Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2634(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0450/2008

Testi mressqa :

B6-0450/2008

Dibattiti :

PV 24/09/2008 - 20
CRE 24/09/2008 - 20

Votazzjonijiet :

PV 25/09/2008 - 7.8
CRE 25/09/2008 - 7.8
PV 09/10/2008 - 7.7
CRE 09/10/2008 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0469

Testi adottati
PDF 286kWORD 53k
Il-Ħamis, 9 ta' Ottubru 2008 - Brussell
IASCF: Reviżjoni tal-kostituzzjoni
P6_TA(2008)0469B6-0450/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar "Il-IASCF: Reviżjoni tal-kostituzzjoni - Responsabilità Pubblika u l-Kompożizzjoni tal-Proposti għal Bidla tal-IASB"

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2008, b'mod partikolari dwar il-governanza tal-Bord Internazzjonali tal-Istandards tal-Kontabilità (IASB),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità(1),

–   wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 dwar l-Istandards Internazzjonali għar-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) u l-governanza tal-Bord Internazzjonali tal-Istandards tal-Kontabilità (IASB)(2),

–   wara li kkunsidra Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1358/2007 tal- 21 ta" Novembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali ta" Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) 8(3) dwar l-iżvelar ta' oqsma operattivi, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni(4),

–   wara li kknsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 809/2004 dwar l-istandards tal-kontabilità li bi qbil magħhom titfassal l-informazzjoni storika li jkun fihom il-Prospetti dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu minn entitajiet ta" pajjiżi terzi li joħorġu t-titoli ta' informazzjoni ppreparata skond standards tal-kontabilità rikonoxxuti internazzjonalment(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar standards ta' kontabilità użati minn emittenti ta' pajjiżi terzi u l-ekwivalenti tagħhom lill-IFRS kif imsemmija fl-abbozz tal-miżuri ta' implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prospett u d-Direttiva dwar it-Trasparenza(6), li tistipula l-kundizzjonijiet li taħthom l-Unjoni Ewropea aċċettat il-proċess ta' konverġenza u ta' ekwivalenza bejn l-IFRS kif adottat mill-Unjoni Ewropea u l-Prinċipji ta' Kontabilità Aċċettati b'Mod Ġenerali (GAAPs) ta' l-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra r-rapport mill-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Kumitat ta' Standards tal-Kontabilità (IASCF) bit-titolu "Reviżjoni tal-Kostituzzjoni - Kontabilità Pubblika u l-Kompożizzjoni tal-IASB - Proposti għal Tibdil", ta' Lulju 2008,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta" Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta" implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni(7),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi l-emittenti ta' l-UE huma meħtieġa li japplikaw l-istandards internazzjonali tal-kontabilità għar-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom,

1.  Jinnota li l-IASCF ipproponiet li twaqqaf Grupp ta' Monitoraġġ; hu tal-opinjoni li l-Grupp ta' Monitoraġġ għandu jkollu s-setgħa li jirrakkomanda kandidati bħala Fiduċjarji u jkun responsabbli biex japprova l-għażla tal-Fiduċjarji wara li jkun sar qbil dwar il-proċess ta' nominazzjoni;

2.  Jitlob biex il-Grupp ta' Monitoraġġ ikun involut biex issir l-aġenda għall-IASB sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabilità; jirrikonoxxi li l-proċess għat-tfassil tal-istandards ta' kontabilità li jiġi wara m'għandu jkollu l-ebda ndħil żejjed u kollox għandu jsir b'konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet kollha interessati, fosthom l-investituri;

3.  Jesprimi d-dubji tiegħu rigward kemm għandu jitwaqqaf Grupp ta' Monitoraġġ f'din il-fażi, qabel titnieda t-tieni fażi tal-proċess ta' konsultazzjoni tar-reviżjoni tal-governanza tal-IASB u mingħajr ma jkun hemm deskrizzjoni ċara tar-relazzjoni li għandha tkun stabilita bejn il-Grupp ta' Monitoraġġ u l-IASCF fil-kostituzzjoni ta' din tal-aħħar;

4.  Iqis li l-Grupp ta' Monitoraġġ għandu jirrifletti l-bilanċ taż-żoni monetarji l-aktar importanti tad-dinja, id-diversità kulturali, u l-interessi tal-ekonomiji żviluppati, ta' dawk ta' pajjiżi emerġenti kif ukoll ta' istituzzjonijiet internazzjonali li għandhom rekwiżiti ta' responsabilità quddiem l-awtoritajiet pubbliċi, u għandu jkollu sehem attiv fil-promozzjoni tat-trasparenza tar-rapportaġġ finanzjarju u fl-iżvilupp u t-tħaddim effettiv tas-swieq kapitali, kif ukoll biex tkun evitata l-proċiklikalità u tiġi żgurata l-istabilità tas-swieq finanzjarji u jiġi evitat ir-riskju sistematiku; jieħu l-pożizzjoni li l-Kumitat ta' Basel għas-Sorveljanza tal-Banek għandu jkun inkluż ukoll fil-grupp ta' monitoraġġ jinnota b'approvazzjoni l-proposta li l-Grupp ta' Monitoraġġ fil-bidu għandu jinkludi:

   a) il-membru responsabbli tal-Kummissjoni Ewropea,
   b) iċ-chairman tal-Kumitat IOSCO għas-Swieq Emerġenti,
   c) iċ-chairman tal-Kumitat Tekniku tal-IOSCO (jew il-viċi chairman jew iċ-chairman nominat tal-Kummissjoni tat-Titoli fil-każijiet fejn iċ-chairman ta' regolatur tat-titoli tal-UE, il-kummissarju tal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji Ġappuniżi jew iċ-chairman tal-Kummissjoni tat-Titoli u tal-Iskambji tal-Istati Uniti jkun ukoll iċ-chairman tal-Kumitat Tekniku tal-IOSCO),
   d) il-kummissarju tal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji Ġappuniżi,
   e) iċ-chairman tal-Kummissjoni tat-Titoli u tal-Iskambji tal-Istati Uniti, u
   f) iċ-chairman tal-Kumitat ta" Basel għas-Sorveljanza tal-Banek;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-Parlament Ewropew ma ġiex ikkonsultat dwar it-twaqqif ta" Grupp Internazzjonali għall-Konsulenza dwar il-Kontabilità;

6.  Iqis li r-regolaturi tas-swieq finanzjarji tal-UE għandhom ikunu rappreżentati wkoll fil-Grupp ta' Monitoraġġ; jenfasizza li l-ebda organizzazzjoni m'għandha tkun rappreżentata fil-Grupp ta' Monitoraġġ b'iktar minn delegat wieħed;

7.  Jenfasizza l-istruttura istituzzjonali kumplessa tal-Grupp ta' Monitoraġġ; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Grupp ikollu mekkaniżmi ta' koperazzjoni effikaċi disponibbli sabiex l-operabilità tiegħu tkun żgurata u jkun jista' jaqdi r-responsabilitajiet ewlenin tiegħu; jinsisti, f'dan il-kuntest, li l-membri tal-Grupp ta' Monitoraġġ jkollhom kompetenzi biżżejjed biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jinżammu responsabbli politikament;

8.  Hu mħasseb li xi membri li ġew proposti għall-Grupp ta' Monitoraġġ ma jeħtiġux emittenti domestiċi biex japplikaw l-IFRS; hu tal-fehma li s-sħubija f'dan il-Grupp għandha tidħol fis-seħħ biss wara li jkun hemm l-impenn li l-IFRS jiddaħħal bħala l-istandard domestiku; jenfasizza li l-ebda pajjiż m'għandu jkun rappreżentat fil-Grupp ta' Monitoraġġ b'iktar minn delegat wieħed;

9.  Jinnota li l-proposta tal-IASCF tipprevedi li l-IASB jikber minn 14 għal 16-il membru; isib li din iż-żieda għal 16-il membru hija aċċettabbli għaliex tista' twassal biex l-IASB jkun iktar ibbilanċjat, b'mod speċjali jekk il-proposta tal-IASCF tiġi emendata biex tiżgura li jkun hemm trattament parallel fiż-żoni monetarji dinjin l-aktar importanti;

10.  Jitlob biex jiġi konkluż Memorandum ta' Ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet sabiex jiġu definiti l-kundizzjonijiet tal-assoċjazzjoni tal-leġiżlaturi mal-ħidma tal-Grupp ta' Monitoraġġ, jekk dan jiġi stabbilit f'din il-fażi;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll lill-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej.

(1) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2008)0183.
(3) ĠU L 304, 22.11.2007, p. 9.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2007)0526.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2007)0527.
(6) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 116.
(7) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

Avviż legali - Politika tal-privatezza