Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Settembru 2008 dwar il-White Paper dwar kwistjonijiet ta" saħħa marbuta man-nutriment, il-piż żejjed u l-obeżità (2007/2285(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2007 intitolata "Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta" saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità' (COM(2007)0279),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Frar 2007 dwar il-promozzjoni ta" dieta tajba għas-saħħa u ta" l-attività fiżika(1),
– wara li kkunsidra t-Tieni Pjan ta" Azzjoni Ewropew ta" l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-Politika ta" l-Ikel u n-Nutriment 2007-2012, adottata mill-Kumitat Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa f'Belgrad, bejn is-17 u l-20 ta" Settembru 2007, u l-Karta Ewropea ta' Azzjoni kontra l-Obeżità, adottata mill-Uffiċju Reġjonali tad-WHO fl-2006,
– wara li kkunsidra l-objettivi stipulati mill-Konferenza Ministerjali Ewropea tad-WHO li saret f'Istanbul bejn il-15 u s-17 ta" Novembru 2006, permezz tal-Karta Ewropea ta' Azzjoni kontra l-Obeżità,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa, adottata mis-57 Assemblea Dinjija tas-Saħħa fit-22 ta' Mejju 2004,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta" l-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumaturi tat-2 u tat-3 ta" Ġunju 2005 dwar l-obeżità, in-nutriment u l-attività fiżika,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Impjieg, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Konsumatur tal-5 u tas-6 ta" Diċembru 2007 dwar "Tħaddim ta" strateġija ta" l-UE relatata ma" Kwistjonijiet ta" Saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità",
– wara li kkunsidra l-publikazzjoni ta" l-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa tad-WHO ta' l-2006 intitolata "L-attività fiżika u s-saħħa fl-Ewropa: evidenza għall-azzjoni",
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport tal-11 ta' Lulju 2007 (COM(2007)0391),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2007 bl-isem "Lejn kultura ġdida għall-mobiltà urbana" (COM(2007)0551),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0256/2008),
A. billi l-piż żejjed u l-obeżità u mard relatat mad-dieta qed isiru epidemija li qed tikber u huma kontributuri kbar għall-kawżi ewlenin ta" l-imwiet u tal-morbożità fl-Ewropa,
B. billi jeżistu provi xjentifiċi li l-livell ta' inċidenza u l-grad ta' gravità tal-patoloġiji marbuta mal-malnutrizzjoni jaffettwaw lill-irġiel u lin-nisa b'mod differenti ,
C. billi, skond id-WHO, aktar minn 50% tal-popolazzjoni adulta Ewropea għandha piż żejjed jew hija obeża,
D. billi aktar minn 5 miljun tifel u tifla huma obeżi u kważi 22 miljun għandhom piż żejjed u dawn il-figuri qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla, tant hu hekk li sa l-2010, 1.3 miljun tifel u tifla oħrajn fis-sena huma previsti li jkollhom piż żejjed jew li jsiru obeżi,
E. billi mard relatat ma" l-obeżità u l-piż żejjed huwa maħsub li jieħu 6% mill-infiq tal-gvernijiet għall-kura tas-saħħa f'xi Stati Membri; billi l-ispejjeż indiretti ta" dawn il-kondizzjonijiet, ngħidu aħna permezz ta" produttività mnaqqsa u lif għall-mard, huma konsiderevolment ogħla,
F. billi l-obeżità addominali hija rikonoxxuta b'mod xjentifiku bħala wieħed mill-fatturi ewlenin ta" tbassir ta" bosta mard relatat mal-piż, bħall-mard kardjovaskulari u d-dijabete tat-tip 2,
G. billi d-drawwiet ta" l-ikel stabbiliti fit-tfulija ta" sikwit jibqgħu eżistenti meta wieħed isir adult u r-riċerka wriet li huwa iktar probabbli li tfal obeżi jsiru adulti obeżi,
H. billi ċ-ċittadini Ewropej qed jgħixu f'ambjent "obeżoġeniku" fejn l-istili ta" ħajja sedentarji żiedu r-riskju ta" l-obeżità,
I. billi dieta fqira hija fattur ta" riskju maġġuri għal mard ieħor relatat mad-dieta li huwa raġuni ewlenija ta" mewt fl-UE inklużi mard koronarju tal-qalb, kanċers, id-dijabete u attakk ta" puplesija;
J. billi r-rapport 2005 tad-WHO dwar is-saħħa fl-Ewropa juri b'mod analitiku li għadd kbir ta" mwiet u mard huma kkawżati minn seba" fatturi ta" riskju maġġuri, li sitta minnhom (pressjoni għolja b'mod anormali, il-kolesterol, l-indiċi tal-massa tal-ġisem, il-konsum inadegwat ta" frott u ħxejjex, in-nuqqas ta" attività fiżika u l-konsum eċċessiv ta" l-alkoħol) huma relatati mad-dieta u ma" l-eżerċizzju fiżiku, u billi dawn il-fatturi determinanti tas-saħħa għandha tittieħed azzjoni fuqhom b'mod simultanju bil-għan li jiġi evitat għadd sinifikanti ta" mwiet u mard,
K. billi l-attività fiżika, flimkien ma" dieta bilanċjata, huma l-metodu ewlieni ta' prevenzjoni kontra l-piż żejjed; billi huwa allarmanti li wieħed minn kull tliet Ewropej ma jagħmlu ebda eżerċizzju fil-ħin ħieles tagħhom, filwaqt li l-Ewropew medju jqatta" aktar minn ħames sigħat kuljum bilqiegħda; billi bosta Ewropej ma jsegwux dieta bilanċjata,
L. billi l-għadd ta" lezzjonijiet dedikati għall-isports naqas fl-għaxar snin li għaddew, kemm fl-iskejjel primarji kif ukoll f'dawk sekondarji, u jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri b'rabta ma' faċilitajiet u tagħmir,
M. billi permezz tal-Karta Ewropea dwar il-Ġlieda Kontra l-Obeżità, id-WHO stipulat mira li jinkiseb progress viżibbli fil-ġlieda kontra l-obeżità tat-tfal fl-erbgħa jew ħames snin li ġejjin, bil-għan li din ix-xejra titreġġa" lura sa mhux aktar tard mill-2015,
N. billi dieta tajba għas-saħħa għandha titqies bħala waħda b'ċerti kwalitajiet kwantitattivi u kwalitattivi mmirati lejn il-ħtiġijiet individwali u dejjem f'adeżjoni stretta mal-prinċipji tad-dieta,
O. billi dieta għandha tinkludi l-kategoriji ta" kriterji li ġejjin li għandhom jitqiesu bħala li għandhom "valur sanitarju": (1) il-kontenut tan-nutrimenti u ta" l-enerġija (valur nutrittiv), (2) il-kriterji sanitarji u dawk tossikoloġiċi (sikurezza ta" l-ikel), (3) kwalitajiet ta" l-ikel naturali ("l-estetika/it-togħma" u kwalitajiet "diġestivi"), (4) in-natura ekoloġika tal-produzzjoni ta" l-ikel (agrikoltura sostenibbli),
P. billi l-piż żejjed u l-obeżità għandhom jiġu trattati permezz ta" approċċ olistiku li jaħdem f'diversi oqsma tal-politika tal-gvernijiet u fid-diversi livelli ta' governanza, b'mod speċjali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, b'kull r-rispett għas-sussidjarjetà,
Q. billi m'għandhiex tiġi injorata l-importanza ta" l-alkoħol, flimkien mal-kontenut kalorifiku għoli tiegħu, u tat-tipjip, li t-tnejn li huma jaqtgħu l-aptit ta" dak li jkun ta' l-ikel u x-xorb u jġorru magħhom bosta perikli stabbiliti għas-saħħa,
R. billi għandha titqies id-dimensjoni soċjali tal-problema, u b'mod partikulari l-fatt li l-ogħla rati ta" piż żejjed u ta" obeżità huma reġistrati fost il-gruppi soċjo-ekonomiċi l-aktar baxxi; billi din is-sitwazzjoni tista" twassal għall-inugwaljanzi fis-saħħa u l-inugwaljanzi soċjo-ekonomiċi akbar, b'mod partikulari għall-iktar gruppi vulnerabbli tal-popolazzjoni, bħall-persuni b'diżabilità,
S. billi l-inugwaljanzi soċjo-ekonomiċi jieħdu dimensjoni oħra biż-żieda tal-prezzijiet ta" materjal mhux ipproċessat (bħaċ-ċereali, il-butir u l-ħalib) bla preċedent kemm f'termini ta" l-għadd ta" prodotti konċernati kif ukoll f'termini tal-firxa taż-żidiet,
T. billi l-konġunzjoni ta" prezzijiet ogħla ta" materjal mhux ipproċessat u l-opaċità tar-regoli tad-distribuzzjoni fuq skala kbira f'xi Stati Membri wasslet għal żieda fil-prezzijiet ta" prodotti bażiċi ta" l-ikel b'valur nutrizzjonali għoli, bħall-frott u l-ħxejjex u l-prodotti tal-ħalib mingħajr zokkor, żieda li qegħdin ibatu minnha l-baġits tal-maġġoranza tal-familji fl-UE, u billi l-UE jeħtieġ li taffronta din l-isfida,
U. billi l-persuni b'diżabbilità jammontaw għal 15% tal-popolazzjoni attiva ta" l-UE; billi, barra dan, studji juru li persuni b'diżabilità jinsabu f'riskju ikbar ta" obeżità minħabba, fost affarijiet oħrajn, bidliet patopsikoloġiċi fil-metaboliżmu ta" l-enerġija u l-kompożizzjoni tal-ġisem, u l-atrofija tal-muskoli u l-inerzja fiżika,
V. billi l-inizjattivi kollha tal-partijiet kollha interessati għandhom jiġu ffaċilitati sabiex jitjiebu d-djalogu, l-iskambju ta' l-aħjar prattiki u l-awtoregolamentazzjoni, bħal pereżempju l-Pjattaforma ta' l-UE għal Azzjoni dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa, il-Grupp ta" Ħidma dwar l-Isport u s-Saħħa u n-netwerk ta" l-UE għall-promozzjoni ta" Attività Fiżika li Ttejjeb is-Saħħa" (Health-Enhancing Physical Acitivity - HEPA),
W. billi kċejjen tradizzjonali differenti għandhom ikunu promossi bħala parti mill-wirt kulturali tagħna, iżda fl-istess ħin għandhom jittieħdu miżuri sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu konxji mill-impatt reali tagħhom fuq is-saħħa sabiex ikunu faċilitati deċiżjonijiet infurmati,
X. billi l-konsumaturi fl-Ewropa għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jagħżlu l-aħjar sorsi ta" nutriment għall-aħjar dieta fid-dawl ta" l-istil ta" ħajja individwali tagħhom u l-istat ta" saħħithom,
Y. billi inizjattivi industrijali riċenti b'rabta ma" l-awtoregolazzjoni tar-reklamar jindirizzaw il-bilanċ u n-natura tar-reklamar ta" ikel u xorb; billi miżuri ta" awtoregolamentazzjoni hemm bżonn li jkopru kull forma ta" kummerċjalizzazzjoni fuq l-Internet u fil-midja l-ġdida kollha; billi r-reklamar ta' l-ikel jammonta għal madwar nofs ir-reklamar kollu mxandar waqt il-ħinijiet meta jkunu qed jaraw it-televiżjoni t-tfal, u billi hemm evidenza ċara li r-reklamar fuq it-televiżjoni jinfluwenza tendenzi ta" konsum għall-futur qarib ta" tfal ta" età ta" bejn is-sentejn u l-11-il sena; billi l-użu ta" forom ġodda ta" kummerċjalizzazzjoni li jużaw il-mezzi teknoloġiċi kollha u b'mod partikolari l-hekk imsejħa "advergames" li jinvoli l-użu ta' mowbajls, sms, video games u logħob interattiv fuq l-Internet huma sors ta' tħassib; billi diversi manifatturi ta" l-ikel, kumpaniji ta" riklamar u kummerċjalizzazzjoni u għaqdiet ta" ħarsien tal-konsumatur issa qed juru livell konsiderevoli ta" impenn lejn il-Pjattaforma ta" l-UE għal Azzjoni dawr id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa u jistaw diġà jindikaw studji u proġetti li kienu suċċess,
Z. billi l-malnutrizzjoni li taffettwa b'mod partikulari lil persuni iktar anzjani, jiswa lis-sistemi Ewropej għall-kura tas-saħħa ammonti simili għall-dawk li jiswew l-obeżità u l-piż żejjed,
1. Jilqa" b'sodisfazzjon il-White Paper msemmija hawn fuq dwar in-nutriment bħala pass importanti lejn starteġija ġenerali sabiex titrażżan iż-żieda ta" l-obeżità u jkun indirizzat mard kroniku relatat mad-dieta, bħal mard kardjovaskulari inklużi l-mard tal-qalb u l-attakk ta" puplesija, il-kanċer u d-dijabete, fl-Ewropa;
2. Itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu l-obiżità bħala marda kronika. Jemmen li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi evitat li jiġu stigmatizzati individwi jew gruppi ta" nies li huma vulnerabbli għal problemi ta" saħħa relatati man-nutriment, il-piż żejjed u l-obeżità minħabba raġunijiet kulturali, mard bħad-dijabete jew konsum patoloġiku bħall-anoreksja jew il-bulimja, u jagħti parir lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li dawn in-nies ikollhom aċċess għal trattament adegwat skond is-sistemi nazzjonali tas-saħħa tagħhom;
3. Iqis li approċċ komprensiv u fuq ħafna livelli jkun l-aħjar mod ta" kif tiġi miġġielda l-obeżità fost il-popolazzjoni ta" l-UE u jenfasizza l-fatt li jeżistu bosta programmi Ewropej (dwar ir-riċerka, is-saħħa, l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja) li jistgħu jgħinuna naffrontaw dan l-inkwiet reali;
4. Iqis li politika mmirata lejn il-kwalità ta" l-ikel tista" tagħti kontribut importanti fil-promozzjoni tas-saħħa u fit-tnaqqis ta" l-obeżità u li informazzjoni li tinftiehem fuq tikketti hija s-soluzzjoni sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu bejn nutriment tajjeb, dak aħjar u dak inqas tajjeb;
5. Japprova l-ħolqien ta" Grupp ta" Livell Għoli dwar in-Nutriment u l-Attività Fiżika u s-sistemi Ewropej ta" stħarriġ dwar is-saħħa li jiġbru kejl fiżiku u bijoloġiku bħall-Istħarriġ dwar l-Eżaminazzjoni tas-Saħħa (HES) u l-Istħarriġ Ewropew dwar l-Intervista dwar is-Saħħa (EHIS), bħala għodod effettivi għal dawk li jifformulaw il-politiki u l-partijiet kollha involuti u l-iskambju ta" l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-obeżità;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura rappreżentazzjoni bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fi ħdan il-grupp futur ta' livell għoli dwar in-nutriment u l-attività fiżika, b'mod li jiġu mmirati aħjar il-problemi u li jiġu proposti l-aħjar soluzzjonijiet skond id-dimensjoni tal-ġeneru, jiġifieri, minn naħa għall-irġiel u min-naħa l-oħra għan-nisa;
7. Jirrikonoxxi l-irwol sostanzjali ta" l-awtoregolamentazzjoni fil-ġlieda kontra l-obeżità, u jisħaq dwar il-ħtieġa għal miri ċari u konkreti għall-partijiet kollha interessati u għall-monitoraġġ indipendenti ta" dawn il-miri; jinnota li r-regolamentazzjoni kultant hija meħtieġa sabiex ikun hemm bidla sostanzjali u siewja fis-setturi kollha ta' l-industrija, partikolarment f'dawk li għandhom x'jaqsmu mat-tfal, sabiex jiġu żgurati l-ħarsien tal-konsumaturi u l-istandards għoljin tas-saħħa pubblika; jinnota b'interess il-203 impenji meħuda fil-kuntest tal-Pjattaform ta" l-UE għal Azzjoni dwar Dieta, Attività Fiżika u s-Saħħa li timmira għall-formolazzjoni mill-ġdid tal-prodotti, it-tnaqqis ta'riklami għat-tfal u l-ittikkettar għall-promozzjoni ta" dieta bilanċjata; iqis li s-sħubija fil-pjattaforma għandha tkun estiża sabiex tinkludi kemm il-manifatturi ta" logħob tal-kompjuter u ta" consoles kif ukoll fornituri ta" l-Internet;
8. Jitlob, madankollu, li jkun hemm miżuri aktar tanġibbli mmirati b'mod speċjali għat-tfal u għall-gruppi f'riskju;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu approċċ iżjed olistiku lejn in-nutriment u tagħmel il-malnutrizzjoni, flimkien ma" l-obeżità, prijorità prinċipali fl-oqsma tan-nutriment u s-saħħa, billi fejn huwa possibbli tinkorporaha f'inizjattivi ffinanzjati mill-UE u fis-sħubiji fil-livell Ewropew;
10. Iqis li l-konsumaturi Ewropej għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni neċessarja sabiex ikunu jistgħu jagħżlu l-aħjar sorsi ta" nutriment meħtieġa għall-kisba u ż-żamma ta" l-aħjar konsum nutrittiv li l-iktar huwa xieraq għall-istil ta" ħajja individwali tagħhom u għal saħħithom; jemmen li għandha tingħata iktar attenzjoni lill-fatt l-għarfien taċ-ċittadini dwar is-saħħa għandu jitjieb sabiex dawn ikollhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet effettivi dwar id-dieti tagħhom stess u dawk ta" uliedhom; iqis li, l-att li jkunu infurmati u edukati l-ġenituri dwar kwistjonijiet nutrittivi għandu jitwettaq permezz tal-professjonisti rilevanti (għalliema, organizzaturi kulturali, professjonisti tas-saħħa) fil-postijiet xierqa; jinsab konvint li l-informazzjoni għall-konsumatur, l-edukazzjoni nutrittiva u l-ittikkettar ta" l-ikel għandhom ikunu bbażati fuq ir-riċerka dwar il-konsumatur;;
11. Jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-kuntest, għall-importanza li ssir rabta bejn programm futur dwar il-frott għall-iskejjel u strateġija edukattiva usa", pereżempju permezz ta" lezzjonijiet dwar id-dieta u s-saħħa fl-iskejjel primarji;
12. Jenfasizza l-irwol fundamentali tal-ġenituri fl-edukazzjoni nutrittiva tal-familja u l-kontribut deċiżiv tagħhom fil-ġlieda kontra l-obeżità;
13. Jistieden lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lill-entitajiet lokali sabiex ikunu iktar proattivi fl-iżvilupp ta" "komunitajiet li jiffavorixxu l-attività", b'mod speċjali fil-kuntest ta" l-ippjanar urban sabiex il-muniċipalitajiet ikunu favur l-eżerċizzjoni fiżiku bħala rutina ta" kuljum u billi joħolqu opportunitajiet fl-ambjent lokali li jimmotivaw lin-nies sabiex jibdew jagħmlu xi attività fiżika matul il-ħin liberu tagħhom; dan jista" jinkiseb permezz ta" l-introduzzjoni ta" miżuri lokali għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-karozzi u għall-promozzjoni tal-mixi u permezz ta" taħlit sensibbli bejn l-iżvilupp kummerċjali u dak residenzjali, billi jiġu promossi t-trasport pubbliku, il-parks, il-faċilitajiet sportivi aċċessibbli, mogħdijiet għar-roti u zebra crossings, jistieden lill-muniċipalitajiet sabiex jippromwovu netwerk ta" "bliet għal stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa" li jipprovdi azzjonijiet komuni biex tiġi miġġielda l-obeżità;
14. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jadottaw l-idea ta" vjaġġar attiv kemm mit-tfal ta" l-iskola kif ukoll minn ħaddiema; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali sabiex iqisu din l-idea bħala prijorità meta jevalwaw it-trasport u l-ippjanar urban;
15. Jinnota li d-disponibilità ta" zoni fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jkunu jistgħu jesperjenzaw in-natura tipprovdilhom alternattiva għal attivitajiet tradizzjonali ta' rikreazzjoni u fl-istess ħin issaħħaħ il-kapaċità ta" immaġinazzjoni u kreattività u x-xewqa ta" esplorazzjoni;
16. Jitlob lill-assoċjazzjonijiet sportivi biex jagħtu attenzjoni partikulari lill-fatt li t-tfajliet, wara li joħorġu mill-adoloxxenza, spiss jabbandunaw il-prattika ta' attività sportiva; josserva li dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom irwol kbir biex iżommu l-interess tat-tfajliet u tan-nisa fil-prattika ta' attivitajiet sportivi differenti;
17. Jenfasizza li s-settur privat għandu rwol attiv sabiex tonqos l-obeżità billi jiġu żviluppati prodotti ġodda u iktar tajbin għas-saħħa; iżda li għandu jkun inkoraġġit iktar sabiex jiżviluppa sistemi ta" informazzjoni ċari u jtejjeb l-ittikkettar li jippermetti lill-konsumaturi li jagħmlu għażla infurmata;
18. Jisħaq dwar il-fatt li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha irwol ewlieni fit-tħejjija ta" approċċ komuni u fil-promozzjoni tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri; jinsab konvint li jista" jiġi provdut valur miżjud importanti Ewropew f'oqsma bħall-informazzjoni tal-konsumatur, l-edukazzjoni nutrittiva, ir-reklamar fil-midja, il-produzzjoni agrikola u l-ittikkettar ta" l-ikel, flimkien ma" indikazzjonijiet ta" kontenut ta" xaħam trans; jitlob għall-iżvilupp ta" indikaturi Ewropej bħalma huwa d-daqs tal-qadd u kwalunkwe fattur ieħor ta" riskju marbut ma" l-obeżità (speċjalment l-obeżità addominali);
Il-prijorità tagħna: it-tfal
19. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-parteċipanti kollha sabiex jistabbilixxu l-ġlieda kontra l-obeżità fl-istadji bikrija tal-ħajja bħala prijorità , filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li drawwiet ta" l-ikel li jiġu stabbiliti fit-tfulija ta" sikwit jibqgħu eżistenti wara bosta snin;
20. Jitlob li jkun hemm kampanji ta" informazzjoni ta" tqajjim ta" kuxjenza fost in-nisa tqal dwar l-importanza ta" dieta bilanċjata, b'forniment mill-aqwa ta" xi nutrijenti waqt it-tqala, u għan-nisa u l-irġiel tagħhom sabiex ikunu konxji mill-importanza ta" treddigħ; ifakkar li t-treddigħ, id-dewmien ta" l-introduzzjoni ta" ikel solidu sa ma t-trabi jkollhom sitt xhur, l-introduzzjoni ta" ikel tajjeb għas-saħħa fid-dieta tat-tfal u l-kontroll tad-daqs tal-porzjonijiet kollha huma fatturi li jistgħu jgħinu sabiex jiġi evitat li t-tfal ikollhom piż żejjed jew milli jsiru obeżi; madankollu, jenfasizza li t-treddigħ m'huwiex l-uniku mezz sabiex tiġi miġġielda l-obeżità, u li d-drawwiet ta" dieta bilanċjata huma meħtieġa fuq perjodu twil ta" żmien; jenfasizza li kampanji għat-tqajjim ta" kuxjenza għandhom iżommu preżenti li t-treddigħ huwa kwistjoni privata u għandhom jirrispettaw il-volontà u l-għażla libera tan-nisa;
21. Jiġbed l-attenzjoni ta' l-Istati Membri dwar il-ħtieġa għas-servizzi nazzjonali tas-saħħa li jippromwovu servizzi ta' għoti ta' pariri speċifiċi dwar nutriment indirizzati lejn nisa tqal u lejn nisa bil-menopawża, peress li t-tqala u l-menopawża jikkostitwixxu żewġ stadji kruċjali fil-ħajja tal-mara, li jkunu akkumpanjati minn riskju akbar ta' piż żejjed;
22. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu linjigwida msawra minn esperti dwar kif tista" titjieb l-attività fiżika sa mill-perjodu ta" qabel l-iskola, u sabiex f'dan l-istadju bikri tkun diġà qed tiġi promossa l-edukazzjoni nutrittiva;
23. Iqis li huwa primarjament fil-livell ta" l-iskola li għandhom jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat li l-attività fiżika u d-dieta bilanċjata isiru parti mill-imġiba tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa linjigwida dwar il-politiki dwar in-nutriment fl-iskejjel u għall-promozzjoni ta" l-edukazzjoni dwar in-nutriment, kif ukoll għat-tkomplija tagħha fil-perjodu wara li t-tfal jitilqu mill-iskola; jistieden lill-Istati Membri sabiex jinkludu l-benefiċċji ta" dieta bilanċjata u ta" eżerċizzji fiżiċi fil-kurrikuli ta" l-iskejjel;
24. Barra minn hekk, jitlob lill-Istati Membri, lill-entitajiet lokali u lill-awtoritajiet ta" l-iskejjel sabiex jimmonitorjaw u jtejbu l-kwalità u l-istandards nutrittivi ta" l-ikel ta" l-iskejjel u tal-kindergarten billi jipprovdu taħriġ u linjigwida speċifiċi għall-istaff tal-forniment ta" l-ikel, kontroll tal-kwalità tal-fornituri ta" l-ikel u linjigwida għal ikel tajjeb għas-saħħa fil-kantins; jenfasizza l-importanza li d-daqs tal-porzjonijiet jiġu adattati skond il-ħtieġa u li f'dawn l-ikliet jiġu inklużi l-frott u l-ħxejjex; jitlob li jkun hemm aktar edukazzjoni dwar il-valur nutrittiv ta" dieta bilanċjata u jħeġġeġ li jinqata" l-bejgħ ta" ikel u xorb b'ħafna xaħmijiet, melħ jew zokkor u ta" valur nutrittiv baxx fl-iskejjel; jiffavorixxi, minflok, li l-frott frisk u l-ħxejjex ikunu disponibbli f'postijiet ta" bejgħ; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw li ta' l-anqas tliet sigħat fil-ġimgħa mill-kurrikulu ta' l-iskola jkunu dedikati għall-attività fiżika, bi qbil ma" l-objettivi tal-White Paper imsemmija hawn fuq dwar l-isport u jitlob lil dawk l-awtoritajiet sabiex jipprovdu pjanijiet għall-bini ta" faċilitajiet ġodda ta" l-isport, aċċessibbli wkoll għall-persuni b'diżabilità u sabiex jissalvagwardjaw il-faċilitajiet sportivi eżistenti fl-iskejjel; jilqa" b'sodisfazzjon il-possibiltà ta" proġett imsejjaħ "frott fl-iskola", b'appoġġ finanzjarju mill-UE simili għall-programm attwali ta" ħalib fl-iskejjel; jitlob li jinstabu soluzzjonijiet sabiex matul l-2008 tibqa" għaddejja d-distribuzzjoni bla ħlas tal-frott u l-ħxejjex fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet ta" karità, hekk kif talbu xi wħud mill-Istati Membri, sakemm tidħol fis-seħħ l-iskema tal-frott fl-iskejjel fl-1 ta" Jannar 2009;
25. Jitlob lill-awtoritajiet lokali ta" l-Istati Membri sabiex jippromwovu d-disponibiltà ta" faċilitajiet tal-mogħdija ta" żmien (leisure facilities) li jkunu għall-but ta" kulħadd, u sabiex jippromwovu l-ħolqien ta" opportunitajiet fl-ambjent lokali li jimmotivaw lin-nies sabiex jibdew jagħmlu xi attività fiżika matul il-ħin liberu tagħhom;
26. Jitlob lill-Istati Membri, lill-entitajiet lokali u lill-awtoritajiet ta" l-iskola sabiex jiżguraw li jkun hemm għażliet tajbin għas-saħħa disponibbli fil-magni tal-bejgħ (vending machines) li jinsabu fl-iskejjel; iqis li l-isponsorjar u r-riklamar ta' prodotti hekk imsejħa HSSF (dawk b'kontenut għoli ta' zokkor, melħ u xaħam) ta' valur nutrittiv fqir fl-iskejjel għandu jkun marbut ma" talba min-naħa ta" l-awtoritajiet ta" l-iskejjel jew ma" permess dirett mingħandhom, u għandu jkun immoniterjat mill-għaqdiet ta' l-istudenti u tal-ġenituri; jikkunsidra li organizzazzjonijiet u timijiet sportivi għandhom ikunu ta" eżempju rigward l-eżerċizzju u d-dieta tajba għas-saħħa; jitlob li jkun hemm impenn voluntarju mill-organizzazzjonijiet kif ukoll mit-timijiet sportivi kollha sabiex jippromwovu nutriment bilanċjat u attività fiżika b'mod partikolari fost it-tfal; jassumi li l-organizzazzjonijiet sportivi u t-timijiet kollha jippromwovu dieta bilanċjata u attività fiżika; barra minn hekk, jenfasizza li l-moviment ta" l-isports Ewropew m'għandux jiġi akkużat għal piż żejjed u l-obeżità fl-Ewropa;
27. Jilqa" b'sodisfazzjon ir-riforma ta" l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq tal-Politika Komuni dwar l-Agrikultura (CAP) li tippermetti t-tqassim ta" aktar frott u ħxejjex fl-iskejjel, sakemm il-kwalità u s-sikurezza kimika ta" dawn il-prodotti tkun immonitorjata;
28. Iħeġġeġ lill-UE, u b'mod partikolari lill-Kunsill ta" l-ECOFIN, sabiex ikunu iżjed flessibbli fl-applikazzjoni ta" rati baxxi ta" VAT min-naħa ta" l-Istati Membri għall-bżonnijiet ta" natura soċjali, ekonomika, ambjentali jew relatata mas-saħħa; f'dan ir-rigward; jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan, biex inaqqsu l-VAT fuq il-frott u l-ħxejjex, u jfakkar li l-liġi Komunitarja tawtorizzahom li jagħmlu dan; barra minn hekk jitlob li l-leġislazzjoni Komunitarja attwali tiġi emendata sabiex il-frott u l-ħxejjex ikunu jistgħu jibbenifikaw minn rata baxxa ħafna ta" VAT (inqas minn 5%);
29. Jilqa" b'sodisfazzjon inizjattivi ta" l-UE bħat-twaqqif tal-websajt "EU mini-chefs" u l-Jum Ewropew għall-Ikel u t-Tisjir Tajjeb għas-Saħħa fit-8 ta' Novembru 2007; jissuġġerixxi li jiġu organizzati kampanji ta" informazzjoni li jtejbu l-kuxjenza dwar ir-relazzjoni bejn prodotti b'kontenut kalorifiku għoli u l-ħin ekwivalenti ta" attività fiżika li huwa meħtieġ sabiex jinħarqu l-kaloriji tagħhom;
Għażliet infurmati u d-disponibilità ta" prodotti tajbin għas-saħħa
30. Jemmen li r-riformulazzjoni tal-prodott hija għdda b'saħħitha sabiex jitnaqqas it-teħid tax-xaħam, taz-zokkor u tal-melħ fid-dieti tagħna u jħeġġeġ lill-produtturi ta" l-ikel sabiex jipprattikaw aktar ir-riformulazzjoni ta" l-ikel b'ħafna enerġija (energy-dense) u bi ftit nutrijenti sabiex inaqqsu x-xaħam, iz-zokkor u l-melħ u jżidulhom il-kontentu tal-fibra, tal-frott u tal-ħxejjex; jilqa" b'sodisfazzjon l-impenji imwettqa fuq bażi volontarja mill-produtturi sabiex jimplimentaw kriterji ta" nutriment għall-foromolazzjoni ta" l-ikel;
31. Jisħaq li l-ittikkettar dwar in-nutriment għandu jkun obbligatorju u ċar sabiex jgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażla tajba fl-ikel;
32. Jitlob għall-projbizzjoni madwar l-UE kollha ta" l-aċidi ta" xaħam trans artifiċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jużaw prattiki tajbin meta jikkontrollaw il-kontenut tas-sustanzi (eż melħ) fl-ikel u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tfassal programm għall-iskambju ta" l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri; jirrimarka li għandu jkun hemm eżenzjonijiet speċjali għall-PDO (designation ta" l-oriġini protetta), il-PGI (indikazzjoni ġeografika protetta), it-TSG (speċjalità tradizzjonali garantita) u tipi oħrajn ta" prodotti tradizzjonali sabiex ir-riċetti oriġinali jiġu ppreservati; għal dan il-għan, għandu aspettattivi għolja fir-rigward tal-Green Paper dwar il-politika ta" kwalità fl-agirkultura f'termini ta" kwalità aħjar u ta" skemi PGI;
33. Jisħaq li l-istat attwali ta" l-għerf xjentifiku jurina li konsum eċċessiv ta" aċidi ta" xaħam trans ("l fuq minn 2% tat-total ta" l-enerġija meħuda) huwa marbut ma" riskji kardjovaskulari sinifikament ogħla; għalhekk, jesprimi dispjaċir kbir għall fatt li s'issa ftit gvernijiet Ewropej biss ħadu azzjoni sabiex inaqqsu l-espożizzjoni kumulattiva tal-konsumaturi Ewropej għall-aċidi ta" xaħam trans artifiċjali u għall-aċidi ta" xaħam saturat li jinstabu f'ħafna prodotti pproċessati li għandhom valur nutrittiv baxx;
34. Jenfasizza li aċidi ta" xaħam trans li huma proċessati f'livell industrijali huma theddida serja u mhux meħtieġa għas-saħħa ta" l-Ewropej u għandhom jiġu indirizzati b'inizjattiva leġiżlattiva xierqa li tfittex li telimina b'mod effettiv mill-prodotti ta" l-ikel l-aċidi ta" xaħam trans ipproċessati f'livell industrijali;
35. Jitlob li ssir analiżi ta" l-irwol li sustanzi artifiċjali li jsaħħu t-togħma bħall-glutemati, l-guanlati u inosinati, partikolarment f'ikliet lesti u fi prodotti ta" l-ikel magħmula fuq livell industrijali, sabiex tiġi determinata l-influwenza ta" dawn is-sustanzi fuq il-mudell ta" konsum;
36. Jistieden lill-industrija sabiex tirrevedi d-daqsijiet tal-prozjonijiet għal persuna waħda, u tipporvdi għażla akbar ta" possibilitajiet ta" porzjonijiet iżgħar;
37. Jilqa" b" sodisfazzjoni l-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE ta" l-24 ta" Settembru 1990 dwar l-ittikkettar dwar in-nutriment fuq il-prodotti ta" l-ikel(2) ; iħeġġiġha sabiex tiżgura li l-ittikkettar ikun viżibli, ċar u jinftiehem faċilment mill-konsumatur;
38. Barra minn dan jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq reviżjoni komprensiva ta" l-impatt tas-saħħa tal-CAP sabiex tevalwa jekk jistgħux isir bidliet fil-politika li jiffaċilitaw titjib fid-dieti madwar l-Ewropa;
Midja u riklamar
39. Jistieden lill-operaturi kollha tas-settur tal-midja, b'koperazzjoni ma" l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sportivi, sabiex joħolqu inċentivi addizzjonali għal aktar eżerċizzju fiżiku u għall-għażla ta" sport fil-midja kollha;
40. Jinsab konxju ta" l-importanza li l-midja għandha biex tinforma, teduka u tipperswadi fir-rigward tal-promozzjoni ta' dieta tajba għas-saħħa u bbilanċjata kif ukoll l-irwol tagħha fil-ħolqien ta' sterjotipi u d-dehra tal-ġisem; iqis li l-approċċ volontarju adottat mid-Direttiva dwar Servizzi ta" Midja Awdjoviżiva(3) dwar ir-reklamar ta" ikel li għandu valur nutruttiv baxx indirizzat lejn it-tfal bħala pass fid-direzzjoni t-tajba, li għandu jiġi mmoniterjat speċifikament, u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposti aktar stretti jekk ir-reviżjoni ta" l-2011 tad-Direttiva tiddikjara li l-approċċ volontarju f'dan il-qasam falla; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummisjsoni sabiex iħeġġu lill-fornituri tas-servizzi tal-midja sabiex jiżviluppaw kodiċi ta" kondotta fir-rigward ta" komunikazzjoni kummerċjali mhix xierqa relatat ma prodotti ta" l-ikel u x-xorb u jħeġġeġ lill-operaturi sabiex jippreżentaw azzjonijiet konkreti f'livell nazzjonali sabiex jimplimentaw jew isaħħu din id-direttiva;
41. Jitlob lill-industrija sabiex toqgħod partikolarment attenta meta tirreklama prodotti ta' l-ikel immirati speċifikament għat-tfal; jitlob għal ħinijiet protetti u għal restrizzjonijiet tar- riklami ta" ikel li mhux tajjeb għas-saħħa speċifikament immirati għat-tfal; kwalunkwe restrizzjoni ta" dan it-tip għandha wkoll tkopri forom ġodda ta" midja bħal logħob online, pop-ups u sms;
Kura tas-saħħa u riċerka
42. Jirrikonoxxi li l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, sepċjalment il-pedjatriċi u l-ispiżjara, għandhom ikunu konxji ta" l-irwol essenzjali tagħhom fl-identifikazzjoni bikrija ta" pazjenti li qegħdin fir-riskju ta" piż żejjed u ta" mard kardjovaskolari u jqis li dawn għandhom ikunu parteċipanti ewlenin fil-ġlieda kontra l-epidemija ta' l-obeżità tal-mard li ma jitteħidx. għalhekk, jitlob lill-Kummssjoni sabiex tiżviluppa indikaturi antropometriċi Ewropej u linjigwida dwar fatturi ta' rijski kardjometaboliċi marbuta ma' l-obeżità; jenfasizza l-importanza li jsir kejl sistematiku u ta" rutina flimkien ma" skrijning għal fatturi ta" riskji kardjometaboliċi oħrajn sabiex jiġu evalwati il-komorbiditi ta" piż żejjed/obeżità fil-livell primarju ta" kura;
43. Jiġbed l-attenzjoni għall-problema ta" malnutrizzjoni, stat fejn nuqqas, eċċess jew żbilanċ fid-dieta jkollu impatt negattiv li jista" jitkejjel fuq it-tessut tal-ġisem, il-forma tal-ġisem u fuq l-iffunzjonar tal-ġisem; jinnota wkoll li l-malnuttrizzjoni hija piż kbir kemm fuq il-benesseri ta" l-individwu u kif ukoll fuq is-soċjetà, partikolarment is-sistema tal-kura tas-saħħa, u li din twassal għal aktar imwiet, perjodi itwal l-isptar, aktar kumplikazzjonijiet u tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti; ifakkar li l-ġranet żejda fl-isptar u t-trattament ta" kumplikazzjonijiet minħabba l-malnutrizzjoni jiswew billjuni ta" euro fi spejjeż pubbliċi kull sena;
44. Jenfasizza estimi li juru li 40% tal-pazjenti fl-isptarijiet u bejn 40 u 60% tal-persuni fid-djar għall-anzjani huma malnutriti; jistieden lill-Istati Membri sabiex itejbu l-kwantità u l-kwalità ta" l-ikel fl-isptarijiet u d-djar ta" l-anzjani biex jonqos iż-żmien li wieħed iqatta" l-isptar;
45. Jinsab konvint mill-ħtieġa ta' regolamentazzjoni sħiħa tal-kwalifika tal-professjonisti mediċi bħala "djetologu" u kif ukoll "nutrizzjonista";
46. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-aħjar prattiki mediċi, pereżempju permezz tal-Forum ta" l-UE dwar is-saħħa, kif ukoll kampanji ta" informazzjoni dwar ir-riskji relatati ma" l-obeżità u ma" l-obeżita addominali b'mod partikolari filwaqt li tiġbed l-attenzjoni għar-riskji kardjovaskulari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi informazzjoni dwar il-perikli ta" "dieti tad-djar", speċjalment jekk dawn jinvolvu l-użu ta" mediċini għal kontra l-obeżità mingħajr riċetta medika; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiddedika aktar attenzjoni għall-problemi ta" malnutrizzjoni. nutrizzjoni mhix xierqa u deidratazzjoni;
47. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta" l-10 ta" Ġunju 2002 dwar l-aprossimazzjoni tal-liġijiet ta" l-Istati Membri dwar is-supplimenti ta" l-ikel(4);
48. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiffinanzajw riċerka fir-rabtiet bejn l-obeżità u l-mard kroniku bħall-kanċer u d-dijabete għaliex ir-riċerka epidemoloġika għanda bżonn tidentifika l-fatturi li huma l-aktar marbutin maż-żieda fil-prevalenza ta" l-obeżità, bħall-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-bijoindikatri multivarjati f'sottogruppi ta" suġġetti, u sabiex jintefa" dawl fuq il-mekkaniżmu bijoloġiku li jwassal għall-obeżità; jitlob ukoll biex isiru studji li jqabblu u jevalwaw l-effettività ta" l-intervenzjonijiet differenti inkluża r-riċerka psikoloġika; jistieden lill-Istati Membri sabiex joħolqu sistema li tiżgura aċċess għal servizz ta" kwalità għall-prevenzjoni, l-iskrijning u l-immaniġġjar ta" piż żejjed, obeżità u mard kroniku ieħor;
49. Jilqa" b'sodisfazzjon l-inklużjoni tad-'dijabete u l-obeżità bħala prijorità fil-kuntest tat-tema fi ħdan tas-Seba' Programm ta" Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7) dedikat għas-saħħa;
50. Iħeġġeġ aktar riċerka xjentifika u mmoniterjar ta'l-obeżità addominali fil-kuntest ta" l-FP7;
51. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi kampanji ta" informazzjoni li jkunu mifruxa madwar l-UE kollha mmirati lejn il-pubbliku ġenerali u, b'mod partikolari, lejn il-professjoni medika, sabiex jiżdied l-għarfien tar-riskji ta' l-obeżità addomniali;
52. Jitlob li n-nutrizzjoni titqies bis-serjetà fil-politki u fil-possibilitajiet Ewropej kollha.
o o o
53. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gevrnijiet u lill-parlamenti ta" l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;