Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-qagħda fil-Belarus wara l-elezzjonijiet parlamentari tat-28 ta' Settembru 2008
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-qagħda fil-Belarus, b'mod partikolari dik tat-22 ta" Mejju 2008(1),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda tal-Unjoni Ewropea li iġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u mal-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinanzi (ENP),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill f'isem l-UE tas-26 ta' Awwissu 2008 dwar il-ħelsien ta' Sergei Parsyukevich u Andrei Kim,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 u s-16 ta" Settembru 2008 dwar il-Belarus,
– wara li kkunsidra s-sejbiet preliminari, tad-29 ta" Settembru 2008, tal-missjoni tal-OSCE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjoni fil-Belarus,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' Settembru2008 fil-Belarus,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, wara li l-awtoritajiet tal-Belarus ħelsu lill-priġunieri politiċi Alyaksandr Kazulin, Sergei Parsyukevich u Andrei Kim bejn is-16 u l-20 ta' Awwissu 2008, l-ebda priġunier politiku ieħor rikonoxxut fuq livell internazzjonali m'għadu jinsab il-ħabs fil-Belarus,
B. billi l-ħelsien tal-priġunieri politiċi ġie rikonoxxut mill-UE bħala pass sinifikanti lejn l-adozzjoni min-naħa tal-Belarus tal-valuri fundamentali demokratiċi, tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, u din kienet waħda mill-kundizzjonijiet għar-reviżjoni tal-miżuri restrittivi li bħalissa qegħdin jorbtu lil xi personalitajiet politiċi ewlenin fil-Belarus u biex ir-relazzjonijiet mal-Belarus jerġgħu jitwaqqfu mill-ġdid,
C. billi fl-10 ta' Lulju l-President Alexander Lukashenko fl-10 ta' ta' Lulju 2008 kien talab pubblikament biex l-elezzjonijiet jitmexxew b'mod miftuħ u demokratiku, u dan tennieh meta deher fuq it-televiżjoni nhar id-29 ta" Awwissu 2008, filwaqt li wiegħed li l-elezzjonijiet ikunu bla preċedent mil-lat tal-ġustizzja,
D. billi l-UE ħarset lejn il-kondotta demokratika u l-aspett pluralistiku tal-elezzjonijiet parlamentari tat-28 ta' Settembru 2008 bħala opportunità oħra għall-Belarus biex juri jekk jirrispettax il-valuri demokratiċi u l-istandards Ewropej,
E. billi f'dan il-kuntest l-UE laqgħet b'sodisfazzjon l-użu ta' osservaturi tal-OSCE/l-Uffiċju għall-Istituzzjonijiet tad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), saħqet fuq l-importanza ta' garanzija li dawn l-osservaturi jkollhom aċċess għall-fażijiet kollha tal-proċess eletttorali, fosthom l-għadd tal-voti, u u enfasizza b'mod partikulari l-importanza tal-garanzija tad-drittijiet tal-oppożizzjoni rigward id-dritt għall-kandidatura u għall-aċċess għall-kummissjonijiet tal-monitoraġġ elottorali u l-midja,
F. billi, kieku li l-elezzjoni tmexxiet bla intoppi, l-UE kienet lesta li tibda reviżjoni tal-miżuri restrittivi kontra l-mexxejja tal-Belarus, u li tieħu passi pożittivi u konkreti li jwasslu biex bil-mod jiġu stabbiliti mill-ġdid ir-relazzjonijiet mal-Belarus,
G. billi ma ngħata ebda widen għat-talba tal-Forzi Demokratiċi Magħqudin tal-Belarus biex il-gvern ikun involut fi djalogu miftuħ dwar il-proċess elettorali; billi l-kandidati tal-oppożizzjoni wrew tħassib dwar il-ġustizzja tal-proċess elettorali, waqt li rreferew għan-nuqqas ta' fiduċja tagħhom fil-proċess ta' votazzjoni u fit-tmexxija mistennija tal-għadd tal-voti,
H. billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-elezzjoni tal-OSCE ddikjarat fil-konklużjonijiet preliminari tagħha li għalkemm kien hemm xi titjib żgħir, l-elezzjonijiet tat-28 ta' Settembru 2008, li saru f'ambjent ikkontrollat b'mod strett b'kampanja li bil-ħniena nħasset u kienu kkaratterizzati b'nuqqas ta' trasparenza fl-għadd tal-voti u fil-ġbir tar-riżultati mill-postijiet tal-votazzjoni differenti, fl-aħħar mill-aħħar ma laħqux l-istandards demokratiċi rikonoxxuti fuq livell internazzjonali,
I. billi l-oppożizzjoni, li ma rebħet l-ebda wieħed mill-110 siġġijiet, għarfet l-elezzjonijiet bħala farsa, u esprimiet il-biża' li kien intemm il-perjodu ta' "namur" bejn il-President Lukashenko u d-demokrazija u stiednet lill-UE u lill-Istati Uniti biex ma jirrikonoxxux ir-riżultati tal-elezzjoni,
J. billi Lidiya Yarmoshyna, kap tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Belarus, iddikjarat li l-elezzjonijiet li saru kienu 'ħielsa u ġusti',
K. billi madwar 800 partitarju tal-oppożizzjoni protestaw f'Minsk tard dakinhar tal-elezzjoni,
1. Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-priġunieri politiċi Alyaksandr Kazulin, Sergei Parsyukevich u Andrei Kim kienu nħelsu; jistenna, madankollu, li huma għandhom igawdu mid-drittijiet ċivili kollha ggarantiti liċ-ċittadini kollha tal-Belarus mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Belarus;
2. Jiddispjaċih li l-progress sinifikanti fl-iżvilupp demokratiku fil-Belarus, li l-UE kienet ittamat li jkun hemm, fl-interess tal-poplu tal-Belarus, ma seħħx, u li, minkejja xi titjib żgħir, l-elezzjonijiet parlamentari tat-28 ta' Settembru 2008 fil-Belarus fl-aħħar mill-aħħar ma laħqux l-istandards internazzjonali;
3. Jemmen li l-parlament li ġie elett fil-Belarus huwa ta' leġittimità demokratika dubjuża;
4. Jinsab imħasseb li d-dimostrazzjoni li organizzat l-oppożizzjoni fit-28 ta' Settembru 2008 f'Minsk ġie deskritt bħala ksur serju tal-ordni pubbliku mill-Ministeru ghall-Intern, u huwa mħasseb ukoll dwar rapporti li taghrif dwar id-dimostrazzjoni kien se jiġi arkivjat fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali għal evalwazzjoni legali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-libertà ta' assemblea u ta' espressjoni, kif definit fil-kostituzzjoni tal-Belarus;
5. Jinnota li, filwaqt li l-Unjoni Ewropea nnotat il-ħelsien riċenti ta' diversi attivisti demokratiċi tal-oppożizzjoni u ttamat li jkun hemm titjib fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, in-nuqqas persistenti tal-organizzazzjoni ta" elezzjonijiet ħielsa u ġusti se jkun pass ieħor lura għall-Belarus u se jkompli jkun ta' sfida serja għar-rabtiet bejn il-Belarus u l-Unjoni Ewropea;
6. Jistieden lill-Gvern tal-Belarus sabiex jikkonferma d-dikjarazzjonijiet tiegħu li huwa lest li jtejjeb il-koperazzjoni mal-UE u li joħloq kundizzjonijiet li jiffavorixxu aktar il-bidu ta' taħditiet bejn l-UE u l-Belarus;
7. Jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Gvern tal-Belarus biex jersaq lejn elezzjonijiet futuri li jkunu ġenwinament demokratiċi skont l-istandards demokratiċi internazzjonali billi jagħmel ċertu tibdiliet fil-liġi u l-prattika elettorali, bħal:
a)
il-ħolqien ta' kundizzjonijiet u opportunitajiet ġusti għall-kandidati kollha biex dawn imexxu kampanja elettorali ġenwina;
b)
il-garanzija li l-partiti kollha li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet ikunu rappreżentati fil-livelli kollha tal-kummissjoni elettorali, b'mod partikulari fil-livell lokali tal-kummissjoni tal-elezzjoni;
c)
il-garanzija li l-voti mitfugħa ma jħallu l-eda dubju dwar xi possibilità ta' frodi f'dan ir-rigward;
d)
l-abolizzjoni tal-proċeduri tal-votazzjoni bikrija jew, għall-inqas, il-garanzija li l-voti mitfugħa b'mod bikri jkunu suġġetti għal proċedura separata minn dik tal-voti mitfugħa b'mod normali u li r-riżultati tal-votazjoni bikrija jiddaħħlu b'mod separat fil-protokolli elettorali;
8. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Belarus biex jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem billi:
a)
jagħmel it-tibdil meħtieġ fil-Kodiċi Kriminali tal-Belarus billi jneħħi l-Artikoli 193, 367, 368 u 369-1, li wħud minnhom, b'mod partikulari l-Artikolu 193, huma kkwotati minn Amnety international u li huma użati ta' sikwit bħal mezz ta' ripressjoni;
b)
jieqaf mit-theddid bil-prosekuzzjoni kriminali, inkluż għal min ma jagħmilx is-servizz militari fil-Belarus, għal dawk l-istudenti li jkunu tkeċċew mill-universitajiet għall-pożizzjoni ċivili li jkunu ħadu u li jkunu mġiegħla jkomplu bl-istudji tagħhom barra l-pajjiż;
c)
ineħħi l-ostakli kollha li ma jħallux li ssir ir-reġistrazzjoni xierqa tal-NGOs fil-Belarus;
d)
itejjeb it-trattament tal-minoritajiet nazzjonali u r-rispett lejhom, inklużi r-rikonoxximent tal-korp elett b'mod leġittimu tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarus mmexxija minn Angelika Borys, tal-kultura, tal-knejjes, tas-sistema edukattiva u tal-wirt storiku u materjali,
sabiex jintemm l-iżolament tal-pajjiż milll-bqija tal-Ewropa impost minnu stess u sabiex ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarus jitjiebu b'mod sinifikanti;
9. Ifakkar li fil-21 ta" Novembru 2006 l-Unjoni Ewropea ddikjarat li hi lesta li ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat hekk kif il-Gvern tal-Belarus juri rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu tal-Belarus;
10. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu d-djalogu mal-Belarus u biex joħolqu politika fir-rigward tal-Belarus, suġġetti għal kundizzjonalità strettament pożittiva b'approċċ ta' pass wara pass gradwali, mgħammra b'benchmarks, skedi, klawżola ta' reviżjoni u riżorsi finanzjarji adegwati;
11. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu reviżjoni selettiva u s-sospensjoni possibbli ta' miżuri restrittivi eżistenti, bil-għan li jinħolqu vantaġġi għaċ-ċittadini normali u jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' soċjetà ħielsa;
12. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ma jneħħux il-projbizzjoni tal-viża għal dawk li huma mdaħħlin fil-ksur tal-istandards demokratiċi elettorali u d-driittijiet tal-bniedem; jitlob biex tiġi kkunsidrata sospensjoni parzjali ta' sitt xhur ta' din is-sanzjoni għal uffiċjali oħra, sakemm waqt dak il-perjodu tkun emedata l-liġi restrittiva dwar il-midja li kienet adottata fi tmiem Ġunju 2008 qabel ma tkun implimentata bis-sħiħ;
13. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ulterjuri lejn il-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Belarus, peress li azzjoni ta' dan it-tip hija kruċjali biex jitwettaq l-għan ewlieni tal-politika tal-UE lejn il-Belarus, jiġifieri li jiġu faċilitati u intensifikati l-kuntatti bejn il-popli u biex il-pajjiż jiġi demokratizzat; iħeġġiġhom, f'dan il-kuntest, biex jikkunsidraw il-firxa ta' possibilitajiet li titnaqqas l-ispiża tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Belarus li jkunu deħlin fiż-żona ta' Schengen, li huwa l-unika mod kif jiġi evitat li l-Belarus u ċ-ċittadini tiegħu jsiru dejjem aktar iżolati; jitlob lill-awtoritajiet tal-Belarus biex itemmu l-prattika tagħhom li joħorġu viżi liċ-ċittadini tagħhom biex joħorġu, b'mod partikolari tfal u studenti;
14. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw l-applikazzjoni selettiva tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija(2) u l-Istrument Ewropew tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Demokrazija(3) għall-Belarus billi jingħata aktar appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Belarus u, b'mod partikolari, biex tiżdied l-għajnuna finanzjarja lill-midja indipendenti, lill-NGOs u lill-istudenti tal-Belarus li jistudjaw barra l-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Kummissjoni lill-Università tal-Istudji Umanistiċi Ewropej tal-Belarus li tinsab f'eżilju f'Vilnius (il-Litwanja); jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jitolbu lill-gvern tal-Belarus jagħti sinjal ta' volontà tajba u ta' tibdil pożittiv billi jippermetti li l-Università tal-Istudji Umanistiċi Ewropej li tinsab f'eżilju f'Vilnius tirritorna b'mod legali fil-Belarus u terġa' tistabbilixxi ruħha f'kundizzjonijiet adegwati għall-iżvilupp futur tagħha f'Minsk; Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħtu appoġġ finanzjarju lis-stazzjon televiżiv indipendenti tal-Belarus Belsat;
15. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu miżuri ħalli jtejbu l-ambjent tan-negozju, il-kummerċ, l-investiment, l-infrastuttura tal-enerġija u tat-trasport u l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri bejn l-UE u l-Belarus, sabiex ikun hemm kontribut għall-benesseri u l-prosperità taċ-ċittadini tal-Belarus, kif ukoll għall-abilità tagħhom li, f'dan il-kuntest, jikkomunikaw mal-UE u jivvjaġġaw b'mod ħieles lejn l-UE;
16. Jisgħobbih għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Belarus li ripetutament jiċħdu viżi ta' dħul lill-membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari nazzjonali f'dawn l-aħħar ftit snin; jitlob lill-awtoritajiet tal-Belarus biex ma joħolqux iktar xkiel li jżommu lid-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li jaħdmu favur ir-relazzjonijet mal-Belarus, milli jżuru l-pajjiż;
17. Jilqa' r-rieda tan-nazzjon tal-Belarus biex jipproteġi l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-pajjiż tiegħu;
18. Jilqa' l-approċċ li ħadu s'issa l-awtoritajiet tal-Belarus, minkejja l-pressjoni enormi, biex ma jirrikonoxxux l-indipendenza unilaterali ddikjarata mill-Ossetja t'Isfel u mill-Abkażja;
19. Jinkundanna l-fatt li l-Belarus huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt, li tmur kontra l-valuri Ewropej;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assembleji Parlamentari tal-OSCE u l-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Belarus.