Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq (2008/2062(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom mill-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/15/KE tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (COM(2007)0266),
- wara li kkunsidra t-23 rapport tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2007 dwar l-implimentazzjoni fl-2003-2004 tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 dwar l-armonizzazzjoni ta" ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (COM(2007)0622),
- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 tal-20 ta' Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq(1),
- wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq(2),
- wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-15 ta" Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali relatata bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85(3),
- wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta" Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali relatata ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE(4),
- wara li kkunsidra s-sentenza tal-24 ta" Settembru 2004 fil-Kawżi Konġunti C-184/02 u C-223/02 ir-Renju Spanjol u r-Repubblika tal-Finlandja vs il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea(5), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li xufiera li jaħdmu għal rashom ma jistgħux jiġu esklużi b'mod permanenti mill-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE,
-wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Inżommu "l-Ewropa miexja: Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna:‐ Reviżjoni ta' nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport ta' l-2001 tal-Kummissjoni Ewropea(6),
-wara li kkunsidra l-ittri tal-21 ta" Ġunju 2007 u d-29 ta" Ġunju 2007 mibgħuta mill-President tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali lill-Kummissarju Vladimir Spidla u lill-Viċi-President Jacques Barrot, u r-risposta tal-Viċi-President Barrot tat-3 ta" Ottubru 2007,
-wara li kkunsidra r-rapport tal-Fundazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet ta" l-Għixien u tax-Xogħol li jisimha "L-Impatt tad-direttiva dwar il-ħin tax-xogħol fuq il-ftehim kolletiv fil-qasam tat-trasport. "(7),
-wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
-wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0357/2008),
A. billi uħud mill-Istati Membri m'għaddewx informazzjoni obbligatorja fil-ħin dwar l-attivitajiet ta' kontroll u l-implimentazzjoni, skond ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85, bejn l-2003 u l-2004, bir-riżultat li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament tul il-perjodu msemmi (COM(2007)0622)) ġie ppreżentat sitt xhur tard,
B. billi l-medja ta' l-ammont ta' kontravenzjonijiet li ġew innutati baqgħet stabbli, għalkemm in-numru totali ta' kontravenzjonijiet rrapportati f'xi Stati Membri tela' kunsiderevolment, b'żieda fil-ksur ta' regoli dwar il-waqfien u l-perjodi ta' mistrieħ filwaqt li l-ksur tar-regoli dwar il-tul tas-sewqan naqas,
C. billi r-rapport bjennali li jmiss għandu jinkludi, għall-ewwel darba, informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE,
D. billi hu ta" interess ġenerali li r-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol, il-ħinijiet tas-sewqan u l-mistrieħ kemm għas-sewwieqa mobbli kif ukoll għal dawk li jaħdmu għal rashom jiġu applikati b'mod korrett,
E. billi l-għan tad-Direttiva 2002/15/KE hu li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol sabiex titjieb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza ta' persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq u biex titjieb is-sikurezza tat-triq u biex il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jiġu konformi ma xulxin,
F. billi d-Direttiva 2002/15/KE daħlet fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 2002 u l-Istati Membri kellhom 3 snin li spiċċaw fit-23 ta' Marzu 2005 biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha, u li, minkejja dan, il-biċċa l-kbira ta" l-Istati Membri ma rnexxilhomx jittrasponu d-Direttiva matul dan il-perjodu ta" tranżizzjoni ta" tliet snin,
G. billi sentejn wara l-perjodu ta" tranżizzjoni previst għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE għad baqa" xi Stati Membri li għadhom ma ttrasponewx id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva,
H. billi dawk li jaħdmu għal rashom huma esklużi mill-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE ta'lanqas sat-23 ta" Marzu 2009,
I. billi r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi ta" l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mil-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE jitkellem kemm dwar il-vantaġġi kif ukoll dwar l-iżvantaġġi ta" l-inklużjoni jew l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, iżda ma jasalx għal konklużjonijiet definittivi,
J. billi l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, irrimarka dwar l-importanza li tiġi ttrattata l-prattika ħażina li l-industrija tħaddan fl-ikklassifikar falz ta" impjegati bħala sewwieqa li jaħdmu għal rashom,
K. billi jenħtieġ li jitneħħew id-differenzi bejn l-Istati Membri u li jingħata kontribut sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-settur tat-trasport bit-triq li tkun tinkludi lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom,
L. billi hu importanti li jkun hemm koerenza mal-kamp ta" applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 dwar it-tul tal-ħin ta" sewqan u ż-żmien tal-mistrieħ, bla distinzjoni bejn is-sewwieqa,
M. billi l-illimitar tal-ħinijiet tax-xogħol għas-settur tat-trasport bit-triq ikun ħafna aktar effettiv fil-konfront tas-sikurezza tat-triq jekk ikun jinkludi lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom,
N. billi l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom ma tnaqqasx il-kapaċità jew il-ħtieġa li dawn jagħmlu xogħol amministrattiv jew ta' ġestjoni ta' l-impriża, minħabba li l-ħinijiet tax-xogħol affettwati permezz tad-Direttiva 2002/15/KE huma dawk relatati b'mod dirett mat-trasport bit-triq,
O. billi l-parteċipanti soċjali li jirrappreżentaw lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew jaqblu dwar l-inklużjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, sabiex b'hekk jiżguraw trattament indaqs għall-ħaddiema kollha tas-settur, jevitaw distorzjoni tal-kompetizzjoni u jippromwovu l-aħjar kundizzjonijiet ta" xogħol,
P. billi l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea stabbiliet li l-Artikolu 71 tat-Trattat KE hu bażi legali adegwata u suffiċjenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom, preċiżment għax jikkontribwixxi għall-objettivi tas-sikurezza tat-toroq u għall- konformità fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni,
Q. billi l-Komunikazzjoni u r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi tal-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE msemmija hawn fuq jirriflettu t-tħassib kontinwu dwar id-dewmien fit-traspożizzjoni u fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE f'xi Stati Membri, kif ukoll liġijiet soċjali oħra fil-qasam tat-trasport bit-triq.
R. billi anke jekk hemm xi Stati Membri li għadhom m'għamlux traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, ir-rapporti bijennali ta" implimentazzjoni għandhom jiġu ppreżentati skond l-iskeda stipulata fid-Direttiva,
1. Jesprimi dispjaċir li għad hemm differenzi kunsiderevoli kontinwi fl-applikazzjoni u l-infurzar tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85; jinnota li l-Istati Membri għandhom iqawwu l-isforzi tagħhom sabiex jiggarantixxu implimentazzjoni effiċjenti u uniformi tad-dispożizzjonijiet soċjali mtejba;
2. Jinsab mħasseb dwar l-insuffiċjenzi u d-dewmien fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE f'xi Stati Membri; jenħtieġ kjarifika ċara u kumment mingħand dawn l-Istati Membri dwar ir-raġunijiet tan-nuqqas ta" implimentazzjoni, flimkien ma" indikazzjoni ta" x'ostakoli jista" jkun għad fadal;
3. Jirrimarka li d-Direttiva 2002/15/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi u t-traspożizzjoni tagħha m'għandhiex twassal għal livelli aktar baxxi ta" protezzjoni tal-ħaddiema jew għal anqas konformità b'kundizzjonijiet aktar favorevoli f'ċerti Stati Membri li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni ġenerali ta" impjieg jew ftehimiet kollettivi,
4. Jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu l-proċess ta" traspożizzjoni u biex ikunu l-aktar diliġenti possibbli fl-implimentazjzoni tar-regolamenti soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq, biex ikopru b'mod korrett l-interess ġenerali tas-sikurezza tat-toroq u s-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa, filwaqt li jipprovdu qafas ċar ta' kompetizzjoni ġusta;
5. Jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji r-rapporti ta" implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE kull sentejn kif stipulat, minkejja li għad hemm Stati Membri li għad iridu jittrasponu d-dispożizzjnoijiet tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom;
6. Jinsab imħasseb dwar il-medja konstantament għolja ta' ksur, b'mod partikolari fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri, u jistenna mill-Istati Membri li jtejbu l-infurzar tad-dispożizzjonijiet legali;jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu inizjattivi konġunti sabiex jinkoraġġixxu skambju ta' informazzjoni u ta" staff, flimkien ma' kontrolli kkordinati;
7. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkun soda ma' l-Istati Membri f'każijiet ta" ksur tal-liġi Ewropea f'dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet soċjali tal-qasam tat-trasport bit-triq, sabiex tipprovdi għal miżuri li jġiegħlu lil wieħed jikkonforma f'każ ta" nuqqas ta" konformità mad-dispożizzjonijiet u biex tieħu miżuri preventivi jekk ikun xieraq, bil-mezzi legali, biex tiżgura konformità rigoruża mal-leġiżlazzjoni komunitarja;
8. Jistieden lill-Kummissjoni, skond il-proċedura ta" komitoloġija stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 561/2006, biex tipproponi linjigwida għal definizzjoni u klassifikazzjoni uniformi ta' infrazzjonijiet sa Ottubru 2008;
9. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-prijorità li tixtraq lid-dimensjoni soċjali tas-sikurezza tat-toroq u tas-saħħa u s-sikurezza tax-xufiera u ta" utenti oħra tat-toroq b'rabta mal-konsiderazzjonijiet l-oħra kollha, hi u tipprepara l-impatt uffiċjali tagħha bil-għan li jkun hemm proposta leġiżlattiva li tbiddel id-Direttiva 2002/15/KE kif mitlub mill-Artikolu 2(1) tagħha;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tfassal l-evalwazzjoni tal-impatt imsemmija hawn fuq, tqis id-diffikulta tal-kundizzjonijiet tax-xoghol li jesperjenzaw ix-xufiera tat-trakkijiet li jivjaġġaw madwar l-Ewropa u li jinħolqu minħabba aċċess mhux xieraq għal zoni ta' mistrieħ minkejja l-fatt li l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jirrikonoxxi speċifikament l-importanza ta" numru xieraq ta" zoni ta" mistrieħ sikuri għax-xufiera professjonali matul in-netwerk tat-toroq Ewropej, jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex issegwi l-proġett pilota għal zoni ta" pparkjar li jkunu sikuri mniedi mill-Parlament Ewropew, li jqis il-miżuri rrakkomandati fl-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Il-Politika Ewropea għas-Sikurezza fit-Toroq u Xufiera Professjonali – zoni ta" pparkjar li jkunu sikuri"(8);
11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fit-tfassil uffiċjali tal-evalwazzjoni tal-impatt imsemmija hawn fuq, tqis b'mod sħiħ il-pożizzjoni u l-argumenti tal-Parlament biex is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom jiġu inklużi b'mod sħiħ fil-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE;
12. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fit-tfassil uffiċjali tal-evalwazzjoni tal-impatt imsemmija hawn fuq tqis l-opinjoni ġenerali fis-settur tat-trasport dwar l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, u jqis il-fatt li jkun diffiċli li ssir distinzjoni legali, u li jiġu segwiti l-każijiet ta", sewwieqa li "taparsi" jaħdmu għal rashom, biex ma nsemmux id-diffikultajiet prattiċi u burokratiċi biex jiġi żgurat li dawk il-figuri ma jintużawx minn ħafna bħala mezz ta' evażjoni mir-restrizzjonijiet tal-ħinijiet tax-xogħol;
13. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta l-inizjattivi relevanti kmieni biżżejjed biex fit-23 ta" Marzu 2009, id-Direttiva 2002/15/KE kollha tkun tista" tidħol fis-seħħ bl-elementi kollha tagħha, u biex il-kamp ta" applikazzjoni tagħha jiġi estiż biex jinkludi lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom;
14. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-evalwazzjonijiet tal-impatt jitlestew b'urġenza, sabiex tiġi konkluża analiżi oġġettiva mingħajr ebda dewmien dwar liema bidliet, jekk dawn ikunu meħtieġa, għandhom jiġu kkunsidrati;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-proċeduri ta' spezzjoni tat-traffiku f'kull Stat Membru u tgħaddi rapport dwarhom lill-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'każ li jinstabu proċeduri ta' spezzjoni li jirristrinġu l-moviment ħieles ta' oġġetti jew ta' persuni, din tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti u tipproponi emendi, sabiex tiżgura proċeduri uniformi ta' spezzjoni tat-traffiku;
16. Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippreżentaw l-informazzjoni u r-rapporti ta' implimentazzjoni bbażati fuq din l-informazzjoni b'aktar ħeffa, sabiex kull korrezzjoni legali potenzjali neċessarja li toħroġ mill-analiżi ta' l-implimentazzjoni tkun tista' tiġi indirizzata mingħajr aktar dewmien;
17. Jikkunsidra li l-figuri għal darb'oħra jikkonfermaw il-fehma tiegħu li hemm ħtieġa urġenti għal aġġustamenti legali; huwa kunfidenti, għaldaqstant, fid-dawl tad-Direttiva 2006/22/KE¹, li daħlet fis-seħħ f'Mejju 2006 u r-Regolament (KE) Nru 561/2006,li daħal fis-seħħ f'April 2007, li r-regoli se jiġu nfurzati b'mod aktar strett u uniformi fil-ġejjieni;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.