Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2579(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0422/2008

Testi mressqa :

B6-0422/2008

Dibattiti :

PV 23/09/2008 - 15
CRE 23/09/2008 - 15

Votazzjonijiet :

PV 24/09/2008 - 10.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0454

Testi adottati
PDF 300kWORD 50k
L-Erbgħa, 24 ta' Settembru 2008 - Brussell
Ftehima Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali
P6_TA(2008)0454B6-0422/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Settembru 2008 dwar il-Ftehima Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali (ITTA) 2006

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill (11964/2007),

–   wara li kkunsidra l-Programm Leġiżlattiv u ta" Ħidma tal-Kummissjoni 2008 (COM(2007)0640),

–   wara li kkunsidra r-'Reviżjoni Annwali tas-Suq tal-Prodotti tal-Foresta' tal-2006-2007 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura,

–   wara li kkunsidra r-rapport 'Review on the Economics of Climate Change' ta' Sir Nicholas Stern, ippreżentat fit-30 ta" Ottubru 2006,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005 dwar iż-żieda fir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-pjan ta" azzjoni għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, il-Governanza u l-Kummerċ (FLEGT)(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi r-rekwiżiti ta' ħarsien ambjentali għandhom jiġu integrati fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni (l-Artikoli 6 u 3(1)(b) tat-Trattat), minħabba li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-politika ambjentali tal-Komunità Ewropea huwa l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali biex jiġu ttrattati problemi ambjentali regjonali jew dinjija inklużi l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-foresti (Artikolu 174 tat-Trattat),

B.   billi d-deforestazzjoni sseħħ b'rata ta' madwar 13-il miljun ettaru kull sena, inklużi 6 miljuni ta' ettari ta' foresti primarji,

C.   billi huwa stmat li d-deforestazzjoni hija responsabbli għal 20% tal-emissjonijiet ta' gass b'effett serra disgħinijiet,

D.   billi l-FAO tistma li hemm inqas minn 8% taż-żona forestali dinjija li huma ekoċertifikati u li inqas minn 5% tal-foresti tropikali li huma mmaniġġjati b'mod sostenibbli,

E.   billi l-importazzjonijiet irħas ta' injam illegali u ta' prodotti forestali, flimkien man-nuqqas ta' konformità ma' standards soċjali u ambjentali bażiċi, jiddistabilizzaw is-swieq internazzjonali, jillimitaw id-dħul mit-taxxa tal-pajjiżi produtturi u jheddu l-impjiegi ta' kwalità ogħla kemm fil-pajjiżi li jimportaw kif ukoll f'dawk li jesportaw u jdgħajfu wkoll il-pożizzjoni ta' dawk il-kumpaniji li jaġixxu b'mod responsabbli u jirrispettaw l-istandards eżistenti,

F.   billi l-abitanti ta' pajjiżi li jipproduċu l-injam m'għandhomx ikunu mistennija li jġorru l-ispejjeż taż-żamma ta' dak li huwa riżors globali,

G.   billi l-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2008 inkluda Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni, u Komunikazzjoni flimkien ma' proposta leġiżlattiva biex fis-suq tal-UE la ma jidħol injam maqtugħ illegalment u lanqas ma jidħlu prodotti magħmula minn dan l-injam,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni tal-2006 tal-ITTA minħabba l-fatt li kieku ma ntlaħaqx ftehim kien ikun sinjal negattiv fir-rigward tal-impenn tal-komunità internazzjonali fil-promozzjoni tal-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-foresti tropikali; madankollu, jikkunsidra li r-riżultat għadu ferm lura minn dak li huwa meħtieġ biex jiġi indirizzat it-telf ta' dawn il-foresti;

Ħtieġa ta' politiki aktar integrati

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati membri biex iżidu b'mod sinifikanti r-riżorsi finanzjarji disponibbli biex jiżdiedu l-konservazzjoni u l-użu ekoloġikament responsabbli, biex jiġu appoġġjati azzjonijiet immirati għat-tisħiħ tal-governanza ambjentali u l-bini ta' kapaċità u għall-promozzjoni ta' alternattiva ekonomikamnet vijabbli għall-prattiki agrikoli ta' qtugħ ta' siġar u prattiki tat-tħaffir tal-minjieri li huma distruttivi;

3.  Jemmen li huwa ugwalment importanti li tissaħħaħ il-kapaċità tal-parlamenti nazzjonali u tas-soċjetà ċivili, inklużi l-komunitajiet lokali u l-popli indiġeni, sabiex jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-konservazzjoni, l-użu u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali u biex jiddemarkaw u jiddefendu d-drittijiet tal-art tagħhom;

4.  Jikkunsidra li l-politiki ta' akkwist pubbliku għandhom jirrikjedu li l-injam u l-prodotti magħmula mill-injam ikunu ġejjin minn sorsi legali u sostenibbli sabiex jiżdied l-impenn prattiku tal-awtoritajiet lejn governanza tajba fil-forestrija u kontra l-korruzzjoni;

5.  Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ukoll jaħdmu biex jiżguraw li l-Aġenziji tal-Kreditu tal-Esportazzjoni, il-Faċilità ta' Investiment ta' Cotonou u Istituzzjonijiet ta' Self Internazzjonali oħra li jiffinanzjaw proġetti bi flus pubbliċi tal-UE jużaw il-prinċipju ta' Kunsens Ħieles, Minn Qabel u Infurmat qabel ma jappoġġjaw finanzjarjament kwalunkwe proġett f'żoni forestali u jinsisti wkoll li jitwettqu evalwazzjoni tal-impatt ambjentali u soċjali u proċeduri ta' eżaminazzjoni għal dawn il-proġetti sabiex jiġi żgurat li ma jkattrux id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-foresti jew l-attivitajiet ta' qtugħ ta' siġar illegali;

6.  Iqis li l-inizjattivi ta' ċċertifikar, li jagħtu lill-konsumaturi l-fiduċja li l-injam li jkunu qed jixtru mhux biss ikun legali iżda jkun ġej minn foresti li huma mmaniġġjati b'mod sostenibbli, potenzjalment jissupplimentaw b'mod utli l-ftehimiet internazzjonali, sakemm dawn iċ-ċertifikati jkunu msejsa fuq verifika indipendenti;

7.  Huwa mħasseb li l-ftehimiet volontarji mhux se jkunu suffiċjenti biex ikun ivverifikat li l-prodotti magħmula mill-injam li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jkunu ġejjin minn sorsi legali u sostenibbli u għalhekk jemmen li l-UE għandha tibda tadotta standards legali vinkolanti internament flimkien ma' strumenti ta' sanzjoni għan-nuqqas ta' konformità;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu applikati kriterji stretti ta' sostenibilità, li jqisu l-impatti ambjentali u soċjali kemm diretti kif ukoll indiretti, fuq l-importazzjonijiet ta' agrofjuwils u bijomassa jekk il-benefiċċji klimatiċi tas-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili m'għandhomx jiġu mxejna fil-parti l-kbira tagħhom minn żieda fl-emissjonijiet ta' CO2 li toriġina mid-deforestazzjoni;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura, permezz tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali u multilaterali tagħha, governanza tajba tar-riżorsi tal-injam;

10.  Iqis li f'dan ir-rigward il-ftehima kummerċjali proposta mal-pajjiżi tal-Asja tax-Xlokk hija ta' importanza partikulari u jikkunsidra li kwalunkwe ftehima għandu jkun fiha kapitolu sinifikanti dwar l-iżvilupp sostenibbli li jindirizza l-kwistjonijiet taż-żamma tal-foresti u l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali u mhux sostenibbli tas-siġar;

Karatteristiċi ta' ftehima aktar b'saħħitha u aktar effettiva

11.  Jikkunsidra li ftehima effettiva dwar l-injam tropikali għandu jkollha, bħala l-objettivi ewlenin tagħha, il-ħtieġa li jiġu żgurati l-protezzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tal-foresti tropikali u li ż-żoni forestali li kienu ġew iddegradati jerġgħu jiġu kif kienu u li l-kummerċ tal-injam tropikali għandu jitħeġġeġ biss jekk dan ikun kompatibbli mal-objettivi preċedenti;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa mekkaniżmi ta' finanzjament għall-pajjiżi li minflok ma jipprovaw jilħqu l-massimu tad-dħul f'terminu ta' żmien qasir jiddeċiedu li jagħtu prijorità lill-objettiv, fuq terminu ta' żmien itwal, tal-promozzjoni ta' foresti sostenibbli, u biex tinvestiga l-possibilità li tiġi organizzata mill-ġdid is-sistema ta' votazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Injam Tropikali sabiex jiġu ppremjati l-pajjiżi li jipproduċu l-injam li jagħtu prijorità lill-konservazzjoni u lill-użu sostenibbli tar-riżorsi forestali;

13.  Jemmen li ftehima futura għandha tiżgura li l-parlamentari u s-soċjetà ċivili jkunu involuti fit-tfassil tal-politika u li jkun hemm dispożizzjonijiet għal verifiki indipendenti tas-sostenibilità tal-politiki ta' mmaniġġjar forestali tal-membri u tal-impatt tagħhom fuq il-popli indiġeni;

Konklużjonijiet

14.  Jikkunsidra li l-ftehima tirrikjedi l-kunsens tal-Parlament skont l-Artikolu 300(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat KE u jemmen li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jilqgħu b'sodisfazzjon l-aċċettazzjoni pubblika u l-leġittimità msaħħa li jirriżultaw permezz tal-involviment ikbar tal-Parlament;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara rapporti annwali kemm dwar l-implimentazzjoni tal-ITTA tal-2006 kif ukoll dwar miżuri biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-kummerċ fuq il-foresti tropikali, inklużi l-konsegwenzi tal-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles u l-ftehimiet bilaterali skont il-programm FLEGT;

16.  Jemmen li l-Parlament għandu jkun involut u infurmat bis-sħiħ dwar il-progress li jsir f'kull stadju tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' sħubija FLEGT;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tibda tipprepara għar-round li jmiss ta' negozjati tal-ITTA bl-objettiv li jiġi żgurat li l-ftehima sussegwenti tkun ħafna aħjar;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar il-progress tan-negozjati futuri għal ftehima sussegwenti għall-ITTA tal-2006 sabiex ir-riżultat ta' dawn in-negozjati jġib miegħu appoġġ wiesa';

o
o   o

19.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 482.

Avviż legali - Politika tal-privatezza