjoni ta' nħawi ta' muntanji li għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' patrimonju dinji u tagħmel użu mill-opportunitajiet internazzjonali kollha disponibbli biex tipproteġi dawk ir-reġjuni;

54.  Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-riżorsi ta' ilma uniċi, li jistgħu jintużaw b'mod sostenibbli bħala sisitemi ta' irrigazzjoni u bħala sors ta' ilma tax-xorb u ta' enerġija għat-turiżmu tal-fawwari termiċi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm solidarjetà min-naħa t'isfel u min-naħa ta' fuq fl-immaniġġjar ta' dawk ir-riżorsi; f'dan ir-rigward jenfasizza l-ħtieġa, u sabiex ikunu evitat kunflitt, li jinstabu soluzzjonijiet, peremezz tal-kollaborazzjoni, għall-użu tar-riżorsi tal-ilma fiz-zoni kkonċernati;

55.  Jappella lill-Kummissjoni sabiex tkompli bl-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar il-Biedja fil-Muntanji fil-Konvenzjoni Alpina b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-Konvenzjoni Alpina, biex tagħti l-aħjar appoġġ lill-biedja fil-muntanji u fl-għoljiet permezz ta' oqsma oħra ta' politika u, f'dan ir-rigward, tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tintemm ir-ratifikazzjoni tal-protokolli tal-Konvenzjoni Alpina li għadhom mhumiex parti mill-acquis communitaire, u li l-Unjoni Ewropea tissieħeb fil-Konvenzjoni tal-Karpazji bħala parti kontraenti;

56.  Jenfasizza l-importanza ta' korpi volontarji (b'mod partikolari, l-operazzjonijiet ta" salvataġġ fil-muntanji, il-protezzjoni ċivili, l-istituzzjonijiet tal-karità) fir-rigward tas-servizzi li jagħtu kif ukoll fir-rigward tal-wirt kulturali u naturali tal-muntanji;

57.  Ifaħħar ix-xogħol magħmul mill-organizzazzjonijiet u l-istituti ta' riċerka favur l-inħawi muntanjużi u jenfasizza li għandhom jintużaw l-għarfien u l-motivazzjoni tagħhom fl-iżvilupp ta' strateġija tal-UE għall-inħawi tal-muntanji u miżuri simili;

58.  Jenfasizza l-irwol li għandha l-promozzjoni ta' taħriġ bażiku part-time u aktar taħriġ vokazzjonali u, fl-interess tad-diversifikazzjoni tal-kapaċitajiet vokazzjonali u tal-opportunitajiet, l-inizjattivi u l-proġetti ta' 'tagħlim tul il-ħajja kollha';

59.  Iqis li huwa meħtieġ li jkun hemm investiment f'ċentri lokali ta' taħriġ avvanzat fl-ekonomija agrikola għall-inħawi muntanjużi, sabiex il-professjonisti jitħarrġu fil-kapaċità li jimmaniġġjaw attivitajiet f'ambjent muntanjuż, jipproteġu l-art u jiżviluppaw il-biedja.

60.  Jappella sabiex tingħata attenzjoni partikulari lill-ippreservar tal-pajsaġġ u t-tisħiħ u l-immodernizzar tal-infrastruttura fl-inħawi tal-muntanji li l-aċċess għalihom huwa diffiċċli u sabiex in-nuqqas ta' informazzjoni jimtela u r-riżultati tal-programmi ta' qafas tar-riċerka (pereżempju għall-e-Government) isiru aċċessibbli;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm servizzi lokali effiċjenti fiż-żamma tal-livelli tal-popolazzjoni u għall-kompetittività; jitlob għal appoġġ immirat għall-entitajiet lokali fil-qasam tas-servizzi ta' interess ġenerali;

62.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' konċentrazzjoni fuq is-soluzzjonijiet ta' mobilità u biex jiġi adottat approċċ integrat bejn ħtiġijiet tranżnazzjonali (tranżitu, kurituri ta' distanzi twal) u ħtiġijiet lokali (bħall-aċċess għar-reġjuni b'pożizzjoni differenti ta' altitudini u mobilità urbana);

63.  Jitlob li r-reġjuni muntanjużi jingħataw għajnuna fl-oqsma tal-ġestjoni tat-trasport, il-protezzjoni mill-ħsejjes u l-konservazzjoni tal-pajsaġġ bħala bażi għall-kwalità tal-ħajja u għat-turiżmu sostenibbli, permezz ta' miżuri mmirati sabiex it-traffiku jitneħħa mit-toroq (pereżempju, it-tisħiħ ta' "zoni sensittivi" fid-Direttiva dwar l-ispejjeż tat-toroq(9));

64.  Jenfasizza l-importanza ta' 'zoni ta' tranżizzjoni' bejn il-pjanuri u l-inħawi tal-muntanji sabiex ikun hemm faċilitajiet u servizzi ta' infrastruttura privati u pubbliċi ta' valur għoli (eżempju universitajiet, ajruporti, sptarijiet); jappella sabiex ikun hemm appoġġ biex faċilitajiet bħal dawn ikunu aċċessibbli b'mod aktar faċli, b'mod partikulari permezz tat-trasport pubbliku;

65.  Jenfasizza li, permezz tal-użu intelliġenti ta' bosta sorsi differenti tal-enerġija, iz-zoni muntanjużi jkunu 'mudelli' għal taħlita ta' enerġija differenti, soluzzjonijiet ta' effiċjenza fl-enerġija fil-qasam tal-bini u bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni, u li għandu jingħata appoġġ lill-ħidma ta' riċerka f'dawk l-oqsma; madankollu jenfasizza li l-iżvilupp ta' bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni ma jistgħux iwasslu għal kompetizzjoni bejn il-produzzjoni tal-għalf (raba" mhux maħdum, uċuħ, eċċ.) u l-mergħat;

66.  Jagħti parir lill-Istati Membri biex itejbu l-istruttura u l-proċeduri għall-provvista ta' għajnuna finanzjarja maħsuba għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-inħawi muntanjużi, filwaqt li fl-istess ħin jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi u l-aċċess għal riżorsi maħsuba biex jappoġġjaw il-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-vantaġġi tat-territorju: il-patrimonju kulturali u r-riżorsi naturali u umani;

67.  Iqis li fl-inħawi tal-muntanji jeħtieġ li jkun hemm biedja sostenibbli, moderna u multifunzjonali biex jinżammu attivitajiet oħra, bħall-esplojtazzjoni tal-bijomassa u l-agrituriżmu, b'hekk jiżdied il-qliegħ tal-popolazzjoni lokali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, fil-CAP u fil-politika reġjonali, iqisu b'mod speċifiku l-ħtiġijiet tal-inħawi tal-muntanji: il-miġja ta' bdiewa ġodda, il-kumpens għal spejjeż żejda marbuta mal-problema tal-aċċessibilità, pereżempju fir-rigward ta' ġbir tal-ħalib, iż-żamma ta' servizzi fiz-zoni rurali, l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport, eċċ;

68.  Jenfasizza l-vulnerabilità tal-muntanji u l-glaċieri fit-bidla fil-klima minħabba l-fatturi topografiċi u l-iżvantaġġi strutturali kif ukoll il-potenzjal tagħhom li jkunu 'laboratorju tat-testijiet' għat-teknoloġiji innovattivi għall-ħarsien tal-klima li jimitaw in-natura; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfassal politika differenti għall-klima f'dak li jirrigwarda z-zoni muntanjużi, waqt li tieħu spunt mill-għarfien eżistenti (bħall-Konvenzjonijiet Alpini u ta' Karpatzji); jappella sabiex isiru attivitajiet ta' riċerka u jiġu adottati miżuri tranżizzjonali f'din iz-zona;

69.  Jappella sabiex ikun hemm ftehimiet ta' koordinazzjoni sabiex iz-zoni muntanjużi u z-zoni li jingħataw anqas attenzjoni jkunu marbuta mal-CAP u mat-tieni pilastru (żvilupp rurali);

70.  Jenfasizza li l-biedja sostenibbli u l-iżvilupp tal-inħawi muntanjużi huma ta' importanza għall-popolazzjoni mhux biss f'dawk iz-zoni partikulari, imma wkoll fiz-zoni ta' madwarhom (pereżempju l-pjanuri), u li l-istrateġija tal-UE għall-inħawi muntanjużi għandha tinfluwenza wkoll is-sostenibilità taz-zoni ta" madwarhom f'dak li jirrigwarda l-forniment tal-ilma, l-istabbilità ambjentali, il-bijodiversità, it-tqassim bilanċjat tal-popolazzjoni u d-diversità kulturali; jistieden il-Kummissjoni sabiex, fit-tfassil ta' strateġija tal-UE għall-inħawi muntanjużi, teżamina kif l-inizjattivi eżistenti għall-integrazzjoni tal-inħawi muntanjużi u z-zoni ta' madwarhom jistgħu jkunu inkorporati fl-istrateġija;

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali biex jissorvelja l-progress ta' din ir-riżoluzzjoni fil-Kunsill u fil-Kummissjoni;

72.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 354.
(2) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 413.
(3) Testi Adottati, P6_TA(2008)0093.
(4) Il-Kumitat tar-Reġjuni, 23-2008.
(5) Nordregio (2004), Mountain areas in Europe: Analysis of mountain areas in EU Member states, acceding and other European countries.
(6) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.
(7) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.
(8) ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.
(9) Direttiva 2006/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta" Mejju 2006 li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar id-dmir ta' ħlas għall-vetturi tqal tal-merkanzija meta jużaw ċerta infrastruttura (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 8).

Avviż legali - Politika tal-privatezza