Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Settembru 2008 dwar l-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi mużikali online leġittimi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsirda r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE tat-18 ta" Ottubru 2005 dwar l-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi mużikali online leġittimi(1) (minn hawn "il quddiem imsejħa 'ir-Rakkomandazzjoni tal-2005'),
– wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 95 u 151 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli II-77 u II-82 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 97a tat-Trattat ta' Liżbona,
– wara li kkunsidra l-ftehimiet internazzjonali fis-seħħ li japplikaw għad-drittijiet tal-mużika, jiġifieri l-Konvenzjoni ta" Ruma tas-26 ta" Ottubru 1961 għall-Protezzjoni tal-Artisti, tal-Produtturi ta" Fonogrammi u tal-Organizzazzjonijiet ta" Xandir, il-Konvenzjoni ta" Berna għall-Protezzjoni ta" Xogħlijiet Litterarji u Artistiċi, it-Trattat dwar id-Drittijiet tal-Awtur tal-WIPO tal-20 ta" Diċembru 1996, it-Trattat dwar ir-Rappreżentazzjonijiet u l-Fonogrammi tal-20 ta" Diċembru 1996, u l-Ftehima tad-WTO dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) tal-15 ta" April 1994,
– wara li kkunsidra l-ġabra ta" liġijiet tal-KE (l-'acquis communautaire') fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati li tapplika għad-drittijiet tal-mużika, jiġifieri d-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta" kiri u dritt ta" self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali(2), id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta" Settembru 1993 dwar il-koordinazzjoni ta" ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma" drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-kejbil(3), id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati(4) u d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta" Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta" ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informatika(5),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta' Lulju 1995 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-Soċjetà tal-Informatika (COM(1995)0382),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta" Mejju 2003 dwar il-protezzjoni ta" artisti fis-settur awdjoviżiv(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta" Jannar 2004 dwar qafas Komunitarju għal soċjetajiet ta" mmaniġġjar kollettiv fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati(7),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta" April 2004 dwar l-Immaniġġjar tad-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati fis-Suq Intern (COM(2004)0261),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: aktar riċerka u innovazzjoni - investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: Approċċ komuni(8),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Jannar 2008 dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku (COM(2007)0836),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar il-libertà tal-espressjoni fuq l-Internet(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar ir-Rakkomondazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ottubru 2005 dwar maniġġjar kollettiv transkonfinali dwar drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-servizzi ta' mużika online (2005/737/KE)(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2007 dwar l-implikazzjonijiet istituzzjonali u legali tal-użu ta" strumenti ta" soft law(11),
– wara li kkunsidra l-monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni tal-2005(12),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
A. billi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni biex tagħmilha ċara li r-Rakkomandazzjoni tal-2005 kienet tapplika esklussivament għall-bejgħ online ta' reġistrazzjonijiet mużikali u biex malajr kemm jista' jkun tippreżenta - wara li tikkonsulta b'mod wiesa' mal-partijiet interessati - proposta għal direttiva flessibbli li għandha tiġi adottata mill-Parlament u mill-Kunsill permezz ta' kodeċiżjoni bil-għan li jiġi rregolat l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fir-rigward tas-servizzi mużikali online transkonfinali, filwaqt li titqies l-ispeċifiċità tal-era diġitali u filwaqt li jiġu ssalvagwardjati d-diversità kulturali Ewropea, il-partijiet ikkonċernati ż-żgħar u r-repertorji lokali, fuq il-bażi ta' trattament ugwali,
B. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 il-Parlament ikkunsidra li l-interessi tal-awturi u għalhekk tad-diversità kulturali fl-Ewropa jkunu moqdija l-aħjar bl-introduzzjoni ta' sistema ta' kompetizzjoni ġusta u trasparenti li tevita pressjoni negattiva fuq id-dħul tal-awturi,
1. Ifakkar li fid-dawl tan-natura territorjali tad-drittijiet tal-awtur u minkejja l-eżistenza tad-Direttiva 2001/29/KE is-sitwazzjoni fil-qasam tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għas-servizzi online hija ġenwinament komplessa, l-iktar minħabba n-nuqqas ta' liċenzji Ewropej;
2. Jikkunsidra li, minħabba r-rifjut ta' lleġiżlar - minkejja r-riżoluzzjonijiet varji tal-Parlament Ewropew - u d-deċiżjoni ta' tentattiv biex is-suq jiġi rregolat permezz ta' rakkomandazzjoni, inħolqot klima ta' inċertezza legali għad-detenturi tad-drittijiet u għall-utenti, speċjalment għax-xandara;
3. Jenfasizza li, min-naħa l-oħra, sussegwentement għal ilment mill-utenti, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni intervjena billi fetaħ proċedura kontra is-CISAC (Il-Konfederazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tal-Awturi u l-Kompożituri), li tinkludi 24 soċjetà ta' mmaniġġjar kollettiv fost il-membri tagħha; jinnota li l-effett tad-deċiżjoni meħuda f'dan ir-rigward se jkun il-esklużjoni tat-tentattivi kollha tal-partijiet kkonċernati li jaġixxu flimkien sabiex isibu soluzzjonijiet xierqa - bħal, pereżempju, sistema għall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet fil-livell Ewropew - u biex iħallu t-triq miftuħa għal oligopolija ta' numru ta' soċjetajiet kbar ta' mmaniġġjar kollettiv marbuta bi ftehimiet mal-pubblikaturi li jappartjenu għar-repertorju dinji; jemmen li r-riżultat se jkun restrizzjoni tal-għażla u l-qerda tas-soċjetajiet iż-żgħar ta' mmaniġġjar kollettiv għad-detriment tal-kulturi minoritarji;
4. Jikkunsidra li l-monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni tal-2005 ma jirriflettix is-sitwazzjoni eżistenti b'mod korrett u ma jqisx l-opinjoni mogħtija mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007;
5. Jikkunsidra li din is-sitwazzjoni tirrifletti l-fatt li l-Kummissjoni għażlet li tinjora t-twissijiet mogħtija mill-Parlament, b'mod partikulari fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007, li tinkludi proposti konkreti għall-kompetizzjoni kkontrollata, kif ukoll protezzjoni u inċentivi għall-kulturi minoritarji fl-Unjoni Ewropea;
6. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Parlament ikun involut b'mod effettiv, bħala koloeġiżlatur, fl-inizjattiva dwar il-kontenut online;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.