Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2035(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0365/2008

Testi mressqa :

A6-0365/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/10/2008 - 7.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0466

Testi adottati
PDF 282kWORD 121k
Il-Ħamis, 9 ta' Ottubru 2008 - Brussell
L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat
P6_TA(2008)0466A6-0365/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat (2008/2035(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2007 bit-titolu L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat (COM(2007)0628),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2000 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ix-xogħol mhux iddikjarat(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill tat-22 ta' April 1999 dwar Kodiċi ta' Kondotta għal koperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-benefiċċji u tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali transnazzjonali u kontra x-xogħol mhux iddikjarat, u dwar ix-xogħol temporanju transnazzjonali tal-ħaddiema(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/85/KE tat-22 ta' Ottubru 1999 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar il-possibilità li tkun applikata fuq bażi sperimentali rata mnaqqsa tal-VAT dwar servizzi ta' xogħol intensiv(3),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2003 bit-titolu 'Il-Futur tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjieg (EES) - Strateġija għal impjieg sħiħ u impjiegi aħjar għall-kulħadd' (COM(2003)0006),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/578/KE(4) u 2005/600/KE(5) tat-22 ta' Lulju 2003 u tat-12 ta' Lulju 2005 dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi fl-Istati Membri, u partikolarment il-linji gwida Nru 9 u 21,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar it-tibdil tax-xogħol mhux iddikjarat f'impjieg regolari(6),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 2006 għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 'Wasal iż-Żmien li Ningranaw – Is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi' (COM(2006) 0030),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni(7),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2006 bit-titolu 'Rapport dwar il-Funzjonament tal-Arranġamenti Transitorji li ġew stabbiliti fit-Trattat ta" Adeżjoni tal-2003' (il-perjodu bejn l-1 ta" Mejju 2004 u t-30 ta" April 2006) (COM(2006)0048),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol biex jiġu megħluba l-isfidi tas-seklu 21(9),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema(10),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi għal sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu ċittadini ta' pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż b'mod illegali, ippreżentata mill-Kummissjoni (COM(2007)0249),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 dwar prinċipji komuni tal-flessigurtà(11),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar ir-Riżultat tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni 'L-immodernizzar tas-suq tax-xogħol biex jintlaqgħu l-isfidi tas-Seklu 21' COM(2007) 0627,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida Integrati għat-tkabbir u l-impjiegi (2008-2010) (COM(2007)0803),

–   wara li kkunsidra l-Aġenda dwar ix-Xogħol Deċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–   wara li kkunsidra l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO u l-konvenzjonijiet u r-rakkommandazzjonijiet tagħha dwar l-amministrazzjoni tax-xogħol u l-ispezzjoni tax-xogħol, li huma kriterji ta' referenza internazzjonali biex ikun iggarantit li d-dispożizzjonijiet legali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħarsien tal-ħaddiema jkunu applikati,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 143 dwar il-ħaddiema migranti (1975) u d-dispożizzjonijiet supplimentari tal-ILO dwar il-ħaddiema migranti, li jipprevedu l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa u adatti kollha biex ikunu mrażżna l-movimenti klandestini tal-migranti biex isibu impjieg u tal-impjieg illegali tal-migranti; wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi, ċivili u penali fir-rigward tal-impjieg illegali tal-ħaddiema migranti,

–   wara li kkunsidra r-Rakkommandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-armonizzazzjoni tal-mezzi fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u l-impjieg illegali(12),

–   wara li kkunsidra r-Rakkommandazzjoni tal-Kunsill tat-27 ta' Settembru 1996 dwar l-impjieg illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi(13),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Laqgħa informali tal-Ministri għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali f'Berlin, tat-18-20 ta' Jannar 2007, dwar 'ħidma tajba',

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol (EUROFOUND) dwar il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni Ewropea(14),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 136 u 145 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0365/2008),

A.   billi x-xogħol mhux iddikjarat huwa fenomenu kumpless, li qed jiżdied f'bosta Stati Membri, minħabba li hu influwenzat minn għadd ta" fatturi ekonomiċi, soċjali, istituzzjonali u kulturali,

B.   billi x-xogħol mhux iddikjarat hu fattur partikolarment ta' tħassib u persistenti fis-swieq tax-xogħol Ewropej li jista' jaffettwa l-ekonomiji tal-Istati Membri u s-sostenibilità finanzjarja tal-mudell soċjali Ewropew billi jtellef it-tkabbir ekonomiku u l-politiki baġitarji u soċjali; billi, bl-istess mod, hu wkoll responsabbli għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern għaliex joħloq kompetizzjoni inġusta fir-rigward ta' Stati oħra u tal-impriżi;

C.   billi x-xogħol mhux iddikjarat hu l-fattur ewlieni wara d-dumping soċjali u hu għalhekk wieħed mill-kwistjonijiet ewlenin fir-rigward tal-modernizzazzjoni tal-liġi Komunitarja tax-xogħol,

D.   billi ħaddiema mhux assikurati jwasslu għal kompetizzjoni inġusta bejn dawk assikurati u dawk li mhumiex, u dan iwassal għal tagħwir akbar tad-drittijiet tal-ħaddiema,

E.   billi s-setturi l-aktar milquta mix-xogħol mhux iddikjarat huma dawk li jużaw xogħol intensiv bħall-biedja, il-kostruzzjoni u s-servizzi domestiċi, tal-akkomodazzjoni u tal-catering, li bħala fatturi tipiċi għandhom il-prekarjetà tal-impjieg u pagi ħżiena,

F.   billi x-xogħol mhux iddikjarat qed ikun inkoraġġit mir-riorganizzazzjoni industrijali fejn qed isiru subappalti, li jżidu l-ammont ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li xi drabi ma jkunux iddikjarati,

G.   billi x-xogħol mhux iddikjarat hu wkoll inkoraġġit minn livelli għolja ta' qgħad, faqar u impjiegi temporanji u prekarji, minħabba li f'sitwazzjoni bħal din il-ħaddiema jkunu mġiegħla iċedu kwalunkwe assikurazzjoni u drittijiet oħra,

H.   billi hemm rabta bejn il-migrazzjoni illegali u x-xogħol mhux iddikjarat u din hi raġuni oħra li għaliha l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikomplu jqisu metodu komuni għall-immigrazzjoni u l-possibilità li joffru aktar modi legali ta' migrazzjoni fl-Unjoni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jaħdmu,

I.   billi hemm possibilità akbar li l-immigranti, jew għall-inqas dawk li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni illegali, isiru ħaddiema mhux iddikjarati u li jaħdmu f'kundizzjonijiet ħżiena,

J.  J billi ċittadini ta' pajjiżi terzi impjegati illegalment huma aktar vulnerabbli għaliex faċilment jintbagħtu lura lejn pajjiżhom jekk jinqabdu,

K.   billi diversi Stati Membri għandhom nuqqas ta' ħaddiema kapaċi u lesti li jagħmlu xogħol partikolari li ma jeħtieġx ħafna ħiliet, pereżempju fis settur tal-agrikultura u tal-ortikultura,

L.   billi persuni li jagħtu servizzi domestiċi ħafna drabi jagħmlu xogħol mhux iddikjarat u numru kbir minnhom huma ħaddiema migranti, li ħafna minnhom jinsabu f'sitwazzjoni illegali u xi wħud huma vittimi ta' traffikar u ta' 'bonded labour',

M.   billi x-xogħol mhux iddikjarat mhux inkluż fil-bażi fiskali u jimmina l-fondi u d-distribuzzjoni tas-welfare soċjali u tas-servizzi pubbliċi, waqt li jillimita wkoll il-kapaċità tal-Istati Membri li joffru servizzi soċjali,

N.   billi x-xogħol mhux iddikjarat iċaħħad lill-fondi tal-assikurazzjoni minn sorsi ta' dħul ta' valur,

O.   billi ħaddiema li jagħmlu attività mhux iddikjarata m'għandhomx assikurazzjoni li tħares il-benessri tagħhom jew li tħarishom f'każi ta' mard jew ta' aċċident, u għalhekk huma esposti għal riskji sinjifikanti u telf finanzjarju,

P.   billi x-xogħol mhux iddikjarat jagħmilha impossibbli li tkun ikkontrollata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tax-xogħol dwar sikurezza u saħħa, u dan jesponi lill-ħaddiema għal riskji kbar ta' saħħa u jippermetti lil min iħaddem biex ma jerfax ir-responsabilità,

Q.   billi, sabiex il-ġlieda kontra l-impjieg klandestin u illegali tkun effettiva, hu ferm importanti li l-mekkaniżmi ta' superviżjoni u dawk ta' sanzjoni jkunu msaħħa permezz ta' interventi koordinati tas-servizzi tal-ispettorat tax-xogħol, tal-awtoritajiet tat-taxxa u ta' l-imsieħba soċjali,

R.   billi x-xogħol mhux iddikjarat għandu riperkussjonijet negattivi fuq il-pilastri kollha tal-Istrateġija ta' Liżbona: impjieg għal kulħadd, kwalità u produttività fix-xogħol u koeżjoni soċjali,

1.  Jilqa' l-istrategija meħuda mill-Kummissjoni u jitlob ukoll li jkun hemm ġlieda mġedda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-ekonomija moħbija, li - għalkemm teżisti f'livelli differenti fost l-Istati Membri - jagħmlu ħsara lill-ekonomija, iħallu lill-ħaddiema mingħajr protezzjoni, huma ta' ħsara għall-konsumaturi, inaqqsu d-dħul mit-taxxi u jwasslu għal kompetizzjoni inġusta bejn l-impriżi;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-vastità ta' xogħol mhux iddikjarat, li jammonta għal madwar 20% jew aktar tal-GDP fi xi Stati Membri;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jtejbu l-inċentivi għal xogħol regolari, li jistgħu jinkludu żieda fil-faxxa li tkun ħielsa mit-taxxa u, għal min iħaddem, tnaqqis ta' spejjeż mhux relatati ma' pagi għal impjiegi legali;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinkludi x-xogħol mhux iddikjarat fost il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, prijorità li titlob azzjoni sinifikanti fuq il-livell Komunitarju u dak nazzjonali;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu b'aktar riformi fis-sistema tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, biex b'hekk inaqqsu l-piż tat-tassazzjoni fuq il-ħaddiema;

6.  Jinnota, madankollu, li jeżistu xi diffikultajiet biex il-linji gwida tal-politika Komunitarja dwar ix-xogħol mhux iddikjarat jinbidlu fi strumenti legali u istituzzjonali definiti sew u li jwasslu għal miżuri speċifiċi fl-Istati Membri individwali;

7.  Jinnota li hemm nuqqas kbir ta' simmetrija bejn l-istrumenti li l-Komunità tista' tuża biex timplimenta politiki għal xogħol ta' kwalità u dawk biex timplimenta politiki biex tissalvagwardja l-libertajiet tas-suq;

8.  Iqis li teħtieġ azzjoni b'approċċ komprensiv li tiġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat u li għandha tkopri kwistjonijiet relatati ma' sorveljar u kontroll, mal-qafas ekonomiku u istituzzjonali u mal-iżvilupp settorjali u territorjali, u li tinvolvi azzjoni miftiehma fuq diversi livelli u l-parteċipazzjoni ta' dawk kollha involuti (awtoritajiet pubbliċi, imsieħba soċjali, impriżi u ħaddiema);

9.  Jinnota r-rabta bejn żvilupp ekonomiku u produttiv li jinżamm lura u l-firxa ta' xogħol mhux iddikjarat; iqis li l-politiki ekonomiċi u tal-impjieg segwiti skont l-Istrateġija ta' Liżbona għandhom jinkorporaw azzjoni li tikkumbatti x-xogħol mhux iddikjarat; iqis, madankollu, li, sabiex ikun garantit li strateġija li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat tkun effettiva u tagħti riżultati pożittivi, jeħtieġu studji preċiżi li janalizzaw il-fatturi makroekonomiċi deċisivi u r-relazzjoni bejn is-swieq, il-mudelli ta' produzzjoni u l-firxa tax-xogħol mhux iddikjarat;

10.  Jitlob, għalhekk, biex ikun hemm azzjoni Komunitarja aktar proattiva u inċisiva li tiġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat, sabiex tassigura li l-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol fl-Unjoni ma tkunx limitata biss għal-livell teoretiku imma tinbidel f'politiki effettivi u ta' kwalità għolja, u biex tassigura li tkun tista' tintlaħaq kwalità mtejba tal-impjieg f'kull każ, bi qbil mal-objettiv ta' 'xogħol deċenti';

11.  Iqis li l-qerda tax-xogħol mhux iddikjarat tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq l-effettività tal-istandards tax-xogħol u fuq ir-regolamenti tat-tassazzjoni u tas-sigurtà soċjali, u dan jimplika l-ħtieġa li jissaħħu r-riżorsi u l-azzjonijiet tad-diversi awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal dawk il-materji kif ukoll il-ħtieġa li titjieb il-koordinazzjoni tagħhom u l-fluss ta' informazzjoni bejniethom;

12.  Jitlob strateġija sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat li tkun ibbażata fuq koperazzjoni b'saħħitha u effiċjenti u fuq koperazzjoni amministrattiva bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-gvern, l-ispettorati tax-xogħol u l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali u l-awtoritajiet tat-taxxa;

13.  Jenfasizza li x-xogħol mhux iddikjarat għandu diversi definizzjonijiet fis-sistemi legali nazzjonali u li definizzjoni komuni għall-Istati Membri tista' telimina l-inċertezzi fir-rigward tal-istħarriġ statistiku għal dan il-fenomenu; jinnota, f'dan il-kuntest, li d-definizzjoni użata fir-rapport tal-Kummissjoni, li tiddistingwi bejn attivitajiet legali u illegali, tista' tintuża bħala punt tat-tluq, waqt li wieħed iqis li l-vastità tal-fenomenu hi differenti fil-kwalità u fil-kwantità minn Stat Membru għall-ieħor;

14.  Jirrimarka li l-miżuri introdotti fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat se jitfgħu dawl fuq l-irregolaritajiet f'relazzjonijiet ta' impjieg dikjarat ibbażat fuq kuntratti legali;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinfurzaw aħjar il-liġijiet tax-xogħol u l-istandards tax-xogħol attwali maħsuba kontra x-xogħol mhux iddikjarat; jemmen li l-Unjoni għandha tinvolvi ruħha aktar biex ikunu promossi koperazzjoni u koordinazzjoni akbar u aħjar bejn l-ispetturi tax-xogħol nazzjonali u dawk soċjali;

16.  Jinnota li t-tneħħija tal-ekonomija informali ma tistax tintlaħaq mingħajr l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta' inċentivi xierqa; iqis li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw, fil-kuntest tat-Tabella ta' Valutazzjonijiet ta' Liżbona, liema kisbiet ġew imwettqa b'riżultat tat-tnaqqis fid-daqs tal-ekonomija informali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti bil-għan li jkun żviluppat set ta' metodi ġeneralment aċċettati biex jiġi mkejjel ix-xogħol mhux iddikjarat ibbażat fuq skeda ta' data b'analiżi dwar il-ġeneru u s-settur, minħabba l-mod different sew li bih l-irġiel u n-nisa huma mqabbda jagħmlu xogħol mhux iddikjarat f'ħafna setturi, u l-effett indirett li dan iġib miegħu fuq id-differenza fil-ħlas bejn l-irġiel u n-nisa;

18.  Jenfasizza li hemm ħtieġa kbira li titwaqqaf pjattaforma fuq livell Komunitarju biex, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tinġabar l-informazzjoni meħtieġa biex issir bażi tad-data affidabbli li jkollha l-informazzjoni dwar ix-xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni, b'konsiderazzjoni xierqa għad-dimensjoni tal-ġeneru u partikolarment għas-sitwazzjoni tan-nisa;

19.  Jenfasizza li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fejn għandu x'jaqsam ix-xogħol mhux iddikjarat, imma meta mqabbla mal-irġiel, madankollu, iwasslu għal proporzjon akbar ta' impjiegi f'għadd ta' oqsma li huma tradizzjonalment marbuta man-nisa fis-suq tax-xogħol, bħas-servizz domestiku, xogħol fil-lukandi u r-ristoranti u fil-kura tas-saħħa, li huma kkaratterizzati minn ħiliet baxxi, sigurtà fqira fl-impjieg, pagi baxxi u bi ftit jew l-ebda ħarsien soċjali, li jagħmilhom f'pożizzjoni partikolarment vulnerabbli;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tistabblixxi bażi tad-data li jkollha l-metodi u l-metodoloġiji differenti użati biex jitkejjel ix-xogħol mhux iddikjarat mill-Istati Membri bil-għan li jkun promoss il-qsim tal-prattiki tajba u t-trasferiment tat-tagħrif u li jkunu evalwati l-fattibilità u t-trasferabilità tal-miżuri implimentati;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal politiki li jipprovdu kemm għal miżuri ġenerali u kemm għal miżuri settorjali li jilqgħu kontra x-xogħol mhux iddikjarat, li jiffunzjonaw bl-involviment sħiħ ta' l-imsieħba soċjali u b'referenza speċjali għas-setturi l-aktar milquta, bħall-industrija tal-lukandi u tal-catering, il-biedja, is-servizzi domestiċi u l-industrija tal-kostruzzjoni; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għas-sitwazzjoni speċifika tas-settur tal-kura fid-dar, fejn hemm konċentrazzjoni kbira ta' nisa li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi u, f'ħafna każi, mhux legalment residenti fl-Unjoni;

22.  Jinnota li x-xogħol mhux iddikjarat jista' jkun evitat billi jkunu rikonoxxuti l-istandards u l-kundizzjonijiet nazzjonali dwar sikurezza fil-post tax-xogħol stabbiliti fi ftehimiet bilaterali u trilaterali bejn l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, u li dan l-isforz ikun imsaħħaħ permezz ta' koperazzjoni u skambji ta' informazzjoni bejn l-imsieħba soċjali;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex inaqqsu l-attrazzjoni ekonomika tax-xogħol mhux iddikjarat billi jiżguraw li s-sistemi tat-taxxa u ta' ħarsien soċjali tagħhom ikunu sempliċi, trasparenti u aċċessibbli kemm jista' jkun, b'politiki effiċjenti biex jinħolqu postijiet tax-xogħol aktar u aħjar;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi lill-Istati Membri statut ta' qafas għal miżżewġin jew membri tal-familja li jgħinu fin-negozju tal-familja li għandu jiżgura s-sħubija tagħhom fi skema tas-sigurtà soċjali, kif diġà mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 1997 dwar is-sitwazzjoni tal-miżżewwġin li jgħinu lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom(15);

25.  Jirrimarka li t-tmexxija ta' familja fiha nnifisha tirrapreżenta impriża tal-familja u wieħed għandu jikkunsidra l-fatt li jkun rikonoxxut ix-xogħol atipiku tal-familja u jkun inkluż fi skema tas-sigurtà soċjali;

26.  Jemmen li kwalunkwe riforma tas-sistemi tal-politiki ekonomiċi u tat-taxxa u tal-ħarsien soċjali fl-Istati Membri mill-Istati Membri għandha tkun integrata u għandhom ikunu meqjusa l-kawżi ewlenin tax-xogħol mhux iddikjarat;

27.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu inċentivi qawwija għal dawk li jaħdmu biex ix-xogħol mhux iddikjarat jitqiegħed fuq bażi ekonomika formali u jemmen li kuntratti atipiċi jistgħu f'dan il-kuntest ikollhom sehem biex, fuq naħa, il-ħaddiema ma jibqgħux jagħmlu xogħol illegali u fuq naħa oħra tiżdied l-istabilità tax-xogħol;

28.  Jistieden lill-Istati Membri biex idaħħlu penali qawwija fuq min iħaddem meta, minkejja l-inċentrivi offruti, ikompli jagħmel użu minn xogħol mhux iddikjarat;

29.  Jinkoraġixxi lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-għodod tal-politika li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom u jgħaqqdu flimkien azzjoni preventiva u sanzjonijiet bil-għan li jbiddlu x-xogħol mhux iddikjarat f'impjieg regolari, u, fejn hu possibbli, jikkoordinaw l-użu ta' dawn l-għodod biex tintlaħaq koerenza akbar fis-suq intern;

30.  Jinnota l-irwol importanti li għandhom l-imsieħba soċjali f'ħafna Stati Membri fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu aktar appoġġ u inkoraġġiment lill-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u lit-trejdunjins f'din il-ġlieda; jinnota bi tħassib li l-ħaddiema li jagħmlu xogħol mhux iddikjarat ħafna drabi jsibu ruħhom mhux protetti minn leġiżlazzjoni importanti dwar is-saħħa u s-sikurezza u minn leġiżlazzjoni dwar il-paga minima u huma mċaħħda mill-għażla li jissieħbu fi trejdunjin; jitlob, b'mod partikolari, biex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni attwali dwar il-paga minima f'kull Stat Membru u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għad m'għandhomx paga minima deċenti sabiex jikkunsidraw li jadottaw waħda, bi ftehim ma' l-imsieħba soċjali u bi qbil mal-prattiki nazzjonali;

31.  Jitlob biex miżuri dwar xogħol regolari jkunu evalwati u promossi fil-livell adatt, bi ftehim ma' l-imsieħba soċjali, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba f'diversi Stati Membri, sabiex jippermettu lil dawk li huma involuti f'attivitajiet mhux iddikjarati li jirregolaw il-prattiki tagħhom, bi qbil mal-aħjar prattiki regolatorji attwali li diġà kienu effettivi;

32.  Jiġbed l-attenzjoni għal servizz ta' skemi ta' voucher fil-Belġju, fil-Ġermanja u fi Franza, fejn il-familji jistgħu jixtru servizzi tad-djar bi prezz irħas imma jassiguraw li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxi jitħallsu permezz tal-voucher;

33.  Jemmen bis-sħiħ li l-infurzar tal-liġi dwar ir-relazzjonijiet ta' impjieg mhux iddikjarat għandu dejjem jinkludi l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-passi biex jiffaċilitaw il-ħlasijiet minn min iħaddem;

34.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw strateġiji speċifiċi skont is-settur meta jieħdu azzjonijiet politiċi li jikkonċernaw ir-regolarizzazzjoni ta' xogħol mhux iddikjarat;

35.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej kontra dawk l-Istati Membri li għadhom ma daħħlux fil-liġi nazzjonali r-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki miksuba fl-Istati Membri l-ġodda; jistieden lill-Istati Membri biex jonoraw l-obbligi tagħhom minnufih;

36.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li applikaw arranġamenti tranżitorji għall-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-Unjoni biex jiftħu s-swieq tax-xogħol tagħhom għal ħaddiema mill-Istati Membri l-ġodda, minħabba li kwalunkwe restrizzjoni - anke dawk parzjali - dwar l-aċċess għas-suq tax-xogħol, mhux biss tmur kontra l-prinċipji li fuqhom twaqqfet l-Unjoni u l-ispirtu Ewropew imma wkoll tagħti bidu għal żieda fit-tfittxija ta' xogħol mhux iddikjarat u toħloq żbilanċi territorjali; f'dan il-kuntest, jemmen li hu importanti ferm li jkun implimentat il-prinċipju tad-drittijiet indaqs għall-ħaddiema u li jkun hemm azzjoni kontra kompetizzjoni inġusta u dumping soċjali;

37.  Jikkunsidra li, fil-każ ta' ħaddiema li qed jibbenefikaw mid-dritt tal-moviment ħieles, ix-xogħol mhux iddikjarat tagħhom jista' jkun ġej minn nuqqas ta' tagħrif dwar id-dispożizzjonijiet relevanti; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex iwettqu kampanji ta' informazzjoni pubblika biex ikabbru l-għarfien ta' dan is-suġġett fost il-ħaddiema u min iħaddem;

38.  Hu tal-opinjoni li s-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet u tal-proċeduri amministrattivi, speċjalment għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, inaqqas l-użu ta' xogħol mhux iddikjarat u jippromwovi l-attività ta' kummerċ fl-Unjoni;

39.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali relevanti biex iħeġġu l-użu tal-e-government u tar-reġistrazzjoni online, u biex jagħmlu skambji ta' prattiki tajba bl-għan li jonqsu l-ispejjeż u l-komplessità tal-proċeduri amministrattivi u tar-reġistrazzjoni għan-negozju u, b'mod partikulari, għall-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju, pereżempju billi jnaqqsu l-għadd ta' formoli tat-taxxa, permezz ta' l-użu ta' sistemi fejn id-dħul tad-data jsir f'daqqa, skema waħda ta' ħlas, u one-stop shops;

40.  Hu tal-opinjoni li spezzjonijiet u sanzjonijiet fuq il-post għandhom jiddaħħlu direttament u l-Istati Membri jingħataw l-ispazju meħtieġ għal azzjoni biex irażżnu l-ammont ta' xogħol mhux iddikjarat;

41.  Jesprimi talba biex il-kuntratturi jinżammu responsabbli wkoll għal kull irregolarità kontributorja min-naħa ta' subappaltaturi li huma konnessi magħhom bi ftehima ta' subappalt dirett;

42.  Jenfasizza li l-għadd ta' każijiet ta' xogħol mhux iddikjarat f'katini subkuntrattwali jista' jonqos permezz ta' sistema ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li titlob lill-kuntratturi u l-iżviluppaturi biex ikunu aktar responsabbli u ġusti;

43.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-imsieħba soċjali u lill-parteċipanti ewlenin oħra fis-suq tax-xogħol biex jinkoraġġixxu responsabilità soċjali korporata (CSR) u modi oħra simili li jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat;

44.  Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw metodi innovattivi bbażati fuq indikaturi u kriterji ta' referenza speċifiċi għas-setturi differenti tan-negozju biex jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u t-tgħawwir fiskali; jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat;

45.  Jirrimarka li, jekk ma tkunx segwita minn koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri, politika li hi esklussivament punittiva tista' tikkonċentra x-xogħol mhux iddikjarat fl-Istati li huma inqas strutturati u f'ekonomiji inqas regolati;

46.  Hu ferm favur il-konklużjoni ta' ftehimiet f'livelli reġjonali, nazzjonali u lokali li jipprovdu reazzjoni progressiva u settorjali għax-xogħol illegali u jinkoraġġixxu miżuri li jipprovdu soluzzjonijiet effettivi għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tipproponi lill-Istati Membri u lill-parteċipanti soċjali u ekonomiċi involuti fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat biex jaħdmu 'patt li jiddikjara dak li mhux iddikjarat', ippjanat biex l-attivitajiet mhux iddikjarati gradwalment joħorġu fid-deher; jemmen li dan il-patt għandu jipprovdi għal perjodu tranżitorju limitat, li fih ma jkunx hemm sanzjonijiet, u li wara li jispiċċa, madankollu, jidħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' sanzjoni aktar qawwija;

48.  Jitlob għal azzjoni aktar qawwija fil-ġlieda kontra reklutaġġ mhux iddikjarat mill-impriżi kollha, irrispettivament fejn qed issir l-attività tagħhom u jinnota li l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/JHA tal-24 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tal-penali finanzjarji(16) tista' ttejjeb is-sitwazzjoni;

49.  Jitlob li jkun hemm rispett ikbar u iktar effettiv għad-dritt għax-xogħol u għar-regoli ta" impjieg eżistenti, bħala mod kif tiġi promossa l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti u l-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji, b'mod partikolari dawk stipulati fid-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta" Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-kuntest tal-provvediment tas-servizzi(17), mill-ewwel ġurnata tal-istazzjonar, fuq il-bażi ta" interpretazzjoni kongruwenti tad-Direttiva li tbiddel it-tendenza li tkun interpretata b'tali mod li tnaqqas it-trattament tal-ħaddiema lejn standards minimi bażiċi;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva 96/71/KE, u b'mod partikolari biex issaħħaħ il-koperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (spetturi tal-post tax-xogħol, awtoritajiet fiskali u entitajiet tas-sigurtà soċjali) sabiex ikun evitat xogħol mhux iddikjarat u tkun rimedjata s-sitwazzjoni;

51.  Jagħti parir li għandu jkun hemm rabtiet bejn spettorati nazzjonali tax-xogħol u miżuri li jinkoraġġixxu skambji tal-aħjar prattiki fil-livell tal-Komunità bħala reazzjoni għal xogħol mhux iddikjarat;

52.  Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu proċeduri ta" spezzjoni iktar stretti u kontrolli iktar severi, minħabba li dawn tal-aħħar saru iktar laxki f'numru ta" pajjiżi;

53.  Jittama li l-Unjoni tista" tilgħab irwol ikbar fil-promozzjoni ta" koperazzjoni u koordinazzjoni ikbar u aħjar bejn l-ispettorati tax-xogħol, billi jissaħħu r-riżorsi ekonomiċi u teknoloġiċi ta" servizzi ta" spezzjoni, billi jkunu intensifikati miżuri li jippermettu spettorati tax-xogħol biex jaħdmu flimkien u billi jiġu żviluppati sistemi ICT għall-użu komuni tagħhom, b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar il-fattibilità fl-istabbiliment ta" xi forma ta" struttura Komunitarja permanenti għall-koperazzjoni transkonfinali li tiġbor flimkien l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra xogħol mhux iddikjarat;

54.  Jitlob li jkun hemm koperazzjoni u qsim ta" informazzjoni ikbar bejn l-Istati Membri fi sforz biex jiġi studjat il-fenomenu tax-xogħol mhux iddikjarat u biex jiġu stabbiliti r-riżultati miksuba u dawk li ma kinux mistennija;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk is-sistemi stabbiliti permezz tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(18), fosthom punti ta' kuntatt waħdieni, jistgħux ikunu utli u operattivi għall-għanijiet tal-glieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat;

56.  Jilqa" b'sodisfazzjon it-twaqqif ta" kumitat ta" livell għoli biex jassisti lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki rigward il-monitoraġġ u t-titjib tal-leġiżlazzjoni għall-ħaddiema stazzjonati;

57.  Jinsab favur reazzjoni iktar b'saħħitha għal xogħol mhux assigurat u favur miżuri li jinkoraġġixxu koperazzjoni u skambji ta" opinjonijiet u l-aħjar prattiki mit-trejdunjins fl-UE;

58.  Huwa tal-opinjoni li hemm bżonn li titqajjem kuxjenza fost min iħaddem, il-ħaddiema, l-utenti potenzjali ta" xogħol mhux iddikjarat u l-organizzazzjonijiet soċjali kollha tar-riskji u l-ispejjeż ta" xogħol mhux iddikjarat u tal-benefiċċji li dan ix-xogħol ikun eliminat jew regolarizzat;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu kampanja ta' informazzjoni diretta lejn min iħaddem u lejn il-ħaddiema, bl-għan li tiġbed l-attenzjoni għar-regoli u r-regolamenti minimi applikabbli tal-Komunità u għall-effetti ħżiena li x-xogħol mhux iddikjarat għandu fuq il-finanzi pubbliċi, fuq is-sistemi ta' sigurtà soċjali nazzjonali, fuq il-kompetizzjoni ġusta, fuq il-prestazzjoni ekonomika u fuq il-ħaddiema nfushom;

60.  Jitlob li jkun hemm kampanji permanenti dwar il-prevenzjoni ta" xogħol mhux iddikjarat, permezz ta" informazzjoni u ta" inizjattivi li jqajmu kuxjenza fil-livell Komunitarju, nazzjonali u lokali, bl-involviment tal-imsieħba soċjali, tal-awtoritajiet pubbliċi, tal-kmamar tal-kummerċ u taċ-ċentri għall-impjieg, tal-iskejjel, tal-kunsilli lokali u tad-diversi sistemi ta" kontroll u kastig;

61.  Iqis li kampanji permanenti bħal dawn għandhom jakkumpanjaw id-diversi miżuri adottati bil-għan li tissawwab kultura ta" legalità u li jkun promoss xogħol ta' kwalità u kultura ta' negozju legali u jistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet relevanti u lill-istrutturi tas-soċjetà ċivili biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u joħolqu ċirkustanzi ta" intolleranza lejn xogħol mhux iddikjarat u lejn bidla fl-opinjoni pubblika dwar dan is-suġġett;

62.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom bżonn jallokaw aktar fondi pubbliċi biex tinħoloq kuxjenza pubblika, fost l-oħrajn mill-Fond Soċjali Ewropew jew mill-Programm Komunitarju għall-Impjiegi għas-Solidarjetà Soċjali - PROGRESS; jissuġġerixxi li l-attivitajiet biex tinħoloq kuxjenza għandhom jenfasizzaw is-sanzjonijiet, l-ispejjeż, ir-riskji tax-xogħol mhux iddikjarat u l-benefiċċji ta' xogħol iddikjarat, filwaqt li dan il-ħolqien ta' kuxjenza jkun konformi mal-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-imsieħba soċjali biex ikollhom irwol attiv f'dan il-proċess;

63.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jiffirmaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji Tagħhom;

64.  Huwa tal-opinjoni li sabiex ikun miġġieled il-fenomenu ta" xogħol mhux iddikjarat, hemm bżonn ta" strumenti lokali u Komunitarji għall-ipprogrammar li jippermettu appoġġ kemm ekonomiku kif ukoll soċjali, li jiġu segwiti politiki għall-iżvilupp u li tittieħed azzjoni ta" kontroll u ta" kastig;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilità li l-ġlidiet kontra x-xogħol mhux iddikjarat ikunu akkumpanjati minn politiki finanzjarji li jappoġġjaw pjanijiet reġjonali u lokali;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strument pilota għall-Istati Membri bbażat fuq prattiki tajbin li jeżistu f'xi Stati Membri u mudelli bħal dawk żviluppati mill-proġett 2 Plus fil-Lussemburgu (kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew taħt il-Programm Objettiv 3) immirat biex jikkontrolla x-xogħol mhux iddikjarat billi jagħmlu inqas attraenti permezz ta":

   simplifikazzjoni sinifikanti ħafna tar-rekwiżiti amministrattivi imposti fuq min iħaddem, filwaqt li tkun żgurata l-kopertura tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema,
   rati tat-taxxa attraenti għal min iħaddem, inkluż it-tnaqqis ta' spejjeż li jikkonċernaw fost affarijiet oħra x-xogħol lokali,
   eżenzjoni mit-taxxa għax-xogħol kollu mwettaq għal paga inqas mill-ammont li għandu jkun determinat mill-Istat Membru;

67.  Huwa tal-opinjoni li jeħtieġ li tkun studjata u evalwata l-possibilità li tingħata għajnuna Statali li tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika sabiex ikun indirizzat il-fenomenu ta" xogħol mhux iddikjarat billi tkun interpretata b'mod ġenerali l-espressjoni "ħolqien ta" xogħol" u t-tifsira ta" "ħolqien ta" impjieg regolari"; jiġbed l-attenzjoni li xogħol mhux iddikjarat mhux ekwivalenti għal impjieg kif suppost u għalhekk kwalunkwe inċentiv li jiżgura r-regolarità tiegħu jista" jitqies bħala "għajnuna għall-ħolqien ta" impjieg";

68.  Jiġbed l-attenzjoni għal pożizzjoni ġeneralment iktar dgħajfa tan-nisa fis-suq tax-xogħol li ħafna drabi hija kawża tal-obbligi familjari tagħhom u li bħala riżultat, l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol uffiċjali huwa ostakolat, jitħallsu inqas u jaċċettaw iktar malajr xogħol li mhux iddikjarat, b'tali mod li huma jippreġudikaw id-dritt tagħhom li jkollhom xogħol diċenti, dritt li huwa appoġġjat b'mod sħiħ mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, b'mod partikolari fil-każ tan-nisa tad-dar, l-immigranti illegali u n-nisa li xi drabi jikkombinaw xogħol imħallas ħażin ma' xogħol mhux iddikjarat; jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi serji li jirriżultaw għall-avvanz tal-karriera u għall-prospetti tal-irtirar tan-nisa, iżda wkoll għall-iffunzjonar tajjeb tas-suq tax-xogħol u għall-kapaċità biex ikunu ffinanzjati skemi tas-sigurtà soċjali;

69.  Huwa tal-opinjoni li politika li tirrikonoxxi l-liv tal-maternità u l-liv parentali bħala ħin tax-xogħol u t-tkomplija tal-ħlas tas-salarji matul dawn il-perjodi, se tnaqqas il-konsegwenzi negattivi tal-obbligi tal-familja u se tikkontribwixxi kemm għall-avvanz fil-karriera tan-nisa, kif ukoll għall-iffunzjonar tajjeb tas-suq tax-xogħol;

70.  Jitlob li jkun hemm iffinanzjar ta" proġetti ta" riċerka dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u dwar attivitajiet promozzjonali mmirati lejn il-prevenzjoni u t-tixrid ta" kultura dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, b'referenza partikolari għal dawk is-setturi li għandhom riskju għoli ta" inċidenti, li fihom xogħol mhux iddikjarat huwa aktar prevalenti; iqis li r-relazzjoni bejn inċidenti fuq il-post tax-xogħol u xogħol illegali għandhom jiġu investigati fuq il-bażi tad-data dwar il-fatalitajiet;

71.  Iqis li politika xierqa dwar it-taħriġ hija l-ewwel pass fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat;

72.  Jirrakkomanda li jintlaħaq ftehim fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jinvolvi istituzzjonijiet soċjali u organizazzjonijiet ta' min iħaddem li qed jimpenjaw irwieħhom li jimmonitorjaw u b'mod progressiv jeliminaw ix-xogħol mhux iddikjarat.

73.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem ċittadini ta' pajjiżi terzi li qed joqogħdu fil-pajjiż b'mod illegali, iżda jiddispjaċih għan-nuqqas ta' miżuri kontra l-isfruttar taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li qed joqogħdu b'mod legali fl-UE;

74.  Jenfasizza l-impatt sinifikanti fuq ix-xogħol mhux iddikjarat tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-provvediment ta" sanzjonijiet kontra min iħaddem b'mod illegali ċittadini residenti ta" pajjiżi terzi, u jesprimi t-tħassib tiegħu li jiġu introdotti miżuri ripressivi qabel ma jkunu stipulati qafas ta" regoli komuni u politiki dwar aċċess b'mod legali għas-suq tax-xogħol;

75.  Jinnota l-progress li sar fi ħdan il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta' applikazzjoni għall-permess uniku li jawtorizza liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi biex joqogħdu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u dwar it-twaqqif ta" bażi komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi li joqogħdu b'mod legali fi Stat Membru (COM(2007)0638), iżda jiddispjaċih li għad fadal ħafna xogħol xi jsir qabel ma jiġu garantiti d-drittijiet miġbura fl-Artikoli 27 sa 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

76.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri ħalli jtaffu l-vulnerabilità partikolari tal-popolazzjoni tal-immigranti f'xogħol mhux iddikjarat;

77.  Huwa tal-opinjoni li l-kwistjoni tal-impjieg ta" immigranti f'sitwazzjoni illegali hija waħda kumplessa li ma tistax tkun solvuta biss billi jkun ikkastigat min iħaddem, iżda hija wkoll sitwazzjoni li titlob miżuri diversi u intersettorjali; b'mod partikolari jemmen li jeħtieġ li tkun żgurata l-konformità mal-linji gwida tal-ILO dwar appoġġ għal ħaddiema migranti li qed ifittxu li jiżguraw li d-drittijiet tagħhom huma rispettati;

78.  Jemmen li l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat għandha bżonn strateġija komprensiva li għandha tikkunsidra l-ħtieġa li jkunu ssalvagwardjati u promossi d-drittijiet tal-ħaddiema immigranti, sew jekk ikunu legali kif ukoll illegali, li huma sfruttati minn dawk li jħaddmuhom;

79.  Iqis li l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat li jagħmlu l-immigranti illegali ma tistax titmexxa b'mod effiċjenti mingħajr il-ftuħ ta' kanali ta' migrazzjoni legali sabiex ikunu garantiti ħaddiema minn pajjiżi terzi li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn, kemm jekk ikollhom kwalifiki għolja kif ukoll jekk ikunu inqas kwalifikati;

80.  Iqis li l-ġlieda kontra l-ekonomija informali li qed tikber u b'mod parikolari kontra l-isfruttar ta" ħaddiema migranti f'sitwazzjoni illegali, tista" tkun ibbażata mhux biss fuq politika ta" ripatrijazzjoni, iżda wkoll fuq strumenti u mekkaniżmi li jevitaw u li jikkumbattu l-isfruttar tal-ħaddiema migranti, filwaqt li jsir provvediment għar-rikonoxximent u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

81.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jiffirmaw u jirratifikaw b'mod urġenti l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra l-Ittraffikar Illegali tal-Persuni;

82.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiċċaraw jew isaħħu l-miżuri leġiżlattivi xierqa biex jinkoraġġixxu lill-migranti li huma vittmi ta' sfruttament biex jiddenunzjaw is-sitwazzjoni tagħhom, u dan jiffaċilita, b'mod partikulari, il-ġlieda aktar effikaċi kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

83.  Huwa tal-fehma li għandu jkun hemm proċeduri finanzjarji, fiskali u spezzjoni tax-xogħol ikkombinati sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi koperazzjoni amministrattiva u l-skambju ta' prattiki tajba fil-ġlieda kontra l-ekonomija informali fil-livell Komunitarju;

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 146, 17.5.2001, p. 102.
(2) ĠU C 125, 6.5.1999, p. 1.
(3) ĠU L 277, 28.10.1999, p. 34.
(4) ĠU L 197, 5.8.2003, p. 13.
(5) ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.
(6) ĠU C 260, 29.10.2003, p. 1.
(7) ĠU L 291, 21.10.2006, p.11.
(8) ĠU C 102E, 24.4.2008, p.321.
(9) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 401.
(10) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 452.
(11) Testi adottati, P6_TA(2007)0574.
(12) ĠU C 5, 10.1.1996, p. 1.
(13) ĠU C 304, 14.10.1996, p.1.
(14) http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2008/13/en/1/ef0813en.pdf
(15) ĠU C 85, 17.3.1997, p. 186.
(16) ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16.
(17) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(18) ĠU L 376, 27.12.2006, p.36.

Avviż legali - Politika tal-privatezza