Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-Media Komunitarja fl-Ewropa (2008/2011(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 150 u 151 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta' Amsterdam li jemenda t-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċertu atti relatati, ffirmati fit-2 ta' Ottubru 1997, Protokoll Nru 9 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad- Diversità tal-Espressjoni Kulturali li tirrikonoxxi l-leġittimità tal-politiki pubbliċi għar-rikonoxximent u l-promozzjoni tal-pluraliżmu,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għal networks u servizzi elettroniċi tal-komunikazzjonijiet (Direttiva Qafas)(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' l-Aċċess)(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta" Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni)(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva tas-Servizz Universali)(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta" Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta" ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta" attivitajiet ta" xandir bit-televixin(6),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju)(7),
– wara li kkunsidra l-'White Paper' ippreżentata mill-Kummissjoni dwar politika tal-komunikazzjoni Ewropea (COM(2006)0035),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar approċċ Ewropew għal-litteriżmu tal-media fl-ambjent diġitali (COM(2007)0833),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Lulju 1995 dwar il-possibilitajiet ta' l-istrateġija tal-Green Paper biex tissaħħaħ l-industrija tal-programm Ewropew fil-kuntest tal-politika awdjoviżiva ta' l-Unjoni Ewropea(8),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persuanl tal-Kummissjoni dwar il-Pluraliżmu tal-Media fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (SEC(2007)0032),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar ir-riskji tal-vjolazzjoni, fl-UE u speċjalment fl-Italja, tal-libertà ta' l-espressjoni u l-informazzjoni (l-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)(9),
–wara li kkunsidra l-istudju 'L-Istat tal-Media Komunitarja fl-Unjoni Ewropea', ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-Media tal-Komunità/ir-Rakkomandazzjoni (2007)2 tal-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri dwar il-pluraliżmu tal-media u d-diversità tal-kontenut tal-media,
–wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa (Dik-31.01.2007E) tal-Kumitat tal-Ministri dwar il-ħarsien ta' l-irwol tal-media fid-demokrazija fil-kuntest tal-konċentrazzjoni tal-media,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar id-Diversità fix-Xandir abbozzata mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Libertà ta' l-Opinjoni u ta' l-Espressjoni, ir-Rappreżentattiv ta' l-OSCE tal-Libertà tal-Media, ir-Rapporteur Speċjali ta' l-OAS dwar il-Libertà ta' l-Espressjoni u r-Rapporteur Speċjali ta' l-ACHPR (Kumitat Afrikan dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Popli) dwar il-Libertà ta' l-Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni, adottata fit-12 ta' Diċembru 2007,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0263/2008),
A. billi l-media komunitarja hija magħmula minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt u jridu jagħtu kont lill-istess Komunità li jfittxu li jaqdu,
B. billi n-natura tal-media li ma tagħmilx profitt tfisser li l-objettiv primarju ta' talimedia hija li tidħol f'attivitajiet ta' interess pubbliku jew privat mingħajr xi profitt kummerċjali jew monetarju,
C. billi "jridu jagħtu kont lill-Komunità" jfisser li l-media komunitarja trid tinforma lill-istess Komunità dwar l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha, tiġġustifikahom, u tiġi ppenalizzata fil-każ ta' xi mġiba ħażina,
D. billi hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri rigward it-tixrid u l-impatt tal-media Komunitarja, li huma l-ikbar f'dawk l-Istati Membri li jirrikonoxxu b'mod ċar l-istatut legali tagħhom u huma konxji tal-valur miżjud tagħhom,
E. billi l-media komunitarja għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni fil-ħolqien tal-kontenut mill-membri tal-Komunità, u b'hekk titrawwem il-parteċipazzjoni volontarja attiva fil-produzzjoni tal-media iżjed milli l-konsum passiv tal-media,
F. billi ħafna drabi l-media komunitarja ma tirrappreżentax maġġoranza minn dawk il-kategoriji fis-soċjetà imma taqdi minflok varjetà ta' gruppi ta' mira speċifiċi iżgħar li jkunu injorati minn media oħra, li f'ħafna każijiet huma bbażati lokalment jew reġjonalment,
G. billi l-media komunitarja tissodisfa rwol wiesa' imma s'issa mhux rikonoxxut fil-qasam tal-media, partikolarment bħala sors ta' kontenut lokali, u tħeġġeġ l-innovazzjoni, il-kreattività u d-diversità tal-kontenut,
H. billi l-media komunitarja hija obbligata li tippreżenta mandat definit b'mod ċar, per eżempju li tipprovdi gwadann soċjali, li wkoll irid jiġi rifless fil-kontenut li tipproduċi,
I. billi wieħed min-nuqqasijiet ewlenin tal-media komunitarja fl-Unjoni Ewropea huwa n-nuqqas tagħha ta' rikonoxximent legali minn ħafna sistemi legali nazzjonali, u billi barra minn hekk, s'issa, l-ebda mill-atti legali Komunitarji relevanti ma indirizza l-kwistjoni tal-media komunitarja,
J. billi l-introduzzjoni ta' kodiċi ta' prattika, flimkien mar-rikonoxximent legali, jiċċaraw l-istatus tas-settur, il-proċeduri u l-irwol, billi jikkontribwixxu għaċ-ċertezza tas-settur filwaqt ukoll li tiġi żgurata l-indipendenza u tiġi evitata l-kondotta ħażina,
K. billi l-Internet mexxa lis-settur f'perjodu ġdid b'possibilitajiet u sfidi ġodda, u billi l-ispejjeż tal-bidla mill-analogu għat-trażmissjoni diġitali poġġew piż kbir fuq il-media komunitarja,
L. billi l-2008 ġiet iddikjarata bħala s-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali, li jfisser li l-media fl-Unjoni Ewropea għandha rwol partikolarment importanti x'tilgħab li tipprovdi mezzi ta' l-espressjoni u ta' l-informazzjoni xierqa b'mod eminenti għal entitajiet kulturali iżgħar fis-soċjetà kollha u għall-kontinwazzjoni tad-djalogu interkulturali matul l-2008 u wara,
M. billi l-media kulturali hija mezz importanti li bih tingħata s-setgħa liċ-ċittadini u tħeġġiġhom ikunu involuti b'mod attiv fis-soċjetà ċivika; billi jsaħħu d-dibattitu soċjali, li jirrappreżenta mezz ta' pluraliżmu intern ta' l-ideat, u billi l-konċentrazzjoni tas-sjieda toħloq theddida għall-media biex tkopri fid-dettall il-kwistjonijiet ta' l-interessi lokali għall-gruppi kollha fil-Komunità,
1. Jisħaq li l-media komunitarja hija mezz effettiv biex jissaħħu d-diversità kulturali u lingwistika, l-inklużjoni soċjali u l-identità lokali, li tfisser id-diversità tas-settur;
2. Jinnota li l-media komunitarja tgħin biex jissaħħu l-identitajiet ta' gruppi speċifiċi ta' interess, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti lill-membri ta' dawk il-komunitajiet biex jaħdmu ma' gruppi oħra fis-soċjetà, u għalhekk tilgħab rwol importanti biex trawwem it-tolleranza u l-pluraliżmu fis-soċjetà u tikkontribwixxi għal djalogu interkulturali;
3. Jisħaq ukoll li l-media komunitarja tħeġġeġ djalogu interkulturali billi jiġi edukat il-pubbliku, billi jkun hemm ġlieda kontra l-isterjotipi negattivi u jitranġaw l-ideat imressqa mill-mass media fir-rigward ta' ċertu komunitajiet fi ħdan is-soċjeta' mhedda mill-esklużjoni, bħal ma huma r-refuġjati, il-migranti, ir-Roma u minoritajiet etniċi u reliġjużi oħra; jisħaq li l-media komunitarja hija għodda biex tiħfief l-integrazzjoni ta' l-immigranti u wkoll tippermetti lil membri żvantaġġati tas-soċjetà biex isiru parteċipanti attivi billi jieħdu sehem f'dibattiti li huma importanti għalihom;
4. Jinnota li l-media komunitarja tista' tilgħab rwol sinifikanti fil-programmi tat-taħriġ li jinvolvu organizzazzjonijiet esterni, inklużi universitajiet, u membri tal-komunità mhux tas-sengħa u taġixxi bħala 'hub' siewi għall-esperjenza tax-xogħol; jinnota li t-taħriġ ta' nies għall-ħiliet diġitali, web u editorjali permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-media komunitarja jipprovdi ħiliet utli u trasferibbli;
5. Jinnota li l-Media komunitarja taħdem bħala katalist għall-kreattività lokali, li tipprovdi lill-artisti u l-intraprendituri kreattivi bi pjattaforma pubblika għall-ittestjar ta' ideat u kunċetti ġodda;
6. Jikkunsidra li l-media komunitarja tikkontribwixxi għall-għan li jitjieb il-litteriżmu taċ-ċittadini fil-media permezz ta' l-indħil dirett tagħhom fil-ħolqien u d-distribuzzjoni tal-kontenut u jitħeġġu żbokki tal-komunità bbażati fuq l-iskola biex tiġi żviluppata attitudni ċivika fost iż-żagħżagħ, jiżdied il-litteriżmu fil-media, kif ukoll biex jinbena set ta' ħiliet li jista' jintuża wkoll għall-parteċipazzjoni tal-media komunitarja;
7. Jisħaq li l-media komunitarja tgħin biex issaħħaħ il-pluraliżmu tal-media, għax din tipprovdi perspettivi addizzjonali dwar kwistjonijiet li jinsabu fil-qalba tal-komunità speċifika;
8. Jinnota li, fid-dawl ta' l-irtirar jew in-nuqqas ta' eżistenza ta' media pubblika u kummerċjali f'ċertu oqsma, inklużi oqsma remoti, u t-tendenza mill-media kummerċjali biex jitnaqqas il-kontenut lokali, il-media komunitarja taf tkun l-uniku sors ta' aħbarijiet lokali u ta' l-informazzjoni u l-vuċi waħdanija tal-komunitajiet lokali;
9. Jilqa' l-fatt li l-media komunitarja tista' tagħmel liċ-ċittadini iżjed konxji tas-servizzi pubbliċi eżistenti u tista' tgħin biex trawwem il-parteċipazzjoni ċivili fid-diskors pubbliku;
10. Jikkunsidra li l-media komunitarja tista' sservi ta' mod effettiv li bih l-Unjoni tersaq eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha billi tindirizza udjenzi mmirati b'mod speċjali; u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkollaboraw b'mod iżjed attiv mal-Media Komunitarja ħalli jidħlu fi djalogu eqreb maċ-ċittadini;
11. Jinnota li l-media komunitarja ta' kwalità tajba hija essenzjali sabiex tkun tista' twettaq il-potenzjal tagħha u jisħaq fuq il-fatt li mingħajr riżorsi finanzjarji proprji ma jistax ikun hemm din il-kwalità; Jinnota li r-riżorsi finanzjarji tal-media komunitarja jvarjaw ħafna imma huma in ġenerali pjuttost skarsi, u jirrikonoxxi li ffinanzjar addizzjonali u adattament diġitali jippermettu lis-settur tal-media komunitarja li jestendi l-profil innovattiv tiegħu u li jipprovdi servizzi ġodda u vitali li jġibu valur miżjud għas-servizzi eżistenti f'forma analoga;
12. Jinnota li s-settur huwa nieqes mill-appoġġ li huwa bżonnjuż biex jagħmel sforzi kbar ħalli jtejjeb ir-rappreżentazzjoni tiegħu u jkollu kuntatt ma' l-UE u l-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fuq livell nazzjonali;
13. Jisħaq fuq il-bżonn għall-media komunitarja biex tkun politikament indipendenti.
14. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-kontenut tair-riżoluzzjoni billi jiddefinixxu l-media komunitarja bħala media li:
a)
ma tagħmilx profitt u tkun indipendenti, mhux biss mis-setgħa nazzjonali, imma wkoll mis-setgħa lokali, billi primarjament tidħol f'attivitajiet ta' interess pubbliku u ċivili, li taqdi objettivi definiti b'mod ċar li dejjem jinkludu l-valur soċjali u jikkontribwixxu għal djalogu interkulturali;
b)
trid tagħti kont lill-Komunità li tfittex li taqdi, u dan ifisser li għandha tinforma lill-Komunità dwar l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tagħha, li tiġġustifikahom, u li tiġi ppenalizzata fil-każ ta' mġiba ħażina, sabiex is-servizz jibqa' kkontrollat mill-interessi tal-Komunità u jiġi evitat il-ħolqien ta' "top-down'networks;
c)
tkun favur il-parteċipazzjoni fil-ħolqien ta' kontenut mill-membri tal-komunità, li jistgħu jipparteċipaw fl-aspetti kollha ta' l-operazzjoni u ta' l-immaniġġjar imma fejn dawk responsabbli mill-kontenut editorjali jrid ikollhom status professjonali;
15. Jagħti parir lill-Istati Membri biex jagħtu rikonoxximent legali lill-media komunitarja bħala grupp distint flimkien mal-media kummerċjali u pubblika fejn rikonoxximent bħal dan għadu nieqes mingħajr ma jkun ta' detriment għall-media tradizzjonali;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex tqis il-media komunitarja bħala soluzzjoni alternattiva u minn isfel għal fuq (bottom-up) biex jiżdied il-pluraliżmu tal-media meta jitfasslu l-indikaturi għall-pluraliżmu tal-media;
17. Jitlob lill-Istati Membri biex jappoġġaw b'mod iżjed attiv il-media komunitarja biex jiġi żgurat il-pluraliżmu fil-media, sakemm dan l-appoġġ ma jkunx detrimentali għall-media pubblika;
18. Jisħaq fuq l-irwol li jista' jkollhom l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jappoġġjaw u jħeġġu l-media komunitarja billi jipprovdu infrastruttura xierqa, flimkien ma' appoġġ fil-kuntest ta' programmi li jħeġġu l-iskambji ta' l-aħjar prattiki, bħal ma hu l-programm tal-Komunità 'Reġjuni għall-Bidla Ekonomika' (magħrufa qabel bħala Interreg);
19. Jitlob lill-Istati Membri biex jagħmlu l-ispettru tat-televixin u tal-frekwenza tar-radju disponibbli, kemm l-analogu u d-diġitali, filwaqt li jżommu f'moħħhom li s-servizz provdut mill-media komunitarja ma jridx jiġi assessjat f'termini ta' spejjeż ta' l-opportunità jew ġustifikazzjoni ta' l-ispiża ta' l-allokazzjoni ta' l-ispettru imma iżjed f'termini tal-valur soċjali li jirrappreżenta;
20. Jirrikonoxxi li, min-naħa l-waħda, hemm biss proporzjon żgħir mis-settur li għandu l-għarfien u l-esperjenza biex japplika għall-appoġġ ta' l-UE u biex igawdi minnha, filwaqt li min-naħa l-oħra, l-uffiċjali li jiffinanzjaw mhumiex konxji tal-potenzjal tal-media komunitarja;
21. Jirrikonoxxi li s-settur jista' jagħmel iżjed użu mill-iskemi ta' ffinanzjar tal-Kommunita' sakemm jikkontribwixxu għall-objettivi tal-media komunitarja, permezz ta' l-implimentazzjoni ta' numru ta' programmi speċifiċi, bħal ma huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew kif ukoll l-opportunitajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ġurnalisti permezz tal-Programmi għat-Tagħlim Matul il-Ħajja u oħrajn; madankollu jisħaq li l-iffinanzjar irid jasal b'mod prinċipali mis-sorsi nazzjonali, lokali u oħrajn;
22. Iħeġġeġ lill-media komunitarja biex tistabbilixxi pjattaforma Ewropea ta' l-Internet li permezz tagħha tkun tista' tinxtered informazzjoni utli u relevanti għas-settur, u biex jiġu faċilitati n-networking u l-iskambju ta' l-aħjar prattiki;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.