Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-Governanza tal-Artiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra s-Sena Polari Internazzjonali (Marzu 2007 - Marzu 2009),
– wara li kkunsidra t-Tmien Konferenza tal-Membri Parlamentari tal-Artiku li saret f'Fairbanks, fl-Alaska mit-12 sal-14 ta' Awwissu 2008,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-Artiku li hi mistennija fil-ħarifa tal-2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana tas-16 ta' Jannar 2003(1), tas-17 ta' Novembru 2003(2), tas-16 ta' Novembru 2005(3) u tas-16 ta' Novembru 2006(4),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-rapport dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt fuq il-Klima tal-Artiku,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissjoni ippubblikat Komunikazzjoni fl-10 ta' Ottubru 2007 bl-isem "Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea" (il-Blue Book) (COM(2007)0575),
B. billi fl-14 ta' Marzu 2008 ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni ippreżentaw dokument ta' politika lill-Kunsill Ewropew, bl-isem "Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali",
C. billi l-importanza ġeopolitika u strateġika tar-reġjun tal-Artiku qiegħda tikber, kif ġie ssimbolizzat bit-tqegħid ta' bandiera Russa f'qiegħ il-baħar 'l isfel mill-Pol tat-Tramuntana f'Awwissu 2007,
D. billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Marittima (UNCLOS) għadha ma ġietx ratifikata mis-Senat tal-Istati Uniti u li ma kinitx mfassla b'kunsiderazzjoni speċifika għaċ-ċirkostanzi kurrenti tal-bidla fil-klima u l-konsegwenzi uniċi tas-silġ li qed idub fl-ibħra tal-Artiku,
E. billi l-konferenza reċenti tal-membri parlamentari tal-Artiku ġabet flimkien rappreżentanti eletti mill-Parlament Ewropew, il-Kanada, id-Danimarka, Greenland, l-Iżlanda, il-Finlandja, in-Norveġja, l-Iżvezja, ir-Russja u l-Istati Uniti sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet ta' sikurezza marittima, kura tas-saħħa, ħarsien ambjentali u żvilupp sostenibbli,
F. billi r-reġjun tal-Artiku attwalment mhuwiex irregolat minn normi jew regolamenti multilaterali, mfassla b'mod speċifiku, peress li qatt ma kien mistenni li jsir mogħdija ta' ilma navigabbli jew zona ta' esplojtazzjoni kummerċjali,
G. billi t-traffiku marittimu fl-ilmijiet tal-Artiku kiber sewwa f'dawn l-aħħar snin minħabba li żdied l-interess fit-tħaffir 'il barra mill-kosta u minħabba li qegħdin jgħaddu aktar sikwit il-vapuri tal-cruises, kif ukoll minħabba l-prospetti li joffri l-Passaġġ tal-Majjistral,
H. billi r-reġjun tal-Artiku jista' jkun li fih madwar 20% tar-riżervi taż-żejt u l-gass li għadhom ma ġewx skoperti fid-dinja,
I. billi d-Dikjarazzjoni ta' Ilulissat ġiet adottata mill-"pajjiżi A5" (id-Danimarka, il-Kanada, in-Norveġja, ir-Russja u l-Istati Uniti) f'Mejju 2008,
J. bili l-Kummissjoni pparteċipat b'mod sħiħ fil-konferenza dwar 'L-Artiku: il-Preokkupazzjoni Komuni Tagħna', organizzata mill-Kunsill Nordiku tal-Ministri f'Ilulissat (Greenland) fid-9 u fl-10 ta' Settembru 2008, u billi l-Parlament kkunsidra l-konklużjonijiet taċ-Chairperson fir-rigward tal-konferenza,
K. billi l-konferenza msemmija hawn fuq iffukat ukoll fuq il-bidla fil-klima fir-reġjun, l-effetti tagħha fuq il-popolazzjonijiet indiġeni u l-possibilità li wieħed jadatta għaliha,
L. billi r-rata tat-tisħin globali fir-reġjun tal-Artiku hija ħafna ogħla mill-bqija tad-dinja, b'żieda ta' 2° C fl-aħħar mitt sena meta mqabbla mal-medja ta' 0,6% fil-bqija tad-dinja,
M. billi l-bidliet fil-kundizzjonijiet klimatiċi fiz-zona tal-Artiku huma diġà tali li l-poplu Inuit pereżempju m'għadux jista' jikkaċċja fil-manjiera tradizzjonali, peress li s-silġ huwa rqiq wisq biex jiflaħ is-slitti tagħhom, filwaqt li annimali selvaġġi bħall-ors polari, il-walrus u l-volpi huma fil-periklu li jaraw il-parti l-kbira tal-ambjent naturali tagħhom jgħosfor,
N. billi l-UE għandha fost l-Istati Membri tagħha tliet pajjiżi Artiċi, u żewġ pajjiżi Artiċi oħra fost il-ġirien l-iktar qrib tagħha li jipparteċipaw fis-suq intern permezz tal-Ftehima taz-Zona Ekonomika Ewropea, li jfisser li l-UE u l-istati assoċjati tagħha flimkien jgħoddu aktar minn nofs is-sħubija numerika tal-Kunsill tal-Artiku,
1. Huwa mħasseb ħafna dwar l-effetti tal-bidla fil-klima fuq sostenibilità tal-ħajjiet tal-popli indiġeni fir-reġjun kemm f'termini tal-ambjent ġenerali (il-kappa tas-silġ u l-permafrost li qegħdin jinħallu, il-livelli tal-baħar li qegħdin jogħlew u l-għargħar) kif ukoll tal-ambjent naturali (il-kappa tas-silġ li qiegħda tiċkien qiegħda toħloq problemi għad-drawwiet alimentarit tal-ors polari) u jenfasizza li kwalunkwe deċiżjoni internazzjonali marbuta ma' dawn il-kwistjonijiet trid kemm tinvolvi kif ukoll tikkunsidra kompletament lill-popli u n-nazzjonijiet kollha tal-Artiku;
2. Ifakkar li fis-seklu għoxrin, it-temperaturi tal-arja fl-Artiku għolew bejn wieħed u ieħor b'5°C u li din iż-żieda hija għaxar darbiet aktar mgħaġġla mill-medja globali tat-temperatura osservata f'wiċċ il-baħar; jenfasizza li huwa mbassar tisħin ieħor ta' madwar 4-7° C fl-Artiku matul il-mitt sena li ġejjin; jemmen, għalhekk, li ż-żmien għad-dijanjosi għadda u li issa wasal iż-żmien għall-azzjoni;
3. Jenfasizza li l-ispeċijiet u s-soċjetajiet tal-Artiku żviluppaw metodi ta' adattament tassew speċjalizzati għall-kundizzjonijiet ħorox li hemm fil-poli, u b'hekk saru vulnerabbli għall-aħħar għat-tibdil drammatiku li sar f'dawn il-kundizzjonijiet; jinsab imħasseb ħafna għall-walrus, l-ors polari, il-foka u mammali oħra tal-baħar li jiddependu mis-silġ fuq il-baħar biex jistrieħu, jieklu, jikkaċċjaw u jitgħammru u li jinsabu mhedda b'mod partikulari mill-bidla fil-klima;
4. Jilqa' d-dikjarazzjoni ta' għeluq tal-konferenza adottata mill-Konferenza tal-Membri Parlamentari tal-Artiku f'Fairbanks fl-14 ta' Awwissu, 2008;
5. Jilqa' l-fatt li t-Tramuntana Estrema saret parti mil-linja politika "Id-Dimensjoni tat-Tramuntana" tal-UE, iżda hu konvint li l-għarfien dwar l-importanza tal-Artiku f'kuntest globali jeħtieġ li jikber aktar billi jkun hemm politika indipendenti tal-UE għall-Artiku;
6. Jisħaq fuq is-sinifikat tal-Artiku għall-klima globali f'dan ir-rigward u jittama li l-appoġġ preżenti għall-attivitajiet ta' riċerka f'dak ir-reġjun ikompli wkoll wara li tispiċċa s-Sena Polari Internazzjonali;
7. Jistenna b'interess kbir il-Komunikazzjoni li se toħroġ il-Kummissjoni dwar il-politika għall-Artiku u jittama li tistabbilixxi l-pedament għal politika għall-Artiku sinifikanti fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza, għall-inqas, dawn il-kwistjonijiet fil-Komunikazzjoni tagħha:
a)
l-istat attwali tal-bidla fil-klima u l-adattament għaliha fir-reġjun;
b)
l-għażliet tal-politika li jirrispettaw il-popolazzjonijiet indiġeni u l-għajxien tagħhom;
c)
il-bżonn li jkun hemm koperazzjoni mal-ġirien tagħna tal-Artiku fuq kwistjonijiet transkonfinali u b'mod partikulari fuq is-sikurezza marittima; u
d)
l-esplorazzjoni tal-għażliet għal struttura politika jew legali transkonfinali għall-ġejjieni, li tkun tista' sservi għall-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli u ordnat tar-reġjun, jew li tkun tista' sservi ta' intermedjarju fil-konfront politiku fir-rigward tar-riżorsi u r-rotot marittimi navigabbli fit-Tramuntana Estrema;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-politika tal-enerġija u s-sigurtà fir-reġjun Artiku fuq l-aġenda tagħha u biex tipproponi, b'mod partikulari, fil-komunikazzjoni mistennija tagħha dwar ir-reġjun, suġġetti u proċeduri għal ħidma konġunta xierqa għall-UE u l-pajjiżi tal-Artiku, fl-oqsma tal-bidla fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u s-sikurezza marittima;
9. Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li r-reġjun tal-Artiku, minħabba l-impatt tiegħu fuq il-klima tad-dinja u l-ambjent naturali uniku tiegħu, jistħoqqlu kunsiderazzjoni speċjali hekk kif l-UE tiżviluppa l-pożizzjoni tagħha għall-Konferenza tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima tas-COP 15 li għandha ssir f'Kopenħagen fl-2009;
10. Huwa tal-fehma li t-traffiku marittimu fir-reġjun (dak turistiku u dak relatat mat-tħaffir għaż-żejt fil-baħar) ma jgawdi xejn mit-tip ta' regoli minimi internazzjonali tas-sikurezza li jeżistu f'ilmijiet internazzjonali oħrajn - f'termini ta' ħarsien tal-ħajja tal-bniedem jew tal-ambjent u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, malajr kemm jista' jkun, isiru emendi xierqa għar-regolamenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO);
11. Jenfasizza l-aspetti esterni tal-politika tal-enerġija u l-irwol tal-Artiku fit-tiswir tal-Politika tal-Enerġija tal-Ewropa, kif propost mill-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007;
12. Jappoġġja l-Kunsill Artiku biex ir-reġjun tal-Artiku jinżamm bħala reġjun ta' tensjoni baxxa, miftuħ għall-koperazzjoni internazzjonali fir-riċerka, sabiex il-potenzjal tiegħu bħala reġjun fornitur tal-enerġija għall-ġejjieni jkun jista' jiġi żviluppat f'qafas ambjentali sostenibbli;
13. Għadu mħasseb dwar it-tellieqa li dejjem għaddejja għar-riżorsi naturali fl-Artiku, li tista' twassal għal theddid ta' sigurtà għall-UE u instabilità internazzjonali ġenerali;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu sehem proattiv fl-Artiku billi, għall-inqas bħala l-ewwel pass, tikseb "status ta' osservatur" fil-Kunsill tal-Artiku, u jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi uffiċċju ddedikat għall-Artiku;
15. Jissuġerixxi li l-Kummissjoni għandha tħejji l-ftuħ ta' negozjati internazzjonali intenzjonati biex iwasslu għall-adozzjoni ta' trattat internazzjonali għall-protezzjoni tal-Artiku, li jkollu bħala l-ispirazzjoni tiegħu lit-Trattat tal-Antartiku, kif supplimentat mill-Protokoll ta' Madrid iffirmat fl-1991, imma li jirrispetta d-differenza fundamentali rrapreżentata min-natura popolata tal-Artiku u mid-drittijiet u bżonnijiet konsegwenti tal-popli u n-nazzjonijiet tar-reġjun tal-Artiku; jemmen, madankollu, li, bħala punt ta' tluq minimu, trattat ta' dan it-tip jista' tal-anqas ikopri z-zona mhux popolata u mhux klejmjata fiċ-ċentru tal-Oeanu Artiku;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lin-Norveġja, lil Iżlanda, lir-Russja, lill-Kanada u lill-Istati Uniti u lil dawk li jipparteċipaw fil-koperazzjoni reġjonali.