Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2074(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0362/2008

Testi mressqa :

A6-0362/2008

Dibattiti :

PV 08/10/2008 - 24
CRE 08/10/2008 - 24

Votazzjonijiet :

PV 09/10/2008 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0473

Testi adottati
PDF 279kWORD 106k
Il-Ħamis, 9 ta' Ottubru 2008 - Brussell
L-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea
P6_TA(2008)0473A6-0362/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-indirizzar tal-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea (2008/2074(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2007 bl-isem "Li tindirizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea" (COM(2007)0414) ("il-Komunikazzjoni"),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(1) ("id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma"),

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar l-evalwazzjoni tal-impatt u l-istudji mħejjija mill-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta" Settembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tal-ilma fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-prijoritajiet għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta" l-UE(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta" Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (nirien tal-foresti, nixfa u għargħar) – l-aspetti agrikoli(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura (A6-0362/2008),

A.   billi l-kwistjoni tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa mhix limitata ġeografikament għall-Unjoni Ewropea iżda għandha riperkussjonijiet internazzjonali u hija problema globali; billi diġà jeżistu kunflitti internazzjonali dwar l-ilma u hemm perikolu dejjem jikber li dawn jiżdiedu fil-frekwenza,

B.   billi l-ilma huwa essenzjali għall-ħajja u huwa prodott komuni li m'għandux jiġi mminimizzat għal sempliċiment prodott bażiku; billi l-politika kollha dwar l-ilma għandha tkun immexxija mill-assigurazzjoni li kulħadd ikollu aċċess ġust għall-ilma, inklużi l-ġenerazzjonijiet futuri,

C.   billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa jirrappreżentaw sfida maġġuri b'impatti soċjo-ekonomiċi u ambjentali relevanti fl-UE; billi l-impatt ekonomiku totali tan-nixfa fil-livell tal-UE fl-aħħar 30 sena hu stmat għal EUR 100 biljun,

D.   billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa diġà jaffettwaw diversi partijiet tal-UE b'madwar għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE li tgħix f'pajjiżi li r-riżorsi ta" l-ilma tagħhom jgħaddu minn stress,

E.   billi d-deżertifikazzjoni li qed taffettwa l-pajjiżi tal-komunità f'livelli differenti qed tfaqqar l-ambjent naturali u qed twassal għad-degradazzjoni tal-ħamrija u konsegwentament għat-telf tal-valur agrikolu tagħha,

F.   billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa ma jinħassux bl-istess intensità fir-reġjuni kollha tal-UE, filwaqt li l-ikbar intensità tinħass fl-Istati Membri li qegħdin iktar lejn in-Nofsinhar,

G.   billi hemm differenzi reġjonali sinifikanti fix-xejra li qed jieħdu l-problemi li qed jirriżultaw mill-iskarsezza ta" l-ilma u min-nixfa; billi l-aħjar mod hu li miżuri għall-iffaċċjar ta" dawn il-problemi jkunu bbażati fuq approċċ reġjonali,

H.   billi l-iskarsezza ta" l-ilma u n-nixfa ġraw bi frekwenza u severità dejjem jiżdiedu matul l-aħħar 30 sena u billi l-bidla fil-klima possibilment taggrava s-sitwazzjoni, billi tikkontribwixxi għal żieda ta" avvenimenti idroloġiċi estremi fl-UE u barra l-UE, li probabilment jaffetwaw kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità tar-riżorsi ta" l-ilma,

I.   billi t-tendenzi fl-użu ta" l-ilma mhumiex sostenibbli peress li l-UE qed tkompli taħli 20% mill-ilma tagħha minħabba l-ineffiċjenza,

J.   billi n-nixfa intensa, flimkien ma' anqas xita, qed iżidu dejjem aktar il-periklu ta' nirien tal-foresti, kif deher ċar fin-nirien devastanti li riċentement ħakmu l-Ewropa tan-Nofsinhar,

K.   billi ma teżisti ebda valutazzjoni komprensiva, teknika u xjentifikament solida dwar is-sitwazzjoni tal-kwantità tal-ilma fl-UE; billi d-data disponibbli fil-livell reġjonali u dwar il-varjazzjonijiet tal-istaġun hija limitata ħafna,

L.   billi l-iskarsezza ta" l-ilma tista" tkun ir-riżultat ta" kawżi naturali, attivitajiet tal-bniedem jew tar-relazzjoni reċiproka bejn it-tnejn, kemm permezz ta" użu żejjed tal-provvista naturali jew permezz tad-degradazzjoni tal-kwalità ta" l-ilma; billi l-użu ħażin ta" l-ilma huwa wieħed mill-kawżi tad-deżertifikazzjoni;

M.   billi t-turiżmu jżid aktar it-talba għall-ilma, partikolarment matul il-perjodu tas-sajf u fiz-zoni tal-kosta ta" l-Ewropa tan-Nofsinhar,

N.   billi t-tqajjim tal-kuxjenza u l-provvista ta" informazzjoni tajba liċ-ċittadini fil-forom differenti, pereżempju permezz ta" kampanji ta" informazzjoni u edukazzjoni, hija ta" importanza elementari biex ikunu faċilitati bidliet fl-imġiba u fil-prattiki u biex titrawwem kultura li ma taħlix ilma u li l-ilma jintuża b'mod effiċjenti,

O.   billi l-provvista pubblika ta" l-ilma huwa servizz pubbliku fundamentali marbut mas-saħħa pubblika li m'għandux jiġi ostakolat,

P.   billi l-iskarsezza ta" l-ilma u l-perjodi ta" nixfa huma kwistjonijiet ambjentali kumplessi, u għaldaqstant għandhom ikunu regolati mill-qrib ma" kwistjonijiet ambjentali oħra u b'kunsiderazzjoni tagħhom;

Q.   billi l-agrikoltura, bħala settur produttiv, tbati ħafna mill-effetti tal-iskarsezza ta" l-ilma u tan-nixfa, waqt li fl-istess ħin għandha rwol importanti fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma disponibbli;

R.   billi l-agrikoltura multifunzjonali fl-UE għandha rwol importanti fil-preservazzjoni tal-pajsaġġi, tal-bijodiversità u tal-ilma nadif u għalhekk għandha bżonn l-appoġġ finanzjarju għal ċerti miżuri kif ukoll għall-pariri xjentifiċi dwar il-ġestjoni tal-ilma,

S.   billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa jirrappreżentaw fattur notevoli li jkompli jgħolli l-prezzijiet tal-materja prima agrikola; billi hu neċessarju li tkun garantita provvista stabbli tal-ikel,

T.   billi kwantitajiet kbar ta' ilma huma meħtieġa fl-agrikoltura u, minħabba li din għaldaqstant tiddependi fuq il-provvista tal-ilma, l-agrikoltura trid tkun inkluża bħala parti responsabbli mis-sistemi reġjonali integrati ta' ġestjoni tal-ilma fejn għandu x'jaqsam l-użu bbilanċjat tal-ilma, it-twaqqif tal-ħela tal-ilma, l-adattament tal-pajsaġġ u l-ippjanar tal-uċuħ tar-raba, kif ukoll il-ħarsien tal-ilma mit-tniġġis,

U.   billi n-nixfa tiffavorixxi wkoll il-proliferazzjoni ta' ċerti pesti fitosanitarji, u b'hekk tipprovoka tnaqqis notevoli fil-ħsad,

V.   billi r-Raba' Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273) jidentifika li l-bidla fil-klima, b'mod partikolari n-nixfa u l-iskarsezza tal-ilma, hi waħda mill-isfidi l-ġodda b'implikazzjonijiet territorjali kbar li trid tiġi trattata mill-politika ta" koeżjoni, u li sa llum din il-problema affettwat lil 11% tal-popolazzjoni u 17% tat-territorju ta" l-Unjoni Ewropea,

1.  Jilqa" b'sodissfazzjon il-Komunikazzjoni u jappoġġa l-ewwel sensiela proposta ta" għażliet dwar il-politika, imma jiddispjaċih li l-kamp ta" applikazzjoni tagħha huwa limitat għal-livell ta" l-UE u ta" l-Istati Membri biss; ifakkar li l-iskarsezza ta" l-ilma u n-nixfa huma problemi b'dimensjoni internazzjonali u li għandha tittieħed azzjoni b'mod li jirrifletti dan;

2.  Jenfasizza li n-natura transreġjonali u transkonfinali tal-baċiri tax-xmajjar jista" jkollha impatt transkonfinali fuq ir-reġjuni tan-naħa ta" fuq u t'isfel tax-xmajjar, u li għaldaqstant huwa indispensabbli għall-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali li jikkooperaw fil-kwistjoni ta" l-iskarsezza ta" l-ilma u tan-nixfa, filwaqt li jkun żgurat użu sostenibbli u tajjeb tar-riżorsi ta" l-ilma; iqis li l-ispeċifiċità ta" l-iskarsezza ta" l-ilma u l-perjodi ta" nixfa tirrikjedi azzjoni kkoordinata fil-livell ta" UE u ta" l-Istati Membri, kif ukoll fil-livell tal-gvernijiet reġjonali u lokali;

3.  Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tillimita ruħha għall-promozzjoni ta" objettivi ġenerali, billi tipproponi numru limitat biss ta" miżuri preċiżi u ebda skadenza konkreta għall-implimentazzjoni tagħhom f'reġjuni mminaċċati mill-iskarsezza ta" l-ilma u min-nixfa; jiddispjaċih li m'hemmx miri realistiċi u limiti ta' żmien biex dawn jintlaħqu, kif ukoll li m'hemmx enfasi fuq il-bżonn ta" kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta programm kontinwu, b'mod partikolari rapport dwar il-progress fl-2009 u r-reviżjoni u l-iżvilupp ta" l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jenfasizza l-importanza tar-reġjuni bħala forza ta" tmexxija wara l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam ta" l-ilma, meta jkun ikkunsidrat li l-effiċjenza ta" l-ilma hi fattur importanti għall-kompetittività; iħeġġeġ, għalhekk, lill-awtoritajiet reġjonali biex jikkunsidraw il-kooperazzjoni interreġjonali fil-livell nazzjonali u fil-livell internazzjonali, l-iskambju ta" l-informazzjoni u s-sħubiji strateġiċi bl-għan li tiġi organizzata ġestjoni reġjonali ta" l-ilma effiċjenti;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex japprofittaw ruħhom mill-opportunitajiet kbar offruti mill-Fondi Strutturali u jinvestu fit-titjib jew it-tiġdid ta" l-infrastruttura u t-teknoloġija eżistenti, b'mod partikulari f'reġjuni fejn ir-riżorsi ta" l-ilma jinħlew minħabba t-tnixxija fil-pajpijiet ta" l-ilma, inklużi, b'mod speċifiku, teknoloġiji nodfa li jiffaċilitaw l-użu effiċjenti ta" l-ilma u jistgħu jiġu marbuta ma" l-immaniġġjar integrat tar-riżorsi ta" l-ilma (IRM), b'mod partikulari sabiex jindirizzaw l-isfida ta" l-effiċjenża fir-rigward ta" l-ilma (mil-lat ta" ffrankar u mil-lat ta" użu mill-ġdid) fis-setturi industrijali u tal-biedja kif ukoll min-naħa tal-konsumaturi domestiċi, inkluż fil-ġżejjer u fl-ibgħad reġjuni;

6.  Jinsisti, f'dan ir-rigward, li l-allokazzjoni tal-fondi infrastrutturali għandha tkun orjentata lejn it-titjib tal-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma u konformi mal-ħtiġijiet eżistenti;

7.  Ifakkar li għandu jkun preferut l-approċċ min-naħa tat-talba fl-immaniġġjar tar-riżorsi ta" l-ilma; hu tal-opinjoni, madankollu, li l-UE għandha tadotta approċċ olitisku meta timmaniġġja r-riżorsi ta" l-ilma, li jgħaqqad flimkien miżuri ta" mmaniġġjar tat-talba, miżuri li jtejbu r-riżorsi eżistenti fi ħdan iċ-ċiklu tal-ilma, u miżuri li joħolqu riżorsi ġodda, u li l-approċċ hemm bżonn li jintegra l-kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi;

8.  Jinnota li l-miżuri min-naħa tal-provvista għandhom wkoll jitqiesu, bil-għan li tinkiseb l-aktar soluzzjoni li tkun ekonomikament u ambjentalment effiċjenti, filwaqt li l-bilanċ bejn il-provvista u t-talba jiġi ottimizzat, u filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm provvista pubblika kontinwa ta" ilma inkluż waqt kundizzjonijiet ta" nixfa, b'konformità mal-prinċipju ta" żvilupp sostenibbli; huwa tal-fehma li għandha titħeġġeġ azzjoni sabiex tiġi stabbilita ġerarkija effettiva tal-użu tal-ilma, u li l-bini ta' rotot sabiex l-ilma jiġi ttrasportat fuq distanzi kbar m'għandhiex tkun soluzzjoni għall-problema ta" l-iskarsezza ta" l-ilma; jisħaq, madankollu, fuq l-importanza li miżuri min-naħa tal-provvista jista" jkollhom għar-reġjuni l-aktar affettwati mill-iskarsezza ta" l-ilma u min-nixfa, li jistgħu jieħdu forma ta" possibilitajiet tradizzjonali, bħall-bini ta" infrastruttura li tirregola minn fejn jgħaddi l-ilma, jew soluzzjonijiet alternattivi u innovattivi bħall-użu mill-ġdid sostenibbli ta" ilma għar-rimi jew id-desalinazzjoni;

9.  Jenfasizza l-kontribut tal-popolazzjoni agrikola Ewropea fil-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni u jitlob li jkun rikonoxxut l-irwol kruċjali tal-produtturi Ewropej fl-ippreservar tal-veġetazzjoni f'reġjuni milquta minn nixfa persistenti jew mhedda mir-ramel li jinġarr mir-riħ; jenfasizza l-benefiċċji speċifiċi ta' uċuħ tar-raba' permanenti, tal-ġonna tas-siġar tal-frott u tal-għelieqi tad-dwieli, tal-mergħat u tal-foresti għall-ġbir tal-ilma;

10.  Jenfasizza l-importanza tal-kwistjoni tal-ġestjoni tal-ilma f'zoni muntanjużi u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw sens ta' solidarjetà bejn l-utenti fiz-zoni ta' fuq u dawk fiz-zoni t'isfel;

11.  Ifakkar fir-rabta bejn il-bidla fil-klima, l-iskarsezza ta" l-ilma u n-nixfa u l-kura territorjali integrata mmirata lejn il-manteniment u l-preservazzjoni tar-riżorsi lokali ta" l-ilma u hu mħasseb ħafna dwar l-impatt li possibilment ikun hemm fuq is-saħħa pubblika; jitlob li jitqies l-impatt fuq ir-riżorsi ta" l-ilma meta jiġu mfassla l-politiki għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; jitlob li jsir studju fil-fond dwar ir-relazzjoni reċiproka bejn l-iżvilupp tal-bijofjuwils u d-disponibilità tar-riżorsi ta" l-ilma; jitlob, bl-istess mod, li ssir evalwazzjoni speċifika ta" l-installazzjonijiet b'konsum għoli ta" l-ilma; jisħaq fuq il-bżonn li l-kwistjoni ta" l-ilma tkun integrata sistematikament fl-oqsma kollha tal-politiki u li jinħoloq approċċ tassew integrat meta din tkun indirizzata, inklużi l-istrumenti finanzjarji u legali kollha tal-UE; jissottolinja li l-livelli politiċi kollha (nazzjonali, reġjonali u lokali) għandhom ikunu involuti fil-proċess;

12.  Jemmen li għandha tiġi stabbilità rabta bejn l-iskarsezza ta" l-ilma u n-nixfa u l-bidla fil-klima u l-istrateġiji speċifiċi għalihom, filwaqt li wieħed għandu jżomm f'moħħu li t-tħassib fir-rigward ta" l-adattament għall-bidla fil-klima għandu jiġi integrat bħala prijorità fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu li d-deforestazzjoni u l-iżvilupp urban bla rażan qed iwasslu għal żieda fl-iskarsezza ta" l-ilma; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ikkonċernati biex iqisu kwistjonijiet marbuta mal-ilma fl-ippjanar tal-użu tal-art, l-aktar f'dak li jikkonċerna l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi f'baċiri ta' xmajjar sensittivi, inkluż fil-gżejjer u fl-ibgħad reġjuni; jenfasizza li kwalunkwe provvista ta" ilma, independentement mill-iskop tal-konsum tagħha, trid tkun konformi mal-prinċipju ta" tariffi ġusti għall-ilma, u b'hekk tinkoraġġixxi lill-kumpanniji b'mod speċjali sabiex jużaw l-ilma b'mod aktar effiċjenti;

14.  Jenfasizza li r-reviżjoni tal-prijoritajiet tal-baġit tal-Komunità għandha tagħti prijorità aktar għolja lill-miżuri ambjentali u, b'mod partikulari, lill-politiki mfassla biex jikkumbattu l-effetti tal-bidla fil-klima, li jinkludu n-nixfa u l-iskarsezza tal-ilma, waqt li tiżgura li jkunu disponibbli r-riżorsi addizzjonali meħtieġa;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra r-rabta intersettorjali bejn l-impatt soċjali u dak ekonomiku tal-bidla fil-klima fuq l-użu tal-art u l-ispejjeż tal-enerġija assoċjati mal-bidla fil-klima; iħeġġeġ lill-UE sabiex twettaq l-evalwazzjonijiet kollha dwar l-effiċjenza ta" l-ilma billi tuża indikaturi oġġettivi u ekonomiċi;

16.  Jagħraf li l-iskarsezza ta" l-ilma u l-perjodi ta" nixfa għandhom effetti diretti fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; isostni li dan għandu jitqies b'mod adegwat fl-iżvilupp tal-politika ġejjiena tal-koeżjoni, u li l-miżuri kollha baġitarji u l-istrumenti oħra meħtieġa għandhom isiru disponibbli għal dan l-għan;

17.  Jiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika, il-kompetittività u l-opportunitajiet ta" l-iżvilupp ta" reġjun huma ddeterminati mill-kwistjonijiet ambjentali kumplessi msemmija fil-komunikazzjoni hawn fuq;

18.  Jirrikonoxxi l-importanza tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma bħala qafas biex jinkiseb "status tajjeb" għall-ilmijiet Ewropej kollha, biex jiġu promossi l-kooperazzjoni interreġjonali, l-użu sostenibbli tal-ilma u l-ħarsien tar-riżorsi disponibbli tal-ilma filwaqt li jingħata kontribut biex jittaffu l-effetti tal-għargħar u tan-nixfa, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tagħha u biex jiġi żgurat li miżuri dwar l-iskarsezza ta" l-ilma u n-nixfa ma jkollhom ebda effett negattiv fuq l-objettivi għall-kwalità ta" l-ilma;

19.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li tiġi ċċarata d-definizzjoni ta" "nixfa fit-tul" (fil-kuntest tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma) u l-implikazzjonijiet tagħha għall-kisba ta" l-objettivi ambjentali tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma f'perjodi ta" nixfa u wara perjodi bħal dawn; jirrimarka li l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa huma relatati imma differenti, u għalihom għandhom jiġu adottati strateġiji differenzjati;

20.  Jisħaq li hemm rabta mill-qrib bejn in-nixfa, it-telf tal-ħamrija, id-deżertifikazzjoni u n-nirien tal-foresti;

21.  Hu tal-fehma li l-pjan ta" mmaniġġjar tal-baċir tax-xmara skont d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għandu jintegra wkoll l-immaniġġjar tan-nixfa u ta" diżastri idrometeoroloġiċi oħra u jistabbilixxi mmaniġġjar tal-kriżi mfassal għall-bżonnijiet konkreti tal-baċiri tax-xmajjar li jkunu mminaċċati mill-iskarsezza tal-ilma u min-nixfa, inklużi kooperazzjoni transkonfinali, parteċipazzjoni pubblika u sistemi ta" twissija bikrija f'livelli differenti, jiġifieri dak Ewropew, nazzjonali, reġjonali u dak lokali; jenfassizza l-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta" ostakoli għar-rotot naturali tax-xmajjar fi sforz sabiex l-għargħar jonqos, u jħeġġeġ evalwazzjoni ta" l-impatt aktar estensiva fir-rigward ta" l-issiġillar tar-rotot naturali tal-fluss ta" l-ilma;

22.  Jenfasizza l-irwol tal-foresti fiċ-ċiklu ta" l-ilma u l-importanza ta" taħlita bbilanċjata ta" foresti, mergħat u art agrikola għall-immaniġġjar sostenibbli ta" l-ilma; jenfasizza, b'mod partikolari, l-irwol tal-ħamrija b'kontenut organiku għoli u l-adattazzjoni taċ-ċiklu ta" l-uċuħ tar-raba"; iwissi li l-konsum dejjem jiżdied ta" l-art huwa theddida għall-agrikoltura, is-sikurezza ta" l-ikel u l-immaniġġjar sostenibbli ta" l-ilma;

23.  Jirrimarka li d-deżertifikazzjoni hija marbuta mill-qrib ma" l-ekonomija tal-foresti; iħeġġeġ li l-afforestazzjoni tintuża aktar sabiex il-fluss ta" l-ilma fil-wiċċ u taħt l-art jitrażżan u jittaffa u sabiex jonqsu d-degradazzjoni u t-telf tal-ħamrija;

24.  Jirrakkomanda li l-mekkaniżmu Komunitarju għall-protezzjoni ċivili tagħmel provvedimenti għal interventi f'sitwazzjonijiet ta" kriżi li jirriżultaw minn nixfa qawwija;

25.  Jenfasizza l-importanza li terġa" ssir evalwazzjoni tal-kwantitajiet disponibbli ta" l-ilma ta" taħt l-art fl-UE kollha u tar-regoli li jmexxu l-użu tiegħu, bl-għan ewlieni li jiġi żgurat l-użu razzjonali tar-riżorsi ta" l-ilma ta" taħt l-art skont il-ħtieġa tal-pajjiż individwali;

26.  Jinnota li l-Komunikazzjoni ma tindirizzax il-problemi li jinħolqu f'diversi reġjuni minħabba li d-drenaġġ ma jiġix ippurifikat;

27.  Jisħaq li m'għandhiex tintesa l-ħtieġa li jkunu protetti r-riżorsi ta" l-ilma ta" taħt l-art jekk dawn għandhom ikunu inklużi fl-immaniġġjar ġenerali tar-riżorsi ta" l-ilma;

28.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex iqisu l-elementi ewlenin tal-komunikazzjoni dwar l-isfida tan-nuqqas tal-ilma u tan-nixfa fi ħdan setturi politiċi oħra, biex ikunu evitati effetti negattivi fil-qasam tal-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma;

29.  Jisħaq li l-esperjenza dinjija turi li d-devjazzjoni tax-xmajjar twassal għal ħsara irreparabbli fil-kundizzjonijiet ekoloġiċi u idromorfoloġiċi, u tista" tfisser li n-nies ikollhom jitilqu djarhom u li n-negozji jkollhom jirrilokaw, u b'hekk issir ħsara lill-koeżjoni soċjali u ekonomika; jistieden lill-Istati Membri sabiex jevitaw kwalunkwe deterjorazzjoni tal-baċiri tax-xmajjar tagħhom u sabiex jirrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva ta" Qafas dwar l-Ilma, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex l-iffinanzjar ta" l-UE tagħtih biss lil proġetti li jikkonformaw ma' dawk ir-rekwiżiti;

30.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex mingħajr aktar dewmien jadotta deċiżjoni dwar il-proposta ta' Regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (COM(2005)0108), biex titjieb id-definizzjoni tal-kriterji u tas-sitwazzjonijiet eliġibbli, inklużi sitwazzjonijiet ta' nixfa, u b'hekk ikun aktar possibbli li tittieħed azzjoni kontra d-diżastri naturali b'mod aktar effettiv, flessibbli u bil-ħeffa, meta jitqies li l-Parlament diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu fit-18 ta" Mejju 2006(4);

31.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-iffrankar tal-ilma hu l-ewwel prijorità tal-Kummissjoni bħala reazzjoni għall-iskarsezza u l-perjodi ta" nixfa; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-użu tal-Fondi Strutturali ma jaħdimx kontra din il-prijorità, sabiex tinkorpora l-immaniġġjar ta" l-ilma bħala kriterju li l-proġetti jridu jissodisfaw, u sabiex jikseb evidenza ta" l-użu sħiħ mill-awtoritajiet lokali u reġjonali ta" l-iffrankar ta" l-ilma u tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tad-Direttiva ta" Qafas dwar l-Ilma, qabel ma jingħataw finanzjament mill-Fondi Strutturali;

32.  Iqis li fejn mogħdija tal-ilma tgħaddi minn iktar minn Stat Membru wieħed, hu meħtieġ li tiddaħħal il-kooperazzjoni interreġjonali u transnazzjonali għall-ġestjoni integrata tal-mogħdijiet tal-ilma, b'mod partikolari b'rabta mal-agrikoltura;

33.  Ifakkar li kważi 20% ta" l-ilma fl-UE qed jintilef minħabba l-ineffiċjenza ta" l-ilma u jisħaq fuq il-bżonn għal investimenti maġġuri sabiex jittejbu l-progress tekniku fis-setturi ekonomiċi kollha (b'attenzjoni speċjali fuq l-iżjed użi intensivi ta" l-ilma u s-setturi fejn il-potenzjal ta" l-iffrankar ta" l-ilma huwa l-iżjed sinifikanti); jinnota li l-immaniġġjar ħażin tal-ilma hija problema li taffettwa l-iskarsezza ta" l-ilma, u li jista" jkollu iżjed impatti negattivi fiż-żminijiet tan-nixfa għad li ma jikkawżahiex, għax in-nixfa hija fenomenu naturali;

34.  Jipproponi lill-Kummissjoni – peress li l-problema ta" l-iskarsezza ta" l-ilma u tal-perjodi ta" nixfa hija marbuta mill-qrib mal-kwistjonijiet kumplessi ta" l-użu ħali ta" l-ilma – li l-kriterju tal-użu ekonomiku tal-ilma għandu jiġi inkorporat mas-sistema ta' kundizzjonijiet għall-għotja ta' sussidji minn-fondi tal-UE;

35.  Iħeġġeġ lill-UE biex tappoġġja t-teknoloġija, l-iskambji tal-aħjar prattiki u l-innovazzjoni li jużaw inqas ilma u enerġija u li jkunu mmirati biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni - waqt li jżomm f'moħħu li t-telf ikkawżat mill-provvista tan-netwerk tat-tnixxijiet ta" l-ilma pubbliku f'ċentri urbani jista" jaqbeż il-50% - biex tikkunsidra l-possibilità li tippromwovi netwerk ta' bliet biex jinkoraġġixxu l-użu sostenibbli tal-ilma bil-għan li jiskambjaw prattiki tajbin bħall-użu mill-ġdid, l-iffrankar u l-effiċjenza mtejba fl-ilma u biex jaħdmu flimkien f'proġetti pilota ta' dimostrazzjoni; jistieden, bl-istess mod, lill-awtoritajiet lokali biex itejbu n-netwerks tal-provvista għad-distribuzzjoni ta" l-ilma li m'għadhomx jintużaw;

37.  Jisħaq li 40% ta" l-ilma użut fl-UE jista" ma jinħeliex; jitlob li jittieħdu miżuri u inċentivi finanzjarji konkreti biex ikun promoss użu iktar effiċjenti u sostenibbli tal-ilma; jistieden, bl-istess mod, li jkun hemm installazzjoni estensiva ta' tagħmir ta" kejl li jkejjel il-konsum ta" l-ilma sabiex jitħeġġeġ l-iffrankar, l-użu mill-ġdid u l-użu effiċjenti u razzjonali ta" l-ilma; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri l-iżjed milquta biex jużaw parti mill-fondi strutturali tagħhom għal proġetti li jtejbu l-użu tal-ilma u l-iffrankar tal-ilma; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-baċir tax-xmara biex jagħmlu analiżi ta" l-ispiża f'relazzjoni mal-benefiċċju għal miżuri ta" mmaniġġjar alternattiv ta" l-ilma fis-setturi kollha;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi missielet l-ħela ta" l-ilma u li jiġu bbilanċjati l-użi ta" l-ilma, b'mod partikulari permezz tal-użu mill-ġdid, filwaqt li jżomm f'moħħu l-valuri diversi li għandu: bijoloġiċi, soċjali, ambjentali, simboliċi, kulturali u f'termini tal-pajsaġġi u t-turiżmu;

39.  Ifakkar li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jistipula li "L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-prinċipju ta' rkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma (...) bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas" u għandhom jiżguraw li, sas-sena 2010, "l-politika tal-apprezzament tal-ilma tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw ir-riżorsi tal-ilma effiċjentement (...) [u] kontribut adegwat għall-użi differenti tal-ilma (...) għall-irkupru tal-ispiża tas-servizzi tal-ilma";

40.  Iqis li, filwaqt li l-politiki ta" l-immaniġġjar ta" l-ilma għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta" min iniġġes iħallas, dawn għandhom ikunu akkumpanjati wkoll b'miżuri li jwaqqfu t-telf sinifikanti li jirriżulta minn apparat difettuż u minn sistemi agrarji u wċuħ tar-raba" mhux adegwati;

41.  Jisħaq li jista' jinkiseb ħafna progress lejn użu iktar effiċjenti ta" l-ilma fis-settur agrikolu f'xi pajjiżi; jispera li l-kontroll tas-saħħa tal-Politika Agrikola Komuni se jikkkunsidra din il-problema u se jipproponi azzjonijiet konkreti li jippromwovu użu iktar sostenibbli ta" l-ilma permezz ta" inċentivi biex jiġu mobilizzati l-aħjar prattiki u teknoloġiji disponibbli, b'mod partikolari l-appoġġ għall-iżvilupp rurali, permezz tal-konformità reċiproka, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta" min iniġġes iħallas u tal-prinċipju ta" min juża jħallas, u l-Programmi għall-Iżvilupp Rurali; iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja miżuri biex jittejjeb l-immaniġjar tal-ilma fl-agrikoltura, billi tippromwovi l-immodernizzar tas-sistemi tal-irrigazzjoni ħalli jitnaqqas il-konsum tal-ilma u billi ssaħħaħ ir-riċerka f'dan il-qasam;

42.  Jenfasizza l-irwol li għandhom il-programmi ambjentali fil-qafas tat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni fl-istabbiliment ta' inċentivi għall-prattiki agrikoli li jħarsu s-sostenibilità u l-purezza tar-riżorsi tal-ilma;

43.  Jenfasizza l-fatt li l-produzzjoni tal-bijofjuwil se żżid it-talba għal kwantitajiet kbar ta" ilma, u jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir sorveljanza mill-qrib fuq l-impatt ta" l-użu tal-bijofjuwils u li ssir reviżjoni regolari tal-politiki ta" l-Unjoni Ewropea u nazzjonali dwar il-bijofjuwils;

44.  Josserva li l-utenti ewlenin ta" l-ilma (bħall-impjanti ta" l-enerġija) ma jikkonsmawx l-ilma iżda jirillaxaw l-ilma fiċ-ċiklu ta" l-ilma wara li jkunu użawh fil-proċessi tagħhom; jenfasizza li meta jagħmlu dan ikollhom effett qawwi fuq id-disponibilità tal-ilma tal-wiċċ, fuq is-sistemi ekoloġiċi u fuq is-saħħa pubblika minħabba li jżidu t-temperatura ta" l-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu dawn l-effetti;

45.  Ifakkar li l-konsumaturi għandhom rwol maġġuri jekk irridu niksbu użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma fl-UE, u għalhekk jitlob lill-UE biex tnedi kampanja pubblika ta" informazzjoni u ta" edukazzjoni biex tqajjem iktar il-kuxjenza tan-nies dwar il-kwistjoni ta" l-ilma u tħeġġiġhom biex jieħdu azzjonijiet konkreti;

46.  Jirrimarka lill-Kummissjoni li bit-tfassil ta" politika effiċjenti tal-prezzijiet tal-ilma li turi l-valur reali ta" l-ilma, din tista" tinkoraġixxi lill-konsumaturi biex ikunu aktar ekonomiċi fl-użu tagħhom ta" l-ilma;

47.  Jenfasizza l-irwol ewlieni ta" l-awtoritajiet reġjonali u lokali u ta" l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kampanji tat-tqajjim ta" kuxjenza u fl-organizzazzjoni ta" attivitajiet edukattivi;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lir-reġjuni u l-bliet ta" l-Istati Membri sabiex iħeġġu l-iżvilupp ta" kultura ta" ffrankar ta" l-ilma fl-UE billi jippromwovu l-ġbir tal-ilma tax-xita u billi jnedu kampanji sabiex iqajmu l-kuxjenza pubblika dwar l-iffrankar tal-ilma, pereżempju permezz ta' programmi edukattivi xierqa; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ l-iskambju tal-prattiki tajba fost ir-reġjuni, il-bliet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jiffukaw fuq miżuri għall-iffrankar ta" l-ilma (inkluża l-purifikazzjoni ta" l-ilma tax-xita u tad-drenaġġ), għat-titjib fl-effiċjenza ta" l-ilma u għall-immaniġġjar tar-riskju ta" perjodi ta" nixfa;

49.  Iqis li hu meħtieġ li jkunu promossi kampanji ta' informazzjoni, kuxjenza u taħriġ għall-produtturi sabiex jingħata kontribut attiv għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma;

50.  Hu tal-fehma li sistema ta" ttikkettar għall-konsum ta" l-ilma tal-prodotti, li diġà teżisti għall-effiċjenza enerġetika, tkun għodda adegwata biex jinkiseb konsum ta" l-ima li jkun iżjed sostenibbli, iżda jisħaq li;

   a) sistema bħal din għandha tkun volontarja, u
   b) għandhom jitqiesu t-tikketti u l-iskemi ta" ttikkettar eżistenti biex jiġi evitat li l-konsumaturi jitħawdu minħabba volumi kbar ta" informazzjoni;

51.  Iħeġġeġ biex il-kriterji tar-rendiment ta" l-ilma għandhom, fejn ikun possibbli, isiru parti mill-istandards tal-kostruzzjoni tal-bini;

52.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha biex jiżviluppaw skema volontarja għat-tikkettar ta" mmaniġġjar sostenibbli ta" l-ilma u biex ifasslu programmi volontarji ta" ffrankar ta" l-ilma fid-diversi setturi ekonomiċi (pereżempju l-agrikoltura, it-turiżmu, il-manifattura);

53.  Huwa tal-fehma li l-ilma jrid jibqa' meqjus bħala wieħed mill-beni pubbliċi u bħala element fundamentali tas-sovranità ta' pajjiż li għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd bi prezzijiet 'soċjali u ambjentali' ġusti, b'kunsiderazzjoni partikulari tas-sitwazzjoni speċifika ta' kull pajjiż u tad-diversi sistemi agrikoli li jeżistu, kif ukoll għall-irwol soċjali tal-agrikoltura;

54.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li fl-2009 tiffinanzja proġett pilota maħsub biex ikopri r-riċerka, is-sorveljanza u l-immoniterjar għall-iżvilupp ta" attivitajiet ta" prevenzjoni biex titwaqqaf id-deżertifikazzjoni u l-formazzjoni 'steppe' fl-Ewropa biex b'hekk ikunu evitati l-erożjoni, id-deflazzjoni, it-telf agrikolu u tal-bijodiversità, jiżdiedu l-ħarsien u l-fertilità tal-ħamrija u l-kapaċità tal-ħamrija li żżomm l-ilma kif ukoll l-abilità tagħha li trażżan il-faħam; jerġa" jtenni l-importanza li tiġi stabbilita data affidabbli u trasparenti sabiex il-politika tkun tista" tkun tabilħaqq effettiva;

55.  Jilqa" t-twaqqif ta" l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa u tas-sistemi ta" twissija bikrija; jenfasizza l-importanza ta" diskussjoni estensiva dwar l-objettivi bażiċi, il-baġit u l-organizzazzjoni tagħhom;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-bidu ta" l-operat ta" l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u jenfasizza li dan għandu jaħdem sabiex jikkomplementa d-data nazzjonali b'tagħrif reġjonali u lokali standard dwar ix-xita u l-konsum skont l-istaġuni u skont is-setturi sabiex jissaħħaħ it-teħid ta" deċiżjonijiet sod u strateġiku;

57.  Jenfasizza l-importanza ta' ħamrija li jkun fiha ħafna materjal organiku, sistema adattata ta' rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba' u taħlita bbilanċjata ta' foresti, mergħat u art tar-raba' għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma; iwissi li l-konsum dejjem akbar tal-art jikkostitwixxi theddida għall-agrikoltura, għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jerġgħu jkabbru msaġar f'zoni affettwati minn nixfiet ċikliċi u nirien fuq bażi ta' rispett għall-bijoklima u l-karatteristiċi ekoloġiċi tagħhom, u jittama li r-riabilitazzjoni tal-pajsaġġ rurali u urban tkun ittrattata bħala kwistjoni ta' importanza partikolari, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-karatteristiċi lokali speċifiċi;

59.  Huwa tal-fehma li l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet ċikliċi aċċentwaw il-flaġell tan-nirien u tal-gravità tagħhom, żiedu l-fraġilità u r-riskju tal-qirda ta' ħafna speċi li huma karatteristiċi tal-foresti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, li għalihom il-foresti jirrappreżentaw, f'ħafna każi, ir-riżors naturali ewlieni;

60.  Jenfasizza li l-ippjanar għall-mudell agrikolu Ewropew għandu jqis il-perikli ambjentali l-aktar frekwenti u gravi kif ukoll l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa u li, f'dak il-kuntest, mekkaniżmu effettiv tal-immaniġġjar ta' kriżijiet għandu jikkostitwixxi element fundamentali tal-Politika Agrikola Komuni;

61.  Huwa tal-fehma li l-valur ambjentali tal-foresti u l-produzzjoni agrikola jrid ikun evalwat mill-ġdid f'kuntest tal-bidla fil-klima fejn huwa assolutament vitali li jkun hemm bilanċ bejn iż-żieda fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u ż-żieda fil-kopertura forestali li l-kontribut tagħha bħala ħażna ta' karbonju jrid jitqies fil-politiki kollha dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra;

62.  Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tibqa' tenfasizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa f'livell internazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Diżertifikazzjoni u l-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima;

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernjijet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1
(2) ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 430.
(3) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p.363.
(4) OJ C 297 E, 7.12.2006, p.331.

Avviż legali - Politika tal-privatezza