Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-approvazzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta, "Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija" (2007/2222(ACI))
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra l-Artikolu 255 tat-Trattat KE,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta" Marzu 2002 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas ġdid għall-koperazzjoni dwar attivitajiet li jikkonċernaw il-politika għall-informazzjoni u għall-komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea(1),
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta" April 2003 dwar l-istrateġija għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-Unjoni Ewropea(2),
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta" Mejju 2005 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' informazzjoni u komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea(3),
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta" Novembru 2006 dwar il-White Paper dwar politika ta' komunikazzjoni Ewropea(4),
- wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-25 ta" Settembru 2008,
- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta proposta, "Nikkomunikaw l-Ewropa fis-Sħubija",
- wara li kkunsidra l-Artikoli 120(1) u 43(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0372/2008),
A. billi l-komunikazzjoni hija element importanti tad-demokrazija, kemm dik rappreżentattiva u kemm dik parteċipatorja,
B. billi wieħed mill-punti ta' saħħa tal-elementi demokratiċi tal-UE hu marbut mal-istrutturi ta" komunikazzjoni fil-livell Ewropew li jgħaqqdu l-istituzzjonijiet maċ-ċittadini,
C. billi l-esperjenza li nkisbet mill-elezzjonijiet u r-referenda Ewropej preċedenti tissuġerixxi li hemm iktar ċans ta' parteċipazzjoni minn dawk li huma konxji u interessati fi kwistjonijiet tal-UE, filwaqt li hemm inqas ċans ta' parteċipazzjoni minn dawk li mhumiex infurmati daqshekk tajjeb; billi dan ġie ikkonfermat għal darba oħra mir-riċerka li saret wara r-referendum Irlandiż,
D. billi l-komunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea tirrikjedi impenn politiku mill-Istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri fil-livelli kollha,
1. Japprova d-dikjarazzjoni konġunta, "Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija" annessa ma" din id-deċiżjoni u jiddeċiedi li jehmeż id-Dikjarazzjoni mar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jitlob li d-dikjarazzjoni tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u l-anness għaliha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
1. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jagħtu l-ogħla importanza lit-titjib tal-komunikazzjoni dwar temi tal-UE biex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, li d-deċiżjonijiet fiha jittieħdu b'mod miftuħ qrib taċ-ċittadini kemm jista' jkun, b'osservanza tal-prinċipji tal-pluraliżmu, tal-parteċipazzjoni, tal-ftuħ u tat-trasparenza.
2. It-tliet Istituzzjonijiet jixtiequ jinkoraġġixxu l-konverġenza ta' fehmiet dwar il-prijoritajiet ta' komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, biex jippromwovu l-valur miżjud tal-approċċ tal-UE fil-komunikazzjoni dwar temi Ewropej, biex ikunu ffaċilitati l-iskambji ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki u biex jiġu żviluppati sinerġiji bejn l-Istituzzjonijiet meta ssir komunikazzjoni marbuta ma' dawn il-prijoritajiet, kif ukoll biex tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni fost l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri fejn xieraq.
3. It-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu li l-komunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea tirrikjedi impenn politiku mill-Istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri, u li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà tagħhom li jikkomunikaw maċ-ċittadini dwar l-UE.
4. It-tliet Istituzzjonijiet jemmnu li attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni dwar kwistjonijiet Ewropej għandhom jagħtu lil kulħadd aċċess għal informazzjoni ġusta u diversa dwar l-Unjoni Ewropea u jippermettu liċ-ċittadini jeżerċitaw id-dritt tagħhom biex jesprimu l-opinjoni tagħhom u biex jipparteċipaw attivament fid-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
5. It-tliet Istituzzjonijiet jippromwovu r-rispett għall-multilingwiżmu u d-diversità kulturali meta jimplimentaw azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni.
6. It-tliet Istituzzjonijiet huma impenjati politikament biex jilħqu l-objettivi ta' hawn fuq. Huma jħeġġu lill-Istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra tal-UE biex jappoġġaw l-isforzi tagħhom u biex jikkontribwixxu, jekk ikunu jixtiequ hekk, għal dan l-approċċ.
Approċċ bi sħubija
7. It-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-importanza li jiffaċċjaw l-isfida tal-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE fi sħubija bejn l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-UE biex jiżguraw komunikazzjoni effettiva u informazzjoni oġġettiva mal-akbar udjenza possibbli fil-livell xieraq.
Huma jixtiequ jiżviluppaw sinerġiji ma' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll ma' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
Huma jixtiequ għal dan il-għan irawmu approċċ ta' sħubija prammatiku.
8. F'dan il-kuntest, huma jfakkru l-irwol prinċipali tal-Grupp Interistituzzjonali dwar l-Informazzjoni (IGI) li jservi ta' qafas f'livell għoli għall-Istituzzjonijiet biex jinkoraġġixxi d-dibattitu politiku dwar attivatijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-UE sabiex jitrawmu s-sinerġija u l-komplimentarjetà. Għal dak il-għan, l-IGI, kopresedut mir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea, u bil-parteċipazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bħala osservaturi, jiltaqa' fil-prinċipju darbtejn fis-sena.
Qafas għal ħidma flimkien
It-tliet Istituzzjonijiet għandhom il-ħsieb li jikkooperaw fuq il-bażi li ġejja:
9. Waqt li jirrispettaw ir-responsabbiltà individwali ta' kull Istituzzjoni tal-UE u ta' kull Stat Membru fir-rigward tal-istrateġija ta' komunikazzjoni u l-prijoritajiet tagħhom, it-tliet Istituzzjonijiet fil-qafas tal-IGI jidentifikaw numru limitat ta' prijoritajiet ta' komunikazzjoni komuni kull sena.
10. Dawn il-prijoritajiet ikunu bbażati fuq prijoritajiet ta' komunikazzjoni identifikati mill-Istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE wara l-proċeduri interni tagħhom u jikkomplimentaw, fejn xieraq, il-viżjonijiet strateġiċi u l-isforzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, waqt li jieħdu jqisu l-aspettattivi taċ-ċittadini.
11. It-tliet Istituzzjonijiet u l-Istati Membri ifittxu li jippromwovu appoġġ xieraq għal komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet identifikati.
12. Is-servizzi responsabbli għall-komunikazzjoni fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-prijoritajiet ta' komunikazzjoni komuni, kif ukoll attivitajiet oħra relatati mal-komunikazzjoni tal-UE, jekk meħtieġ abbażi ta' arranġamenti amministrattivi adatti.
13. L-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri huma mistednin jiskambjaw informazzjoni dwar attivitajiet ta' komunikazzjoni oħra relatati mal-UE, b'mod partikolari fuq attivitajiet ta' komunikazzjoni settorali previsti mill-Istituzzjonijiet u l-korpi meta jirriżultaw f'kampanji ta' informazzjoni fl-Istati Membri.
14. Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrapporta lura fil-bidu ta' kull sena lill-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE dwar is-suċċessi ewlenin milħuqa fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta' komunikazzjoni komuni tas-sena ta' qabel.
15. Din id-dikjarazzjoni politika ġiet iffirmata fi [data].